Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Drittijiet fundamentali - Repubblika Ċeka


Qrati nazzjonali

Ġeneralment, f’każijiet ta’ diskriminazzjoni, il-qorti lokali tal-konvenut (jiġifieri l-persuna akkużata b’diskriminazzjoni) hija kompetenti fl-ewwel istanza. Ladarba jkunu ġew eżawriti l-appelli ordinarji kollha, jista’ jiġi mressaq lment kostituzzjonali individwali quddiem il-Qorti Kostituzzjonali (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.usoud.cz/).

Qorti Kostituzzjonali

Joštova 8, 660 83 Brno 2

Tel. (+420) 542162111
Faks: (+420) 542161309, (+420) 542161169

Posta elettronika: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidapodani@usoud.cz

L-entità ġudizzjarja għall-protezzjoni tal-kostituzzjonalità hija l-Qorti Kostituzzjonali, li l-istatus u l-kompetenzi tagħha huma mnaqqxa fil-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ċeka. Il-Qorti Kostituzzjonali hija barra mis-sistema tal-qrati ġenerali. Il-kompitu prinċipali tagħha huwa li tipproteġi l-kostituzzjonalità u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali stabbiliti fil-Kostituzzjoni, il-Karta tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali u liġijiet kostituzzjonali oħra tar-Repubblika Ċeka, kif ukoll li tiggarantixxi li l-poter tal-Istat ikun eżerċitat b’mod kostituzzjonali.

Skont l-Artikolu 87 tal-Kostituzzjoni, il-Qorti Kostituzzjonali tiddeċiedi, fost affarijiet oħra, dwar ilmenti kostituzzjonali minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi kontra deċiżjonijiet finali u infurzabbli u interventi oħra magħmula minn entitajiet pubbliċi li jolqtu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet iggarantiti mill-Kostituzzjoni. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali huma finali u ma jistgħux jiġu appellati.

Fuq is-sit web tagħha, il-Qorti Kostituzzjonali tippreżenta linji gwida dwar il-proċedura ta’ ilment kostituzzjonali, li jkun fihom tagħrif bażiku dwar il-proċedura (ara http://www.usoud.cz/pruvodce-rizenim-o-ustavni-stiznosti).

Istituzzjonijiet nazzjonali għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem

L-istituzzjoni nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem prinċipali li tittratta ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem huwa d-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet (ara hawn taħt).

Fil-livell tal-Gvern, il-kwistjoni tad-drittijiet tal-bniedem taqa’ fi ħdan il-kompetenza tal-Ministru għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-Opportunitajiet Indaqs u l-Leġiżlazzjoni; entitajiet oħra li jittrattaw din il-kwistjoni jinkludu l-Kunsill tal-Gvern għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Kunsill tal-Gvern għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, il-Kunsill tal-Gvern għall-Minoranzi Nazzjonali u l-Bord ta’ Tmexxija tal-Persuni b’Diżabilità bħala entitajiet konsultattivi tal-Gvern.

Difensur Pubbliku tad-Drittijiet

Difensur Pubbliku tad-Drittijiet Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.ochrance.cz/

Údolní 39
Brno, 602 00

Telefown: +420 542 542 111
Faks: +420 542 542 112

Posta elettronika: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidapodatelna@ochrance.cz

Id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet hija entità Statali awtonoma, indipendenti u imparzjali, li tinsab barra mill-amministrazzjoni pubblika u għalhekk mhijiex awtorità pubblika. Hija tipproteġi persuni kontra l-aġir tal-awtoritajiet pubbliċi u istituzzjonijiet oħra li jwettqu l-amministrazzjoni tal-Istat, fejn dan l-aġir huwa:

  • illegali;
  • legali, iżda b’xi mod ieħor difettuż jew mhux korrett, u għalhekk inkonsistenti mal-prinċipji tal-istat tad-dritt demokratiku u l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba;
  • meta dawn l-entitajiet huma inattivi.

