Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Informazzjoni ġenerali - Ungerija

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ungeriż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.

LISTA TAL- KONTENUT

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

a) testmenti

Hemm tliet tipi ewlenin ta' testmenti fl-ordinament ġuridiku Ungeriż: testmenti awtentiċi, testmenti privati miktubin u (bħala tip eċċezzjonali) testmenti orali (l-Artikolu 7:13 tal-Kodiċi Ċivili (Polgári Törvénykönyv)).

(aa) Testment awtentiku jrid ikun abbozzat quddiem nutar pubbliku. Meta jiġi abbozzat testment awtentiku, in-nutar pubbliku japplika r-regolamenti ġuridiċi speċjali rilevanti (id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar in-nutara pubbliċi applikabbli għall-atti notarili).

ab) Il-liġi Ungeriża tagħraf tliet sottotipi ta' testmenti privati miktubin:

- testment olografiku: dan it-testment huwa validu fir-rigward tal-forma jekk ikun interament miktub u ffirmat mit-testatur b'idu (l-Artikolu 7:17(1)(a) tal-Kodiċi Ċivili);

- testment miktub minn persuni oħrajn (testment allografiku): dawn it-testmenti jridu jkunu ffirmati mit-testatur fil-preżenza kontemporanja ta' żewġ xhieda jew, jekk ikunu ġew iffirmati qabel, it-testatur irid jiddikjara li l-firma tkun tiegħu quddiem żewġ xhieda waqt li jkunu kontemporanjament preżenti. Ix-xhieda jridu jiffirmaw it-testment billi jindikaw il-kapaċità tagħhom għal dan. Testmenti ttajpjati dejjem jitqiesu bħala allografiċi anke jekk ikunu ttajpjati mit-testatur stess (l-Artikolu 7:17(1)(b) tal-Kodiċi Ċivili).

- testment privat iddepożitat ma' nutar pubbliku: Biex dan it-testment ikun validu fir-rigward tal-forma, it-testatur irid jiffirma t-testment (sew jekk allografiku u sew jekk olografiku) huwa stess, u mbagħad jiddepożitah personalment ma' nutar pubbliku, filwaqt li jimmarkah speċifikatament bħala testment. It-testmenti jistgħu jkunu ddepożitati ma' nutar pubbliku bħala dokument miftuħ jew dokument issiġġillat (l-Artikolu 7:17(1)(c) tal-Kodiċi Ċivili).

Peress li rekwiżit formali għall-validità tat-tliet tipi kollha ta' testmenti privati fir-rigward tal-forma, id-data ta' meta ġie abbozzat trid tkun indikata biċ-ċar fl-att innifsu.

Fil-kategorija ta' testmenti privati miktubin hemm regoli speċjali applikabbli għat-testmenti li jikkonsistu f'bosta folji separati:

- Jekk it-testment ikun olografiku, kull folja jrid ikollha numru tal-paġna f'sekwenza;

- Jekk it-testment ikun allografiku, minbarra r-rekwiżit tal-innumerar f'sekwenza tal-folji, it-testatur u ż-żewġ xhieda jridu jiffirmaw kull folja (l-Artikolu 7:17(2) tal-Kodiċi Ċivili).

Testment miktub jista' jsir biss f'lingwa li t-testatur jifhimha u

- jiktibha (fil-każ ta' testment olografiku); jew

- jaqraha (fil-każ ta' testment allografiku).

Testmenti abbozzati f'lingwaġġ imqassar jew kitba oħra kkodifikata jew bis-simboli mhumiex validi (l-Artikolu 7:16 tal-Kodiċi Ċivili).

ac) Testmenti orali jistgħu jsiru minn persuni li jkunu f'sitwazzjoni straordinarja ta' periklu għal ħajjithom li minħabba fiha ma jkunx possibbli li jagħmlu testment bil-miktub (l-Artikolu 7:20 tal-Kodiċi Ċivili). Biex isir testment orali, it-testatur irid jesprimi t-testment kollu oralment fil-preżenza kontemporanja ta' żewġ xhieda f'lingwa mifhuma miż-żewġ xhieda – jew f'lingwa tas-sinjali jekk it-testatur juża lingwa tas-sinjali – u jħabbar fl-istess ħin li d-dikjarazzjoni orali tiegħu tikkostitwixxi t-testment tiegħu (l-Artikolu 7:21 tal-Kodiċi Ċivili). In-natura eċċezzjonali tat-testmenti orali hija enfasizzata mid-dispożizzjoni li dan it-testment ma jibqax operattiv jekk it-testatur ikollu l-opportunità li jagħmel testment bil-miktub mingħajr ebda diffikultà tul perjodu ta' tletin jum konsekuttivi wara tmiem is-sitwazzjoni li kienet tiġġustifika li jsir testment orali (l-Artikolu 7:45 tal-Kodiċi Ċivili).

b) regoli speċjali dwar il-forma ta' testmenti unica charta

Il-Kodiċi Ċivili jippermetti lill-miżżewġin jagħmlu testment unica charta matul il-komunjoni konjugali tagħhom (l-Artikolu 7:23 tal-Kodiċi Ċivili).

