Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Informazzjoni ġenerali - Estonja

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Estonjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

LISTA TAL- KONTENUT

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Testatur jista' jfassal arranġamenti għall-propjetà tiegħu f'każ ta' mewt permezz ta' testment jew ftehim dwar is-suċċessjoni. It-testment jista' jkun att notarili jew att privat. It-testatur jista' jħassar it-testment jew parti minnu meta' jrid permezz ta' testment ieħor jew ftehim dwar is-suċċessjoni. Dan ma japplikax għat-testment unica charta bejn il-miżżewwġin, għaliex f'dak ir-rigward japplikaw regoli speċjali dwar it-tibdil u r-revoka tiegħu.

Testmenti notarili

Testment notarili huwa testment awtentikat minn nutar jew testment li jkun ġie mħejji mit-testatur u ddepożitat ma' nutar f'envelope issiġillat għall-konservazzjoni.

F'testment nutarili, in-nutar jagħti l-forma notarili lill-att li jkun ħejja skont id-dispożizzjoni testamentarja tat-testatur, jew inkella t-testment jiġi mħejji mit-testatur li mbagħad jgħaddih lin-nutar għan-notarizzazzjoni. It-testment nutarili jiġi ffirmat mit-testatur quddiem in-nutar.

Testment awtentikat minn nutar jista' jsir ukoll minn minorenni li jkun għalaq tal-inqas 15-il sena. Dan it-testatur minorenni ma għandux bżonn il-kunsens tar-rappreżentant legali tiegħu.

F'każ ta' testment iddepożitat ma' nutar biex jiġi preservat, it-testatur jgħaddu personalment lin-nutar id-dispożizzjoni testamentarja tiegħu f'envelope issiġillat, fejn jiddikjara lin-nutar illi dak huwa t-testment tiegħu. F'dak il-każ, in-nutar ifassal att notarili dwar il-fatt illi t-testment ġie ddepożitat, u l-att jiġi ffirmat mit-testatur u minn nutar. It-testatur jista' dejjem jirtira testment iddepożitat ma' nutar. F'dak il-każ, in-nutar ifassal att notarili dwar il-fatt illi t-testment ġie rtirat, u l-att jiġi ffirmat mit-testatur u minn nutar.

Mhemmx preskrizzjoni fuq il-validità tat-testmenti notarili, jiġifieri illi huma jibqgħu fis-seħħ sakemm jinbidlu jew jitħassru.

It-testmenti privati

Testment privat huwa jew testment iffirmat fil-preżenza ta' xhiedha jew testment olografiku.

It-test ta' testment privat iffirmat quddiem ix-xhieda mhemmx għalfejn ikun ippreparat mit-testatur (u l-anqas għandu għalfejn ikun miktub bl-idejn), iżda jrid jiġi ffirmat fil-preżenza ta' mill-inqas żewġ xhieda b'kapaċità ġuridika, u jridu jintniżżlu wkoll id-data u s-sena meta' sar it-testment. Ix-xhieda jridu jkunu preżenti t-tnejn flimkien għall-iffirmar. It-testatur irid jinnotifka lix-xhieda illi ġew imsejjħa bħala xhieda għat-testment u li t-testment jirrapreżenta l-aħħar xewqat tiegħu. Ix-xhieda mhemmx għalfejn ikunu jafu x'fih it-testment. Wara li t-testment ikun ġie ffirmat mit-testatur, jiffirmawh minnufih ukoll ix-xhieda. Ix-xhieda jikkonfermaw bil-firem rispettivi tagħhom illi t-testatur iffirma t-testment personalment u illi mill-aħjar li jistgħu it-testatur kellu kapaċità ġuridika u kapaċità intellettwali. Persuna ma tistax toqgħod xhud jekk l-axxendenti, id-dixxendenti, ħutha u d-dixxendenti tagħhom, il-konjuġi tagħha jew l-axxendenti u dixxendenti tiegħu se jibbenefikaw mit-testment li qed isir.

Testment olografiku privat jrid jiġi miktub mit-testatur bil-kitba tiegħu stess mill-bidu sal-aħħar (ma jistax jiġi ttajpjat, stampat jew imħejji b'mod mekkaniku ieħor), bid-data u s-sena meta' sar. Testment olografiku jrid jiġi ffirmat personalment mit-testatur.

It-testatur jista' jżomm għandu testment privat jew itih lill-ħaddieħor għall-konservazzjoni.

Testment privat isir invalidu sitt xhur wara li jkun sar jekk it-testatur ikun għadu ħaj. Jekk it-testment privat ma jispeċifikax id-data jew sena li fih ikun sar, u mhux possibbli jiġi ddeterminat mod ieħor il-ħin li fih ikun sar it-testment, it-testment huwa null.

It-testmenti unica charta

Testment unica charta huwa testment li jsir mill-konjuġi flimkien, fejn kull wieħed minnhom jissemma bħala l-werriet tal-ieħor, jew li fih jagħmlu arranġamenti dwar il-wirt f'każ ta' mewt.

F'testment unica charta fejn il-konjġui huma l-werriet waħdieni ta' xulxin, il-konjuġi jistgħu jindikaw min jiret sehem il-konjuġi superstiti mal-mewt.

Testment unica charta jrid jiġi awtentika minn nutar. In-nutar jipprepara dan it-tip ta' testment skont ir-rieda testamentarja tal-konjuġi, li mbagħad jiffirmawh quddiemu.

Dispożizzjoni f'testment unica charta tista' tiġi revokata minn kull wieħed minnhom sakemm ikunu għadhom ħajjin. Testment li fih tkun ġiet revokata din id-dispożizzjoni jrid jiġi awtentikat minn nutar. Id-dispożizzjoni tiġi meqjusa revokata meta' l-konjuġi l-ieħor jiġi nnotifikat, permezz ta' proċedura notarili, dwar ir-revoka ta' din id-dispożizzjoni. Wara l-mewt ta' wieħed mill-konjuġi, il-konjuġi superstiti jista' jirrevoka d-dispożizzjoni testamentarja tiegħu jekk huwa jirrinunzja għal sehmu mill-wirt imħolli lilu permezz ta' testment unica charta.

Testment unica charta jsir null jekk jintemm iż-żwieġ qabel il-mewt tat-testatur. It-testment isir null ukoll jekk qabel mewtu, it-testatur kien ressaq rikors għad-divorzju l-qorti jew ta l-kunsens bil-miktub tiegħu għad-divorzju, jew kellu dritt għall-annullament taż-żwieġ u ressaq rikors f'dan is-sens il-qorti.

Ftehimiet dwar is-suċċessjoni

Ftehim dwar suċċessjoni huwa ftehim bejn it-testatur u persuna oħra, fejn it-testatur jindika lill-kontroparti jew persuna oħra bħala eredi u jispeċidika legat, obbligu testamentarju jew ordni testamentarju. Ftehim dwar is-suċċessjoni jista' jiġi konkluż ukoll mit-testatur u l-werriet bla wirt dwar il-fatt illi l-werriet irrinunzja għall-wirt.

