Drittijiet fundamentali - il-Kroazja
Entitajiet Speċjalizzati tad-Drittijiet tal-Bniedem
Protezzjoni ta’ dejta personali
Qrati nazzjonali
Il-qrati għandhom rwol speċjali fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. Dawn huma korpi statutorji li l-indipendenza tagħhom hija ggarantita mill-Kostituzzjoni. Hemm mekkaniżmu speċjali biex jiggarantixxi l-eżerċizzju tad-drittijiet u l-libertajiet kostituzzjonali: ilment kostituzzjonali, li jista’ jiġi ppreżentat minn ċittadini li jqisu li l-awtoritajiet nazzjonali, l-entitajiet lokali u reġjonali ta’ awtogovernanza u entitajiet tad-dritt pubbliku li jiddeċiedu dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom, jew fir-rigward ta’ suspett jew akkuża ta’ reat kriminali, kisru d-drittijiet tal-bniedem jew il-libertajiet fundamentali tagħhom, kif iggarantiti mill-Kostituzzjoni. Ilment jista’ jiġi ppreżentat biss wara li r-rimedji disponibbli l-oħrajn kollha jkunu ġew eżawriti.
Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika tal-Kroazja
Trg svetog Marka 4
10000 Zagreb
Telefown: +385 1 6400 251
Faks: +385 1 4551 055
https://www.usud.hr/
Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja
Trg Nikole Šubića Zrinskog 3
10 000 Zagreb
Telefown: +385 1 486 22 22, +385 1 481 00 36
Faks: +385 1 481 00 35
Posta elettronika: vsrh@vsrh.hr
http://www.vsrh.hr/
Qrati tal-Kontea (209 Kb)
(il-lista ta’ qrati tal-kontea)
Qrati muniċipali (296 Kb)
(il-lista ta’ qrati muniċipali)
Qorti Kummerċjali Għolja tar-Repubblika tal-Kroazja
Berislavićeva 11, 10 000 Zagreb
Telefown: +385 1 489 68 88
Faks: +385 1 487 23 29
http://www.vtsrh.hr/ />
Qrati kummerċjali (192 Kb)
(il-lista ta’ qrati kummerċjali)
Qorti Amministrattiva Għolja tar-Repubblika tal-Kroazja
Frankopanska 16, 10 000 Zagreb
Telefown: +385 1 480 78 00
Faks: +385 1 480 79 28
http://www.upravnisudrh.hr/
Il-lista ta’ qrati amministrattivi (180 Kb)
Qorti Għolja għal Reati Minuri tar-Repubblika tal-Kroazja
Ulica Augusta Šenoe 30, 10 000 Zagreb
Telefown: +385 1 480 75 10
Faks: +385 1 461 12 91
Posta elettronika: predsjednik@vpsrh.pravosudje.hr
http://sudovi.pravosudje.hr/VPSRH/
Qrati għal Reati Minuri (274 Kb)
(il-lista ta’ qrati għal reati minuri)
Ombudsman
Trg hrvatskih velikana 6
10 000 Zagreb
Ir-Repubblika tal-Kroazja
Telefown: +385 1 4851 855, +385 1 4851 853
Posta elettronika: info@ombudsman.hr
Faks: +385 1 6431 628
Skont l-Artikolu 93 tal-Kostituzzjoni Kroata, l-Ombudsman huwa r-rappreżentant tal-Parlament Kroat għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif inhuma definiti mill-Kostituzzjoni, il-liġijiet u l-istrumenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet iffirmati mir-Repubblika tal-Kroazja.
L-Ombudsman u d-deputati tiegħu jiġu eletti mill-Parlament Kroat għal perjodu ta’ tmien snin bl-għan li ċ-ċittadini jiġu protetti minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem mill-atti ta’ entitajiet tal-istat jew entitajiet legali li għandhom poteri pubbliċi. Hija l-entità ċentrali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u li twettaq il-kompiti tal-Mekkaniżmu Nazzjonali Preventiv kontra t-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti. Fit-twettiq ta’ dawn il-kompiti, l-Ombudsman huwa indipendenti u awtonomu.
