Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Informazzjoni ġenerali - Ġermanja

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.

LISTA TAL- KONTENUT

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Testment jista' jsir b'waħda minn żewġ forom: bħala testment miktub bl-idejn jew bħala testment pubbliku.

Testment miktub bl-idejn jista' jsir biss minn persuni li jkollhom 18-il sena jew aktar, u jrid ikun miktub bl-idejn mill-bidu sal-aħħar u jkun iffirmat ukoll. Jekk it-testment ikun ġie ttajpjat b'tajprajter jew kompjuter, jekk il-firma tkun nieqsa jew ikun dettat (eż fuq tejp), it-testment ikun invalidu u, minħabba f'hekk, ikunu biss il-werrieta legali li jkunu jistgħu jirtu mill-patrimonju sakemm ma jkunx jeżisti testment validu ieħor b'ħatra ta' werriet alternattiva. Għal raġunijiet ta' evidenza, huwa importanti ħafna wkoll li t-testatur jiffirma b'ismu sħiħ (jiġifieri l-isem u l-kunjom) biex ma jkun jista' jkun hemm l-ebda konfużjoni dwar min ikun għamel it-testment. Fl-aħħar nett, huwa rakkomandat bil-qawwi li t-testment ikun jinkludi d-data u l-post biex juru meta u fejn ġie prodott dan l-att uffiċjali bil-miktub. Dan hu importanti għax testment antik jista' jiġi revokat kollu kemm hu jew parti minnu b'testment ġdid. Jekk id-data tkun nieqsa minn testment minnhom jew mit-tnejn li huma, spiss ikun impossibbli li tgħid liem wieħed minnhom huwa l-iktar reċenti u li jrid jitqies bħala validu.

Koppji miżżewġin u sħab irreġistrati jistgħu jagħmlu wkoll testment unica charta miktub bl-idejn. F'dan il-każ, testment miktub bl-idejn li jkun ġie prodott minn wieħed mill-miżżewġin jew sħab jew mit-tnejn li huma jrid jiġi ffirmat mit-tnejn li huma flimkien (għal aktar dettalji, ara "Was ist ein gemeinschaftliches Testament?" ["X'inhu testment unica charta?"] fil-paġna 24 tal-ktejjeb bl-isem "Erben und Vererben" ["Tiret u tħalli fil-wirt"] mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u l-Ħarsien tal-Konsumatur (Bundesministerium der Justiz und für Verbraucherschutz).

Jekk trid tevita r-riskju li tagħmel żbalji meta tabbozza t-testment tiegħek, għandek tagħmel testment pubbliku (magħruf ukoll bħala "testment notarili"). Dan jinvolvi li tirrepeti t-testment tiegħek lil nutar li mbagħad jirreġistrah bil-miktub jew tabbozzah int stess u tgħaddih lil nutar bil-miktub (għal aktar dettalji, ara "Das öffentliche Testament" ["It-testment pubbliku"] fil-paġna 23 tal-ktejjeb "Erben und Vererben" ["Tiret u tħalli fil-wirt"] mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u l-Ħarsien tal-Konsumatur). Persuni ta' 16-il sena jistgħu jagħmlu dan it-tip ta' testment ukoll.

Biex jiġi konkluż kuntratt ta' wirt, iż-żewġ partijiet iridu jidhru quddiem nutar fl-istess ħin (għal aktar dettalji, ara "Der Erbvertrag" ["Il-Kuntratt tal-Wirt"] fil-paġna 29 tal-ktejjeb "Erben und Vererben" ["Tiret u tħalli fil-wirt"] mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u l-Ħarsien tal-Konsumatur).

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Biex ma jkunx hemm riskju li testment miktub bl-idejn jinħeba, jintilef u jintesa wara l-mewt ta' xi ħadd, ta' min (għalkemm mhux obbligatorjament) iħalli t-testment mal-qorti lokali (Amtsgericht) – jew f'Baden-Württemberg mal-uffiċċju notarili (Notariat) sal-aħħar tal-2017 – biex jinżamm b'mod sikur.

Testment notarili dejjem jinżamm b'mod sikur. L-istess japplika għal kuntratt ta' wirt, sakemm il-partijiet kontraenti ma jiddikjarawx b'mod speċifiku li ma għandux jitħalla f'kustodja uffiċjali; f'dak il-każ, minflok, id-dokument jitħalla ma' nutar. Testmenti u kuntratti ta' wirt li jinżammu b'mod sikur iridu jinfetħu ma' mewt il-persuna li tkun għamlet id-dispożizzjonijiet causa mortis li jkunu fih (li l-liġi tirreferi għaliha bħala t-"testatur").