Ta' min jinnota li minbarra l-miżżewġin, sħab irreġistrati jistgħu wkoll jagħmlu testment unica charta, skont l-Artikolu 3(1) tal-Att li jirregola s-sħubijiet irreġistrati (l-Att XXIX tal-2009).

Il-miżżewġin (u s-sħab irreġistrati) jistgħu jagħmlu testment unica charta fil-formati li ġejjin:

ba) fil-forma ta' testment awtentiku (notarizzat);

bb) fil-forma ta' testment olografiku privat: F'dan il-każ, l-att jinkiteb kollu u jiġi ffirmat minn wieħed mit-testaturi fil-kitba t'idu, u t-testatur l-ieħor jiddikjata fl-istess dokument f'dikjarazzjoni ffirmata li ssir fil-kitba t'idu li d-dokument fih ukoll it-testment u l-aħħar xewqat tiegħu.

bc) f'forma allografika: F'dan il-każ, l-att ikun iffirmat mit-testaturi fil-preżenza kontemporanja tat-testatur l-ieħor u ta' żewġ xhieda, jew (jekk ikun iffirmat qabel) iż-żewġ testaturi jiddikjaraw separatament fil-preżenza kontemporanja tat-testatur l-ieħor u x-xhieda li l-firma fuq id-dokument hija tagħhom.

Hemm regoli speċjali applikabbli għall-forma tat-testmenti unica charta li jikkonsistu minn bosta folji separati:

- Jekk it-testment ikun bil-kitba ta' wieħed mit-testaturi, kull folja tat-testment trid tkun innumerata f'sekwenza u ffirmata mit-testatur l-ieħor;

- Jekk it-testment ikun allografiku, minbarra r-rekwiżit tal-innumerar f'sekwenza tal-paġni, iż-żewġ testaturi u ż-żewġ xhieda jridu jiffirmaw kull folja (l-Artikolu 7:23(3) tal-Kodiċi Ċivili).

c) ftehim dwar suċċessjoni

Fil-liġi Ungeriża, ftehim dwar suċċessjoni huwa ftehim fejn wieħed mill-partijiet kontraenti (it-testatur) jinnomina lill-parti l-oħra bħala l-werrieta tiegħu bi tpartit ma' manteniment, annwalità jew kura (l-Artikolu 7:48 tal-Kodiċi Ċivili).

Għaldaqstant, fil-liġi Ungeriża ftehim dwar is-suċċessjoni dejjem ikun kuntratt għal interess pekunjarju. Fil-ftehim dwar suċċessjoni t-testatur jista' jinnomina lill-parti kontraenti l-oħra bħala l-werrieta tiegħu fir-rigward tal-patrimonju kollu jew ta' parti speċifika minnu jew fir-rigward ta' ċerta proprjetà. Il-manteniment, annwalità jew kura offruta tista' tingħata lit-testatur jew lil parti terza speċifikata fil-ftehim. Ftehim dwar is-suċċessjoni huwa dispożizzjoni ta' proprjetà causa mortis biss fir-rigward ta' dikjarazzjoni kuntrattwali tat-testatur imma mhux fir-rigward tal-parti kontraenti l-oħra (il-persuna li tipprovdi l-manteniment, annwalità jew kura).

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-testmenti miktubin japplikaw għar-rekwiżiti tal-validità formali tal-ftehimiet dwar suċċessjoni bl-eċċezzjoni li r-rekwiżiti formali tat-testmenti allografiċi japplikaw għal dawn il-ftehimiet anke jekk ikunu abbozzati fil-kitba ta' waħda mill-partijiet (l-Artikolu 7:49(1) tal-Kodiċi Ċivili). Għaldaqstant, ftehim dwar is-suċċessjoni jkun formalment validu jekk

- ikun eżegwit fi strument awtentiku minn nutar pubbliku (b'mod simili għal testment awtentiku), jew

- ikun eżegwit fil-mod meħtieġ għal testmenti allografiċi (jiġifieri jkunu involuti żewġ xhieda).

Għall-validità ta' ftehim dwar is-suċċessjoni, il-kunsens tar-rappreżentanza legali u l-approvazzjoni tal-awtorità tal-gwardjahuma meħtieġa jekk il-parti li tidħol fi ftehim dwar suċċessjoni bħala t-testatur tkun

- minuri ta' kapaċità ġuridika limitata jew

- persuna li l-kapaċità ġuridika tagħha tkun ġiet parzjalment limitata fir-rigward tal-għemil ta' dikjarazzjonijiet ġuridiċi relatati mal-proprjetà (l-Artikolu 7:49(2) tal-Kodiċi Ċivili).

