Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Informazzjoni ġenerali - Repubblika Ċeka

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna iċ-Ċek ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

LISTA TAL- KONTENUT

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Modi ġenerali ta' kif tfassal testment

It-testmenti jitfasslu bil-miktub ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali. It-testmenti ma hemmx għalfejn ikunu datati, ħlief f'żewġ każijiet: 1) jekk it-testatur ikun għamel bosta testmenti li jkunu kuntradittorji u li ma joqogħdux flimkien; 2) jekk l-effetti ġuridiċi ta' testment ikunu jiddependu mill-mument effettiv li tfasslu fih. Skont il-liġi Ċeka, testmenti unica charta ta' iktar minn persuna waħda mhumiex ammissibbli.

Skont il-liġi Ċeka, testment jista' jsir b'wieħed mill-modi li ġejjin:

a) testment miktub u ffirmat mit-testatur b'idu;

b) it-testatur jista' wkoll ifassal testment mhux b'idu jekk ikun iffirmat minnu stess u żewġ xhieda preżenti simultanjament jiddikjaraw lid-dokument ikun fih l-aħħar xewqat tiegħu. Ix-xhieda jiffirmaw id-dokument u jehmżu stqarrija li huma xhieda, flimkien ma' informazzjoni li tagħmilha possibbli li jiġu identifikati;

c) testatur għami jagħmel it-testment tiegħu quddiem tliet xhieda preżenti simultanjament f'dokument li jrid jinqara b'mod li jinstema' minn xhud li ma jkunx kiteb it-testment. Jekk it-testatur ikollu diżabbiltà sensorja oħra u ma jkunx jaf jikteb jew jaqra, il-kontenut tat-testment irid jiġi kkomunikat lilu b'mezz ta' komunikazzjoni li jifhmu kemm hu u kemm ix-xhieda;

d) it-testatur jista' wkoll ifassal testment fil-forma ta' att notarili.

Tfassil ta' testment f'każijiet speċjali

Ċerti regoli speċjali japplikaw meta testment isir f'kundizzjonijiet estremi, speċjalment f'ċirkostanzi ta' periklu għall-ħajja.

a) Jekk, minħabba ċirkostanzi mhux mistennija, ħajjet it-testatur tkun f'periklu ċar u imminenti jew jekk it-testatur ikun xi mkien fejn, minħabba emerġenza (gwerra, diżastru naturali, eċċ.) il-kuntatt soċjali jkun paralizzat sal-punt li ma jistax jagħmel testment ħlief b'dan il-mod, huwa jkun jista' jagħmel it-testment oralment quddiem tliet xhieda preżenti simultanjament. Testment orali jsir null u bla effett ladarba jgħaddu ġimagħtejn minn dakinhar li jkun sar, jekk it-testatur jibqa' ħaj.

b) Jekk ikun hemm tħassib iġġustifikat li t-testatur jista' jmut qabel ma jagħmel testment quddiem nutar, testment jista' jsir quddiem żewġ xhieda mis-sindku tal-muniċipalità fejn ikun it-testatur. Dan it-testment jibqa' validu għal tliet xhur mill-mument li t-testatur ikun jista' jagħmel testment quddiem nutar. Dan it-testment huwa magħruf bħala t-"testment dorf".

c) Testment jista' jsir abbord inġenju tal-ajru jew bastiment navali Ċek, meta jkun hemm bażijiet serji għal dan, fil-preżenza ta' żewġ xhieda mill-persuna inkarigata mill-inġenju tal-ajru jew bastiment jew ir-rappreżentant tagħha. Il-validità ta' dan it-testment huwa wkoll limitat għal tliet xhur.

d) It-testment ta' suldat li jkun involut f'kunflitt armat jista' jiġi rreġistrat mill-kmandant tal-unità jew uffiċjal ieħor fil-preżenza ta' żewġ xhieda. Bħal fil-każijiet preċedenti, dan it-testment jibqa' validu għal mhux aktar minn tliet xhur.

Kuntratt tas-suċċessjoni

Kuntratt tas-suċċessjoni, testatur li jkun tal-età u jkollu kapaċità ġuridika sħiħa jista' jinnomina werriet jew legatarju, li jista' jkun il-parti kontraenti l-oħra jew parti terza. It-testatur ma jistax iħassar kuntratt tas-suċċessjoni unilateralment.

Testatur ma jistax jiddisponi iktar minn tliet kwarti tal-patrimonju tiegħu b'kuntratt tas-suċċessjoni; kwart tal-patrimonju jrid jibqa' liberu, għalkemm it-testatur jista' jagħmel testment rigward dak il-kumplament tal-patrimonju.

Koppji miżżewġin jistgħu jinnominaw lil xulxin bħala werrieta f'kuntratt tas-suċċessjoni. Jista' jkun hemm qbil li d-drittijiet u d-dmirijiet f'kuntratt tas-suċċessjoni jiġu annullati f'każ ta' divorzju.

Kuntratt tas-suċċessjoni jista' jitfassal biss fil-forma ta' strument awtentiku, jiġifieri att notarili.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Ir-Reġistru Ċentrali tat-Testmenti kien stabbilit fl-2001. Mill-1 ta' Jannar 2014, wara r-rikodifikazzjoni tad-dritt privat fir-Repubblika Ċeka, ir-reġistru tat-testmenti ġie sostitwit b'Reġistru tal-Atti Ġuridiċi wara l-Mewt. Dan ir-reġistru huwa lista kompjuterizzata miżmuma, immexxija u amministrata mill-Kamra Notarili tar-Repubblika Ċeka. L-istrumenti fl-atti ġuridiċi ta' testatur li ġejjin, li jsiru f'każ ta' mewt, ikunu rreġistrati fir-Reġistru tal-Atti Ġuridiċi wara l-Mewt:

a) testment, addendum, jew kuntratt tas-suċċessjoni;

b) dikjarazzjoni ta' diżeredazzjoni u dikjarazzjoni li tiddikjara li l-werriet skont is-suċċessjoni ereditarja statutorja ma jkunx se jieħu l-pussess tal-patrimonju;

c) ordni għal arranġament ta' ta' saldu uniku nett fir-rigward ta' sehem mis-suċċessjoni, sakemm dan l-ordni ma jkunx fit-testment;

d) in-nomina ta' amministratur, sakemm ma jkunx nominat fit-testment;

e) ftehim dwar ir-rinunza ta' dritt ta' suċċessjoni;

f) il-kanċellazzjoni ta' atti ġuridiċi msemmija fis-subparagrafi a) sa e).