Mill-1 ta' Jannar 2012 'il quddiem, it-testmenti miktuba bl-idejn u d-dispożizzjonijiet causa mortis notarizzati kollha (testmenti u kuntratti ta' wirt) li jinżammu f'mod sikur mill-qrati lokali – jew f'Baden‑Württemberg sa tmiem l-2017 fl-uffiċċji notarili – jiġu rreġistrati elettronikament fir-Reġistru Ċentrali tat-Testmenti fil-Bundesnotarkammer [Il-Kamra Federali tan-Nutara]. Fil-każ ta' dispożizzjonijiet causa mortis li jkunu tfasslu qabel dik id-data u mħollija f'kustodja sikura, id-dettalji rilevanti tal-uffiċċji tar-reġistru jiġu ttrasferiti lir-reġistratur.

Bħala l-awtorità tar-reġistru, il-Kamra Federali tan-Nutara tkun innotifikata bl-imwiet domestiċi kollha u tinforma lill-qorti tas-suċċessjoni kompetenti (Nachlassgericht) b'liema dispożizzjonijiet huma rreġistrati u fejn dawn qed jinżammu b'mod sikur għall-fini tal-ftuħ ta' kull dispożizzjoni causa mortis miżmuma b'mod sikur.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

L-eqreb qarib jista' jiġi diżeredat permezz ta' testment. Madankollu, f'sitwazzjoni fejn il-konjuġi, tfal jew tfal ta' tfal jew ġenituri superstiti ma jirċievu l-ebda wirt anke jekk kienu jkunu l-werrieta leġittimi li kieku ma kinitx teżisti d-dispożizzjoni testamentarja, dejjem tqieset bħala sitwazzjoni inġusta. Minħabba l-aċċettazzjoni tar-responsabbiltà reċiproka rikonoxxuta uffiċjalment u stabbilita legalment, l-istess japplika għal sħab irreġistrati tal-istess sess superstiti. Għalhekk, lil dan il-grupp żgħir ta' nies, il-liġi tagħtih xi ħaġa li tissejjaħ "sehem riżervat". Il-benefiċjarji ta' sehem riżervat huma intitolati jitolbu pagament monetarju mingħand il-werriet(a) li jkun daqs nofs il-valur tas-sehem ġuridiku.

Pereżempju: It-testatriċi tħalli warajha lir-raġel tagħha (li kienet tgħix miegħu bil-komunjoni tal-akkwisti) [fejn kull konjuġi jżomm is-sjieda tal-proprjetà tiegħu imma ż-żieda fil-valur nett ikkombinat tal-miżżewġin waqt iż-żwieġ jitqassam b'mod ugwali] u lil bintha. Fit-testment tagħha, it-testatriċi nnominat lir-raġel tagħha bħala l-uniku werriet. Il-patrimonju jiswa EUR 100 000. Il-frazzjoni għad-determinazzjoni tas-sehem riżervat tat-tifla hija ta' ¼ (filwaqt li s-sehem ġuridiku tagħha huwa ta' ½; l-istess bħal tar-raġel li għex mat-testatriċi bil-komunjoni tal-akkwisti). Biex tiġi kkalkulata s-somma flus li hi intitolata għaliha t-tifla, il-frazzjoni tas-sehem riżervat irid ikun immultiplikat bil-valur tal-patrimonju fil-mument tal-wirt. Dan ifisser li t-tifla tista' titlob sehem riżervat li jammonta għal EUR 25 000 (¼ × EUR 100 000) mingħand ir-raġel.

It-testaturi ma jistgħux jostakolaw pretensjoni għal dan is-sehem billi jinkludu benefiċjarji ta' sehem riżervat fit-testmenti tagħhom imma jallokawlhom inqas minn nofs is-sehem riżervat tagħhom. F'każijiet bħal dawn, il-benefiċjarju tas-sehem riżervat ikun intitolat għal ammont supplimentari biex is-sehem riżervat tagħhom jitla' għal nofs is-sehem ġuridiku.

Pereżempju: Fit-testment tiegħu, it-testatur innomina lil martu (li jkun għex magħha bil-komunjjoni tal-akkwisti) u lil bintu bħala werrieta b'tali mod li jirtu ⅞ u ⅛ tal-patrimonju rispettivament. Il-patrimonju jiswa EUR 800 000. Il-frazzjoni għad-determinazzjoni tas-sehem riżervat tat-tifla hija ta' ¼ (= EUR 200 000). Peress li hija inkluża fit-testment u għalhekk diġà se tiret EUR 100 000 (⅛ ta' EUR 800 000), hija intitolata biss għal ammont supplimentari biex tkopri d-differenza (EUR 100 000).

Talbiet għal sehem riżervat iridu jsiru fi żmien tliet snin minn meta kwalunkwe benefiċjarju tas-sehem riżervat isir jaf bil-wirt u bid-dispożizzjoni li taffettwah detrimentalment, u ċertament mhux iktar minn tletin sena wara l-wirt.