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Le. Il-validità tad-dispożizzjoni mhix kontinġenti mad-dħul tagħha f'xi reġistru uffiċjal. Madankollu, f'każijiet fejn ikun involut nutar pubbliku fl-abbozzar ta' dispożizzjoni, dak in-nutar pubbliku jipprovdi ex officio fl-entrata tal-fatt li ġiet abbozzata dispożizzjoni ta' proprjeta (jew ġiet revokata jew emendata jew ġie rrevokat testment iddepożitat ma' nutar pubbliku) fir-Reġistru Nazzjonali tat-Testmenti (Végrendeletek Országos Nyilvántartása). Għaldaqstant, l-għemil tat-tipi ta' dispożizzjoni tal-proprjetà causa mortis li ġejjin (jew ir-revoka jew emenda tagħhom jew l-irtirar ta' testmenti ddepożitati ma' nutar pubbliku) jiddaħħal fir-Reġistru Nazzjonali tat-Testmenti:

- testment awtentiku (testment imfassal minn nutar pubbliku fi strument awtentiku);

- testment privat iddepożitat ma' nutar pubbliku;

- ftehim dwar suċċessjoni (jekk imfassal minn nutar pubbliku fi strument awtentiku);

- għotja testamentarja (jekk imfassla minn nutar pubbliku fi strument awtentiku).

Madankollu, l-omissjoni ta' din ir-reġistrazzjoni għal kwalunkwe raġuni ma tikkompromettix il-validità tat-testment.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Skont l-Artikolu 7:10 tal-Kodiċi Ċivili, it-testaturi huma intitolati jiddisponu liberament mill-proprjetà tagħhom, jew parti minnha, permezz ta' dispożizzjoni tal-proprjetà causa mortis.

Għaldaqstant, il-libertà tad-dispożizzjoni testamentarja testendi għall-beni kollha tat-testatur. Għalkemm il-liġi Ungeriża tinkludi l-arranġament statutorju tas-sehem riżervat li jmur għand ċerti qraba (dixxendenti, konjuġi, ġenituri) tat-testatur, is-sehem riżervat skont il-liġi Ungeriża hija talba suġġetta għal-liġi tal-kuntratti, li l-benefiċjarju jista' jeżegwixxi kontra l-werrieta. (Il-preskrizzjoni għal din it-talba hija ta' ħames snin.) Il-persuna intitolata għal sehem riżervat ma ssirx werrieta, jiġifieri, ma tkun intitolata għall-ebda sehem materjali (in rem) mill-patrimonju lanqas jekk ikun irnexxielha teżegwixxi t-talba tagħha kontra l-werriet.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Fin-nuqqas ta' dispożizzjoni tal-proprjetà causa mortis, is-suċċessjoni tkun irregolata mir-regoli applikabbli għas-suċċessjoni ab intestato. Fis-suċċessjoni ab intestato, il-qraba (dixxendenti, qraba fil-linji axxendenti jew laterali) kif ukoll il-konjuġi (jew sieħeb irreġistrat) superstiti tal-persuna deċeduta jirtu, skont ir-regoli spjegati hawn taħt.

a) Wirt minn qraba

aa) Wirt minn dixxendenti (l-Artikolu 7:55 tal-Kodiċi Ċivili)

Il-werrieta legali huma, qabel xejn, ulied it-testatur; żewġt itfal jew iktar jirtu f'sehem indaqs. Minflok wild (jew dixxendent iktar distanti) eskluż mis-suċċessjoni, id-dixxendenti ta' persuna eskluża mis-suċċessjoni jirtu skont ir-regoli ta' sostituzzjoni, jiġifieri,

- f'sehem indaqs bejniethom;

- bħala total, is-sehem li l-axxendent eskluż tagħhom kien jiret.

Madankollu, fid-determinazzjoni tas-sehem mill-patrimonju li jmur għand id-dixxendenti tal-persuna deċeduta, l-hekk imsejjaħ obbligu ta' restituzzjoni ta' għotjiet tad-dixxendenti jrid jiġi kkunsidrat ukoll (ara l-punt e)).

ab) Wirt minn ġenituri u dixxendenti tal-ġenituri (l-Artikolu 7:63tal-Kodiċi Ċivili)

Jekk it-testatur ma jkollu l-ebda dixxendent u ma kellux konjuġi (jew jekk dawn ikunu esklużi mis-suċċessjoni), il-ġenituri tad-dixxendent jirtu f'sehem indaqs. Minflok ġenitur eskluż mis-suċċessjoni, id-dixxendenti ta' dak il-ġenitur jirtu bl-istess mod li d-dixxendenti ta' wild jirtu minfloku (skont ir-regoli tas-sostituzzjoni). Jekk ġenitur eskluż mis-suċċessjoni ma jkollu l-ebda dixxendent, jew jekk id-dixxendent ikun eskluż mis-suċċessjoni, jirtu l-ġenitur l-ieħor waħdu jew id-dixxendenti tiegħu.

ac) Wirt minn nanniet u dixxendenti tan-nanniet (l-Artikolu 7:63tal-Kodiċi Ċivili)

Jekk il-persuna deċeduta ma jkollhiex dixxendenti, ġenituri jew dixxendenti tal-ġenituri u ma kellhiex konjuġi (jew jekk ikunu esklużi mis-suċċessjoni), in-nanniet tal-persuna deċeduta jkunu l-werrieta legali ta' sehem indaqs. Minflok nannu jew nanna eskluża mis-suċċessjoni, id-dixxendenti ta' dak in-nannu jew nanna jirtu bl-istess mod li d-dixxendenti tal-ġenitur jirtu minflok dak il-ġenitur (skont ir-regoli tas-sostituzzjoni).