Jekk nutar ifassal wieħed mill-istrumenti ta' fuq fil-forma ta' att notarili jew jekk nutar ikun irċieva strument tali imma mhux fil-forma ta' att notarili biex jinżamm f'kustodja notarili, huwa jdaħħal informazzjoni dwar dak l-istrument u dwar dik il-persuna li tkun fasslitu fir-reġistru msemmi fuq permezz ta' trażmissjoni elettronika tad-dejta.

Strumenti dwar atti ġuridiċi tat-testatur f'każ ta' mewt li ma jkunux atti ġuridiċi jiġu rreġistrati biss jekk ikunu f'kustodja notarili.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Sehem riżervat – informazzjoni ġenerali

Il-werrieta obbligatorji ta' testatur huma l-qraba tiegħu f'ordni dekrexxenti. Werriet obbligatorju li (i) ma jkunx irrinunzja għal dritt ta' suċċessjoni jew dritt ta' sehem riżervat; (ii) ikun werriet eliġibbli; u (iii) ma kienx effettivament diżeredat huwa intitolat għal sehem riżervat jew għas-supplimentazzjoni tiegħu jekk ikun kompletament jew parzjalment tħalla barra mit-testatur fit-trasferiment causa mortis, jiġifieri ma jirċevix, fil-forma ta' sehem mis-suċċessjoni jew legat, wirt li, bħala valur, huwa daqs is-sehem riżervat tiegħu. Il-konjuġi superstiti u kull qarib fl-ordni axxendenti mhumiex werrieta obbligatorji. Qraba minuri fl-ordni dekrexxenti jridu jirċievu tal-inqas l-ekwivalenti ta' tliet kwarti tas-sehem statutorju tas-suċċessjoni; qraba adulti fl-ordni dekrexxenti jridu jirċievu tal-inqas kwart is-sehem statutorju tas-suċċessjoni. Jekk it-testment jikkontradixxi dan u jekk it-testatur ma jkunx iddiżereda werriet obbligatorju għar-raġunijiet definiti fil-liġi, werriet obbligatorju jkun intitolat għall-ħlas ta' somma flus li tkun daqs il-valur tas-sehem riżervat tiegħu. Jekk it-testatur ikun armel b'żewġt itfal, is-sehem tas-suċċessjoni ta' kull wieħed mit-tfal ikun ta' nofs. Jekk wieħed minnhom ikun taħt l-età, is-sehem riżervat tiegħu ikun ta' tliet ottavi; għal qarib adult fl-ordni dekrexxenti, is-sehem riżervat huwa ta' ottav.

Każijiet speċjali

Jekk werriet obbligatorju ikun (konxjament) tħalla barra minn testment mingħajr ma jkun ġie diżeredat, imma jkun għamel atti li jissodisfaw r-raġunijiet statutorji għad-diżeredazzjoni, dik l-omissjoni tiġi ttrattata bħala diżeredazzjoni effettwata taċitament u bi dritt, u f'din is-sitwazzjoni l-qarib fl-ordni dekrexxenti ma jkollux dritt għal sehem riżervat.

Jekk werriet obbligatorju jitħalla barra minn testment biss minħabba li t-testatur, fit-trasferiment causa mortis, ma kienx jaf bih (eż. it-testatur kien mingħalih li dan il-qarib fl-ordni dekrexxenti kien miet, jew ma kienx jaf li persuna partikolari kienet qariba tat-testatur f'ordni dekrexxenti), dak il-werriet obbligatorju jkun intitolat għas-sehem riżervat li jkollu dritt għalih skont il-liġi.

Possibilità ta' rinunzja għal dritt għal sehem riżervat

Werriet obbligatorju jista' jirrinunzja għad-dritt għal sehem riżervat bi ftehim formali mat-testatur imfassal fil-forma ta' att notarili. Dritt ta' suċċessjoni jista' jiġi rrinunzjat ukoll għall-benefiċċju ta' persuna oħra bl-istess mod. Ir-rinunzja għall-benefiċċju ta' dik il-persuna l-oħra tkun valida jekk isir werriet.

Ir-rinunzja u ċ-ċessjoni tas-suċċessjoni (suċċessjoni tista' tiġi ċeduta minn werriet li ma jkunx irrinunzja għaliha) għandhom jiġu dintinti mir-rinunzja ta' dritt għas-suċċessjoni jew ta' dritt għal sehem riżervat abbażi ta' ftehim magħmul mat-testatur (meta kien għadu ħaj) fil-forma ta' att notarili. Suċċessjoni ma tistax tiġi rinunzjata qabel il-mewt tat-testatur.

Restrizzjonijiet oħra

Testatur jista', f'testment, jispeċifika kundizzjonijiet, istruzzjonijiet taż-żmien, jew ordnijiet, jew jitlob li, wara mewt ta' werriet, is-suċċessjoni tgħaddi għand werriet ieħor (fedekommess). Madankollu, tali klawżoli ma jridx ikollhom l-għan manifest li jiffastidjaw lill-werriet jew legatarju b'mod viżibilment arbitrarju min-naħa tat-testatur u ma jridux ikunu palpabilment kontra l-ordni pubbliku.

Filwaqt li testatur ma jistax jordna li werriet jew legatarju jiżżewweġ, ma jiżżewwiġx jew jibqa' fi żwieġ, huwa jista' jistabbilixxi dritt għal xi ħadd li jdum għand dik il-persuna sakemm tiżżewweġ.

Jekk il-werrieta kollha (jew suċċessuri fil-linja tal-fedekommessi) ikunu l-kontemporanji tat-testatur, is-sekwenza li biha, skont it-trasferiment causa mortis tat-testatur, dawn il-werrieta jissuċċedu lil xulxin (b'ċerti kundizzjonijiet) mhijiex ristretta. Jekk, fil-mument tal-mewt tat-testatur, werriet ikun għadu mhux ħaj, is-sekwenza tal-werrieta definita mit-testatur tintemm ladarba l-ewwel wieħed minn dawn il-werrieta jassumi s-suċċessjoni.