Il-werrieta jistgħu jitolbu li l-issodisfar tal-pretensjoni għal sehem riżervat tkun differita jekk l-issodisfar immedjat tal-pretensjoni jkun jaffettwahom severament b'mod inġust. L-eżempju ċitat fil-leġiżlazzjoni huwa xenarju fejn li kieku d-dar matrimonjali jkollha tinbiegħ. Madankollu, irid jingħata każ xorta tal-interessi tal-benefiċjarju jew benefiċjarji. Differiment ifisser li s-sehem riżervat ma jkollux għalfejn jitħallas minnufih. Hija l-qorti li trid tiddeċiedi, skont il-każ, b'kemm żmien jista' jiġi differit il-ħlas tas-sehem riżervat u jekk ikunx hemm bżonn ta' garanzija fir-rigward tal-pretensjoni għal sehem riżervat.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Jekk ma jkunx hemm testment jew kuntratt ta' wirt, japplikaw ir-regoli ta' suċċessjoni ġuridika.

Skont il-liġi tas-suċċessjoni Ġermaniża, huma biss min jiġi mill-persuna deċeduta li jkun klassifikat bħala werriet, jiġifieri persuni li jkollhom l-istess ġenituri, nanniet jew bużnanniet bħall-persuna deċeduta, kif ukoll persuni li jkollhom axxendent komuni ieħor iktar remot mal-persuna deċeduta. Skont din id-definizzjoni, persuni relatati biż-żwieġ ma jitqisux bħala li jiġu mill-persuna deċeduta u għalhekk huma esklużi mis-suċċessjoni ġuridika, eż. kunjata, ħaten, missier tar-rispett, tifla tar-rispett, zija tar-rispett, ziju tar-rispett, eċċ.; dan għax ma għandhom l-ebda axxendent komuni mal-persuna deċeduta.

Ir-relazzjoni familjari tista' tirriżulta wkoll mill-adozzjoni (bħala tfal), peress li dan il-proċess joħloq relazzjoni familjari sħiħa skont il-liġi bejn it-tifel u min adottah u l-qraba tiegħu, flimkien mad-drittijiet u d-dmirijiet kollha li joħorġu minnha. Għaldaqstant, tfal adottati ġeneralment ikollhom l-istess drittijiet bħat-tfal bijoloġiċi (jistgħu japplikaw kundizzjonijiet speċjali jekk ikunu adottati "tfal" ta' età maġġuri).

Il-konjuġi huma eċċezzjoni għall-prinċipju ta' wirt minn qraba biss. Għalkemm dawn ma jkunux normalment jiġu minn xulxin u għalhekk ma jkollhomx axxendent komuni, xorta għandhom dritt li jirtu lill-konjuġi tagħhom. Jekk ikunu ddivorzjati, ma jkun hemm l-ebda dritt għall-wirt. Dan japplika wkoll, b'ċerti kundizzjonijiet, għal ċerti konjuġi li ma jkunux għadhom iddivorzjaw imma li jkunu jgħixu separatament.

Skont il-liġi tas-suċċessjoni, sħab reġistrati għandhom l-istess drittijiet ta' suċċessjoni bħall-miżżewġin. Madankollu, ma hemm l-ebda dritt ġuridiku għal wirt għal persuni f'forom oħra ta' koabitazzjoni.

Il-liġi tas-suċċessjoni għall-qraba:

Mhux il-qraba kollha għandhom l-istess drittijiet ta' wirt. Il-liġi taqsamhom f'werrieta ta' gradi differenti:

l-ewwel grad

Werrieta tal-ewwel grad jinkludu biss lid-dixxendenti tal-persuna deċeduta, jiġifieri t-tfal, it-tfal tat-tfal, il-proneputijiet, eċċ.

Tfal barra miż-żwieġ huma l-werrieta ġuridiċi ta' ommhom u missierhom u tal-qraba rispettivi tagħhom. (Hemm eċċezzjoni li tapplika f'każijiet ta' wirt meta l-persuna deċeduta tkun mietet qabel id-29 ta' Mejju 2009, jekk il-wild ekstrakonjugali jkun twieled qabel l-1 ta' Lulju 1949 – ara n-noti f'qiegħ il-paġni 11 u 15 tal-ktejjeb "Erben und Vererben" ["Tiret u tħalli fil-wirt"] mill-Ministeru Federali tal-Ġustizzja u l-Ħarsien tal-Konsumatur.)

Sakemm jinstab xi ħadd li jagħmel parti minn dan il-grupp ta' qraba mill-qrib ħafna, il-qraba l-oħra kollha li jkunu iktar distanti ma jirċievu xejn u ma għandhom l-ebda sehem fil-wirt.

Pereżempju: Il-persuna deċeduta jkollha tifla waħda u għadd ta' neputijiet. In-neputijiet ma jirtu xejn.

Id-dixxendenti tat-tfal (jiġifieri tfal tat-tfal, proneputijiet, eċċ.) normalment jirtu xi ħaġa biss jekk il-ġenituri tagħhom ikunu diġà mietu jew ikunu rrifjutaw il-wirt.