Responsabbiltajiet:
Ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem
Iċ-ċittadini għandhom id-dritt li jagħmlu ilment lill-Ombudsman meta jqisu li d-drittijiet tagħhom ikunu ġew miksura mill-awtoritajiet pubbliċi. L-Ombudsman iwettaq eżami b’risposta għal ilment u bbażat fuq dokumenti riċevuti. L-entitajiet pubbliċi kollha, l-entitajiet li jkollhom setgħat ta' awtorità pubblika, u l-entitajiet lokali u reġjonali ta’ awtogovernanza — jiġifieri l-entitajiet legali pubbliċi kollha — huma obbligati li jipprovdi l-informazzjoni kollha mitluba. Ibbażati fuq il-fatti stabbiliti, l-Ombudsman jista’ jagħti opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet u notifiki lill-awtoritajiet jew entitajiet superjuri rilevanti u, jekk meħtieġ, jinnotifika lill-Parlament Kroat.
Barra minn hekk, l-Ombudsman għandu jivverifika l-konformità tar-regolamenti mal-Kostituzzjoni Kroata u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jista’ jistieden lill-Gvern Kroat biex jemenda jew jadotta regolamenti relatati mad-drittijiet tal-bniedem. Huwa jista’ ukoll jitlob lill-Parlament Kroat biex jarmonizza r-regolamenti mal-Kostituzzjoni u l-liġi. Huwa għandu d-dritt li jibda proċedimenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali tal-Kroazja sabiex teżamina l-konformità ta’ liġijiet u regolamenti oħra mal-Kostituzzjoni Kroata.
Promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem
Il-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tinkludi riċerka u analiżi, żvilupp u manutenzjoni ta’ bażijiet ta’ dejta u dokumentazzjoni, informazzjoni lill-pubbliku u lill-partijiet interessati b’mod tempestiv u regolari, il-ftuħ u l-kooperazzjoni attiva mas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-istituzzjonijiet tar-riċerka akkademika, u inizjattivi biex il-leġiżlazzjoni tiġi allinjata mal-istandards internazzjonali u Ewropej u biex tiġi applikata dik il-leġiżlazzjoni.
Entità ċentrali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni
L-Ombudsman jaċċetta l-ilmenti minn persuni fiżiċi u ġuridiċi, jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom kif ukoll il-possibbiltajiet ta’ protezzjoni ġudizzjarji u protezzjoni oħra, jeżamina talbiet individwali u jieħu azzjonijiet fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu biex jelimina d-diskriminazzjoni u jipproteġi d-drittijiet ta’ persuni diskriminati (ħlief fil-każ ta’ kawżi pendenti), iwettaq proċeduri ta’ medjazzjoni bil-possibbiltà ta’ ftehim bonarju bil-kunsens taż-żewġ partijiet, u jippreżenta rapporti kriminali relatati mad-diskriminazzjoni lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tal-Istat kompetenti.
Mekkaniżmu ta’ prevenzjoni nazzjonali
L-Ombudsman iwettaq kompiti li jaqgħu taħt il-Mekkaniżmu ta’ Prevenzjoni Nazzjonali għall-prevenzjoni tat-tortura u trattament jew kastig ieħor krudili, inuman jew degradanti kull fejn persuni jiġu mċaħħda mil-libertà tagħhom jew jinżammu f’kustodja, detenzjoni jew jiġu akkomodati f’bini taħt is-sorveljanza pubblika fejn ma jkunux jistgħu jħallu dan il-bini meta jridu huma.
Dan ifisser li rappreżentanti tal-Uffiċċju tal-Ombudsman li jaġixxi f’din il-kapaċità jżuru l-ħabsijiet, l-unitajiet ta’ detenzjoni, u diversi istituzzjonijiet li jakkomodaw persuni b’disturbi mentali, bħala miżura preventiva biex jiġu protetti l-persuni li huma mċaħħda mil-libertà tagħhom jew dawk li l-libertà tagħhom ġiet ristretta.
Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem (NHRI - National Human Rights Institution)
Mill-2009, l-Ombudsman kien l-uniku istituzzjoni nazzjonali għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem (NHRI) fir-Repubblika tal-Kroazja bi status ‘A’ skont il-Prinċipji ta’ Pariġi tan-NU li jiddefinixxi l-parametri ta’ indipendenza tal-istituzzjonijiet nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem.