Ftehim dwar is-suċċessjoni jista' jkun fih dispożizzjonijiet unilaterali tat-testatur; f'dan il-każ, id-dispożizzjonijiet speċifikati fit-testment japplikaw għal dawk unilaterali.

Il-ftehimiet dwar is-suċċessjoni jridu jiġi mħejjija u awtentikati minn nutar. Mbagħad jiġu ffirmati fil-preżenza ta' nutar.

Ftehim dwar is-suċċessjoni jew dispożizzjoni fil-ftehim tista' titħassar jew tiġi revokata sakemm il-partijiet ikunu għadhom ħajjin permezz ta' ftehim awtentikat minn nutar bejn l-individwi jew permezz ta' ftehim ġdid dwar is-suċċessjoni.

Barra minn hekk, il-ftehim dwar is-suċċessjoni jista' jiġi rtirat. It-testatur jista' jirtira l-ftehim dwar is-suċċessjoni jekk ikun ġie miftiehem dan id-dritt fil-ftehim stess. L-irtirar jista' jsir ukoll jekk il-persuna li se tiret tikkommetti reat kontra t-testatur, il-konjuġi, l-axxendenti jew dixxendenti tiegħu, jew jekk il-kontroparti bi ħsieb kisret l-obbligu tagħha li tagħti manteniment lit-testatur. It-testatur wkoll għandu dritt jirtira mill-ftehim fejn waħda mill-partijiet għall-ftehim dwar is-suċċessjoni li għandha obbligu twettaq obbligi aktar minn darba għat-testatur matul ħajtu- fuq kollox, li tmantnih - bi ħsieb u materjalment tikser dan l-obbligu. L-irtirar mill-ftehim dwar is-suċċessjoni jsir permezz ta' dikjarazzjoni awtentikata minn nutar lill-kontroparti. F'każ ta' ftehim reċiproku dwar is-suċċessjoni, jekk id-dritt ta' rtirar ikun ġie miftiehem fil-ftehim stess, il-kuntratt kollhu jsir null jekk waħda mill-partijiet tirtira minnu, sakemm mhux speċifikat mod ieħor fil-ftehim. Id-dritt ta' rtirar minn ftehim reċiproku jaqa' mal-mewt ta' waħda mill-partijiet. Wara l-mewt ta' waħda mill-partijiet, il-parti superstiti tista' tirrevoka d-dispożizzjoni testamentarja tagħha biss jekk hija tirrinunzja għal sehma mill-wirt imħollija lilha permezz tal-ftehim dwar is-suċċessjoni.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

It-testmenti nutarili u l-ftehimiet dwar is-suċċessjoni dejjem għandhom jiġu rreġistrati fir-reġistru tas-suċċessjoni fil-ġurnata xogħol wara n-notarizzazzjoni tal-att nutarili. Barra minn hekk, in-nutara jridu jirreġistraw fir-reġistru tas-suċċessjoni kull tibdil fil-ftehimiet dwar is-suċċessjoni, ftehimiet dwar it-terminazzjoni tagħhom u dikjarazzjonijiet ta' rtirar ta' ftehimiet dwar is-suċċessjoni. Il-ksur tal-obbligi tar-reġistrazzjoni ma jaffettwax il-validità tat-testment.

Testment privat jista' jiġi rreġistrat fir-reġistru tas-suċċessjoni mit-testatur jew minn kull persuna oħra li għandha informazzjoni dwar it-testment privat u ġiet mitluba tagħmel entrata mit-testatur. Ir-reġistrazzjoni tat-testmenti privati fir-reġistru tas-suċċessjoni mhix obbligatorja.

It-testmenti nutarili u l-ftehimiet dwar is-suċċessjoni jiġu reġistrati fir-reġistru dwar is-suċċessjoni min-nutar li awtentika t-testment jew ftehim dwar is-suċċessjoni jew ma' min tħalla t-testment. Biex jagħmel dan, in-nutar jagħmel entrata fir-reġistru tas-suċċessjon jew jissottometti avviż fir-reġistru. Mill-ewwel ta' Jannar 2015, in-nutara mhux se jibqgħu jibgħatu avviżi lir-reġistru tas-suċċessjoni, iżda minflok jemendaw id-dejta tar-reġistru permezz ta' entrati f'dak is-sens.

Id-dejta dwar it-testmenti domestiċi tista' tiddaħħal fir-reġistru tas-suċċessjoni permezz tal-portal tal-Istat http://www.eesti.ee/ minn kull min jaf li sar testment u ġie mitlub idaħħal entrata.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Ġeneralment mhemmx restrizzjonijiet fuq il-libertà li jsir testment, u l-anqas id-dritt tat-testatur li jiddisponi minn ħwejjġu mhu ristrett jekk huwa għamel testment.

Il-libertà li jsir testment hija ristretta mill-istituzzjoni tal-porzjoni riservata, li tillimità l-libertà tat-testatur li jħalli ħwejjġu lill-werriet tal-għażla tiegħu. Jekk it-testatur, b'testment jew ftehim dwar is-suċċessjoni jkun iddiżereda lil dixxendent, lill-ġenituri tiegħu jew konjuġi li kellhom dritt jirtu ab intestato u li fir-rigward tiegħu it-testatur għandu, fi żmien il-mewt tiegħu, obbligu ta' manteniment skont l-Att dwar il-Liġi tal-Familja jew it-testatur ikun naqqas l-ishma tal-wirt meta' mqabbla mal-ishma skont is-suċċessjoni ab intestato, għandhom dritt jitolbu l-porzjoni riservata mill-werrieta. Il-benefiċjarju tal-porzjoni riservata għalhekk għandu dritt kontra l-werrieta skont l-Att dwar il-Liġi tal-Obbligi. It-talba teżisti minħabba l-fatt illi l-persuna li għandha dritt tirċievi l-porzjoni riservata tista' titlob il-ħlas ta' ammont ta' flus ekwivalenti għall-porzjoni riservata ibbażata fuq il-valur tal-wirt. Il-persuna li d-dritt għall-porzjoni riservata mhix werrieta. L-ammont tal-porzjoni riservata hija nofs il-valur tas-sehem tal-wirt li kien jirċievi werriet fil-każ ta' suċċessjoni skont il-liġi, li kieku l-werrieta kollha aċċettaw il-wirt.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Jekk it-testatur ma ħalliex testment validu jew ftehim dwar is-suċċessjoni, is-suċċessjoni tiġi meqjusa ab intestato u rregolata mil-liġi. Jekk it-testment jew ftehim dwar is-suċċessjoni tat-testatur ma jkprux il-propjetà kollha tiegħu, is-suċċessjoni għall-parti mhux koperta isseħħ skont il-liġi. Il-werrieta ab intestato huma l-onjuġi u l-qraba tat-testatur; is-suċċessjoni sseħħ fuq tliet livelli. Il-konjuġi u l-werrieta jirtu flimkien ab intestato.