Pereżempju: Il-persuna deċeduta tħalli warajha lil bintha kif ukoll lit-tlett itfal ta' binha li kien miet qabel. Bintha tirċievi nofs il-wirt filwaqt li t-tfal ta' binha jaqsmu n-nofs l-ieħor bejniethom – jiġifieri, in-nofs illi kieku kien imur għand missierhom. Dan ifisser li kull wieħed mit-tfal ta' bin il-persuna deċeduta jieħu ⅙ mill-wirt.

it-tieni grad

Werrieta tat-tieni grad huma l-ġenituri tal-persuna deċeduta flimkien mat-tfal tagħhom u t-tfal tat-tfal tagħhom, jiġifieri l-aħwa u n-neputijiet tal-persuna deċeduta. Għal darba oħra, l-ulied tal-ġenituri tat-testatur jirtu biss jekk il-ġenituri tal-persuna deċeduta jkunu mejtin. Huma mbagħad jirtu s-sehem dovut lil missierhom mejjet jew lil ommhom mejta.

Qraba tat-tieni grad jistgħu jirtu biss jekk ma jkun hemm l-ebda qraba tal-ewwel grad.

Pereżempju: Il-persuna deċeduta tħalli warajha neputi u neputija. L-aħwa u l-ġenituri tal-persuna deċeduta kienu mietu qabel. Għalhekk in-neputi u n-neputija jirtu nofs il-patrimonju kull wieħed.

It-tielet grad u l-gradi sussegwenti

Il-kategorija tat-tielet grad tinkludi n-nanniet flimkient mat-tfal u t-tfal tat-tfal tagħhom (zija, ziju, kuġin, eċċ.) filwaqt li r-raba' grad ikopri l-bużnanniet flimkien mat-tfal u t-tfal tat-tfal tagħhom eċċ. Is-suċċessjoni ġuridika hija essenzjalment ibbażata fuq l-istess regoli bħal għall-gradi msemmija fuq. Madankollu, mir-raba' grad 'il quddiem, jekk ulied in-nanniet ikunu mietu, mhumiex id-dixxendenti ta' dawk l-ulied li jkun imisshom; minflok, il-persuni li jkunu l-eqreb qraba jsiru l-uniċi werrieta (f'dan il-punt hemm qlib mis-sistema parentelika tas-suċċessjoni [li tinvolvi li tikkalkula kull linja (parentela) nieżla minn axxendent sakemm jinstab werriet] għas-sistema tal-grad tar-relazzjoni [li tinvolvi l-identifikazzjoni tal-eqreb qarib fuq il-bażi tal-gradi familjari]).

Dan li ġej japplika dejjem: qarib wieħed biss tal-grad preċedenti jrid ikun ħaj biex jiġu esklużi l-werrieta kollha possibbli tal-grad sussegwenti.

Miżżewġin u sħab reġistrati

Irrispettivament mir-reġim tal-proprjetà matrimonjali li tapplika, il-konjuġi jew sieħeb jew sieħba reġistrata huma kklassifikati bħala werrieta ġuridiċi u huma intitolati għal ¼ il-patrimonju flimkien ma' kull dixxendent tagħhom u għal ½ il-patrimonju flimkien ma' kull qarib tagħhom tat-tieni grad (jiġifieri ġenituri, aħwa jew neputijiet tal-persuna deċeduta) flimkien ma' kull nannu jew nanna.

Jekk il-miżżewġin ikunu għexu skont il-"komunjoni tal-akkwisti" (li huwa r-reġim li japplika sakemm il-miżżewġin ma jaqblux fuq reġim tal-proprjetà differenti bħala parti minn ftehim qabel jew wara ż-żwieġ), is-sehem imsemmi hawn qabel jiżdied bi ¼. L-istess japplika għas-sħab reġistrati.

Jekk ma jkun hemm l-ebda qarib tal-ewwel jew it-tieni grad u lanqas ma jkun hemm nanniet, il-konjuġi/sieħeb superstiti jirċievi l-wirt kollu.

Pereżempju: Ir-raġel deċedut iħalli warajh lil martu (li jkun għex magħha bil-komunjoni tal-akkwisti) u lill-ġenituri tiegħu. Il-mara tirċievi ¾ (½ + ¼) u l-ġenituri – bħala werrieta tat-tieni grad – jirċievu ⅛ kull wieħed mill-patrimonju. Barra minn hekk, meta l-werrieta l-oħrajn ikunu qraba tat-tieni grad, bħal f'dan il-każ, jew nanniet, il-mara tkun intitolata għal dak li bil-Ġermaniż jgħidulu "Großer Voraus", li huwa dritt preferenzjali li fil-parti l-kbira tal-każijiet ikopri t-tagħmir kollu tad-dar u r-rigali tat-tieġ (meta l-werrieta l-oħra jkunu qraba tal-ewwel grad, konjuġi superstiti li jiret bħala werriet legali jkun intitolat għal dawn l-oġġetti biss sakemm ikollu bżonnhom biex jieħu ħsieb id-dar u l-familja).