Id-Difensur huwa awtorizzat jittratta lmenti kontra l-attivitajiet ta’:

  • ministeri u awtoritajiet amministrattivi oħra b’kompetenza għar-Repubblika Ċeka sħiħa, u l-awtoritajiet amministrattivi delegati tagħhom;
  • entitajiet awtogovernattivi territorjali (jiġifieri muniċipalitajiet u reġjuni), iżda biss meta jkunu qegħdin iwettqu atti ta’ amministrazzjoni tal-Istat, u mhux meta huma jeżerċitaw is-setgħat proprji tagħhom (awtonomi);
  • il-Bank Nazzjonali Ċek, fejn jaġixxi bħala awtorità amministrattiva;
  • il-Kunsill għax-Xandir tar-Radju u t-Televiżjoni;
  • il-Pulizija tar-Repubblika Ċeka, ħlief għal investigazzjonijiet dwar il-proċedimenti kriminali;
  • l-Armata tar-Repubblika Ċeka u l-Gwardja tal-Kastell;
  • is-Servizz tal-Ħabs tar-Repubblika Ċeka;
  • faċilitajiet fejn persuni huma suġġetti għal kustodja, priġunerija, edukazzjoni protettiva jew istituzzjonali u trattament protettiv;
  • kumpanniji tal-assigurazzjoni tas-saħħa;
  • entitajiet tal-qorti u l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku fl-eżerċizzju ta’ amministrazzjoni tal-Istat (speċjalment f’dak li jikkonċerna d-dewmien fil-proċedimenti, l-inattività tal-qrati u l-imġiba mhux xierqa ta’ mħallfin), iktar milli kontra d-deċiżjoni proprja ta’ qorti jew prosekutur.

Mill-2006 ’l hawn, id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet wettaq monitoraġġ ukoll tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ persuni li l-libertà tagħhom ġiet ristretta.

Id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet ma għandu l-ebda dritt jintervjeni fir-relazzjonijiet jew tilwim ta’ dritt privat (inkluż tilwim bejn l-impjegati u l-impjegaturi, anki meta l-impjegatur ikun awtorità statali), bl-unika eċċezzjoni tirrigwarda lmenti dwar imġiba diskriminatorja - f’dawn il-każijiet, id-Difensur jista’ jintervjeni wkoll fil-qasam ta’ dritt privat.

Id-Difensur jista’ iwettaq investigazzjonijiet indipendenti, iżda ma jistax jaġixxi minflok l-awtoritajiet ta’ amministrazzjoni tal-Istat u ma jistax jannulla jew ibiddel id-deċiżjonijiet tagħhom. Madankollu, jekk isib xi irregolarità, jista’ jitlob li l-awtoritajiet jew l-istituzzjonijiet jipprovdu rimedju.

Jekk awtorità ta’ amministrazzjoni statali pubblika jew faċilità fejn jinżammu persuni li l-libertà tagħhom tkun ġiet ristretta tonqos milli twettaq l-obbligu tagħha li tikkopera mad-Difensur jew, wara li tkun instabet irregolarità, tonqos milli tieħu miżuri korrettivi adegwati, id-Difensur jista’ jinforma lill-pubbliku dwar il-kwistjoni.

Id-divulgazzjoni hija sanzjoni disponibbli lid-Difensur skont il-liġi. F’każ bħal dan, id-Difensur jista’ ukoll jikkomunika lill-pubbliku l-ismijiet u l-kunjomijiet ta’ persuni speċifiċi li jaġixxu f’isem l-awtorità li tiżbalja.

Ilment lid-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet għandu jiġi mressaq mill-persuna li qed titlob il-protezzjoni tad-drittijiet tagħha, jew mir-rappreżentant legali tagħha. Jekk l-ilment qed jiġi mressaq f’isem persuna oħra, dan għandu jintwera permezz ta’ prokura bil-miktub jew b’dokument ieħor li jiddikjara l-limitu tal-awtorizzazzjoni.

Ilment għandu dejjem ikun fih:

  • L-isem, il-kunjom, l-indirizz u n-numru tat-telefown tal-ilmentatur; fil-każ ta’ persuna ġuridika, l-isem, l-uffiċċju rreġistrat u persuna awtorizzata biex taġixxi f’isimha;
  • deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti tal-kwistjoni, inkluża indikazzjoni dwar jekk saritx konsultazzjoni ta’ din il-kwistjoni lil entità oħra u b’liema riżultat;
  • indikazzjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet li tressaq l-ilment kontriha / kontrihom;
  • prova li l-ilmentatur talab mingħajr suċċess lill-awtorità li għalih jirreferi l-ilment sabiex tipprovdi rimedju.
  • Jekk tkun inħarġet deċiżjoni f’din il-kwistjoni, l-ilmentatur għandu jissottometti kopja tagħha,
  • u kopji ta’ dokumenti li jirrigwardaw is-suġġett u fihom informazzjoni importanti.