L-ewwel li jirtu huma d-dixxendenti tat-testatur (tfal, tfal adottati, neputijiet, ee). Flimkien magħhom, il-konjuġi jiret ammont ekwivalenti għas-sehem ta' tifel tat-testatur, u mhux inqas minn kwart il-wirt.

Jekk mhemmx werrieta li jirtu l-ewwel, jirtu l-ġenituri tat-testatur u d-dixxendenti tagħhom (jiġifieri ħutu). Jekk iż-żewġ ġenituri tat-testatur għadhom ħajjin meta' tinfetaħ is-suċċessjoni, huma jirtu l-wirt kollhu f'ishma ndaqs. Jekk missier jew omm id-decujus ikunu mietu meta' tinfetaħ is-suċċessjoni, it-tfal, it-tfal adottati u n-neputijiet eċċ jieħdu post il-ġenitur mejjet tagħhom. Flimkien mal-werrieta li jirtu fit-tieni post, il-konjuġi jiret nofs il-wirt.

Jekk mhemmx werrieta li jirtu fit-tieni post, jirtu n-nanniet tat-testatur u d-dixxendenti tagħhom (jiġifieri z-zijiet tat-testatur). Jekk iż-żewġ ġenituri tat-testatur għadhom ħajjin meta' tinfetaħ is-suċċessjoni, huma jirtu l-wirt kollhu f'ishma ndaqs. Jekk wieħed min-nanniet materni jew paterni tat-testatur ma kienx ħaj meta' nfetħet is-suċċessjoni, jieħdu postu t-tfal, tfal adottati u n-neputijiet eċċ tan-nanniet mejta. Jekk le, in-nanniet fl-istess naħa tal-familja jirtu sehmu. Jekk anke n-nannu jkun mejjet, jirtu t-tfal tiegħu, it-tfal adottati u n-neputijiet. Jekk iż-żewġ nanniet paterni jew iż-żewġ nanniet materni tat-testatur huma mejta meta' tinfetaħ is-suċċessjoni u ma għandhomx dixxendenti, in-nanniet tan-naħa l-oħra tal-familja u t-tfal tagħhom, it-tfal adottati u n-neputijiet, eċċ tan-nanniet mejta jieħdu posthom. Id-dispożizzjonijiet dwar il-werrieta li jirtu l-ewwel japplikaw għad-dixxendenti li jieħdu post il-ġenituri tagħhom bħala werrieta.

Jekk it-testatur kien miżżewweġ u ma kellux werrieta li jirtuh l-ewwel jew werrieta li jirtu wara dawn tal-ewwel, il-konjuġi jiret il-wirt kollhu.

Jekk it-testatur ma għandux werrieta ab intestato jew konjuġi, il-gvern lokali tal-post fejn infetħet is-suċċessjoni huwa l-werriet skont il-liġi. Il-post fejn infetħet is-suċċessjoni huwa l-aħħar post ta' residenza tat-testatur. Jekk l-aħħar post permanenti ta' residenza tat-testatur kien pajjiż għajr l-Estonja, iżda trid tiġi applikata l-liġi Estonjana għas-suċċessjoni, il-werriet ab intestato huwa r-Repubblika tal-Estonja.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Fl-Estonja, il-proċedimenti dwar is-suċċessjoni jitwettqu minn nutar Estonjan fejn inbdew il-proċedimenti ta' suċċessjoni. In-nutar jagħmel entrata fir-reġistru ta' suċċessjoni dwar il-fatt li bdew il-proċedimenti.

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Id-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni jew rinunzja tas-suċċessjoni jridu jiġu ppreżentati lin-nutar li qed jieħu ħsieb is-suċċessjoni. Id-dikjarazzjonijiet jistgħu jiġu awtentikati wkoll minn nutar ieħor li mbagħad jgħaddihom lin-nutar li jkun qed jieħu ħsieb il-proċedimenti.

L-uffiċċjali konsulari bi kwalifiki speċjali u li jaħdmu fir-rappreżentazzjonijiet barranin tal-Estonja ukoll jistgħu jiċċertifikaw id-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni jew rinunzja tas-suċċessjoni. L-uffiċċjali konsulari huma obbligati jgħaddu d-dikjarazzjonijiet iċċertifikati lin-nutar li jkun qed jieħu ħsieb il-kwistjoni ta' suċċessjoni.

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Is-sistema ta' legat jagżti lil-legatarji d-dritt li jitolbu illi l-eżekutur tal-legat jittrasferixxi l-oġġett tal-legat. Biex jirċievi l-legat, il-legatarju jrid jissottometti talba ta' eżekuzzjoni tal-legat lill-eżekutur. It-testatur jista' jimponi l-eżekuzzjoni tal-legat bħala obbligu għall-werriet jew legatarju ieħor. Jekk it-testatur ma ħatarx eżekutur għal-legat, l-eżekutur ikun il-werriet.

Peress illi d-dispożizzjonijiet dwar l-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja tas-suċċessjoni jiġu applikati għall-aċċettazzjoni u r-rinunzja ta' legat, il-konsegwenzi tan-nuqqas ta' sottomissjoni ta' dikjarazzjoni ta' rinunzja ta' legat waqt il-perjodu stabbilit għal dan il-għan ifisser l-aċċettazzjoni tal-legat. Jekk il-legatarju jixtieq jirrinunzja għal-legat, id-dikjarazzjoni ta' rinunzja trid tiġi sottomessa matul il-perjodu stabbilit mil-liġi għar-rinunzja, li huwa ta' tliet xhur wara l-mewt tat-testatur u minn meta' jsir jaf illi għandu dritt jirċievi legat.

Bħala parti mill-proċedimenti ta' suċċessjoni, in-nutar għandu jikkuntattja l-legatarji kollha msemmija fit-testment u jinfurmahom bid-drittijiet tagħhom għal-legat. Qabel is-sottomissjoni tat-talba għall-eżekuzzjoni tal-legat, il-legatarju għandu d-dritt jikseb informazzjoni dwar il-legat. Bl-istess mod għall-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni, id-dikjarazzjoni tal-aċċettazzjoni jew rinunzja tal-legat hija irrevokabbli. Sabiex jinvoka d-drittijiet tiegħu, il-legatarju għandu dritt jitlob lin-nutar li qed jieħu ħsieb is-suċċessjoni għal ċertifikat (ċertifikat ta' legatarju) rigward il-kwistjoni ta' legat.

Jekk il-legat jikkonsisti f'propjetà immobbli jew xi oġġett ieħor li l-bejgħ tiegħu jrid jiġi awtentikat minn nutar, il-kuntratt ta' trasferiment tal-legat bejn l-eżekutur tal-legat u l-legatarju wkoll irid jiġi awtentikat minn nutar.

Legatarju li huwa werriet għandu dritt għal-legat anke jekk jirrinunzja għall-wirt.

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Il-porzjoni riservata hija talba ta' flus kontra werriet skont il-liġi tal-obbligazzjonijiet u trid tiġi preżentata lill-werrieta. Id-dritt għall-porzjoni riservata jseħħ mal-ftuħ tas-suċċessjoni. Mhemmx għalfejn issir talba ma' nutar sabiex tingħata l-porzjoni riservata.

