Drittijiet fundamentali - Greċja
Korpi Speċjalizzati tad-Drittijiet tal-Bniedem
Il-Qrati nazzjonali
Ma hemm l-ebda qorti kompetenti speċjali fil-Greċja li trid titlob rimedju quddiemha f'każ ta' allegazzjoni ta' ksur ta' drittijiet fundamentali. Skont in-natura tal-att jew reat li joħloq dan il-ksur, ir-rimedju jista' jintalab quddiem il-qrati nazzjonali, ċivili, kriminali jew amministrattivi.
Ikunx inkiser dritt fundamentali jew le jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-liġi sustantiva nazzjonali. Il-proċedura li trid tiġi segwita quddiem il-qorti (ċivili, kriminali jew amministrattiva) kompetenti hija stipulata fid-dritt (ċivili, kriminali jew amministrattiv) proċedurali nazzjonali.
Il-proċedura rilevanti twassal għal sentenza, li jew tiċħad it-talba jew, jekk tkun finali, tiġi eżegwibbli direttament.
Il-Qrati Ċivili u l-Qrati Kriminali
Korpi speċjalizzati dwar id-drittijiet tal-bniedem
Il-Kumitat Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem
Neofitou Vamva 6
10674 Athens, Greece
Il-Kumitat Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (KNDB) twaqqaf reċentement skont il-Prinċipji ta' Pariġi bħala entità li tagħti l-pariri lill-gvern dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem. Huwa jinkludi membri maħtura minn tnejn u tletin korp (awtoritajiet indipendenti, fakultajiet universitarji tal-liġi u tax-xjenzi, trade unions, NGOs, partiti politiċi u ministeri).
L-għan tal-KNDB huwa li jipprovdi gwida kostanti għall-entitajiet governattivi kollha dwar il-bżonn li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem ta' kull min joqgħod fit-territorju Grieg.
Skont il-liġi li tistabbilixxi l-KNDB (Il-Liġi Nru 2667/1998 kif emendata u fis-seħħ bħalissa), il-KNDB huwa responsabbli għall-kompiti materjali li ġejjin:
(a) l-eżami tal-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li jitqajmu mill-gvern jew mill-Konferenza tal-Ispikers tal-Parlament jew proposti mill-membri tagħha jew l-NGOs;
(b) it-tressiq ta' rakkomandazzjonijiet u proposti, it-tħejjija ta' studji, u t-tressiq ta' rapporti u opinjonijiet għal azzjoni leġiżlattiva, amministrattiva jew azzjonijiet oħra li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem;
(c) l-iżvilupp ta' inizjattivi biex ikun hemm għarfien pubbliku u fil-mezzi tax-xandir dwar il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;
(d) it-teħid ta' inizjattivi biex jitrawwem ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fis-sistema edukattiva;
(e) iż-żamma ta' kooperazzjoni u kuntatt kostanti mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, entitajiet komparabbli f'pajjiżi oħra, u NGOs nazzjonali u internazzjonali;
(f) l-għoti ta' opinjonijiet dwar rapporti nazzjonali li jridu jintbagħtu lill-organizzazzjonijiet internazzjonali dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;
(g) il-pubbliċità ta' pożizzjonijiet fi ħdan il-KNDB b'kull mezz disponibbli;
(h) it-tħejjija ta' rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem;
(i) l-organizzazzjoni ta' Ċentru ta' Dokumentazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; u
(j) l-eżami tal-kompatibilità tal-liġi Griega u internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-għoti ta' opinjonijiet rilevanti lil entitajiet governattivi kompetenti.
Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (NGOs)
Hemm ħafna NGOs li jistgħu jiġu kkuntattjati għall-għajnuna f'każ ta' ksur ta' drittijiet fundamentali. L-Awtorità Kompetenti għall-NGOs hija l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
L-Ombudsperson
L-Ombudsperson huwa awtorità indipendenti mnaqqxa fil-Kostituzzjoni. L-istituzzjoni tal-Ombudsperson kienet stabbilita bil-Liġi Nru 2477/97 u ilha fis-seħħ mill-1 ta' Ottubru 1998. Il-qafas leġiżlattiv għat-tħaddim tiegħu huwa rregolat mil-Liġi Nru 3094/03. Is-servizzi tal-Ombudsperson huma bla ħlas
L-Ombudsperson jeżamina atti amministrattivi individwali jew każijiet ta' azzjoni jew ta' nuqqas ta' azzjoni minn entitajiet tas-servizz pubbliku bi ksur tad-drittijiet jew tal-interessi leġittimi ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi.
Kull ċittadin li jirrikorri għall-Ombudsperson l-ewwel irid ikun ikkuntattja lis-servizz pubbliku involut fil-każ. Huwa biss jekk dan il-kuntatt ikun naqas milli jsolvi l-problema li ċ-ċittadin ikun jista' jirrikorri għall-Ombudsperson.