Jekk nannu jew nanna eskluża mis-suċċessjoni ma jkollha l-ebda dixxendent, jew jekk id-dixxendent ikun eskluż mis-suċċessjoni, jiret il-konjuġi ta' dak in-nannu jew nanna minflokha, u jekk dak ikun eskluż ukoll, jirtu d-dixxendenti tiegħu. Jekk koppja ta' nanniet tkun eskluża u ma jkollhiex dixxendenti biex jieħdu posthom (jew jekk ikunu esklużi mis-suċċessjoni), il-patrimonju kollu jintiret mill-koppja ta' nanniet l-oħra jew id-dixxendenti tagħhom.

ad) Wirt minn bużnanniet u dixxendenti tal-bużnanniet (l-Artikolu 7:65tal-Kodiċi Ċivili)

Jekk ma jkun hemm l-ebda werrieta mill-grupp tal-parentela tan-nanniet (jew jekk ikunu esklużi mis-suċċessjoni), il-werrieta legali tal-persuna deċeduta jkunu l-bużnanniet f'sehem indaqs. Minflok bużnannu jew bużnanna eskluża mis-suċċessjoni, id-dixxendenti ta' dak il-bużnannu jew bużnanna jirtu bl-istess mod li d-dixxendenti tan-nanniet jirtu minflokhom (skont ir-regoli tas-sostituzzjoni).

Jekk bużnannu jew bużnanna eskluża mis-suċċessjoni ma jkollha l-ebda dixxendent (jew jekk id-dixxendent ikun eskluż mis-suċċessjoni) jiret il-konjuġi ta' dak il-bużnannu jew bużnanna minflokha, u jekk dak ikun eskluż ukoll, jirtu d-dixxendenti tiegħu. Jekk koppja ta' bużnanniet tkun eskluża u ma jkollhiex dixxendenti biex jieħdu posthom (jew jekk ikunu esklużi mis-suċċessjoni), il-patrimonju kollu jintiret mill-koppja ta' bużnanniet l-oħra f'sehem indaqs.

ae) Suċċessjoni ab intestato minn qraba distanti (l-Artikolu 7:66tal-Kodiċi Ċivili)

Jekk il-persuna deċeduta ma jkollhiex bużnanniet jew dixxendenti tal-bużnanniet (jew jekk ikunu esklużi mis-suċċessjoni), qraba distanti tal-persuna deċeduta jkunu l-werrieta legali ta' sehem indaqs.

af) Bona vacantia (l-Artikolu 7:74 tal-Kodiċi Ċivili)

Fin-nuqqas ta' werrieta legali, il-patrimonju jgħaddi għand l-Istat.

L-Istat huwa werriet tal-bżonn, li jfisser li ma jistax jirrinunzja għall-wirt. F'affarijiet oħra, madankollu, l-Istat għandu l-istess status ġuridiku bħall-werrieta l-oħra. Skont il-liġi Ungeriża, il-wirt tal-Istat huwa akkwist suġġett għad-dritt ċivili u mhux għad-dritt pubbliku.

b) Wirt mill-konjuġi (l-Artikoli 7:58 – 7:62tal-Kodiċi Ċivili)

Is-suċċessjoni ab intestato tal-konjuġi superstiti tiddependi mill-eżistenza ta' żwieġ legalment validu mal-persuna deċeduta. Madankollu, is-sempliċi eżistenza ta' żwieġ mhix suffiċenti għas-suċċessjoni ab intestato tal-konjuġi. L-Artikolu 7:62 tal-Kodiċi Ċivili jispeċifika raġuni speċjali għall-esklużjoni f'każ ta' nuqqas ta' komunjoni konjugali: il-konjuġi superstiti ma jistax jiret jekk ik-koppja kienet separata fil-mument tal-ftuħ tas-suċċessjoni u jkun manifestament evidenti miċ-ċirkostanzi li ma kien hemm l-ebda stennija raġonevoli ta' rikonċiljazzjoni. Ir-raġuni għall-esklużjoni tista' tiġi invokata minn persuna li, minħabba din l-esklużjoni, jiret hu jew ikun eżenti minn obbligu jew piż ieħor li jkun marbut biha minħabba d-dispożizzjoni tal-proprjetà.

Ta' min jinnota li r-regoli li jirregolaw is-suċċessjoni tal-miżżewġin fil-Kodiċi Ċivili jridu japplikaw ukoll, bil-modifiki neċessarji, għas-sieħeb irreġistrat tat-testatur; fi kliem ieħor, sħab irreġistrati jkollhom l-istess status tal-wirt bħall-miżżewġin, skont l-Artikolu 3(1) tal-Att li jirregola s-sħubijiet irreġistrati (l-Att XXIX tal-2009).

Kuntrarjament għall-miżżewġin irreġistrati, l-hekk imsejħa sħab domestiċi de facto (persuni li kienu jgħixu mat-testatur f'komunjoni konjugali effettiva barra miż-żwieġ jew minn sħubija rreġistrata) mhumiex intitolati għal suċċessjoni ab intestato skont il-liġi Ungeriża.