Jekk it-testatur, b'testment jew ftehim dwar is-suċċessjoni jkun iddiżereda lil dixxendent, lill-ġenituri tiegħu jew konjuġi li kellhom dritt jirtu ab intestato u li fir-rigward tiegħu it-testatur għandu, fi żmien il-mewt tiegħu, obbligu ta' manteniment skont l-Att dwar il-Liġi tal-Familja jew it-testatur ikun naqqas l-ishma tal-wirt meta' mqabbla mal-ishma skont is-suċċessjoni ab intestato, għandhom dritt jitolbu l-porzjoni riservata mill-werrieta.

In-nutar, fuq il-bażi ta' talba awtentikata minnu ta' werriet, eżekutur testamentarju jew persuna li għandha dritt għall-porzjoni riservata, għandu jawtentika ċ-ċertifikat dwar it-talba għall-porzjoni riservata - magħruf ukoll bħala ċ-ċertifikat tal-benefiċjarju tal-porzjoni riservata. Iċ-ċertifikat dwar il-benefiċjarju tal-porzjoni riservata għandu juri d-dettalji tal-benefiċjarju u s-sehem tal-porzjoni riservata bħala sehem legali tal-wirt.

Id-dritt għall-porzjoni riservata jista' jiġi rinunzjat permezz ta' ftehim dwar is-suċċessjoni bejn it-testatur u l-persuna li se tirtu. Il-kuntratt irid jiġi awtentikat minn nutar.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Mal-ftuħ tas-suċċessjoni - jiġifieri mal-mewt tat-testatur - il-wirt jgħaddu għand il-werrieta, li jistgħu ikunu werrieta skont ftehim dwar is-suċċessjoni, werrieta skont testment jew werrieta ab intestato.

Sabiex tiġi determinata l-eliġibbiltà għall-wirt, il-proċedimenti dwar is-suċċessjoni jistgħu jinbdew minn werriet, kreditur tat-testatur, legatarju jew persuna oħra bi dritt rigward il-wirt. Persuna li tixtieq tiftaħ proċedimenti trid tikkuntattja nutar; in-nutar iħejji u jawtentika bil-firma tiegħu l-applikazzjoni għal dan il-għan. Il-proċedimenti jistgħu isiru biss minn nutar wieħed; għalhekk jekk il-proċedimenti dwar is-suċċessjoni diġa' nbdew b'applikazzjoni quddiem nutar partikolari, in-nutar li jkun aċċetta t-tieni applikazzjoni jrid jgħaddiha lin-nutar li jkun qed imexxi diġa' l-proċedimenti ta' suċċessjoni.

Il-werriet jista' jew jaċċetta jew jirrinunzja l-legat. It-termini għar-rinunzja tad-dritt ta' suċċessjoni huwa tliet xhur. Dan il-perjodu jibda għaddej minn meta l-werriet isir jaf jew kellu jsir jaf bil-mewt tat-testatur u d-dritt għall-wirt. Jekk il-werriet ma jirrinunzjax għall-wirt matul dan iż-żmien, jiġi meqjus illi aċċetta l-wirt. Sabiex jaċċetta l-wirt, il-werriet jista' jmur għand in-nutar responsabbli għall-każ ta' suċċessjoni qabel ma jiskadi dan it-terminu.

Id-deċiżjoni tal-werriet biex jaċċetta jew jirrinunzja għall-wirt hija irriversibbli. Jekk il-wirt jiġi rifjutat, ma jistax jiġi aċċettat wara; jekk il-wirt jiġi aċċettat, ma jistax jiġi rrifjutat wara; Dan il-prinċipju japplika wkoll għall-aċċettazzjoni u r-rinunzja tal-legat - bl-eċċezzjoni illi l-legatarji li huma wkoll werrieta għandhom ukoll dritt għal-legat anke jekk ikunu rrifjutaw il-wirt.

Id-dikjarazzjonijiet ta' aċċettazzjoni u rinunzja tas-suċċessjoni jridu jiġu awtentikati minn nutar.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Is-suċċessjoni tinfetaħ mal-mewt tal-individwu. Mal-ftuħ tas-suċċessjoni, il-wirt jgħaddi għand il-werriet. Is-suċċessjoni hija bbażata fuq il-liġi jew fuq l-aħħar xewqat tat-testatur, permezz ta' testment jew ftehim dwar is-suċċessjoni. Id-dritt ta' suċċessjoni skont ftehim huwa ppreferut għad-dritt ta' suċċessjoni skont testment, u dawn it-tnejn terġa huma ppreferuti għad-dritt ta' suċċessjoni ab intestato.

Ma għandix għalfejn tiġi sottomessa applikazzjoni ġdida sabiex jingħata l-wirt. Mal-aċċettazzjoni tal-wirt, id-drittijiet u l-obbligi kollha tat-testatur jgħaddu għand il-werriet, ħlief dawk li min-natura tagħhom huma marbuta mal-persuna tat-testatur jew li bil-liġi ma jistgħux jiġu trasferiti. Jekk il-werriet jaċċetta l-wirt, is-sjieda tal-oġġetti fil-wirt jiġu meqjusa trasferiti retroattivament mid-data talfutħ tas-suċċessjoni. Jekk is-suċċessjoni ġiet aċċettata minn aktar minn werriet wieħed (ko-werrieta), il-eirt huma tagħhom b'mod konġunt.

Kull persuna b'kapaċità ġuridika tista' tiret - inklużi persuni fiżiċi li għadhom ħajjin meta' miet it-testatur, u l-persuni ġuridiċi li kienu stabbiliti dak iż-żmien. Wild li jitwieled ħaj wara l-ftuħ tas-suċċessjoni jitqies li jista' jiret jekk ikun ġie konċepit qabel il-ftuħ tas-suċċessjoni. Fondazzjoni mwaqqfa fuq il-bażi ta' testment jew ta' ftehim dwar is-suċċessjoni tiġi meqjusa li kienet teżisti mal-ftuħ tas-suċċessjoni jekk wara takkwista drittijiet bħala persuna ġuridika.

Il-konjuġi superstiti ma għandux dritt ta' suċċessjoni jew dritt għal sehem preferenzjali jekk it-testatur ressaq rikors għad-divorzju qabel miet jew talab għall-kunsens bil-miktub għad-divorzju, jew fi żmien meta' miet kellu dritt jitlob għall-annullament taż-żwieġ u ressaq rikors għal dan il-għan quddiem il-qorti.

Ġenitur li tneħħitlu s-setgħa tal-ġenituri ma jistax jiret lit-tfal tiegħu skont il-liġi.