Dan huwa l-ogħla livell ta’ indipendenza istituzzjonali, u reġa’ ingħata lill-Uffiċċju tal-Ombudsman f’Lulju 2013, wara li n-NU immonitorjaw l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom relatati maż-żamma u l-promozzjoni ta’ status indipendenti.
Entitajiet speċjalizzati dwar id-drittijiet tal-bniedem
Ombudsman għad-drittijiet tat-tfal
Teslina 10
10 000 Zagreb
Hrvatska
Posta elettronika: info@dijete.hr
Telefown: 01/4929 669
Faks: 01/4921 277
http://www.dijete.hr/
Ambitu tax-xogħol
L-Uffiċċju tal-Ombudsman għad-Drittijiet tat-Tfal jiċċekkja l-konformità ta’ liġijiet u regolamenti oħra fil-Kroazja dwar il-ħarsien tad-drittijiet u l-interessi tat-tfal mal-Kostituzzjoni Kroata, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u dokumenti internazzjonali oħra relatati mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-interessi tat-tfal. Huwa jimmonitorja d-drittijiet tat-tfal individwali u jistudja l-okkorrenza ġenerali u t-tipi ta’ ksur tad-drittijiet u l-interessi tat-tfal. Huwa jippromovi l-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-interessi ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali; jipproponi miżuri biex tinbena sistema komprensiva għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u biex jiġu preklużi atti li jagħmlu ħsara li jkunu ta’ preġudizzju għall-interessi tagħhom. Huwa jinforma u jagħti pariri lit-tfal li huma fil-proċess li jeżerċitaw u jipproteġu d-drittijiet u l-interessi tagħhom, jikkoopera ma’ tfal, u jħeġġiġhom biex jesprimu l-opinjonijiet tagħhom u jirrispettahom; jibda u jipparteċipa f’attivitajiet pubbliċi immirati lejn it-titjib tal-istatus ta’ tfal u jipproponi miżuri biex jiżdied l-impatt tagħhom fuq is-soċjetà. Huwa għandu jkollu aċċess u tagħrif dwar kwalunkwe dejta, tagħrif u att li jirrigwarda d-drittijiet u l-protezzjoni tat-tfal irrispettivament mill-grad ta’ kunfidenzjalità. Huwa awtorizzat li jidħol u jispezzjona kwalunkwe istituzzjoni, entità pubblika, persuna ġuridika u fiżika b’mandat statutorju biex tieħu ħsieb it-tfal, kif ukoll komunitajiet reliġjużi fejn it-tfal joqogħdu jew jiġu mogħtija akkomodazzjoni b’mod temporanju jew permanenti.
Jekk l-Uffiċċju tal-Ombudsman isib li minorenni jkun ġie espost għal vjolenza fiżika jew mentali, fastidju sesswali, abbuż jew sfruttament, negliġenza jew trattament negliġenti, irid minnufih jibgħat rapport lill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Istat kompetenti u jallerta ċ-ċentru tal-kura soċjali kompetenti filwaqt li jipproponi miżuri biex jitħarsu d-drittijiet u l-interessi tal-minorenni. Huwa jista’ jitlob għall-assistenza professjonali minn esperti u istituzzjonijiet professjonali li jirriċerkaw dwar il-protezzjoni, il-kura, l-iżvilupp u d-drittijiet tat-tfal, u għandu jirċievi assistenza bħal din fi żmien debitu.
Ombudsman għall-ugwaljanza bejn is-sessi
Preobraženska 4/1
10 000 Zagreb
Telefown: +385 1 48 48 100
Faks: +385 1 48 44 600
Posta elettronika: ravnopravnost@prs.hr
http://www.prs.hr/
Ambitu tax-xogħol
L-Uffiċċju tal-Ombudsman għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jittratta lmenti dwar diskriminazzjoni relatata mal-ġeneru, status konjugali jew tal-familja u l-orjentazzjoni sesswali; huwa jeżamina l-ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi, il-każijiet ta’ atti diskriminatorji kontra individwi jew gruppi ta’ individwi mwettqa minn awtoritajiet nazzjonali, unitajiet ta’ awtogovernanza lokali u reġjonali u entitajiet oħra b’awtorità pubblika, impjegati f’dawn l-entitajiet u persuni fiżiċi u ġuridiċi oħrajn.