It-tul tal-investigazzjonijiet u s-soluzzjoni tal-ilmenti hija varjabbli u tiddependi dejjem fuq iċ-ċirkustanzi u l-komplessità tal-każ. Il-liġi ma tistabbilixxi l-ebda skadenzi għad-Difensur; id-Difensur għandu jipprova jindirizza l-ilmenti kollha, kemm jista’ jkun, fl-inqas żmien possibbli.

Ma hemm l-ebda rimedju (appell) kontra l-mod li bih ġie ttrattat ilment mid-Difensur jew l-eżitu tiegħu.

Ilment jista’ jitressaq:

Bil-miktub - preferibbilment fuq Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaforma ta’ ilment stampata li għandha tintbagħat lil: Veřejný ochránce práv, Údolní 39, 602 00 Brno. Huwa wkoll possibbli li tintbagħat ittra personali.

Bil-posta elettronika (anke mingħajr firma elettronika) mibgħuta lil podatelna@ochrance.cz b’deskrizzjoni tal-karatteristiċi essenzjali tal-kwistjoni jew, aħjar minn hekk, billi timtela Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaforma ta’ ilment u tintbagħat bil-posta elettronika.

Bil-kaxxa tad-dejta - l-ID tal-Uffiċċju tad-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet huwa jz5adky. Il-messaġġ tad-dejta jista’ ikun fih forma ta’ ilment li tkun ġiet mimlija jew ittra personali li jkun fiha informazzjoni importanti dwar il-problema.

Bl-użu ta’ Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaforma interattiva onlajn ta’ servizz tal-preżentata elettronika li jiggarantixxi li l-mili jkun fih id-dettalji neċessarji kollha.

Bil-konsenja personali lill-Uffiċċju għall-preżentata tal-Uffiċċju tad-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet (Údolní 39, Brno), kull ġurnata matul il-ġimgħa mit-8.00a.m. sal-4.00p.m. B’dan il-mod, huwa possibbli li jitressaq ilment bl-annessi mhux biss bil-miktub (fuq il-karta), iżda wkoll fuq support informatiku.

Ressaq preżentata personali f’rapport - matul il-ġimgħa mit-8.00a.m. sal-4.00p.m. huwa possibbli li wieħed imur personalment għand it-Tressiq ta’ Ilmenti fil-bini tal-Uffiċċju tad-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet, fejn l-ilment jiġi diskuss u mniżżel minn avukat tal-Uffiċċju.

Awtoritajiet speċjalizzati għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem

Difensur Pubbliku tad-Drittijiet u ilmenti mressqa minn tfal

Mhemm ebda Ombudsman għat-Tfal fir-Repubblika Ċeka; madankollu, id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet bħalissa jittratta lmenti ppreżentati minn tfal li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi tagħhom.

Difensur Pubbliku tad-Drittijiet Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://deti.ochrance.cz/

Údolní 39
Brno, 602 00

Telefown: +420 542 542 888
Faks: +420 542 542 112

Posta elettronika: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidadeti@ochrance.cz

It-tfal jistgħu javviċinaw lid-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet b’modi differenti, jiġifieri permezz ta’ ittra ordinarja bil-posta jew imwassla personalment f’Veřejná ochránkyně práv, Údolní 39, 602 00 Brno, jew Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabl-użu tal-forma interattiva mimlija b’mod konformi mal-istruzzjonijiet, bil-posta elettronika mibgħuta lil deti@ochrance.cz, jew personalment fl-indirizz tad-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet, fejn il-minorenni jista’ jiddiskuti u jirraporta il-problema lill-avukat tal-Uffiċċju tal-Ombudsman.

L-ilment għandu jindika b’mod ċar b’mod partikolari:

  • minn min jew minn xiex il-minorenni qed jilmenta dwaru (inkluż mill-inqas l-isem tal-awtorità jew istituzzjoni oħra jew persuna li l-minorenni trattat magħha);
  • l-isem, il-kunjom, id-data tat-twelid u r-residenza tal-minorenni;
  • id-deskrizzjoni tal-problema;
  • id-dettalji ta’ kuntatt, jiġifieri n-numru tat-telefown, l-indirizz elettroniku u l-indirizz postali.