Il-fedekommess jintemm mhux iktar tard mill-iskadenza ta' mitt sena mill-mewt tat-testatur. Madankollu, jekk werriet fil-linja tal-fedekommessi jkun assuma s-suċċessjoni wara mewt il-werriet li jkun il-kontemporanju tat-testatur, il-fedekommess jintemm biss wara li l-ewwel minn dawn il-werrieta fil-linja jassumi s-suċċessjoni.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Jekk il-persuna deċeduta ma tkunx għamlet testment, jirtu l-werrieta tagħha skont il-liġi f'sitt klassijiet tas-suċċessjoni. Il-persuni f'dawn il-klassijiet jiġu kkunsidrati bħala werrieta fi stadji, ibbażati fuq il-klassi tagħhom. Il-werrieta mill-klassijiet iktar baxxi jeskludu lill-werrieta mill-klassijiet ogħla, eż. jekk il-werrieta fl-ewwel klassi tas-suċċessjoni jirtu, il-werrieta fit-tieni klassi ma jirtu xejn. Huwa biss f'każ li l-werrieta tal-ewwel klassi tas-suċċessjoni ma jirtux li l-wirt jgħaddi għand il-werrieta tat-tieni klassi. L-ishma mis-suċċessjoni msemmija fil-liġi tapplika biss f'każ li l-werrieta ma jilħqux ftehim differenti quddiem qorti. Jekk il-persuna deċeduta ma tkunx fasslet dispożizzjoni ta' trasferiment causa mortis (testment, kuntratt tas-suċċessjoni jew addendum), jew jekk il-persuna deċeduta tippermetti dan (ma tkunx ipprojbietu) fid-dispożizzjoni tat-trasferiment causa mortis, il-werrieta jistgħu jaqsmu l-patrimonju kif jixtiequ bi qbil reċiproku quddiem il-qorti.

Klassijiet tas-suċċessjoni

Fl-ewwel klassi tas-suċċessjoni, it-tfal tal-persuna deċeduta u l-konjuġi jirtu daqs xulxin. Jekk il-persuna deċeduta u l-konjuġi tagħha kellhom assi matrimonjali komuni, il-qorti l-ewwel taqsam l-assi matrimonjali komuni biex porzjon minn dawn l-assi tmur għand il-konjuġi superstiti u parti (tipikament nofs) tkun inkluża fil-wirt. Assi li jmorru fil-wirt jintirtu mill-konjuġi u t-tfal tal-persuna deċeduta f'sehem indaqs. Sehem il-konjuġi ma jkunx jinkludi oġġetti mixtrija mill-konjuġi waqt id-diviżjoni tal-assi komuni. Fir-Repubblika Ċeka, il-Kodiċi Ċivili ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn tfal li jitwieldu fiż-żwieġ u tfal li jitwieldu barra ż-żwieġ, jew bejn tfal bijoloġiċi u tfal adottati.

Jekk xi ħadd mit-tfal tal-persuna deċeduta ma jiritx (eż. jekk jirrinunzja sehmu mill-wirt waqt li t-testatur ikun għadu ħaj, jekk jirrinunzja għas-suċċessjoni wara mewt it-testatur jew jekk imut qabel it-testatur), is-sehem mis-suċċessjoni li kienet tmur għand dak il-wild jintiret mit-tfal tiegħu f'sehem indaqs. L-istess regola tapplika għal qraba iktar imbiegħda fl-ordni dekrexxenti.

Jekk il-persuna deċeduta ma kinitx miżżewġa, imma kella t-tfal, il-patrimonju kollu tal-persuna deċeduta jintiret mit-tfal tagħha (jew il-qraba tagħhom f'ordni dekrexxenti – ara iktar 'il fuq). Madankollu, jekk il-persuna deċeduta kienet miżżewġa, imma ma kellhiex tfal, il-konjuġi tal-persuna deċeduta ma jiritx il-patrimonju kollu, imma jiret flimkien mal-werrieta tat-tieni klassi tas-suċċessjoni.

Fit-tieni klassi tas-suċċessjoni, il-werrieta huma l-konjuġi tal-persuna deċeduta, il-ġenituri tal-persuna deċeduta u min ikun għex f'koabitazzjoni mal-persuna deċeduta għal tal-inqas sena qabel mewtha, u għalhekk ikun ħa ħsieb l-abitazzjoni flimkien mal-persuna deċeduta, jew kien dipendenti mill-persuna deċeduta għall-manteniment tiegħu. Dawn kollha, ħlief il-konjuġi, jirtu f'sehem indaqs. Il-konjuġi tal-persuna deċeduta, madankollu, jiret tal-inqas nofs il-patrimonju. Għalhekk, jekk il-persuna deċeduta kienet miżżewġa u l-ġenituri tagħha għadhom it-tnejn ħajjin, il-konjuġi jiret nofs il-patrimonju u l-ġenituri jirtu kwart kull wieħed.

Il-konjuġi u kull ġenitur jistgħu, fit-tieni klassi tas-suċċessjoni, jirtu l-patrimonju kollu. Madankollu, jekk il-persuna deċeduta kienet tikkoabita, imma la kienet miżżewġa u lanqas ma kellha tfal, il-koabitant ma jiritx il-patrimonju kollu, imma jiret flimkien mal-werrieta l-oħrajn tat-tielet klassi tas-suċċessjoni.

Fit-tielet klassi tas-suċċessjoni, ħut il-persuna deċeduta u l-koabitant jirtu daqs xulxin. Jekk xi ħadd mill-aħwa ma jiritx, sehmu jintiret mit-tfal tiegħu, jiġifieri n-neputijiet tal-persuna deċeduta (għal darba oħra daqs xulxin). Kull wieħed minn dawn il-werrieta jista' jiret il-patrimonju kollu.

Jekk il-wirt ma jmurx għand ħut il-persuna deċeduta jew il-koabitant tagħha, fir-raba' klassi ta' suċċessjoni jkunu n-nanniet tal-persuna deċeduta li jirtu sehem indaqs.