Ix-xogħol tal-ombudsman jinkludi li jkun awtorizzat li jinnotifika, jipproponi u jagħmel rakkomandazzjonijiet.
Jekk l-Ombudsman isib li l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi ma tħarisx, huwa awtorizzat li jressaq talba għal reviżjoni kostituzzjonali tal-liġi jew għar-reviżjoni tal-kostituzzjonalità u l-legalità ta’ regolamenti oħra.
Ombudsman għal persuni b’diżabilità
Savska cesta 41/3
10 000 Zagreb
Telefown: +385 1 6102 170
Faks: +385 1 6177 901
Posta elettronika: ured@posi.hr
Ambitu tax-xogħol
L-Uffiċċju tal-Ombudsman għal persuni b’diżabilità hija istituzzjoni nazzjonali indipendenti li r-rwol ewlieni tagħha huwa li tissorvelja u tippromwovi d-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità abbażi tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja, it-trattati u l-liġijiet internazzjonali. F’każ ta’ ksur tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità, l-ombudsman huwa awtorizzat biex jallertja, jipproponi miżuri, jagħmel rakkomandazzjonijiet, jinforma u jitlob rapporti dwar x’azzjonijiet ikunu ttieħdu.
Jekk l-Ombudsman isib li soluzzjoni legali tippreġudika persuni b’diżabilità jew tfal b’diffikultajiet ta’ żvilupp, iċaħħadhom b’xi mod jew tpoġġihom f’qagħda inqas favorevoli fir-rigward ta’ persuni mingħajr diżabilità, l-ombudsman għandu jagħmel proposta sabiex it-tali soluzzjoni legali tiġi emendata.
L-Uffiċċju tal-Ombudsman jirċievi lmenti individwali ta’ persuni b’diżabilità u dawk li jaħdmu fl-interess tagħhom, iqis l-ilmenti dwar il-ksur tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabilità, u filwaqt li jżomm kuntatt mal-istituzzjonijiet responsabbli għas-soluzzjoni ta’ dawn il-kwistjonijiet jipprova jikseb l-iktar soluzzjoni favorevoli.
L-Ombudsman għall-persuni b’diżabilità jipprovdi konsulenza bħala assistenza għal persuni b’diżabilità fuq kif jistgħu jeżerċitaw u jipproteġu d-drittijiet u l-interessi tagħhom.
Protezzjoni tad-dejta personali
Aġenzija dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Personali
Martićeva 14
10 000 Zagreb
Telefown: +385 460 90 00
Faks: +385 1 4609 -099
Posta elettronika: azop@azop.hr
http://www.azop.hr/
L-Aġenzija dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Personali hija awtorità pubblika li twettaq l-attivitajiet tagħha b’mod indipendenti u awtonomu fi ħdan l-ambitu tal-kompiti u l-kompetenzi tagħha. L-Aġenzija hija responsabbli għat-twettiq tal-kompiti professjonali u amministrattivi relatati mal-protezzjoni tad-dejta personali. L-Aġenzija, fl-ambitu tagħha ta’ awtorità pubblika, tissorvelja l-protezzjoni tad-dejta personali, tindika l-perċezzjoni tal-abbuż fil-ġbir ta’ dejta personali, toħloq il-lista ta’ pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali bi protezzjoni tad-dejta regolata kif xieraq, tittratta t-talbiet biex teżamina l-ksur tad-drittijiet garantiti permezz tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Dejta Personali, u żżomm ir-Reġistru Ċentrali b’fajls li fihom dejta personali.
Għajnuna legali b’xejn
Billi adotta l-Att dwar l-Għajnuna Legali, il-Ministeru tal-Ġustizzja ħa f’idejh l-kompitu komprensiv u diffiċli li jistabbilixxi sistema ta’ għajnuna legali b’xejn.
Is-sistema ta’ għajnuna legali b’xejn tippermetti liċ-ċittadini bi ftit riżorsi biex iqabbdu avukati u jiksbu għajnuna legali għal azzjonijiet legali speċifiċi u aċċess ugwali għal proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi.