Persuna li tissodisfa xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin ma tistax tiret:

  • jekk volontarjament toqtol jew tkun ittantat toqtol lit-testatur,
  • jekk bi ħsieb u kontra l-liġi tqiegħed lit-testatur f'sitwazzjoni fejn it-testatur ma kienx kapaċi jesprimi jew iħassar ix-xewqat testatmentarji tiegħu;
  • b'theddid jew bil-qerq ma ħallietx lit-testatur jagħmel jew ibiddel xidispożizzjoni testamentarja jew bl-istess mod ġielgħet lit-testatur biex jagħmel jew iħassar xi dispożizzjoni testamentarja jekk it-testatur ma setax jesprimi x-xewqat tiegħu dwar it-testment;
  • bi ħsieb u kontra l-liġi ħbiet jew qerdet testment jew ftehim dwar is-suċċessjoni jekk ma kienx aktar possibbli għat-testatur biex iġeddu;
  • jekk iffalsifikat it-testment li għamel it-testatur jew il-ftehim dwar is-suċċessjoni jew xi parti minnu.

Skont il-liġi Estonjana, il-benefiċjarju tal-porzjoni riservata mhux jitqiesx bħala werriet; Il-benefiċjarju tal-porzjoni riservata għalhekk għandu dritt kontra l-werrieta biex jitħallas skont il-liġi tal-obbligi. Id-dritt biex tintalab il-porzjoni riservata mingħand il-werrieta jseħħ jekk it-testatur, b'testment jew ftehim dwar is-suċċessjoni jkun iddiżereda lil dixxendent, lill-ġenituri tiegħu jew konjuġi li kellhom dritt jirtu ab intestato u li fir-rigward tiegħu it-testatur għandu, fi żmien il-mewt tiegħu, obbligu ta' manteniment skont l-Att dwar il-Liġi tal-Familja jew it-testatur ikun naqqas l-ishma tal-wirt meta' mqabbla mal-ishma skont is-suċċessjoni ab intestato. L-ammont tal-porzjoni riservata huwa ta' nofs il-valur tas-sehem tal-wirt li kien jirċievi l-werriet fil-każ ta' suċċessjoni ab intestato, li kieku l-werrieta kollha aċċettaw il-wirt.

Il-proċedimenti ta' suċċessjoni jistgħu jinbdew minn werriet, minn kreditur tat-testatur, legatarju jew persuna oħra li għandha dritt fuq il-wirt, permezz ta' rikors awtentikat minn nutar. Il-proċedimenti ta' suċċessjoni jsiru minn nutar Estonjan li għandu nbdew il-proċedimenti u li huwa mniżżel fir-reġistru ta' suċċessjoni bħala eżekutur tal-proċedimenti ta' suċċessjoni. Il-proċedimenti jistgħu isiru biss minn nutar wieħed; għalhekk jekk il-proċedimenti dwar is-suċċessjoni diġa' nbdew b'applikazzjoni quddiem nutar partikolari, in-nutar li jkun aċċetta t-tieni applikazzjoni jrid jgħaddiha lin-nutar li jkun qed imexxi diġa' l-proċedimenti ta' suċċessjoni. In-nutar jawtentika ċ-ċertifikat ta' suċċessjoni jekk ikollu biżżejjed provi dwar id-dritt ta' suċċessjoni ta' werriet. Jekk ikun hemm aktar minn werriet wieħed, in-nutar irid jindika l-valur tas-sehem mill-wirt ta' kull werriet.

Il-werriet jista' jew jaċċetta jew jirrinunzja għall-wirt. Jekk il-persuna li għandha dritt tiret ma tirrinunzjax għall-wirt fi żmien tliet xhur minn meta ssir taf jew kellha ssir taf bid-dritt tagħha għall-wirt, hija tiġi meqjusa li aċċettat il-wirt. Persuna li tirrinunzja għall-wirt tevita l-konsegwenzi legali marbuta mas-suċċessjoni.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Iva, il-werriet obbligat iwettaq l-obbligi kollha tat-testatur. Jekk il-wirt ma jkunx biżżejjed, il-werriet irid jagħmel tajjeb għad-dejn tat-testatur bil-propjetà tiegħu stess, sakemm ma jkunx għamel tajjeb għalihom, wara li jkun għamel inventarju, skont il-proċedura stabbilita mil-liġi, sakemm il-wirt ma jkunx ġie ddikjarat fallut jew il-proċedimenti ta' falliment ma jkunux ġew itterminati mingħajr dikarazzjoni ta' falliment.

Jekk il-werriet jitlob il-benefiċċju tal-inventarju, il-kredituri tiegħu ma jistgħux jissodisfaw it-talbiet tagħhom għall-ħlas kontra l-werriet bi flus mill-wirt sakemm ikun sar l-inventarju, iżda mhux aktar tard mill-iskadenza tat-terminu għall-inventarju.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Jekk it-testatur kellu propjetà immobbli, l-entrata fir-reġistru tal-artijiet ssir invalida ma' mewtu, għaliex il-persuna mniżżla fir-reġistru tal-artijiet bħala sid id-dritt reali mhix il-persuna li lilha jappartjeni d-dritt reali (fil-liġi sostantiva), peress illi l-assi kollha tat-testatur jgħaddu għand persuna oħra - il-werriet - mal-ftuħ tas-suċċessjoni.

Biex il-werriet/ta jidħlu fir-reġistru tal-artijiet, trid issir applikazzjoni għar-reġistrazzjoni mis-sid il-ġdid tad-dritt reali, u magħha jrid jiġi mehmuż dokument li juri s-suċċessjoni- jiġiieri ċ-ċertifikat ta' suċċessjoni.

Jekk id-dritt reali ġie trasferit lil numru ta' ko-werrieta, id-dikjarazzjoni ta' wieħed minnhom hija biżżejjed sabiex issir entrata korretta, jiġifieri mhemmx bżonn il-kunsens tagħhom kollha, għaliex werriet ma jistax iżomm titolu li diġa' ġie trasferit lilu milli jidher fuq ir-reġistru tal-artijiet. L-istess prinċipju japplika jekk ġiet trasferita parti minn komunità ta' ko-werrieta.

Il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi rekwiżiti speċjali jekk, skont iċ-ċertifikat ta' suċċessjoni, il-konjuġi kellhom propjetà bejniethom. F'dan il-każ, kull oġġett speċifiku jista' jkun kemm propjetà komuni jew separata, u din il-kwistjoni ma tistax tinqata' matul l-awtentikazzjoni taċ-ċertifikat ta' suċċessjoni.

Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi eċċezzjonijiet għas-sitwazzjoni fejn il-werrieta jkunu qasmu l-wirt għall-fini tal-likwidazzjoni tal-komunjoni, fejn jiġi determinat liema oġġetti jew partijiet minnhom, jew liema drittijiet u obbligi tal-wirt se jkollu kull werriet flimkien ma propjetà immobbli .

Jekk it-testatur qatt ma żżewweġ, jridu jiġu pprovduti dawn li ġejjin sabiex tiġi korretta d-dejta fir-reġistru tal-artijiet:

  • ċertifikat ta' suċċessjoni,
  • applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, awtentikata minn nutar jew iffirmata b'mod diġitali; applikazzjoni għar-reġistrazzjoni iffirmata b'mod diġitali trid tiġi ppreparata u sottomessa lid-dipartiment tar-reġistrazzjoni tal-artijiet fuq il-portal tar-reġistrazzjoni tal-artijiet (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://kinnistuportaal.rik.ee/KAEP/Login.aspx); il-portal jista' jiġi aċċessat permezz ta' karta tal-identità, ID tal-mowbajl, ċerti karti tal-identità barranin jew permezz tal-portal tal-Istat http://www.eesti.ee.