L-istatus ta' miżżewġin fis-suċċessjoni ab intestato jiddependi mill-preżenza ta' werrieta legali oħrajn tat-testatur:

ba) Wirt minn konjuġi u dixxendenti (l-Artikolu 7:58 tal-Kodiċi Ċivili)

Jekk it-testatur ikollu d-dixxendenti u konjuġi superstiti, il-konjuġi superstiti jkollu d-drittijiet tas-suċċessjoni li ġejjin:

- dritt għall-użufrutt tad-dar matrimonjali fejn kien jgħix flimkien mat-testatur, inklużi l-għamara u l-apparat domestiku, għal ħajtu; u

- mill-bqija tal-patrimonju, sehem tal-istess daqs tas-sehem li jirtu wlied il-persuna deċeduta ("sehem ta' wild" wieħed)

Il-konjuġi jista' fi kwalunkwe mument jitlob li jifdi l-użufrutt għal ħajtu (għall-futur) (l-Artikolu 7:59 tal-Kodiċi Ċivili). F'dan il-każ, il-konjuġi huwa intitolat għal "sehem ta' wild" wieħed – fi flus jew le – mill-patrimonju li jiġi mifdi. L-użufrutt jista' jiġi mifdi wkoll waqt il-proċedimenti tas-suċċessjoni. Il-fidi tal-użufrutt irid isir bil-kunsiderazzjoni dovuta għall-interessi raġonevoli tal-partijiet interessati (tal-konjuġi u tad-dixxendenti).

Matul il-proċedimenti tas-suċċessjoni, id-dixxendenti u l-konjuġi jistgħu jistipulaw fil-ftehim tagħhom għall-allokazzjoni tal-patrimonju (fl-hekk imsejjaħ ftehim ta' allokazzjoni) li minflok is-"sehem ta' wild", il-konjuġi jirċievi użufrutt għal ħajtu fuq il-patrimonju kollu.

bb) Wirt minn konjuġi u ġenituri (l-Artikolu 7:60tal-Kodiċi Ċivili)

Jekk il-persuna deċeduta ma jkollhiex dixxendenti (jew id-dixxendenti jkunu esklużi mis-suċċessjoni) u l-persuna deċeduta jkollha ġenituri superstiti u konjuġi superstiti, il-konjuġi superstiti jkollu d-drittijiet ta' suċċessjoni li ġejjin:

- id-dar matrimonjali li kien jgħix fiha mal-persuna deċeduta, inklużi l-għamara u l-apparat domestiku (it-titolu ta' sjieda għal din il-proprjetà u mhux użufrutt għal ħajtu); u

- nofs il-parti tal-patrimonju li jifdal.

In-nofs l-ieħor tal-patrimonju jinqasam kif ġej:

- Din il-parti tal-patrimonju tinqasam bejn iż-żewġ ġenituri tal-persuna deċeduta f'ishma indaqs;

- Jekk, madankollu, wieħed mill-ġenituri jkun eskluż mis-suċċessjoni, il-ġenitur l-ieħor u l-konjuġi tat-testatur jirtu f'ishma indaqs, il-porzjon illi kieku kien ikun allokat għall-ġenitur eskluż.

bc) Konjuġi bħala l-uniku werriet (l-Artikolu 7:61tal-Kodiċi Ċivili)

Jekk it-testatur ma jkollu l-ebda dixxendent jew ġenitur superstiti (jew ikunu esklużi mis-suċċessjoni), il-konjuġi superstiti jiret il-patrimonju kollu. Għaldaqstant, is-suċċessjoni ab intestato tal-konjuġi superstiti tipprekludi s-suċċessjoni ab intestato mid-dixxendenti tal-ġenituri tal-persuna deċeduta (jew ħut il-persuna deċeduta) jew minn qraba distanti fil-linji axxendenti jew laterali.

c) L-effetti ġuridiċi tal-adozzjoni fir-rigward tas-suċċessjoni ab intestato

L-adozzjoni tati drittijiet fis-suċċessjoni ab intestato bejn il-persuna adottata u l-ġenitur adottiv u l-qraba tiegħu. Barra minn hekk, f'ċerti każijiet drittijiet ta' suċċessjoni ab intestato jibqgħu wkoll bejn il-persuna adottata u l-qraba naturali tagħha.

ca) Is-suċċessjoni ab intestato mill-persuna adottata

Persuni adottati, matul l-eżistenza tal-adozzjoni, huma ttrattati daqslikieku kienu dixxendenti naturali tal-ġenitur adottiv għall-finijiet tas-suċċessjoni ab intestato: huma jirtu bħala dixxendenti naturali tal-ġenitur adottiv mill-patrimonju tal-ġenitur adottiv u l-qraba tiegħu. Il-persuna adottata jibqagħlha xorta d-dritt ġuridiku li tiret mingħand il-qraba naturali tagħha, imma biss jekk il-persuna adottata kienet adottata minn axxendent tagħha, wieħed minn ħutha, jew dixxendent ta' dak l-axxendent. (L-Artikolu 7:72 tal-Kodiċi Ċivili)

cb) Is-suċċessjoni ab intestato tal-proprjetà ta' persuna adottata

L-effett ta' adozzjoni fir-rigward tal-wirt japplika wkoll "bil-kontra". Il-persuni li ġejjin huma intitolati jkunu l-werrieta legali ta' persuna adottata:

- id-dixxendenti tagħha u l-konjuġi superstiti;

- fin-nuqqas ta' dixxendenti, il-konjuġi tagħha u l-ġenituri adottivi;

- fin-nuqqas ta' dixxendenti u konjuġi superstiti, il-ġenituri adottivi u l-qraba tagħhom,

skont ir-regoli ġenerali tas-suċċessjoni ab intestato.

Is-suċċessjoni ab intestato ta' ġenitur adottiv u l-qraba tiegħu ssir bil-kundizzjoni li l-adozzjoni tkun teżisti fil-mument tal-ftuħ tas-suċċessjoni.

Jekk, madankollu, il-persuni elenkati fuq ma jirtux lill-persuna adottata, jirtu l-qraba naturali tal-persuna adottata, bil-kundizzjoni li l-persuna adottata kienet adottata minn axxendent tagħha, wieħed minn ħutha, jew dixxendent ta' dak l-axxendent (l-Artikolu 7:73 tal-Kodiċi Ċivili).

d) "Is-suċċessjoni lineali" – regoli speċjali għas-suċċessjoni ab intestato li jirrigwardaw beni partikolari

L-hekk imsejħa "suċċessjoni lineali" hija fattur speċjali tal-liġi Ungeriża. Is-suċċessjoni lineali tfisser regoli partikolari tas-suċċessjoni ab intestato fejn ċerti beni tal-patrimonju (magħrufa bħala l-proprjetà lineali) jkunu suġġetti għal trattament differenti mir-regoli ġenerali fir-rigward tas-suċċessjoni ab intestato.

Ta' min jinnota li r-regoli tas-suċċessjoni lineali huma applikabbli esklussivament jekk ma jkunx hemm dixxendenti. Jekk il-persuna deċeduta jkollha dixxendenti bħala werrieta legali, japplikaw ir-regoli ġenerali tas-suċċessjoni ab intestato.

da) Beni li jagħmlu parti mill-proprjetà lineali (l-Artikolu 7:67tal-Kodiċi Ċivili)

Il-proprjetà lineali hija sottopatrimonju fi ħdan il-patrimonju tal-persuna deċeduta. Dan is-sottopatrimonju jinkludi dawk il-beni

- li persuna deċeduta tikseb mingħand axxendent b'wirt jew għotja; u

- li persuna deċeduta tiret jew tirċievi b'għotja mingħand wieħed minn ħutha jew dixxendent ta' wieħed minn ħutha, bil-kundizzjoni li dak il-wieħed minn ħutha jew dixxendent ta' wieħed minn ħutha jkun kiseb il-proprjetà kkonċernata mill-axxendent komuni tat-testatur u ħuh jew oħtu, permezz ta' wirt jew għotja.

Madankollu, il-liġi tneħħi ċerti beni mill-ambitu tal-proprjetà lineali (magħrufa bħala "proprjetà eskluża mis-suċċessjoni lineali"); ara l-punt dd) iktar 'l isfel.

In-natura lineali tal-proprjetà (jiġifieri, li l-proprjetà kkonċernata tkun tappartjeni għall-proprjetà lineali) trid tkun ippruvata mill-persuna li kieku tiret b'dan it-titolu.

db) Wirt ta' proprjetà lineali (l-Artikolu 7:68tal-Kodiċi Ċivili)

Proprjetà lineali tintiret mill-ġenituri tat-testatur (jew id-dixxendenti tal-ġenituri esklużi) u n-nanniet u axxendenti distanti tat-testatur ("werrieta lineali"). Il-wirt ta' proprjetà lineali huwa rregolat mir-regoli li ġejjin:

- Ġenitur jiret proprjetà li waslet sa għand it-testatur mingħandu jew wieħed mill-axxendenti tiegħu. Jekk il-ġenitur ikun eskluż, id-dixxendenti tiegħu jirtu minfloku skont id-dispożizzjonijiet ġenerali tas-suċċessjoni ab intestato.

- Jekk kemm il-ġenitur u kemm id-dixxendent tal-ġenitur intitolati għall-proprjetà lineali jkunu esklużi, il-proprjetà lineali tintiret minn wieħed min-nanniet tal-persuna deċeduta;

- Jekk in-nannu jew nanna tal-persuna deċeduta tkun ġiet eskluża wkoll, il-proprjetà lineali tintiret minn axxendenti iktar distanti tal-persuna deċeduta.