Il-qafas istituzzjonali tas-sistema tal-għajnuna legali b’xejn huwa magħmul minn uffiċċji tal-amministrazzjoni tal-istat li jipproċessaw it-talbiet taċ-ċittadini fl-ewwel istanza, filwaqt li d-Dipartiment għall-Għoti tal-Għajnuna Legali B’Xejn fil-Ministeru tal-Ġustizzja jiddeċiedi dwar l-appelli tat-tieni istanza, jiddeċiedi fl-ewwel istanza dwar id-dħul ta’ assoċjazzjonijiet fir-Reġistru ta’ assoċjazzjonijiet awtorizzati li jipprovdu għajnuna legali primarja, u jwettaq monitoraġġ amministrattiv u professjonali tal-fornitur ta’ servizzi tal-għajnuna legali primarja.
Dawn il-fornituri ta’ għajnuna legali li ġejjin huma inklużi fl-Att dwar l-Għajnuna Legali B’Xejn:
- avukati,
- assoċjazzjonijiet awtorizzati,
- trejdjunjins,
- uffiċċji ta’ konsultazzjoni legali u
- uffiċċji tal-amministrazzjoni tal-istat f’kontei.
L-għajnuna legali primarja hija pprovduta minn uffiċċji, assoċjazzjonijiet awtorizzati u uffiċċji ta’ konsultazzjoni legali.
Fl-għoti ta’ għajnuna legali primarja, l-uffiċċji huma awtorizzati li jipprovdu informazzjoni legali ġenerali, konsulenza legali, u li jfasslu petizzjonijiet.
L-għajnuna legali sussidjarja hija pprovduta minn avukati.
Skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Għajnuna Legali B’Xejn, il-persuni li jixtiequ jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal għajnuna legali b’xejn għandhom jippreżentaw il-formola standard mimlija għal talba għal għajnuna legali lill-uffiċċju statali tal-amministrazzjoni fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom. It-talba għandha tkun akkumpanjata bil-kunsens bil-miktub tar-rikorrenti u tal-membri adulti tal-familja tagħhom kollha biex jkun hemm għarfien tad-dejta kollha relatata mal-proprjetà u li qegħdin jaċċettaw kull responsabbiltà fiżika u legali għall-veraċità tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.
Il-formola tat-talba tista’ titniżżel mis-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja, jew tinkiseb mill-amministrazzjoni tal-istat tal-kontea, il-qrati muniċipali jew f’ċentri tal-kura soċjali matul il-ħinijiet tal-uffiċċju regolari tagħhom.
It-talbiet huma ħielsa minn tariffi amministrattivi u għandhom jiġu ppreżentati personalment jew bil-posta reġistrata.
L-għoti tal-għajnuna legali jimplika kopertura sħiħa jew parzjali ta’ spejjeż ta’ għajnuna legali skont l-istatus finanzjarju tar-rikorrent. Huwa maħsub li l-ispejjeż tal-proċedura jistgħu jiġu kondiviżi sa’ ċertu perċentwali skont iċ-ċirkostanzi materjali tal-benefiċjarju.
Meta l-għajnuna legali tingħata b’mod ristrett, id-differenza bejn l-ammont sħiħ ta’ remunerazzjoni u r-rimborż tal-ispejjeż lill-avukat tiġi kkompensata mill-benefiċjarju fis-sehem rimanenti skont il-valur tas-servizz definit permezz tat-Tariffi tal-Avukati u l-Kumpens tal-Ispejjeż.
Benefiċjarji
Il-benefiċjarji tal-għajnuna legali skont l-Att dwar l-Għajnuna Legali Bla Ħlas jinkludu:
- iċ-ċittadini Kroati;
- tfal, li mhumiex ċittadini Kroati, li jinstabu fir-Repubblika tal-Kroazja mhux akkumpanjati minn tuturi legali adulti;
- barranin li jirrisjedu b’mod temporanju abbażi ta’ reċiproċità u barranin residenti b’mod permanenti,
- barranin taħt protezzjoni temporanja;
- barranin residenti b’mod illegali u barranin fuq soġġorn qasir li għaddejjin minn proċedura ta’ tkeċċija u li jridu jitilqu mir-Repubblika tal-Kroazja;
- applikanti għall-ażil, persuni barranin, barranin li jibbenefikaw minn protezzjoni sussidjarja u l-membri tal-familja tagħhom li jirrisjedu legalment fir-Repubblika tal-Kroazja soġġetti għall-proċeduri fejn l-għajnuna legali mhijiex prevista minn ebda liġi speċjali.