Il-missjoni tal-Ombudsperson hija li jimmedja bejn iċ-ċittadini u s-servizzi pubbliċi sabiex iħares id-drittijiet ċivili, jiġġieled il-malamministrazzjoni u jiddefendi l-istat tad-dritt.
Bħala medjatur, l-Ombudsperson jagħti pariri u rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet amministrattivi pubbliċi. L-Ombudsperson ma jimponix sanzjonijiet u lanqas ma jannulla atti amministrattivi illegali.
Hadziyanni Mexi 5
11528 Athens, Greece
Korpi Speċjalizzati tad-Drittijiet tal-Bniedem
-
L-Ombudsperson għad-drittijiet tat-tfal
L-Ombudsperson (ara hawn fuq) jeżamina wkoll azzjonijiet jew każijiet ta' nuqqas ta' azzjoni minn awtoritajiet amministrattivi pubbliċi u minn individwi privati bi ksur tad-drittijiet tat-tfal.
Sabiex iħares id-drittijiet tat-tfal, l-Ombudsperson huwa responsabbli wkoll għall-atti ta' inividwi privati, persuni fiżiċi jew ġuridiċi bi ksur tad-drittijiet tat-tfal.
-
Korpi li jippromwovu l-prinċipju tal-ugwaljanza
I. Il-Liġi Nru 3304/2005 li tittrasponi d-Direttivi 2000/43/KE tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 u 2000/78/KE tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2000, tassenja r-responsabilità uffiċjali għall-promozzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza lill-Ombudsperson, lill-Korp tal-Ugwaljanza u lill-Korp tal-Ispezzjoni tax-Xogħol (SEPE), u jiddefinixxu l-kompiti tagħhom skont kull wieħed minnhom.
B’mod aktar speċifiku:
- L-Ombudsperson huwa responsabbli li jiddefendi l-prinċipju tal-ugwaljanza meta dan il-prinċipju jkun inkiser mill-awtoritajiet amministrattivi pubbliċi. It-terminu "awtoritajiet amministrattivi pubbliċi" jirreferi hawnhekk għall-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 3(1) tal-Liġi Nru 3094/2003 (Il-Gazzetta tal-Gvern, Sensiela 1, Nru 10), "Ombudperson u dispożizzjonijiet oħra".
- Il-Korp tal-Ugwaljanza huwa responsabbli għad-difiża tal-prinċipju tal-ugwaljanza meta dan il-prinċipju jinkiser minn persuni fiċiżiċi jew ġuridiċi ħlief dawk imsemmija fuq, bl-eċċezzjoni ta' kwistjonijiet relatati mal-impjiegi u x-xogħol.
- Fi kwisjonijiet relatati mal-impjiegi u x-xogħol, huwa l-Korp tal-Ispezzjoni tax-Xogħol (SEPE) li huwa responsabbli għad-difiża tal-prinċipju tal-ugwaljanza meta dan il-prinċipju jinkiser minn persuni fiċiżiċi jew ġuridiċi ħlief dawk imsemmija fil-paragrafu 1.
ΙΙ. Il-Liġi Nru 3896/2010 (Il-Gazzetta tal-Gvern, Sensiela I, Nru 207, 8.12.2010) dwar l-Implimentazzjoni tal-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs u t-trattament indaqs tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet tal-impjiegi u x-xogħol - Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni kurrenti mad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 u dispożizzjonijiet rilevanti oħra, tintroduċi sospensjoni assoluta fuq il-forom kollha ta' diskriminazzjoni sesswali diretta jew indiretta.
Il-fini tal-Liġi huwa li tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs u t-trattament indaqs tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol fir-rigward: a) tal-aċċess għall-impjiegi, inklużi promozzjonijiet u taħriġ vokazzjonali; (b) tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-paga; u (c) tal-iskemi ta' sigurtà soċjali okkupazzjonali, kif stipulat fid-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
L-Ombudsperson huwa responsabbli mill-monitoraġġ u l-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-prinċipju tal-opportunitajiet indaqs u tat-trattament indaqs tal-irġiel u n-nisa fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Liġi ta' hawn fuq (l-Artikolu 25 tal-Liġi Nru 3896/2010).
-
Il-Korp tal-Protezzjoni tad-Dejta
L-Entità tal-Protezzjoni tad-Dejta hija awtorità indipendenti stabbilita mil-Liġi Nru 2472/1997 li tittrasponi d-Direttiva 95/46/KE.
L-Entità tal-Protezzjoni tad-Dejta hija responsabbli għad-difiża u l-infurzar tad-dritt tal-privatezza fil-Greċja, kif stipulat fil-Liġijiet Nru 2472/1997 u 3471/2006.