Id-Difensur jista’ igħin lill-minorenni, pereż.:

  • fil-każ ta’ prattika ħażina minn assistent soċjali;
  • jekk il-proċedimenti tal-qorti jieħdu żmien twil;
  • jekk imħallef iġib ruħu b’mod mhux adegwat;
  • jekk il-minorenni jisfa’ vittma tal-ibbuljar fl-iskola;
  • jekk il-minorenni ma kienx ammess fi skola;
  • fil-każ ta’ reġim iktar strett, ibbuljar, eċċ. f’dar tat-tfal;
  • jekk il-ġenituri tal-minorenni ma rċevewx benefiċċji soċjali;
  • jekk il-pensjoni tan-nanniet tal-minorenni ġiet ikkalkulata ħażin mill-awtoritajiet;
  • jekk l-awtorità tal-bini tonqos milli tittratta l-kundizzjoni ħażina (tal-kostruzzjoni u teknika) ta’ bini, jew ġar qed jibni struttura mingħajr permess;
  • jekk l-awtoritajiet qed jonqsu milli jieħdu passi korrettivi rigward sit ta’ miżbla pprojbit;
  • jekk ilment dwar prodott li ma ħadimx ma ġiex trattat.

Min-naħa l-oħra, id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet ma jistax, pereżempju:

  • ibiddel id-deċiżjoni ta’ qorti;
  • jinterferixxi ma’ investigazzjoni tal-Pulizija tar-Repubblika Ċeka (il-prosekutur pubbliku li jissorvelja l-attivitajiet tal-pulizija għandu ċerti setgħat f’dan ir-rigward);
  • jintervjeni meta n-nies ikollhom tilwim (pereż. nuqqas ta’ qbil bejn il-ġirien dwar l-art, tilwim bejn il-ġenituri jew membri oħra tal-familja, eċċ.) – dawn il-kwistjonijiet iridu jiġu riferuti lil qorti;

Istituzzjonijiet li jipprovdu assistenza lill-vittmi tad-diskriminazzjoni

Difensur Pubbliku tad-Drittijiet

Údolní 39
Brno, 602 00

Telefown: +420 542 542 111
Faks: +420 542 542 112

Posta elettronika: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidapodatelna@ochrance.cz

Skont l-Att dwar id-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet, id-Difensur għandu jipprovdi lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni b’għajnuna metodoloġika:

  • id-Difensur għandu jivvaluta jekk l-aġir inkwistjoni jistax effettivament jikkostitwixxi diskriminazzjoni skont l-Att Kontra d-Diskriminazzjoni;
  • jagħti pariri lill-vittmi ta’ diskriminazzjoni fuq kif għandhom jipproċedu, lil min javviċinaw u kif jistgħu jressqu rikors biex jibdew proċedimenti kontra d-diskriminazzjoni.

Meta tintbagħat talba lid-Difensur biex jinvestiga diskriminazzjoni, ir-rikorrent għandu jidentifika b’mod preċiż kemm jista’ ikun l-allegata mġieba diskriminatorja u jsaħħaħ ir-rikors bi kwalunkwe prova jew bil-provi kollha li jistgħu jipprovaw id-diskriminazzjoni.

Uffiċċju għall-Protezzjoni tad-Dejta Personali

Uffiċċju għall-Protezzjoni tad-Dejta Personali Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.uoou.cz/

Pplk. Sochora 27
170 00 Prague 7

Telefown: +420 234 665 111
Faks: +420 234 665 444

Posta elettronika: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaposta@uoou.cz

L-Uffiċċju għall-Protezzjoni tad-Dejta Personali (OPPD) huwa entità indipendenti li:

  • jissorvelja l-konformità ma’ obbligi statutorji fl-ipproċessar ta’ dejta personali;
  • iżomm reġistru ta’ istanzi awtorizzati meta dejta personali tkun ġiet ipproċessata;
  • jirċievi l-ilmenti taċ-ċittadini rigward ksur tal-liġi;
  • jipprovdi konsultazzjoni dwar il-protezzjoni ta’ dejta personali.

L-attivitajiet tal-Uffiċċju huma ddefiniti mill-Att Nru 101/2000 dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Personali u li jemenda ċerti atti, kif emendat.

L-għan tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Personali huwa d-dritt taċ-ċittadin, kif garantit mill-Karta tad-Drittijiet u l-Libertajiet Fundamentali, għal protezzjoni kontra intrużjoni mhux awtorizzata fil-ħajja privata u personali tiegħu u l-ġbir, pubblikazzjoni mhux awtorizzat jew abbuż ieħor ta’ dejta personali.