Jekk ħadd min-nanniet tad-deċedut ma jiret, fil-ħames klassi tas-suċċessjoni l-wirt jgħaddi għand in-nanniet tal-ġenituri tal-persuna deċeduta (jiġifieri l-bużnanniet). In-nanniet ta' missier il-persuna deċeduta jirċievu nofs il-wirt, in-nanniet ta' omm il-persuna deċeduta jirċievu n-nofs l-ieħor. Iż-żewġ pari ta' nanniet jaqsmu n-nofs li jmisshom f'sehem indaqs.

Jekk membru ta' koppja ma jiritx, l-ottav rilaxxat imur għand il-membru l-ieħor. Jekk ħadd mill-koppja ma jiret, dak il-kwart imur għand il-koppja l-oħra mill-istess naħa. Jekk l-ebda koppja tal-istess naħa ma tiret, il-wirt ikun imiss lill-koppji tan-naħa l-oħra bl-istess proporzjon użat biex jaqsam in-nofs tal-wirt li jkun imiss lilhom direttament.

Fl-aħħar nett, fis-sitt klassi tas-suċċessjoni, jekk ħadd mill-werrieta msemmija hawn qabel ma jiret, il-wirt jgħaddi għand it-tfal tat-tfal ta' ħut il-persuna deċeduta (it-tfal tan-neputijiet) u t-tfal tan-nanniet tal-persuna deċeduta (iz-zijiet). Jekk xi ħadd miz-zijiet ma jiritx, sehmu jintiret mit-tfal tiegħu (il-kuġini tal-persuna deċeduta).

Jekk ħadd mill-werrieta ma jiret, l-assi jmissu lill-Istat, li jitqies bħala l-werriet.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Qorti distrettwali għandha l-ġuriżdizzjoni li tittratta l-proċedimenti tas-suċċessjoni kollha (inkluż ir-rifjut jew l-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni, legat, jew it-talba għal sehem riżervat). B'konformità ma' skeda tax-xogħol predefinita, il-qorti taħtar nutar biex imexxi l-proċedimenti tas-suċċessjoni. Dak in-nutar imbagħad jaġixxi u jieħu deċiżjonijiet fil-proċedimenti f'isem il-qorti. Il-liġi Ċeka ma tippermettix lill-partijiet fil-proċedimenti tas-suċċessjoni li jagħżlu n-nutar tagħhom.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Il-qrati Ċeki jisimgħu kawżi tas-suċċessjoni jekk il-persuna deċeduta, fil-mument ta' mewtha, kellha residenza abitwali fir-Repubblika Ċeka jew kellha proprjetà immobbli fir-Repubblika Ċeka.

Għalhekk, dik il-proprjetà immobbli tkun sottomessa għall-qrati Ċeki anke jekk il-persuna deċeduta ma kinitx residenti abitwali fir-Repubblika Ċeka.

F'każijiet oħrajn, il-qrati Ċeki jittrattaw il-proċedimenti tas-suċċessjoni jekk:

a) ikun hemm assi li tħallew fir-Repubblika Ċeka minn ċittadin Ċek li huwa residenti abitwali f'pajjiż ieħor u wieħed mill-werrieta li jkun residenti abitwali fir-Repubblika Ċeka jirrikorri quddiem il-qrati Ċeki biex jiftħu l-proċedimenti tas-suċċessjoni; jew

b) Stat ieħor (illi kieku l-awtorità tiegħu kien ikollha l-ġuriżdizzjoni biex tittratta l-proċedimenti tas-suċċessjoni) jirrifjuta li jittratta l-wirt jew ma jwieġeb xejn; jew

c) ma jkun hemm l-ebda relazzjoni reċiproka fi kwistjonijiet tas-suċċessjoni bejn l-Istat illi kieku l-awtorità tiegħu kien ikollha l-ġuriżdizzjoni biex tittratta l-proċedimenti tas-suċċessjoni u r-Repubblika Ċeka, jiġifieri jekk dak l-Istat ma jippreżentax il-wirt tat-testaturi residenti abitwali fir-Repubblika Ċeka li jinstemgħu fil-qrati Ċeki u li ma jagħtix effett ġuridiku lid-deċiżjonijiet meħuda mill-qrati Ċeki.

Ġuriżdizzjoni

Jekk l-istituzzjoni kompetenti tkun il-qorti Ċeka, il-ġuriżdizzjoni għas-smigħ tal-proċedimenti tas-suċċessjoni tkun tal-qorti distrettwali li l-post tar-residenza permanenti jew residenza oħra tal-persuna deċeduta, kif irreġistrat fis-sistema ta' informazzjoni rilevanti, ikunu fid-distrett tagħha. Jekk il-persuna deċeduta ma kellha l-ebda post tar-residenza rreġistrat, il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni tkun dik tad-distrett ta' fejn kienet effettivament tgħix il-persuna deċeduta (fejn kien jinsab l-indirizz residenzjali tagħha). Jekk lanqas dak il-post ma jkun jista' jiġi identifikat, il-qorti kompetenti tkun dik tad-distrett fejn kienet l-aħħar.

Jekk il-persuna deċeduta ma kinitx residenti r-Repubblika Ċeka, il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni tkun dik tad-distrett fejn il-persuna deċeduta kellha l-proprjetà immobbli. Jekk il-persuna deċeduta ma kellha l-ebda proprjetà immobbli fir-Repubblika Ċeka (u l-ġuriżdizzjoni ma tistax tiġi ddeterminata b'wieħed mill-metodi ta' fuq), il-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni tkun dik tad-distrett dejn mietet il-persuna deċeduta (fejn instab il-katavru).

Il-ftuħ tal-proċedimenti tas-suċċessjoni minn qorti Ċeka

Qorti tiftaħ il-proċedimenti tas-suċċessjoni ex officio malli ssir taf bil-mewt tal-persuna deċeduta. L-imwiet jiġu nnotifikati lill-qorti kompetenti mir-reġistru. Madankollu, il-qorti tista' ssir taf bil-mewt ta' persuna deċeduta b'mezzi oħrajn, eż. mill-pulizija, minn faċilità tal-kura tas-saħħa jew minn xi wieħed mill-werrieta.