Ma titħallas l-ebda tariffa tal-Istat għall-korrezzjoni ta' entrata fir-reġistru tal-artijiet.

F'dan il-każ, il-werrieta kollha mniżżla fuq iċ-ċertifikat ta' suċċessjoni jitniżżlu fir-reġistru bħala ko-propjetarji.

Fl-istess każ fejn il-wirt jinqasam bejn il-kopropjetarji b'mod illi l-propjetà immobbli tinżamm minn ko-werriet speċifiku, dawn li ġejjin jridu jiġu sottomessi sabiex tiġi emendata l-entrata fir-reġistru tal-artijiet:

  • ftehim dwar id-diviżjoni tal-wirt, awtentikat minn nutar Estonjan,
  • applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (tista' tiġi nkluża fil-ftehim dwar id-diviżjoni tal-wirt, imsemmi hawn fuq).

Titħallas tariffa tal-Istat għall-korrezzjoni ta' entrata fir-reġistru tal-artijiet.

F'dan il-każ, il-persuna ndikata fil-ftehim dwar id-diviżjoni tal-wirt bħala l-persuna li lilha tingħata l-propjeta immobbli speċifika skont il-ftehim tiġi reġistrata bħala sid il-propjeta' fir-reġistru tal-artijiet.

Iċ-ċertifikat ta' suċċessjoni jrid jiġi ppreżentat lin-nutar għan-notarizzazzjoni tal-ftehim dwar id-diviżjoni tal-wirt.

Jekk iż-żwieġ tat-testatur ikun inħall fiż-żmien tal-ftuħ tas-suċċessjoni jew intemm bil-mewt tiegħu, iżda l-propjetà immobbli fil-wirt ma kienx il-propjetà komuni tal-eks konjuġi, jridu jiġu ppreżentati dawn li ġejjin sabiex tiġi korretta l-entrata fir-reġistru tal-artijiet:

  • ċertifikat ta' suċċessjoni,
  • ċertifikat tad-dritt ta' sjieda, li juri illi l-propjetà hija propjetà separata tat-testatur,
  • applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, awtentikata minn nutar jew iffirmata b'mod diġitali; applikazzjoni għar-reġistrazzjoni iffirmata b'mod diġitali li trid tiġi ppreparata u sottomessa lid-dipartiment tar-reġistrazzjoni tal-artijiet fuq il-portal tar-reġistrazzjoni tal-artijiet (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://kinnistuportaal.rik.ee/KAEP/Login.aspx); il-portal jista' jiġi aċċessat permezz ta' karta tal-identità Estonjana, ID tal-mowbajl, ċerti karti tal-identità barranin jew permezz tal-portal tal-Istat, https://www.eesti.ee.

Ma titħallas l-ebda tariffa tal-Istat għall-korrezzjoni ta' entrata fir-reġistru tal-artijiet.

Il-werrieta kollha mniżżla fuq iċ-ċertifikat ta' suċċessjoni jitniżżlu fir-reġistru tal-artijiet.

Għall-finijiet tan-notarizzazzjoni taċ-ċertifikat tad-dritt ta' sjieda, l-applikant irid jipprova lin-nutar illi l-propjetà kienet propjetà esklussiva (propjetà separata) tal-konjuġi. Bħala regola ġenerali, id-dokumenti li jikkostitwixxu l-bażi għall-akkwist tal-propjetà għandhom jingħataw lin-nutar, jekk in-nutar ma jistax jiksibhom, sabiex jiġi ppruvat illi l-konjuġi kienu qasmu l-propjetà jew ikklassifikaw l-ass bħala propjetà separata (pereżempju ftehim dwar il-propjetà matrimonjali, ftehim dwar id-diviżoni tal-propjetà konġunta, dokument ieħor dwar l-akkwist li juri illi hija propjetà separata, bħal kuntratt mingħajr ħlas, eċċ).

Jekk iż-żwieġ tat-testatur kien inħall fiż-żmien tal-ftuħ tas-suċċessjoni jew intemm bil-mewt tiegħu, u l-propjetà immobbli fil-wirt kienet propjetà komuni tal-eks konjuġi, jridu jiġu ppreżentati dawn li ġejjin sabiex tiġi korretta l-entrata fir-reġistru tal-artijiet:

  • ċertifikat ta' suċċessjoni,
  • ċertifikat tad-dritt ta' sjieda, li juri illi l-propjetà hija propjetà tat-testatur u tal-eks konjuġi tiegħu,
  • applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, awtentikata minn nutar jew iffirmata b'mod diġitali; applikazzjoni għar-reġistrazzjoni iffirmata b'mod diġitali li trid tiġi ppreparata u sottomessa lid-dipartiment tar-reġistrazzjoni tal-artijiet fuq il-portal tar-reġistrazzjoni tal-artijiet (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://kinnistuportaal.rik.ee/KAEP/Login.aspx); il-portal jista' jiġi aċċessat permezz ta' karta tal-identità Estonjana, ID tal-mowbajl, ċerti karti tal-identità barranin jew permezz tal-portal tal-Istat, https://www.eesti.ee.

Ma titħallas l-ebda tariffa tal-Istat għall-korrezzjoni ta' entrata fir-reġistru tal-artijiet.

Il-werrieta kollha mniżżla fiċ-ċertifikat ta' suċċessjoni u l-konjuġi superstiti jew eks konjuġi jitniżżlu fir-reġistru tal-artijiet humiex werrieta jew le.

Għall-finijiet tan-notarizzazzjoni taċ-ċertifikat tad-dritt ta' sjieda, l-applikant irid jipprova lin-nutar illi l-propjetà kienet propjetà esklussiva (propjetà separata) tal-konjuġi. Bħala regola ġenerali, id-dokumenti li jservu bħala bażi għall-akkwist tal-propjetà għandhom jingħataw lin-nutar, jekk in-nutar ma jkunx jista' jiksibhom hu stess (fost l-oħrajn, il-ftehim dwar id-diviżjoni tal-propjetà konġunta, il-kuntratt dwar il-propjetà matrimonjali).

Jekk iż-żwieġ tat-testatur kien inħall fiż-żmien tal-ftuħ tas-suċċessjoni jew intemm bil-mewt tiegħu, u l-propjetà immobbli fil-wirt kienet propjetà komuni tal-eks konjuġi u l-wirt huwa maqsum bejn ko-werrieta b'mod illi l-propjetà immobbli se tinżamm minn werriet speċifiku,jridu jiġu ppreżentati dawn li ġejjin sabiex tiġi korretta l-entrata fir-reġistru tal-artijiet:

  • ċertifikat tad-dritt ta' sjieda u ftehim dwar id-diviżjoni tal-propjetà matrimonjali konġunta, awtentikata minn nutar Estonjan.
  • applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (tista' tiġi nkluża fil-ftehim imsemmi hawn fuq dwar id-diviżjoni tal-propjetà konġunta u l-wirt).