Id-dritt ġuridiku tal-Istat għall-wirt:

Jekk ma jkun hemm l-ebda konjuġi jew sieħeb u ma jista' jiġi identifikat l-ebda qarib, l-Istat isir il-werriet ġuridiku. Ir-responsabilità tiegħu tkun dejjem limitata għad-daqs tal-patrimonju.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Fil-prinċipju, hija l-qorti tas-suċċessjoni tal-qorti lokali fil-post tal-aħħar residenza abitwali tal-persuna deċeduta li tkun kompetenti li tittratta l-kwistjonijiet tal-wirt (jew f'Baden-Württemberg sal-aħħar tal-2017, l-uffiċċju notarili rilevanti).

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Wirt jiġi rinunzjat billi tiġi ppreżentata dikjarazzjoni fil-qorti tas-suċċessjoni; id-dikjarazzjoni trid issir fil-preżenza tal-qorti tas-suċċessjoni li mbagħad tirreġistraha jew tiġi ppreżentata wara ċertifikazzjoni minn nutar (għal aktar dettalji, ara iktar 'l isfel).

Dikjarazzjoni għall-aċċettazzjoni ma hemmx għalfejn tiġi ppreżentata f'xi forma partikolari u u ma hemmx bżonn ta' konferma tal-irċevuta. Li jkun sempliċiment inqabeż iż-żmien għar-rifjut huwa biżżejjed biex jikkostitwixxi aċċettazzjoni.

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

Legat jiġi aċċettat jew irrifjutat bil-preżentazzjoni ta' dikjarazzjoni lill-persuna inkarigata mil-legat. This can be the heir or a legatee.

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Id-dritt Ġermaniż tas-suċċessjoni ma jipprevedi l-ebda dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni jew rifjut ta' sehem riżervat.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Il-ftuħ tat-testment:

Dispożizzjoni testamentarja ppreżentata lill-qorti tas-suċċessjoni jew meħuda minn kustodja sikura tinfetaħ uffiċjalment mill-qorti tas-suċċessjoni wara mewt it-testatur. Il-werrieta jiġu nnotifikati uffiċjalmetn b'dan.

Proċedimenti għall-ħruġ ta' ċertifikat tal-wirt:

Iċ-ċertifikat tal-wirt jinħareġ mill-qorti tas-suċċessjoni (jew f'Baden-Württemberg, sal-aħħar tal-2017: mill-uffiċċju notarili) u jispeċifika min hu l-werriet, kemm għandu dritt mill-wirt u, meta applikabbli, jista' jistipula wkoll suċċessjoni sussegwenti jew l-eżekuzzjoni tat-testment.

Il-qorti tas-suċċessjoni toħroġ ċertifikat tal-wirt fuq talba. Min jagħmel it-talba jrid juri li d-dettalji mitluba mil-liġi huma kollha preċiżi inkella jrid jipprovdi dikjarazzjoni statutorja li turi li ma hemm l-ebda bażi biex tkun iddubitata l-preċiżjoni tad-dettalji. Huwa jista' jagħmel dikjarazzjoni statutorja billi jidher quddiem nutar jew qorti, sakemm il-liġi tal-istat federali kkonċernat ma tkunx tistipula li n-nutara biss huma kompetenti jittrattaw din il-materja.

Il-Ħruġ ta' Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni:

Id-Dritt Amministrattiv Internazzjonali dwar is-Suċċessjoni [Internationale Erbrechtsverfahrensgesetz, IntErbRVG] jistabbilixxi l-proċeduri għaċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni huwa ċertifikat ta' wirt li huwa validu fi kważi l-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea (bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit, l-Irlanda u d-Danimarka). Dan jinħareġ ukoll fuq talba tal-qorti tas-suċċessjoni fil-forma ta' kopja notarizzata b'perjodu ta' validità ristretta. L-għan ewlieni taċ-ċertifikat huwa li jissemplifika is-soluzzjoni tal-patrimonji fl-UE.

It-tqassim tal-assi:

Jekk ikun hemm iktar minn werriet wieħed, il-patrimonju jsir il-koproprjetà tal-komunità tal-werrieta. Minħabba f'hekk, il-kowerrieta jkunu jistgħu jiddisponu minn oġġetti individwali tal-patrimonju bilii jaġixxu flimkien, eż. għall-fini tal-bejgħ tal-karozza tal-persuna deċeduta jekk ma jkollhomx bżonnha. Huma jridu wkoll jamministraw il-wirt flimkien. Dan spiss joħloq diffikultajiet kbar, partikolarment jekk il-werrieta jkunu joqogħdu 'l bogħod minn xulxin u ma jkunux jistgħu jaqblu. Din il-"komunità furzata" spiss tkun inkonvenjenti ħafna u, fil-prinċipju, kull werriet jista' jitlob li l-komunità tinħall billi jitlob il-qsim tal-patrimonju. L-iktar eċċezzjoni importati f'dan ir-rigward tkun meta t-testatur jistipula fit-testment tiegħu li l-patrimonju ma jinqasamx għal perjodu ta' żmien partikolari eż. biex in-negozju tal-familja jkun jista' jkompli jopera.