Kull min jiskopri jew ikollu suspett raġonevoli li d-dejta personali tiegħu tkun qed tiġi pproċessata bi ksur tad-dritt tiegħu jew tagħha għall-protezzjoni personali u l-ħajja privata u bi ksur tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Personali – pereżempju, jekk id-dejta personali li qed tiġi pproċessata mhijiex korretta jew tmur lil hinn mill-iskop li għalih kienet intalbet – għandu d-dritt li jagħmel sottomissjoni lill-Uffiċċju.

Sottomissjoni li tiġbed l-attenzjoni għal suspett ta’ ksur tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Personali għandha tinkludi:

  • l-identifikazzjoni tal-persuna suspettata bi ksur tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Personali;
  • id-deskrizzjoni tal-attività li tinvolvi l-ipproċessar ta’ dejta personali li kiser l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Personali;
  • indikazzjoni tad-dejta personali (jew mill-inqas tal-kategoriji tagħha) ipproċessata bi ksur tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Personali;
  • dokumenti jew materjali oħra (jew kopji tagħhom) li jiddokumentaw ir-relazzjoni bejn in-notifikatur (l-ilmentatur) u l-persuna li pproċessat b’mod żbaljat id-dejta personali tiegħu jew tagħha;
  • dokumenti jew materjali oħra (jew kopji tagħhom) li minnhom jista’ jiġi stabbilit ksur tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Personali;
  • il-provvista ta’ kwalunkwe referenza għal riżorsi disponibbli li jistgħu jixhdu għall-fatti deskritti;
  • dettalji ta’ kuntatt tan-notifikatur (lmentatur).

Ilment jista’ ukoll jiġi mressaq b’mod anonimu lill-Uffiċċju jew mibgħut b’mezzi elettroniċi.

Il-persuna li tressaq ilment ma tkunx parti fil-proċedimenti fi proċedimenti amministrattivi potenzjali, iżda tista’ tinstema’ bħala xhud.

Awtoritajiet speċjalizzati oħra

Il-korp ewlieni li l-persuni fiżiċi jistgħu jirrikorru għandu f’każ ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem huwa d-Difensur Pubbliku tad-Drittijiet. Entitajiet oħrajn f’dan il-qasam jinkludu, pereżempju:

L-Amministrazzjoni tal-Faċilitajiet għar-Rifuġjati tal-Ministeru tal-Intern

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.suz.cz/

Lhotecká 7
143 01 Prague 12

Telefown: +420 974 827 118
Faks: +420 974 827 280

Posta elettronika: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidapodatelna@suz.cz

L-Amministrazzjoni tal-Faċilitajiet għar-Rifuġjati (AFR) huwa komponent ta’ organizzazzjoni tal-Istat, subordinat għal Viċi Ministru tal-Intern għall-Ordni Pubbliku u s-Sigurtà; din tikkoopera mal-organizzazzjonijiet governattivi u istituzzjonijiet internazzjonali, entitajiet tal-gvern lokali u organizzazzjonijiet mhux governattivi. Hija tamministra wkoll faċilitajiet ta’ detenzjoni għall-barranin; sa mill-2009 hija kienet qed topera netwerk ta’ ċentri għall-appoġġ tal-integrazzjoni tal-barranin f’kapitali reġjonali.
Ir-Repubblika Ċeka tuża l-AFR biex tipprovdi akkomodazzjoni u servizzi oħra lill-applikanti għall-ażil, ir-refuġjati u l-barranin skont l-Att Nru 326/1999 dwar is-soġġorn tal-barranin fit-territorju tar-Repubblika Ċeka, u l-Att Nru 325/1999 dwar l-ażil. L-objettiv tal-AFR huwa li toffri lil dawn il-persuni kundizzjonijiet xierqa u dinjitużi.

Kunsill Nazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità tar-Repubblika Ċeka.

Partyzánská 7
170 00 Prague 7 – Holešovice
Telefown: 266 753 421
Posta elettronika: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidanrzpcr@nrzp.cz

Mill-11 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill Nazzjonali ta’ Persuni b’Diżabilità ilha rreġistrata bħala assoċjazzjoni nazzjonali li tirrappreżenta l-interessi ta’ persuni b’diżabilità meta jkunu qed jittrattaw mal-Istat u l-istituzzjonijiet pubbliċi. Ir-rwol tal-Kunsill Nazzjonali huwa li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà u li jiddefendi b’mod konsistenti d-drittijiet tal-bniedem ta’ dawn il-persuni. Huwa l-korp ewlieni ta’ konsulenza lill-Bord ta’ Tmexxija għal Persuni b’Diżabilità.