Qorti tiftaħ il-proċedimenti tas-suċċessjoni jekk tintalab tagħmel dan minn xi ħadd li jeżerċita dritt għall-patrimonju bħala werriet. Jekk qorti tiskopri li ma jkollhiex ġuriżdizzjoni ġeografika, hija tirrinvija l-kawża tal-wirt lill-qorti kompetenti. Kawżi ta' wirt jistgħu jiġu rinvijati lil qorti oħra wkoll f'dawk is-sitwazzjonijiet meta jkun xieraq li jsir hekk, eż. minħabba li l-werrieta tal-persuna deċeduta tkun residenti fid-distrett ta' qorti oħra.

L-andament tal-proċedimenti

L-ewwel nett, fl-inkjesti preliminari l-qorti tiġbor l-informazzjoni dwar il-persuna deċeduta, l-assi u d-dejn tagħha, il-grupp ta' werrieta u jekk il-persuna deċeduta ħallietx testment jew dispożizzjonijiet oħrajn ta' trasferiment causa mortis. Il-qorti normalment iġġib din l-informazzjoni minn listi pubbliċi, mir-reġistru tal-atti ġuridiċi wara l-mewt, mir-reġistru tad-dokumenti dwar l-assi matrimonjali u billi tinterroga lill-persuna inkarigata mill-funeral tal-persuna deċeduta.

Meta jkun meħtieġ mil-liġi jew għal raġunijiet oħra, il-qorti tieħu azzjoni urġenti wkoll biex tippriserva l-patrimonju, jiġifieri b'mod partikolari billi tagħmel inventarju u tissiġilla l-patrimonju.

Ladarba jintemmu l-inkjesti preliminari, il-qorti tordna seduta u tgħarraf lill-werrieta potenzjali bid-dritt tas-suċċessjoni tagħhom u bid-dritt tagħhom li jitolbu li jitħejja inventarju tal-assi tal-patrimonju. Jekk wieħed mill-werrieta jitlob inventarju tal-assi fil-patrimonju, il-qorti tordna li jsir.

Jekk il-persuna deċeduta kellha assi matrimonjali komuni, il-qorti – wara komunikazzjoni mill-partijiet – tfassal lista ta' dawn l-assi u lista tal-obbligazzjonijiet komuni, u tiddetermina l-valur tal-assi. Assi disputati mill-partijiet jitwarrbu. Il-konjuġi superstiti mbagħad ikollu l-opportunità li jilħaq ftehim mal-werrieta dwar id-diviżjoni tal-assi matrimonjali komuni. Dak il-ftehim jistipula liema assi jmorru għall-patrimonju u liema jibqgħu għand il-konjuġi superstiti (il-prinċipju li l-ishma taż-żewġ konjuġi jkunu ndaqs ma hemmx għalfejn ikun rispettat). Huwa possibbli wkoll li jkun hemm ftehim li skontu l-assi komuni kollha jmorru għand il-konjuġi superstiti, bl-ebda wieħed minn dawk l-assi ma jkun jifforma parti mill-patrimonju.

Il-ftehim dwar id-diviżjoni tal-assi matrimonjali komuni bejn il-werrieta u l-konjuġi superstiti ma jridx imur kontra l-liġi jew l-istruzzjonijiet tal-persuna deċeduta stabbilita fid-dispożizzjoni ta' trasferiment causa mortis. Inkella l-qorti ma tapprovax il-ftehim.

Jekk il-qorti ma tapprovax il-ftehim dwar id-diviżjoni tal-assi matrimonjali komuni, jew jekk ma jkun hemm l-ebda ftehim ta' dak it-tip, il-qorti taqsam l-assi matrimonjali komuni hi stess billi ssegwi r-regoli li ġejjin:

a) l-ishma taż-żewġ konjuġi fl-assi li jridu jiġu diviżi jkunu l-istess;

b) kull konjuġi jirrimborża r-riżorsi mill-assi komuni minfuqa għall-proprjetà esklussiva tiegħu;

c) kull konjuġi għandu d-dritt li jitlob kumpens għar-riżorsi mill-proprjetà esklussiva tiegħu minfuqa f'assi komuni;

d) tqis il-bżonnijiet tat-tfal dipendenti;

e) tqis kif kull wieħed mill-miżżewġin ħa ħsieb il-familja, speċjalment kif ħa ħsieb it-tfal u d-dar matrimonjali;

f) tqis kif kull wieħed mill-miżżewġin ta sehmu għall-akkwiżizzjoni u l-manutenzjoni tal-assi komuni.

Wara d-diviżjoni tal-assi matrimonjali, il-qorti tfassal lista ta' assi u obbligazzjonijiet tal-patrimonju. Meta tagħmel hekk, il-qorti tiġbor l-informazzjoni primarjament mill-werrieta u, jekk ikun ordnat inventarju tal-patrimonju, minn dak l-inventarju. Kull assi jew obbligazzjoni kontenzjuża jitwarrbu.

Il-qorti tivvaluta l-valur tal-assi tal-patrimonju, bħala regola, skont id-dikjarazzjonijiet fejn il-werrieta qablu. Huwa rari ħafna li ssir perizja għal dawn il-valutazzjonijiet.

Jekk il-persuna deċeduta ma tkunx ħalliet dispożizzjoni ta' trasferiment causa mortis, il-werrieta jistgħu jaqblu dwar kif jaqsmu l-patrimonju kif jixtiequ huma. Il-qorti tikkonferma l-akkwiżizzjoni tal-wirt mill-werrieta skont dak il-ftehim. Fin-nuqqas ta' ftehim bħal dan, il-qorti tikkonferma l-wirt tagħhom skont il-proporzjonijiet derivati mill-liġi. Il-qorti taqsam il-patrimonju bejn il-werrieta hi stess jekk il-werrieta jitolbuha tagħmel hekk.

Jekk, fid-dispożizzjoni ta' trasferiment causa mortis, it-testatur jipprovdi istruzzjonijiet dwar kif jinqasam il-patrimonju, il-qorti tikkonferma l-akkwiżizzjoni tal-patrimonju mill-werrieta skont dawk l-istruzzjonijiet. Inkella, il-werrieta jistgħu jaqblu dwar kif jaqsmu l-patrimonju bejniethom. Madankollu, il-werrieta jistgħu jaqblu dwar livelli differenti ta' ishma mis-suċċessjoni biss meta din il-possibilità tkun konċessa espressament mit-testatur.