Jekk it-testatur jaħtar eżekutur testamentarju, ikun hu li jkun responsabbli mill-qsim tal-patrimonju. Jekk le, il-werrieta jridu jagħmluha huma. Għal din il-fini, huma jistgħu jitolbu l-għajnuna ta' nutar. Jekk il-werrieta ma jirnexxilhomx jaqblu minkejja li jkunu ħatru nutar biex jagħmilha ta' intermedjarju, l-unika għażla tagħhom tkun li jiftħu kawża.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Għal informazzjoni dwar is-suċċessjoni ġuridika, jekk jogħġbok ara fuq.

Jekk il-persuna deċeduta tkun ħalliet testment, dan jieħu prijorità fuq ir-regoli tas-suċċessjoni ġuridika. Għaldaqstant, huma biss dawk il-persuni li jkunu nnominati fit-testment li jirtu mill-patrimonju jekk it-testatur jagħti istruzzjonijiet dwar il-patrimonju kollu fit-testment tiegħu. Għal informazzjoni dwar is-sehem riżervat, jekk jogħġbok ara fuq.

Mal-mewt tal-persuna deċeduta, il-wirt jgħaddi legalment għand il-werriet jew werrieta (il-prinċipju tal-akkwiżizzjoni awtomatika tal-wirt). Madankollu, il-werrieta huma intitolati jirrifjutaw il-wirt (ara iktar 'l isfel).

It-testatur jista' jħalli wkoll legat fit-testment tiegħu, eż. billi jalloka oġġetti individwali jew somom ta' flus speċifiċi lil persuni partikolari. F'dawn il-każijiet, ir-riċevituri tal-legat ("il-legatarji") mhumiex klassifikati bħala werrieta imma għandhom pretensjoni kontra l-konvenut(i) għal xi jkun tħalla lilhom fit-testment.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Rifjut tal-wirt:

Il-werrieta mhumiex responsabbli għall-obbligazzjonijiet tal-patrimonju jekk jirrifjutaw il-wirt sad-data stipulata. Bħala prinċipju ġenerali, il-werriet rispettiv irid jirrifjuta l-wirt tiegħu fi żmien sitt ġimgħat minn meta jkun innotifikat bil-ftuħ tal-wirt u bil-bażi għall-istatus tiegħu bħala werriet, li jinvolvi dikjarazzjoni uffiċjali lill-qorti tas-suċċessjoni. Dan jista' jsir fil-preżenza tal-qorti tas-suċċessjoni li mbagħad tirreġistraha jew jiġi ppreżentat wara ċertifikazzjoni minn nutar. F'każ li jiġi ppreżentat wara ċertifikazzjoni minn nutar, ikun biżżejjed li tintbagħat ittra, għalkemm il-firma tal-werriet trid tkun iċċertifikata min-nutar. L-att tar-rifjut jew l-aċċettazzjoni tal-wirt normalment ikun jorbot.

L-obbligazzjoni jekk il-wirt jiġi aċċettat:

Jekk il-werrieta jaċċettaw il-wirt tagħhom, huma essenzjalment jieħdu post il-persuna deċeduta mill-perspettiva ġuridika. Dan ifisser ukoll li jirtu d-dejn tagħha u, fil-prinċipju, ikollhom jużaw ukoll l-assi tagħhom stess biex jagħmlu tajjeb għalih.

Madankollu, il-werrieta jistgħu jillimitaw l-obbligazzjoni tagħhom għad-dejn li jirtu billi jaċċettawh bil-"benefiċċju tal-inventarju" ("Erbmasse"). Dan ifisser li l-kredituri kollha li l-persuna deċeduta kellha d-dejn magħhom ikunu jistgħu jirkupraw it-telf tagħhom mill-wirt imma l-assi tal-werriet jibqgħu protetti minn partijiet terzi. Il-werrieta jistgħu jiksbu din il-limitazzjoni fuq l-obbligazzjoni f'wieħed minn żewġ modi: iridu jew jippreżentaw talba lill-qorti tas-suċċessjoni fejn jitolbu li jamministraw il-patrimonju f'isem il-kredituri jew jitolbu proċedimenti ta' insolvenza tal-patrimonju billi jippreżentaw talba lill-qorti lokali li tkun kompetenti li taġixxi bħala qorti tal-insolvenza.

Jekk il-patrimonju lanqas ma jkun biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż tal-amministrazzjoni tal-patrimonju f'isem il-kredituri jew biex ikopri l-ispejjeż tal-proċedimenti ta' insolvenza tal-patrimonju, il-werrieta xorta jistgħu jiksbu limitazzjoni tal-obbligazzjoni. Jekk il-pretensjonijiet ikunu asseriti minn kreditur, il-werrieta jistgħu jirrikorru għall-eċċezzjoni ta' assi tal-patrimonju insuffiċjenti. Imbagħad, il-werrieta jistgħu jirrifjutaw li jsaldu l-obbligazzjonijiet tal-patrimonju ġaladarba l-ammont tal-patrimonju ma jkunx biżżejjed biex ikoprihom. Madankollu, il-werrieta jkunu meħtieġa jagħtu dak li jkun hemm fil-patrimonju lill-kredituri.