Jekk il-persuna deċeduta ma għandha lil ħadd mill-werrieta msemmija fuq, ir-regoli tas-suċċessjoni lineali ma japplikawx: f'dak il-każ, il-wirt ta' proprjetà lineali jkun irregolat mir-regoli ġenerali tas-suċċessjoni ab intestato.

dc) L-użufrutt għal ħajjet il-konjuġi superstiti fil-proprjetà lineali (l-Artikolu 7:69tal-Kodiċi Ċivili)

Il-werrieta speċifikati fil-punt db) (werrieta lineali) jirtu t-titolu tas-sjieda tal-proprjetà lineali. Madankollu, il-konjuġi superstiti tal-persuna deċeduta huwa intitolat għall-użufrutt għal ħajtu għal-proprjetà lineali.

Il-fidi tad-dritt għall-użufrutt għall-ħajja kollha jista' jintalab kif ġej:

- Kwalunkwe waħda mill-partijiet interessati – jiġifieri, jew il-konjuġi intitolat għall-użufrutt għal ħajtu jew il-werriet lineali – jistgħu jitolbu l-fidi tal-użufrutt;

- Madankollu, il-fidi relatat mal-użufrutt tad-dar matrimonjali fejn il-konjuġi kien jgħix mal-persuna deċeduta, inklużi l-għamara u l-apparat domestiku, jista' jintalab biss mill-konjuġi.

F'każ ta' fidi ta' użufrutt, il-konjuġi jkun intitolat għal terz mill-proprjetà lineali.

dd) Proprjetà eskluża mis-suċċessjoni lineali (l-Artikolu 7:70tal-Kodiċi Ċivili)

Minkejja d-dispożizzjonijiet ta' da), l-oġġetti li ġejjin huma esklużi mill-proprjetà lineali:

- għotjiet ta' valur ordinarju;

- kull proprjetà li ma tkunx għadha teżisti fil-mument ta' mewt it-testatur. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tas-suċċessjoni lineali japplikaw għal kull proprjetà sostituta u kull proprjetà mixtrija mir-rikavati ta' dik il-proprjetà.

Jekk testatur ikollu konjuġi superstiti, ma jistax ikun hemm pretensjoni, abbażi tas-suċċessjoni lineali, għal għamara u apparat domestiku ieħor ta' valur ordinarju.

e) Obbligu għar-restituzzjoni tal-għotjiet

Jekk il-werrieta jkunu dixxendenti tal-persuna deċeduta, is-sehem allokat lil kull werriet mill-patrimonju ikun influwenzat mill-obbligu tad-dixxendenti għar-restituzzjoni tal-għotjiet fil-konfront ta' xulxin. Essenzjalment, jekk jirtu bosta dixxendenti, kull werriet iżid mal-valur tal-patrimonju, il-valur tal-avvanzi li jkunu rċevew mingħand it-testatur tul ħajtu (l-Artikolu 7:56 tal-Kodiċi Ċivili).

L-obbligu għar-restituzzjoni tal-għotjiet huwa rregolat mir-regoli ewlenin li ġejjin.

Abbażi tal-obbligu għar-restituzzjoni tal-għotjiet, il-kowerriet irid iżid l-avvanzi mill-patrimonju jekk

- it-testatur ikun espressament stipula li dawn l-avvanzi jridu jiġu inklużi mas-sehem mill-wirt tal-werriet, jew

- iċ-ċirkustanzi jissuġġerixxu li l-għotja saret skont l-obbligu tal-inklużjoni.

Madankollu, l-obbligu għar-restituzzjoni tal-għotjiet ma testendix għall-għotjiet li ġejjin (l-Artikolu 7:56(3) tal-Kodiċi Ċivili):

- avvanzi ta' valur ordinarju; u

- manteniment mogħti lil dixxendenti li kellhom bżonn l-għajnuna

anke jekk it-testatur ikun stipulaha espressament.

Il-proċedura tar-restituzzjoni tal-għotjiet tinkludi l-azzjonijiet li ġejjin (l-Artikolu 7:57(1) tal-Kodiċi Ċivili):

- il-werrieta jridu jżidu mal-valur tal-patrimonju, il-valur tal-avvanzi rċevuti mingħand it-testatur;

- il-valur ikkonsolidat riżultanti (jiġifieri, il-valur ikkonsolidat iddeterminat miż-żieda tal-valur tal-patrimonju mal-valur nett tal-avvanzi restitwiti) irid jinqasam proporzjonalment mal-werrieta kif xieraq għal sehemhom skont is-suċċessjoni ab intestato;

- il-valur tal-avvanzi restitwiti minn kull werriet (jiġifieri, il-valur tal-avvanz irċevut minnu mingħand il-persuna deċeduta) irid jitnaqqas mis-sehem allokat lil dak il-werriet.

Jekk il-valur restitwit minn kowerriet jilħaq jew jaqbeż il-valur ta' sehmu mill-patrimonju kif ikkakulat fuq il-bażi tal-valuri restitwiti, huwa jitqies li sehmu mill-wirt li jrid jitqassam huwa ssodisfat, imma mhux obbligat jirrimborża ż-żejjed (l-Artikolu 7:57(4) tal-Kodiċi Ċivili).

Id-dixxendenti ikollhom obbligu li jirrestitwixxu l-għotjiet

- f'każ ta' suċċessjoni ab intestato; jew

- jekk id-dixxendenti jirtu ishma li jikkorrispondu għas-sehem legali mill-patrimonju permezz ta' testment (l-Artikolu 7:56(2) tal-Kodiċi Ċivili).