Jekk werriet obbligatorju jasserixxi d-dritt tiegħu għal sehem riżervat, il-werrieta l-oħrajn jistgħu jaqblu ma' dak il-werriet dwar il-ħlas tas-sehem riżervat (ħlas ta' indennizz). Inkella, irid jiġi ordnat inventarju tal-patrimonju biex jiġi kkalkulat is-sehem riżervat.

Qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar il-patrimonju, iridu jitressqu provi lill-qorti li l-legati dovuti ġew issodisfati u li l-legatarji ġew innotifikati bid-dritt tagħhom għal legat.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Mal-mewt ta' testatur, il-werrieta tiegħu għandhom dritt għas-suċċessjoni. Sakemm l-akkwiżizzjoni tal-assi mill-patrimonju ma tkunx posposta biex iżżomm ma' dispożizzjoni ta' trasferiment causa mortis tat-testatur, eż. minħabba kundizzjoni (werriet jikseb il-wirt malli jiggradwa mill-università) jew istruzzjonijiet dwar iż-żmien (mal-iskadenza ta' perjodu definit), il-werriet jew werrieta jirtu malli jmut it-testatur. Il-qorti tiddeċiedi min għandu jikseb il-wirt b'dan il-mod fuq il-bażi tar-riżultat tal-proċedimenti tas-suċċessjoni. Jekk it-testatur, fid-dispożizzjoni ta' trasferiment causa mortis tiegħu, jipposponi l-wirt (b'kundizzjoni jew istruzzjonijiet taż-żmien), wieħed jew iktar mill-werrieta prinċipali jirtu malli jmut it-testatur, filwaqt li wieħed jew iktar mill-werrieta sussegwenti jirtu malli jissodisfaw il-kundizzjoni (jew wara li jgħaddi ċertu perjodu). Il-qorti tiddeċiedi meta l-wirt jgħaddi mingħand il-werrieta prinċipali għal għand il-werrieta sussegwenti fi proċedimenti separati.

Deċiżjonijiet dwar wirt jinħarġu f'isem il-qorti minn nutar ikkummissjonat mill-qorti distrettwali kompetenti biex jeżegwixxi l-atti fil-proċedimenti tas-suċċessjoni. Fl-eżekuzzjoni tal-atti ta' kummissarju tal-ġustizzja fil-proċedimenti tas-suċċessjoni, nutar, skrivan ta' nutar u kandidat ikollhom il-privileġġi kollha ta' qorti bħala awtorità pubblika fit-tħaddim tal-ġustizzja.

Legatarju jikseb dritt għal legat mal-mewt tat-testatur u jrid ikun innotifikat b'dan id-dritt qabel tmiem il-proċedimenti tas-suċċessjoni. Il-legati dovuti jridu jiġu onorati qabel tmiem il-proċedimenti tas-suċċessjoni.

Rinunzja minn qabel għad-dritt tas-suċċessjoni, rinunzja għall-wirt, ċessjoni

Id-dritt tas-suċċessjoni jista' jiġi rinunzjat bil-quddiem bi ftehim formali mat-testatur fil-forma ta' att notarili.

Wara mewt it-testatur, werriet jista' jirrinunzja l-wirt b'dikjarazzjoni espliċita lill-qorti fi żmien xahar minn dakinhar li l-werriet ikun innotifikat b'dan id-dritt. Werriet b'residenza f'pajjiż ieħor ikollu tliet xhur minn dik in-notifika biex jirrinunzja għall-wirt. Dan it-terminu jista' jiġi estiż għal raġunijiet serji, imma jistax ikun estiż wara li t-terminu jiskadi (l-iskadenza ma tistax tiġi rrinunzjata). Wara din l-iskadenza, ikun aċċettant li l-werriet ma rrinunzjax għas-suċċessjoni.

Werriet obbligatorju jista' jirrinunzja għall-wirt filwaqt li jżomm l-għażla għal sehem riżervat, eż. jista' jirrinunzja l-wirt li jkun ġej mit-trasferiment causa mortis mingħajr ma jirrinunzja d-dritt għas-sehem riżervat. Sa ċertu punt, din hija eċċezzjoni għar-regola ġenerali li werriet ma jistax jassolvi ruħu minn obbligu impost mit-trasferiment causa mortis billi jirrinunzja għas-suċċessjoni li tiġi minn dik id-dispożizzjoni u, xorta waħda, fl-istess ħin, jasserixxi d-dritt tiegħu bħala werriet statutorju – huwa jista' jsir werriet permezz tat-trasferiment causa mortis jew jista' jirrinunzja tali suċċessjoni. Dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni ma tistax tiġi rtirata.

Is-suċċessjoni ma tistax tiġi rrinunzjata minn persuna li, bl-azzjonijiet tiegħu, jagħmilha ċara li ma għandu l-ebda intenzjoni li jirrinunzja, speċjalment jekk jiddisponi minn assi tal-patrimonju.

Is-suċċessjoni tista' tiġi ċeduta għall-benefiċċju ta' werriet ieħor. Werriet obbligatorju li jċedi s-suċċessjoni jitlef ukoll id-dritt għas-sehem riżervat; din id-deċiżjoni hija effettiva wkoll għall-qraba fl-ordni dekrexxenti. Iċ-ċessjoni tas-suċċessjoni għall-benefiċċju ta' werriet ieħor isseħħ jekk il-werriet l-ieħor jagħti l-kunsens tiegħu għal dan l-att. Werriet li jċedi suċċessjoni ma jkunx liberat, b'dak l-att, mill-obbligu li jikkonforma mal-ordnijiet, l-istruzzjonijiet relatati ma' legat jew miżuri oħrajn li, skont it-testment tat-testatur, jistgħu u għandhom jiġu ssodisfati biss personalment.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Il-werrieta jistgħu jagħżlu jeżerċitawx jew le d-dritt tagħhom li jitolbu inventarju tal-patrimonju. Il-werrieta li ma jitolbux l-inventarju tal-patrimonju jkunu kompletament responsabbli għad-dejn tal-persuna deċeduta. Jekk għadd ta' werrieta ma jeżerċitawx id-dritt għall-benefiċċju tal-inventarju, huma jkunu responsabbli in solidum. Werriet li ma jitlobx inventarju jkun responsabbli għad-djun kollha anke jekk il-qorti telenka lista ta' assi għal raġunijiet oħra (eż. għax werriet ieħor jeżerċita d-dritt għall-benefiċċju tal-inventarju).