Jekk il-werrieta jkunu jixtiequ biss li ma jkunux ikkonfrontati b'dejn li ma kinux qed jantiċipaw, kulma jkunu jridu jagħmlu huwa li jibdew proċedura ta' avviż pubbliku ("Aufgebotsverfahren"), fejn il-werrieta jkunu jistgħu jippreżentaw talba lill-qorti tas-suċċessjoni fejn jitolbu li l-kredituri kollha tal-persuna deċeduta jinnotifikaw lill-qorti – sa data partikolari – bid-dejn dovut lilhom mill-persuna deċeduta. Jekk kreditur jonqos milli jippreżenta l-pretensjonijiet tiegħu fil-ħin, ikollu jikkuntenta ruħu b'dak li jkun għad fadal mill-wirt fl-aħħar. Il-proċedura tal-avviż pubbiku tista' tiċċara wkoll is-sitwazzjoni għall-werrieta billi tiżvela ikunx hemm bażi biex il-patrimonju jingħata amministrazzjoni uffiċjali billi tapplika għall-amministrazzjoni tal-patrimonju jew l-insolvenza tal-patrimonju.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Biex ir-reġistru tal-artijiet jiġi rrettifikat trid tiġi ppreżentata talba flimkien ma' provi li juru li mhux korrett biex il-werriet ta' proprjetà jkun jista' jiddaħħal fir-reġistru tal-artijiet bħala sid. Biex jitlob rettifika tar-reġistru tal-artijiet wara l-mewt tas-sid irreġistrat, l-applikant irid ikollu qabelxejn prova tal-istatus tiegħu ta' werriet.

Bħala bażi għar-rettifika tar-reġistru tal-artijiet, l-applikant f'każijiet bħal dawn jista' jipprova l-istatus tiegħu ta' werriet billi jippreżenta ċertifikat tal-wirt jew Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

Jekk is-suċċessjoni tkun ibbażata fuq dispożizzjoni causa mortis stabbilita f'dokument pubbliku (testment notarili jew kuntratt ta' wirt), ikun biżżejjed li r-reġistru tal-artijiet (Grundbuchamt) ikun ippreżentat bid-dispożizzjoni u r-reġistrazzjoni uffiċjali tal-ftuħ tiegħu.

Jekk proprjetà immobbli titħalla bħala legat, dejjem irid jiġi ppreżentat att notarili biex isir it-trasferiment tal-proprjetà lil-legatarju irrispettivament minn x'regoli tas-suċċessjoni japplikaw. L-att notarili jrid juri li l-legatarju huwa intitolat jieħu s-sjieda tal-proprjetà immobbli.

Jistgħu ikunu meħtieġa dokumenti oħrajn ukoll skont in-natura tal-każ ikkonċernat. Pereżempju, biex kumpanija kummerċjali tiġi rreġistrata bħala werrieta, l-applikanti jridu jipprovdu prova tas-setgħa ta' rappreżentanza tagħhom (eż. tratt uffiċjali mir-reġistru kummerċjali).

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Skont il-liġi tas-suċċessjoni, l-amministrazzjoni tal-patrimonju f'isem il-kredituri tista' tintuża biex jipprevjeni li d-dejn jitħallas mill-assi tal-werriet. Il-qorti tas-suċċessjoni tista' tordna li l-patrimonju jingħata l-amministrazzjoni wara talba ta' persuna awtorizzata (werriet, l-eżekutur, kreditur tal-patrimonju, xerrej tal-patrimonju totali jew werriet sussegwenti).

L-amministratur huwa korp maħtur uffiċjalment. Għalkemm huwa responsabbli għall-amministrazzjoni tal-assi totali ta' ħaddieħor, xorta għandu l-istatus ta' parti awtonoma f'każ ta' tilwim ġudizzjarju. Huwa jwettaq id-dmirijiet uffiċjali tiegħu f'kapaċità privata meta jamministra l-assi ta' ħaddieħor bil-ħsieb li jissodisfa l-interessi tal-partijiet kollha involuti (werrieta u kredituri). Il-proċess ta' amministrazzjoni tal-patrimonju li l-amministratur huwa intitolat u meħtieġ li jwettaq mhux immirat biss lejn iż-żamma u ż-żieda tal-patrimonju, imma primarjament lejn is-sodisfazzjon tal-kreditur tal-patrimonju. Id-dmir ewlieni tal-amministratur huwa li jiżgura li l-obbligazzjonijiet tal-patrimonju jiġu ssodisfati.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Minbarra l-werrieta stess, l-amministratur (tal-insolvenza) (ara iktar 'il fuq) u l-eżekutur (ara iktar 'l isfel), is-setgħat rilevanti jistgħu jingħataw ukoll lil kuratur tal-patrimonju.