Għall-korrezzjoni ta' entrata fir-reġistru tal-artijiet trid titħallas tariffa lill-Istat.

Bħala riżultat tad-diviżjoni tal-propjetà matrimonjali konġunta, it-testatur u l-konjuġi superstiti jitniżżlu fir-reġistru tal-artijiet bħala s-sidien skont l-ishma legali tagħhom. Il-werrieta mniżżla fiċ-ċertifikat ta' suċċessjoni li tiġi trasferita lilhom is-sjieda ta' propjetà immobbli speċifika skont il-ftehim jitniżżlu fir-reġistru tal-artijiet bħala s-sidien tas-sehem legali tat-testatur. Jekk is-sehem legali li jmiss lill-werrieta jinqasam bejniethom, id-daqs ta' dak is-sehem

Għall-finijiet tan-notarizzazzjoni taċ-ċertifikat tad-dritt ta' sjieda, l-applikant irid jipprova lin-nutar illi l-propjetà kienet propjetà konġunta.

F'dan il-każ wieħed jista' wkoll jissottometti dawn li ġejjin biex jemenda l-entrata fir-reġistru tal-artijiet:

  • ftehim dwar id-diviżjoni tal-propjetà konġunta tal-eks konjuġi u ftehim dwar id-diviżjoni tal-wirt, awtentikat minn nutar Estonjan,
  • applikazzjoni għar-reġistrazzjoni (tista' tiġi nkluża fil-ftehim imsemmi hawn fuq dwar id-diviżjoni tal-propjetà konġunta u l-wirt).

Għall-korrezzjoni ta' entrata fir-reġistru tal-artijiet trid titħallas tariffa lill-Istat.

Il-persuna ndikata fil-ftehim dwar id-diviżjoni tal-wirt bħala l-persuna li lilha tingħata l-propjeta immobbli speċifika skont il-ftehim tiġi reġistrata bħala sid il-propjeta' fir-reġistru tal-artijiet.

Għall-finijiet tan-notarizzazzjoni taċ-ċertifikat tad-dritt ta' sjieda, l-applikant irid jipprova lin-nutar illi l-propjetà kienet propjetà konġunta.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Fil-każ tal-mewt tat-testatur, il-qorti trid timplimenta miżuri għall-ġestjoni tal-wirt jekk:

  • mhux magħruf min hu l-werriet,
  • mhemmx werriet fil-post fejn jinsab il-wirt,
  • mhux magħruf jekk il-werriet aċċettax il-wrt,
  • il-werriet għandu kapaċità restrittiva u ma ġiex innominat kuratur għalih,
  • jeżistu raġunijiet oħra skont il-liġi.

Il-miżuri għall-ġestjoni tal-wirt huma l-organizzazzjoni tal-amministrazzjoni tal-wirt u l-applikazzjoni ta' miżuri biex issir miżura pprovduta fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili. Il-qorti taħtar amministratur għall-ġestjoni tal-wirt.

Il-qorti trid timplimenta dawk il-miżuri ta' ġestjoni ex officcio sakemm il-liġi ma tipprovdix mod ieħor. Il-qorti tista' tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tal-miżuri għall-ġestjoni ta' wirt fuq talba ta' kreditur tat-testatur, legatarju jew kull persuna oħra li għandha dritt fuq il-wirt jekk il-falliment tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' ġestjoni jista' jippreġudika l-għotja tat-talba tal-persuna msemmija hawn qabel mill-assi tal-wirt. F'każ ta' tilwim dwar min għandu dritt jiret, qorti tista' tiddeċiedi wkoll dwar l-applikazzjoni ta' miżuri għall-ġestjoni tal-wirt fuq talba ta' persuna li qed titlob ir-rikonoxximent tad-dritt tagħha ta' suċċessjoni.

F'każ illi xewqa testamentarja ma tiġix eżegwita, il-qorti tista' taħtar amministratur biex jeżegwixxi x-xewqat fuq petizzjoni minn persuna interessata. L-amministratur għandu d-drittijiet u l-obbligi ta' eżekutur testamentarju fir-rigward tal-propjetà magħżula għall-eżekuzzjoni ta' xewqa testamentarja.

L-istituzzjonijiet nazzjonali u tal-gvern lokali, in-nutara u l-bailiffs huwa obbligati jinnotifikaw lill-qorti bil-ħtieġa li, jekk isiru jafu bihom, jiġu implimentati l-miżuri ta' ġestjoni.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Jekk ikunu għadhom ma ġewx implimentati l-miżuri ta' ġestjoni fir-rigward tal-wirt, il-werrieta jamministrawh flimkien. Il-werrieta għandhom obbligu jwettqu d-dispożizzjonijiet kollha magħmula fit-testment, inluż it-trasferiment tal-wirt permezz tad-dispożizzjonijiet magħmula fit-testment.

Jekk il-miżuri ta' ġestjoni ġew implimentati, il-wirt jiġi amministrat mill-amministratur maħtur mill-qorti, li jista' jirċievi struzzjonijiet mingħand il-qorti dwar il-pussess, l-użu u t-trasferiment tal-assi. L-amministratur jista' jittrasferixxi l-wirt biss biex ikun jista' jwettaq l-obbligi tiegħu u biex ikopri l-ispejjeż marbuta mal-amministrazzjoni tal-wirt. L-amministratur għandu jaqdi l-obbligi tal-amministratur tal-wirt li tistabbilixxi l-liġi.

Jekk it-testment isemmi l-ħatra ta' eżekutur, werriet ma jistax jiddisponi mill-oġġetti li jiffurmaw parti mill-wirt illi huma meħtieġa mill-eżekutur biex iwettaq dmirijietu. L-eżekutur għandu l-obbligu li jamministra l-assi b'mod prudenti u jagħti lill-werrieta l-oġġetti li ma għandux bżonn fl-eżekuzzjoni tat-testment. Sakemm il-werriet jasal biex jaċċetta l-wirt, l-eżekutur huwa obbligat iwettaq id-dmirjiet ta' amministatur tal-wirt jew jitlob li jkun l-amministratur.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