Jekk werriet jitlob inventarju, il-qorti tħejji inventarju tal-patrimonju. Werriet li jitlob inventarju jkun responsabbli għad-djun tal-persuna deċeduta biss sal-valur tal-wirt li jirċievi. Jekk għadd ta' werrieta jeżerċitaw dan id-dritt, huma jkunu responsabbli in solidum, imma kull wieħed minnhom ikun responsabbli biss sal-valur tal-wirt li jirċievi.

F'xi każijiet, il-qorti tordna inventarju tal-patrimonju anke jekk l-ebda werriet ma jkun talab għalih, primarjament għall-protezzjon ta' werrieta taħt l-età, werrieta li r-residenza tagħhom mhix magħrufa, u l-kredituri tat-testatur.

F'ċerti każijiet, il-qorti tista' tiddeċiedi li l-inventarju tal-patrimonju jinbidel b'lista ta' assi tal-patrimonju mfassla mill-amministratur, jew b'dikjarazzjoni konġunta dar l-assi tal-patrimonju mħejjija u ffirmata mill-werrieta kollha.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Ir-reġistrazzjoni tad-drittijiet fir-reġistru tal-proprjetà hija rregolata mill-Att Nru 256/2013 dwar ir-reġistru tal-proprjetà (l-Att Kadastrali).

Dawn li ġejjin huma rreġistrati fir-reġistru tal-proprjetà:

  • artijiet fil-forma ta' roqgħat;
  • binjiet li jkollhom assenjat numru tal-bini jew numru ta' referenza tar-reġistru tal-artijiet, sakemm ma jkunux parti minn art jew dritt ta' bini;
  • binjiet li ma jkollhomx assenjat numru tal-bini jew numru ta' referenza tar-reġistru tal-artijiet, sakemm ma jkunux parti minn art jew dritt ta' bini, sakemm ikunu struttura prinċipali fuq l-art u ma jkunux ikklassifikati bħala "strutturi żgħar";
  • unitajiet definiti skont il-Kodiċi Ċivili;
  • unitajiet definiti skont l-Att Nru 72/1994 li jirregola ċerti relazzjonijiet ta' koproprjetà marbuta ma' binjiet u ċerti relazzjonijiet ta' sjieda marbuta ma' flettijiet u stabbilimenti nonresidenzjali u li jemendaw ċerti liġijiet (l-Att dwar is-Sjieda tad-Djar), kif emendat;
  • dritt ta' bini;
  • infrastruttura tal-ilma.

Drittijiet in rem miksuba permezz ta' wirt jiddaħħlu fir-reġistru tal-proprjetà wara deċiżjoni jew strument awtentiku ta' suċċessjoni maħruġ fi Stat Membru u b'ċertifikat maħruġ minn qorti jew awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini jew Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ("strumenti").

Ir-reġistru tal-artijiet fejn tinsab il-proprjetà immobbli hija kompetenti lokalment biex twettaq il-proċedura tar-reġistrazzjoni.

Il-proprjetà immobbli trid tkun indikata fl-istrumenti għar-reġistrazzjoni tad-drittijiet fir-reġistru tal-proprjetà (id-deċiżjoni tal-wirt, l-istrument awtentiku, u/jew iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni) b'konformità mal-Artikolu 8 tal-Att Nru 258/2013:

  • L-art tkun identifikata b'numru tar-roqgħa u indikazzjoni ta' jekk hix plott bini, u bl-isem tal-komunità kadastrali ta' fejn tinstab.
  • Art suġġetta għal reġistrazzjoni semplifikata tkun identifikata min-numru tar-roqgħa skont ir-reġistru tal-artijiet l-antik, dikjarazzjoni ta' jekk dan hux numru tar-roqgħa assenjat skont ir-reġistru tal-artijiet, il-pjan ta' allokazzjoni, il-pjan ta' unifikazzjoni jew ir-reġistru tal-proprjetà, u bl-isem tal-komunità kadastrati fejn tinsab.
  • Bini li ma jkunx ikklassifikat bħala parti minn art jew dritt ta' bini jkun identifikat min-numru tar-roqgħa tal-art li nbena fuqu, in-numru tad-dar jew in-numru ta' referenza tar-reġistru tal-artijiet (jekk ma jkunx ġielu assenjat numru, jiġi indikat il-metodu tal-użu tal-bini), u bl-isem tad-distrett fejn jinsab.
  • Unità tiġi identifikata mid-deżinjazzjoni tal-bini fejn tkun demarkata jew id-deżinjazzjoni tal-art jew dritt għall-bini, jekk il-bini fejn ikun demarkat ikun ikklassifikat bħala parti minn din l-art, min-numru tal-unità u l-isem tal-unità, u fejn xieraq mill-indikazzjoni li hija unità mhux lesta.
  • Dritt ta' bini jkun identifikat bin-numru tar-roqgħa u indikazzjoni ta' jekk hux plott bini, u bl-isem tal-komunità kadastrali ta' fejn ġie stabbilit.
  • Infrastruttura tal-ilma tkun identifikata bin-numru tar-roqgħa, indikazzjoni ta' jekk hix plott bini, bl-isem tal-komunità kadastrali u bil-metodu użat.

Strumenti mibgħuta għar-reġistrazzjoni tad-drittijiet fir-reġistru tal-proprjetà jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' strument maħsub għall-finijiet tar-reġistru tal-proprjetà; il-kontenut tagħhom irid jiġġustifika r-reġistrazzjoni tad-dritt proposta, u r-reġistrazzjoni tad-dritt proposta trid turi kontinwità mal-entratati preċedenti fir-reġistru tal-proprjetà.