Il-qorti tas-suċċessjoni tordna uffiċjalment il-kurazija tal-patrimonju jekk ikun hemm bżonn kurrenti għal dan meta l-identità tal-werriet responsabbli tkun inċerta jew jekk ma jkunx magħruf ikunx aċċetta l-wirt jew le. Kurazija tal-patrimonju għandha l-għan li tħares u żżomm il-patrimonju fl-interess tal-werriet mhux magħruf.

Il-qorti tas-suċċessjoni tistabbilixxi l-ambitu tar-responsabilitajiet tal-kuratur skont xi jkun meħtieġ f'kull każ individwali. Dan l-ambitu jista' jkun pjuttost wiesa' jew jista' sempliċement jiffoka fuq l-amministrazzjoni ta' oġġetti individwali tal-patrimonju. Il-kuratur tal-patrimonju normalment jingħata r-responsabilità għall-identifikazzjoni tal-werrieta mhux magħrufa u għall-ħarsien u ż-żamma tal-patrimonju.

Fil-prinċipju, il-kurazija ta' patrimonju ma jkollhiex l-għan li tissodisfa l-kredituri tal-patrimonju minħabba li tkun istigata biex tħares lill-werrieta. B'mod eċċezzjonali, id-dmirijiet tal-kuratur jistgħu jinkludu wkoll l-użu tar-riżorsi tal-patrimonju biex jissodisfa l-obbligazzjonijiet tal-patrimonju jekk ikun neċessarju għall-amministrazzjoni u ż-żamma kif xieraq jew għall-fini ta' evitazzjoni ta' telf jew ħsara, partikolarment kull spiża li tista' tiġġarrab minħabba tilwim ġudizzjarju bla bżonn.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

Testatur jista' jaħtar eżekutur wieħed jew aktar fid-dispożizzjonijiet causa mortis tiegħu. Huwa jista' jawtorizza parti terza, l-eżekutur jew il-qorti tas-suċċessjoni taħtar eżekutur (ieħor). L-obbligi tal-eżekutur jibdew malli l-persuna maħtura taċċetta l-ħatra tagħha għal dak ir-rwol.

Skont il-liġi, huwa d-dmir tal-eżekutur li jeżegwixxi d-dispożizzjonijiet testamentarji tat-testatur. Jekk ikun hemm iktar minn werriet wieħed, l-eżekutur ikun responsabbli għall-qsim tal-patrimonju bejniethom.

L-eżekutur huwa meħtieġ li jamministra l-patrimonju. B'mod partikolari, huwa intitolat jieħu l-pussess tal-patrimonju u jiddisponi mill-oġġetti tal-patrimonju. F'dan il-każ, il-werrieta ma jkollhom l-ebda setgħa biex jiddisponu mill-oġġett tal-patrimonju li jkun suġġett għall-amministrazzjoni mill-eżekutur. L-eżekutur huwa intitolat ukoll li jidħol f'obbligazzjonijiet f'isem il-patrimonju sakemm dan ikun neċessarju għall-amministrazzjoni xierqa tiegħu. Huwa intitolat biss li jiddisponi minn oġġett bla ħlas jekk ikun hemm obbligu morali li jagħmel dan jew b'rispett għad-deċenza komuni.

Madankollu, it-testatur jista' jirrestrinġi s-setgħat tal-eżekutur kif jidhirlu hu sakemm jibqa' mad-dispożizzjonijiet tal-liġi. Huwa għandu wkoll l-awtorità li jiddefinixxi l-perjodu għall-eżekuzzjoni tat-testment. Huwa jista', pereżempju, jippermetti lill-eżekutur jamministra l-patrimonju u jaqsmu fi żmien qasir. Min-naħa l-oħra, jista' jiddeċiedi wkoll li jipprovdi istruzzjonijiet fit-testment jew kuntratt ta' wirt tiegħu biex il-patrimonju jsir suġġett għal eżekuzzjoni fit-tul. Fil-prinċipju, l-eżekuzzjoni fit-tul tista' tasal sa massimu ta' 30 sena mill-jum proprju tal-wirt. Madankollu, it-testatur jista' jipprovdi istruzzjonijiet biex l-amministrazzjoni tkompli sal-mewt tal-werriet jew l-eżekutur, jew sal-okkorrenza ta' avveniment speċifikat li taffettwa lil wieħed minnhom. F'dawn il-każijiet, l-eżekuzzjoni tat-testment tista' fir-realtà tieħu iktar minn 30 sena.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Ċertifikat tal-wirt jew Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ġeneralment ikun meħtieġ bħala prova li l-werriet ikollu dritt għall-wirt, eż. jekk werriet ikun jixtieq ikollu biċċa art jew kont f'isem il-persuna deċeduta trasferit għal fuq ismu. Jekk jeżisti testment pubbliku (ara iktar 'il fuq), jaf ma jkunx hemm bżonn tippreżenta ċertifikat tal-wirt jew Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni f'każijiet bħal dawn.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 24/10/2018