L-għan ewlieni tal-Entità tal-Protezzjoni tad-Dejta huwa l-ħarsien taċ-ċittadini mill-ipproċessar illeċitu tad-dejta personali u li tgħinhom kull meta l-privatezza tagħhom tinkiser bi kwalunkwe mod.
L-Entità tal-Protezzjoni tad-Dejta għandha l-għan ukoll li tipprovdi appoġġ u gwida għall-proċessuri tad-dejta biex ma jmorrux kontra l-obbligi ġuridiċi tagħhom, fid-dawl tal-bżonnijiet moderni tas-servizz fil-Greċja u tal-penetrazzjoni ta' komunikazzjonijiet u netwerks diġitali ġodda.
Κifissias 1-3
11523 Athens, Greece
Eżamijiet amministrattivi
L-Entità tal-Protezzjoni tad-Dejta, li taġixxi ex officio jew wara lment, tagħmel eżamijiet amministrattivi tad-dejta maħżuna kemm fis-settur pubbliku u kemm f'dak privat. Dawn l-eżamijiet isiru minn uffiċjali mid-Dipartiment tal-Awdituri, li jkunu megħjuna f'każijiet ewlenin minn membri tal-Entità tal-Protezzjoni tad-Dejta. Il-kontrolluri, bħala investigaturi speċjali, għandhom aċċess għar-reġistri kollha u mhuma suġġetti għal ebda restrizzjoni ta' kunfidenzjalità.
L-eżamijiet jinvolvu il-kontroll ta' jekk l-entitajiet eżaminati jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-Liġijiet Nru 2472/97 u 3471/2006 (rigward in-notifika, l-informazzjoni, obbligi oħra kif applikabbli u l-evidenza). Wara dan ikun hemm eżami tas-sistema tal-IT, inklużi l-karatteristiċi bażiċi tas-sistema, in-natura tad-dejta u l-livell tas-sigurtà assigurati mill-miżuri ta' protezzjoni tad-dejta tekniċi u organizzattivi meħuda mill-proċessur tad-dejta, kif stipulat fl-Artikoli 6 u 10 tal-Liġi Nru 2472/1997. Il-konklużjonijiet tal-eżami jkunu ppreżentati f'rapport, li jintbagħat lill-Entità tal-Protezzjoni tad-Dejta.
L-Entità tal-Protezzjoni tad-Dejta twettaq ukoll reviżjoni indipendenti tat-taqsima nazzjonali tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, skont l-Artikolu 114(1) tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta' Schengen (il-Liġi Nru 2514/1997, il-Gazzetta tal-Gvern, Sensiela I, Nru 140); taġixxi bħala awtorità superviżorja nazzjonali kif stipulat fl-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni tal-EUROPOL (Liġi Nru 2605/1998, il-Gazzetta tal-Gvern I/88) u bħala awtorità superviżorja kif stipulat fl-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni dwar l-Użu tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni għal Finijiet Doganali (il-Liġi Nru 2706/1999, il-Gazzetta tal-Gvern I/77); u hija responsabbli għad-dmirijiet li jiġu minn kull ftehim internazzjonali.
Eżami tal-applikazzjonijiet, l-ilmenti u l-mistoqsijiet
L-Entità tal-Protezzjoni tad-Data teżamina l-ilmenti u l-mistoqsijiet relatati mal-infurzar u l-ħarsien ġuridiku tad-drittijiet tal-applikanti meta dawn jinkisru permezz tal-ipproċessar tad-dejta, u toħroġ id-Deċiżjonijiet rilevanti. Hija timponi wkoll sanzjonijiet amministrattivi dwar il-proċessuri tad-dejta jew ir-rappreżentanti tagħhom, jekk ikun hemm, għall-ksur ta' dmirijiethom li jiġu mil-Liġi Nru 2472/97 kif ukoll minn kull regolament ieħor dwar il-protezzjoni ta' individwi mill-ipproċessar ta' dejta personali. Finalment, l-Entità ta' Protezzjoni tad-Dejta tista' tirrapporta ksur ta' leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-dejta lill-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji kompetenti.
-
Korpi speċjalizzati oħrajn
EPANODOS hija organizzazzjoni bla skop ta' qligħ tas-servizz pubbliku rregolata mid-dritt privat, taħt is-sorveljanza tal-Ministeru tal-Ġustizzja, it-Trasparenza u d-Drittijiet tal-Bniedem.
L-għan ewlieni ta' EPANODOS huwa r-riabilitazzjoni soċjali ta' min kien ikkommetta reat, partikolarment permezz ta' taħriġ vokazzjonali, il-promozzjoni tal-ħiliet tax-xogħol, l-għoti ta' pariri u appoġġ psikoloġiku, u l-ħolqien ta' strutturi ta' appoġġ adegwati.
Derigny 28-30 & Tritis Septemvriou
Victoria Square, 10434 Athens, Greece
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-aħħar aġġornament: 03/07/2019