Il-prijoritajiet tiegħu jinkludu wkoll:

  • il-koordinazzjoni ta’ organizzazzjonijiet għall-persuni b’diżabilità fi kwistjonijiet ta’ interess komuni;
  • l-għoti ta’ informazzjoni lill-pubbliku dwar is-suġġett tad-diżabilità;
  • il-monitoraġġ ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni kontra persuni b’diżabilità;
  • l-implimentazzjoni ta’ proġetti li jtejbu l-ħajja b’diżabilità;
  • l-ippjanar fir-rigward tal-ugwalizzazzjoni tal-opportunitajiet għal persuni b’diżabilitajiet fil-livell reġjonali;
  • l-operazzjoni ta’ netwerk nazzjonali ta’ ċentri ta’ konsulenza soċjali professjonali;
  • il-pubblikazzjoni ta’ pubblikazzjonijiet, ġurnali u materjal ta’ informazzjoni.

Oħrajn

Hemm għadd ta’ organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ fir-Repubblika Ċeka li jittrattaw kwistjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem u jgħinu lin-nies meta dawn id-drittijiet ma jiġux irrispettati.

Ċentru għall-Integrazzjoni tal-Barranin

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.cicpraha.org/

Pernerova 32/10, 186 00, Praha 8
Posta elettronika: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidainfo@cicpraha.org

Iċ-Ċentru għall-Integrazzjoni tal-Barranin (CIB) hija assoċjazzjoni ċivika stabbilita fl-2003 biex tgħin iċ-ċittadini barranin jintegraw fis-soċjetà Ċeka.

Dan jiffoka fuq il-forniment ta’ servizzi soċjali fil-komunità u ta’ sensibilizzazzjoni u programmi edukattivi għal barranin b’residenza permanenti jew fit-tul fit-territorju tar-Repubblika Ċeka. Is-CIB għandu fergħat fir-reġjuni Ċeki kollha, u l-fokus tiegħu huwa fuq Praga u l-Bohemia Ċentrali. L-organizzazzjoni għandha reġistrazzjoni tas-servizzi soċjali skont l-Att tas-Servizzi Soċjali u akkreditazzjoni skont l-Att dwar is-Servizzi Volontarji.

L-attivitajiet prinċipali tal-organizzazzjoni jinkludu:

  • il-provvista ta’ pariri soċjali lill-immigranti: ċittadini barranin li huma residenti permanenti u fit-tul u benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali / sussidjarja;
  • l-għoti ta’ pariri dwar l-impjiegi u l-iżvilupp ta’ programmi u attivitajiet għal immigranti mmirati biex huma jidħlu fis-suq tax-xogħol;
  • l-organizzazzjoni ta’ korsijiet faċli (miftuħa) fil-lingwa Ċeka u korsijiet speċjalizzati oħra fil-lingwa Ċeka għall-barranin, inkluż l-iżvilupp ta’ metodi ta’ tagħlim ġodda u progressivi;
  • l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet edukattivi oħrajn (l-edukazzjoni ta’ għalliema tal-lingwa Ċeka u ta’ lingwi barranin, it-tagħlim tal-lingwi barranin, taħriġ ulterjuri għall-ħaddiema pedagoġiċi, tutoring, korsijiet tal-kompjuter, eċċ.);
  • il-programm volontarju – mentoraġġ fil-forma ta’ kooperazzjoni individwali bejn il-klijent u l-voluntier, kif ukoll l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet soċjali u ta’ divertiment, laqgħat, diskussjonijiet tematiċi filgħaxijiet, eċċ.).
  • attivitajiet ta’ tagħrif - seminars, materjal ta’ informazzjoni

Il-programmi kollha għandhom l-għan li jippermettu lill-immigranti fir-Repubblika Ċeka li jkollhom ħajja dinjituża u indipendenti fir-Repubblika Ċeka filwaqt li jiżguraw li huma jirrispettaw u jkunu konxji mil-liġijiet lokali u standards purament interpersonali ta’ kondotta u imġieba, u li jippromwovu l-fehim, l-għajnuna u r-rispett għall-individwalità ta’ kull migrant min-naħa tas-soċjetà riċeventi.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 13/05/2019