Il-benefiċjarji jistgħu jsibu informazzjoni dwar l-għajnuna legali b’xejn fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Kroazja jew permezz tal-posta elettronika:
besplatna.pravna.pomoc@pravosudje.hr u jistennew tweġiba hekk kif ikun raġonevolment possibbli.
Il-benefiċjarji jistgħu wkoll jindirizzaw kull mistoqsija direttament lill-uffiċċji tal-amministrazzjoni tal-istat tal-kontea partikolari tagħhom.
Tilwim transfruntier
Tilwima transfruntiera hija waħda fejn il-parti li qed titlob l-għajnuna legali tkun domiċiljata jew abitwalment residenti fi Stat Membru tal-UE li mhuwiex l-Istat Membru fejn il-qorti għandha s-sede tagħha jew fejn id-deċiżjoni għandha tiġi eżegwita.
L-għajnuna legali f’tilwimiet transfruntiera tingħata fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, proċeduri ta’ konċiljazzjoni, soluzzjonijiet bonarji alternattivi, eżekuzzjoni ta’ dokumenti pubbliċi u konsulenza legali f’dawn il-proċedimenti, filwaqt li d-dispożizzjonijiet dwar it-tilwim transfruntier ma japplikawx għal proċedimenti dwar tassazzjoni, dwana u proċedimenti amministrattivi oħra.
Rikorrent li jkun domiċiljat jew residenti b’mod abitwali fir-Repubblika tal-Kroazja u jitlob għajnuna legali f’tilwima transfruntiera quddiem qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jressaq talba lill-uffiċċju tal-post ta’ residenza jew domiċilju tiegħu. L-Uffiċċju kompetenti għandu jressaq it-talba tiegħu lill-Ministeru tal-Ġustizzja fi żmien tmint ijiem minn meta ssir it-talba. Il-Ministeru tal-Ġustizzja għandu jittraduċi t-talba u d-dokumenti ta’ sostenn fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru u l-awtorità kompetenti riċeventi, u jgħaddihom fi żmien 15-il jum minn meta tiġi riċevuta mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih tinsab s-sede tal-qorti jew fejn id-deċiżjoni għandha tkun eżegwita (awtorità riċeventi). Jekk l-għajnuna legali ma tingħatax, min qiegħed jagħmel it-talba huwa meħtieġ li jkopri l-ispejjeż tat-traduzzjoni.
Ir-rikorrent jista’ wkoll jissottometti t-talba direttament lill-awtorità riċeventi fl-Istat Membru li fih hija kkostitwita l-qorti jew fejn id-deċiżjoni għandha tiġi eżegwita. Rikorrent li jkun domiċiljat jew abitwalment residenti fi Stat Membru ieħor u li jfittex għajnuna legali f’tilwima transfruntiera quddiem qorti fir-Repubblika tal-Kroazja huwa intitolat għall-għajnuna legali skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar l-Għajnuna Legali. Ir-rikorrent jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih ir-rikorrent huwa domiċiljat jew residenti b’mod abitwali (l-awtorità trasmittenti) għandu jagħmel / għandha tagħmel it-talba għal għajnuna legali fil-Kroazja lill-Ministeru tal-Ġustizzja (l-awtorità riċeventi). Il-formoli u d-dokumenti ta’ sostenn iridu jiġu tradotti fil-Kroat, inkella t-talba tiġi miċħuda.
It-talbiet għandhom jiġu magħmula fil-formola standard stabbilita bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/844/KE tad-9 ta’ Novembru 2004 li tistabbilixxi formola ta’ talba għal għajnuna legali skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/8/KE sabiex jiġi mtejjeb l-aċċess għall-ġustizzja f’tilwim transfruntier billi jiġu stabbiliti regoli komuni minimi relatati ma’ għajnuna legali għal tilwimiet bħal dawn.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-aħħar aġġornament: 15/03/2018