L-istrumenti jridu jindikaw il-werrieta jew benefiċjarji oħrajn bl-isem, l-indirizz residenzjali, in-numru tal-identità personali jew id-data tat-twelid (jew, jekk persuna ġuridika, bl-isem, l-uffiċċju rreġistrat u n-numru ta’ reġistrazzjoni, jekk ikun assenjat). L-istrument irid jindika l-ishma li kull werriet qed jikseb id-drittijiet tiegħu għall-proprjetà immobbli bihom, u fejn xieraq liema drittijiet in rem qed ikunu stabbiliti, u l-benefiċjarji korrispondenti u l-partijiet responsabbli. Fil-proċedimenti tas-suċċessjoni, minbarra d-dritt tas-sjieda, jista' jiġi stabbilit ukoll dritt ta' bini, servitù, rahan, rahan futur, sottorahan, dritt tal-ewwel rifjut, imgħax fuq il-ħajja futura, koproprjetà aċċessorja, fond fiduċjarju, u projbizzjoni ta' trasferiment jew gravami.

Meta d-dritt li jrid jiddaħħal fir-reġistru tal-proprjetà fuq il-bażi ta' strument partikolari jkun jikkonċerna parti biss mir-roqgħa art, l-istrument irid ikun akkumpanjat minn skeċċ mistħarreġ li jiddefinixxi l-parti tal-art ikkonċernata. L-iskeċċ mistħarreġ jiġi ttrattat bħala parti mill-istrument.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Testatur jista' jinnomina amministratur u/jew eżekutur fit-trasferiment causa mortis tiegħu.

Il-qorti tinnomina amministratur biex iwettaq l-aħħar xewqat wara proposta minn werriet li ma jkunx jixtieq iqatta' ħinu jwettaq l-aħħar xewqat. Dik il-proposta jrid ikun fiha l-partikularitajiet ta' sottomissjoni, jiġifieri trid tindika biċ-ċar il-qorti li hija indirizzata lilha, min qed jagħmilha, xi kwistjoni tikkonċerna u x'qed tfittex, u trid tkun iffirmata u datata.

Qorti tista' tinnomina wkoll amministratur ex officio jekk:

a) ma jkun ġie nnominat l-ebda eżekutur, jew l-eżekutur jirrifjuta li jamministra l-patrimonju jew ikun ovvjament mhux kapaċi jamministra l-patrimonju, u jekk il-werrieta ma jkunux kapaċi jamministraw il-patrimonju sew;

b) huwa neċessarju li titfassal lista ta' assi li jappartjenu għall-patrimonju; jew

c) ikun hemm raġunijiet serji oħrajn biex dan isir; jew

d) l-amministratur ta' qabel ikun miet, tneħħa, irreżenja jew kellu l-kapaċità ġuridika tiegħu ristretta u jkun għad hemm il-bżonn li dawn id-dmirijiet jitwettqu.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

L-eżekutur (jekk innominat mit-testatur) huwa responsabbli għat-twettiq tal-aħħar xewqat tat-testatur. Jekk ma jiġix innominat amministratur, l-eżekutur ikun responsabbli għall-amministrazzjoni tal-patrimonju.

Jekk jiġu nnominati kemm eżekutur u kemm amministratur, l-amministratur jamministra l-patrimonju skont l-istruzzjonijiet tal-eżekutur.

Jekk jiġi nnominat amministratur imma ma jiġi nnominat eżekutur, l-amministratur jamministra l-patrimonju. Jekk propost minn werriet, il-qorti tordna wkoll lill-amministratur jara li jitwettqu l-aħħar x-xewqat tal-testatur.

Jekk la jiġi nnominat amministratur u lanqas eżekutur, il-werrieta kollha jkunu responsabbli għall-amministrazzjoni konġunta tal-patrimonju. Il-werrieta jistgħu jaqblu wkoll li l-patrimonju jkun amministrat minn wieħed minnhom biss.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

L-amministratur huwa responsabbli purament għall-amministrazzjoni tal-patrimonju. Dan ifisser li jagħmel biss dak li hemm bżonn biex iżomm l-assi. Waqt li jagħmel dan jista' jeżerċita d-drittijiet kollha relatati mal-assi li jkunu qed jiġu amministrati. L-amministratur jista' jittrasferixxi oġġetti mill-patrimonju jew jużahom bħala kollateral jekk ikun meħtieġ f'isem il-preservazzjoni tal-valur jew is-sustanza tal-assi li jkunu qed jiġu amministrati, jew għall-kunsiderazzjoni. Huwa jista', bl-istess kundizzjonijiet, jibdel il-fini tal-assi li jkunu qed jiġu amministrati.

L-amministratur tal-wirt jew l-eżekutur jista' jieħu kull azzjoni li tmur lil hinn mill-ambitu ta' ġestjoni sempliċi jekk il-werrieta jagħtu l-kunsens tagħhom. Jekk il-werrieta jonqsu milli jilħqu ftehim, jew jekk werriet ikun ikklassifikat bħala persuna bi protezzjoni speċjali, ikun hemm bżonn tal-approvazzjoni tal-qorti.

L-eżekutur huwa responsabbli li jwettaw l-aħħar xewqat tat-testatur bid-diliġenza dovuta. Huwa intitolat jeżerċita d-drittijiet kollha neċessarji għall-prestazzjoni tal-kompiti tiegħu, inkluż id-dritt li jiddefendi l-validità tat-testment fil-qorti u li jinvoka l-inkompetenza ta' werriet jew legatarju, u li jiżgura li l-istruzzjonijiet kollha tat-testatur ikunu eżegwiti. Fit-testment, it-testatur jista' jistabbilixxi dmirijiet addizzjonali għall-eżekutur.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Proċedimenti tas-suċċessjoni jintemmu bil-ħruġ ta' ordni tas-suċċessjoni li tiddikjara espressament id-drittijiet u l-obbligi relatati mal-patrimonju. Il-partijiet għandhom id-dritt li jappellaw minn dan l-ordni fi żmien ħmistax-il jum minn dakinhar li jiġu nnotifikati biha. Id-deċiżjoni ssir finali jekk ma jiġi ppreżentat l-ebda appell f'dak it-terminu. L-ordni finali jservi ta' prova tad-drittijiet u l-obbligi ta' ġo fih. L-ordni għandu l-istatus ta' strument awtentiku.

Qabel tmiem il-proċedimenti, il-qorti tista' toħroġ il-konferma uffiċjali tal-fatti magħrufa mill-atti tal-kawża. Il-konferma hija strument awtentiku wkoll.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 11/12/2018