Id-drittijiet, l-obbligi u s-setgħat tal-amministratur tal-wirt

  • jamministra l-propjetà b'mod prudenti u jiżgura l-preservazzjoni tiegħu.
  • jipprovdi manteniment mill-wirt lill-membri tal-familja li kienu jgħixu mat-testatur sakemm miet u li kienu jirċievu manteniment mingħandu.
  • jissodisfa l-obbligi marbuta mal-wirt mill-wirt stess u jagħti rapport dwar l-amministrazzjoni tal-propjetà lill-qorti u lill-werrieta.
  • jieħu fil-pussess tiegħu il-wirt li jkun għand werriet jew parti terza jew jiggarantixxi s-separazzjoni tal-wort mill-propjetà tal-werriet b'kull mezz ieħor, jekk ikun meħtieġ għall-preservazzjoni tal-wirt.
  • jissottometti applikazzjoni quddiem nutar għall-ftuħ tal-proċedimenti ta' suċċessjoni, jekk meħtieġ, jew jieħu miżuri oħra għall-identifikazzjoni tal-werriet jekk in-nutara Estonjani ma għandhomx kompetenza biex imexxu l-proċedimenti ta' suċċessjoni
  • l-amministratur tal-wirt, wara li jkun għamel inventarju, jrid jissodisfa t-talbiet imdaħħla fl-inventarju tal-wirt li għalihom waslet il-ġurnata ta' skadenza. L-amministratur tal-wirt jista' jissodisfa t-talbiet li għadhom mhux dovuti bil-kunsens tal-werriet biss. Jekk il-qorti tiddeċiedi wkoll dwar l-applikazzjoni tal-miżuri għall-ġestjoni ta' wirt fuq talba ta' kreditur tat-testatur, legatarju jew kull persuna oħra li għandha dritt fuq il-wirt, fejn il-falliment tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' ġestjoni jista' jippreġudika l-għotja tat-talba tal-persuna msemmija hawn qabel mill-assi tal-wirt, l-amministratur irid, wara t-tħejjija tal-inventarju tal-wirt, jissodisfa t-talbiet kollha mdaħħla fl-inventarju tal-wirt mill-assi tal-wirt fl-ordni stabbilit mil-liġi. Il-wirt ma jistax jingħata lill-werriet qabel jiġu sodisfati t-talbiet kollha.
  • Jekk il-wirt ma jkunx biżżejjed biex jiġu sodisfati t-talbiet kollha u l-werriet ma jaqbilx illi dawn għandhom joħorġu mill-propjetà tiegħu stess, l-amministratur tal-wirt jew il-werriet irid jissottometti fil-pront applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta' falliment tal-wirt. Amministratur jista' jiddisponi mill-wirt biss biex jissodisfa l-obbligi mniżżla fih u biex ikopri l-ispejjeż marbuta mal-amministrazzjoni tal-wirt. Amministratur ma għandux dritt jiddisponi minn propjetà immobbli li qiegħda fil-wirt mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-qorti. Dan ma japplikax f'każ fejn ma nstabx werriet fi żmien sitt xhur mill-ftuħ tas-suċċessjoni jew jekk il-werriet li aċċetta s-suċċessjoni għadu ma bediex jamministra l-wirt fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tal-wirt; f'dan il-każ, l-amministratur jista' jbiegħ mill-wirt wara li jkun għamel inventarju u ddepożita l-flus            mill-bejgħ ta' oġġetti mill-wirt.
  • Il-werriet ma għandux dritt jiddisponi mill-wirt li ġie mogħti f'idejn amministratur għall-finijiet ta' amministrazzjoni.
  • L-amministratur tal-wirt għandu dritt jirċievi tariffa għall-qadi ta' dmirijietu, bl-ammont jiġi determinat minn qorti.

Id-drittijiet, l-obbligi u s-setgħat ta' eżekutur testamentarju

  • Eżekutur testamentarju jaqdi d-dmirijiet stabbiliti mil-liġi sakemm ma jkunx provdut mod ieħor fit-testment. L-eżekutur testamentarju jista' jidderoga mid-dmirijiet mogħtija lilu fit-testment bil-kunsens tal-partijiet interessati jekk dan ikun fl-interess tal-eżekuzzjoni tax-xewqa testamentarja tat-testatur.
  • L-eżekutur huwa obbligat li, minnufih wara li jkun aċċetta l-kariga, jagħti lill-werriet lista ta' oġġetti fis-suċċessjoni illi jeħtieġ biex ikun jista' jaqdi dmirijietu.
  • Sakemm il-werriet jasal biex jaċċetta l-wirt, l-eżekutur huwa obbligat jaqdi d-dmirjiet ta' amministatur tal-wirt jew jitlob li jkun l-amministratur.
  • L-eżekutur testamentarju huwa meħtieġ jeżegwixxi l-legati, l-obbligi testamentarji, ix-xewqat testamentarji u obbligi oħra ġejjin mit-testment jew mill-ftehim dwar is-suċċessjoni.
  • L-eżekutur testamentarju huwa meħtieġ jamministra bi prudenza u jippreserva l-wirt li huwa meħtieġ għall-qadi ta' dmirijietu.
  • Eżekutur testamentarju għandu jieħu fil-pussess tiegħu oġġett li jifforma parti minn wirt jew jiżgura b'mezzi oħra s-separazzjoni tal-oġġett mill-propjetà tal-werriet jekk huwa meħtieġ għall-qadi tad-dmirijiet tal-eżekutur testamentarju.
  • Eżekutur testamentarju għandu dritt jieħu fuqu obbligi fir-rigward ta' suċċessjoni u li jiddisponi minn oġġetti li jiffurmaw parti mill-wirt, jekk ikun meħtieġ għat-twettiq tad-dmirijiet tiegħu.
  • Jekk it-testatur għamel dispożizzjonijiet fir-rigward tad-diviżjoni tal-wirt, l-eżekutur testamentarju għandu jaqsam il-wirt bejn il-werrieta.
  • L-eżekutur testamentarju għandu dritt jirrappreżenta werriet jew legatarju sa fejn hu meħtieġ għat-twettiq ta' dmirijietu.
  • L-eżekutur testamentarju irid jagħti lill-werrieta dawk l-oġġetti mill-wirt li qiegħdin fl-pussess tiegħu u li ma għandux bżonn fit-twettiq ta' dmirijietu.
  • Jekk eżekutur testamentarju mhux meħtieġ jeżegwixxi personalment dispożizzjoni tat-testatur, l-eżekutur jista' jitlob li din issir minn werriet.
  • Werriet ma għandux dritt jiddisponi mill-oġġetti li jiffurmaw parti mill-wirt illi għandu bżonn l-eżekutur testamentarju biex jaqdi dmirijietu.
  • Eżekutur testamentarju huwa responsabbli għal kull dannu li jikkawża lill-werriet jew legatarju meta' ma jaqdix dmirijietu.
  • Eżekutur testamentarju jrid jagħti rapport dwar l-attività tiegħu lill-werrieta u l-legatarji.
  • L-ispejjeż neċessarji li jġarrab l-eżektur fil-qadi ta' dmirijietu jiġu rimborzati mill-wirt.
  • Huwa għandu dritt jitlob kumpens xieraq għall-ħidma tiegħu sakemm ma jkunx provdut mod ieħor fit-testment.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Jekk jingħataw biżżejjed provi dwar id-dritt ta' suċċessjoni tal-werrieta u l-firxa tiegħu, in-nutar jinnotarizza ċ-ċertifikat ta' suċċessjoni, fejn jindika d-daqsa tas-sehem mill-wirt ta' kull werriet; madankollu ċ-ċertifikat ma jindikax minn xiex hu kompost il-wirt.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 29/10/2018