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Fl-Ungerija, il-proċedimenti suġġetti għal-liġi tal-wirt huma fil-kompetenza tan-nutara pubbliċi jew tal-qrati.

- Jekk ma jkunx hemm tilwim bejn il-partijiet li jkollhom interess fis-suċċessjoni, il-kwistjonijiet legali relatati mal-patrimonju ġeneralment ikunu ssodisfati fil-proċedimenti tas-suċċessjoni mmexxija minn nutar pubbliku (għad-dettalji, ara l-punt 6). Il-proċediment tas-suċċessjoni li jsir minn nutar pubbliku huwa proċediment nonkontenzjuż, fejn in-nutar pubbliku jkollu funzjoni simili għal dik ta' qorti, u l-proċediment tiegħu jintemm b'deċiżjoni formali ("konċessjoni tas-suċċessjoni").

- Jekk, madankollu, ikun hemm tilwima legali bejn il-partijiet interessati, din ma tistax tiġi solvuta min-nutar pubbliku; f'dawn il-każijiet, ikun hemm imbagħad proċedimenti ġudizzjarji.

Peress li tilwimiet fi kwistjonijiet tas-suċċessjoni huma relattivament infrekwenti, il-parti kbira sew tal-kawżi tas-suċċessjoni fl-Ungerija tiġi solvuta b'mod definittiv fil-proċedimenti tas-suċċessjoni mmexxija minn nutar pubbliku.

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Il-liġi Ungeriża ssegwi l-prinċipju tas-suċċessjoni ipso iure; il-patrimonju jiġi ttrasferit lill-werriet fil-mument tal-mewt tat-testatur mingħajr ebda att ġuridiku separat. Għaldaqstant, skont il-liġi Ungeriża ma hemmx għalfejn issir dikjarazzjoni dwar l-aċċettazzjoni tal-wirt.

Jekk werriet ma jkunx jixtieq jiret, huwa jkun jista' jagħmel dikjarazzjoni li jirrinunzja għas-suċċessjoni. Il-liġi ma tipprevedi l-ebda rekwiżiti speċifiċi dwar il-forma tar-rinunzja; fir-rigward tal-forma din hija valida sew jekk tkun saret oralment u sew jekk tkun saret bil-miktub.

Madankollu, fl-Ungerija l-ordni tas-suċċessjoni hija ddeterminata mill-proċedura legali formali, magħrufa bħala proċediment tas-suċċessjoni (ara l-punt 6), għalhekk in-nutar pubbliku li jmexxi l-proċediment tas-suċċessjoni jrid ikun infurmat bir-rinunzja jekk tkun trid titqies matul il-proċediment tas-suċċessjoni. Għalhekk, fil-prattika jew ir-rinunzja ssir quddiem in-nutar pubbliku li jkun qed imexxi l-proċediment tas-suċċessjoni jew tintbagħat rinunzja bil-miktub lil dak in-nutar pubbliku.

Jekk werriet jirrinunzja għas-suċċessjoni, dan ikollu effett retroattiv mid-data ta' mewt it-testatur: il-patrimonju jitqies li ma jkunx iddevolva.

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

Ir-regoli spjegati fil-punt (b) li jikkonċernaw it-trasferiment u r-rinunzja tas-suċċessjoni bil-modifiki neċessarji jirregolaw il-legati speċifiċi (legatum vindicationis).

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Kif spjegat fuq, fil-liġi Ungeriża, l-ishma riżervati huma pretensjonijiet suġġetti għal-liġi dwar il-kuntratti, li jistgħu jkunu eżegwiti kontra l-werriet. Dawm ma jirrappreżentawx sehem materjali (in rem) mill-patrimonju. Għaldaqstant, ma hemm l-ebda "dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni ta' sehem riżervat" fil-liġi Ungeriża. Il-mod tas-saldu ta' pretensjoni ta' sehem riżervat jiddependi primarjament mir-relazzjoni bejn il-werriet u l-persuna intitolata għal sehem riżervat:

- Jekk ikun hemm qbil bejn il-werriet u l-persuna intitolata għal sehem riżervat f'dan ir-rigward (jiġifieri, il-werriet jirrikonoxxi l-pretensjoni għal sehem riżervat), jistgħu jsibu ftehim fil-proċedimenti tas-suċċessjoni għall-issodisfar tal-pretensjoni għal sehem riżervat (eż. il-werriet jista' jittrasferixxi xi proprjetà inkluża fil-patrimonju lill-persuna intitolata għal sehem riżervat biex jissodisfa l-pretensjoni tagħha);

- Inkella l-persuna intitolata għal sehem riżervat tista' teżegwixxi l-pretensjoni tagħha kontra l-werriet bil-qorti.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Il-liġi Ungeriża tipprevedi proċedura legali formali tal-hekk imsejħa proċedimenti tas-suċċessjoni. Dan il-proċediment jinbeda ex officio (fuq l-inizjattiva personali tal-uffiċjal) u jservi l-fini li jinvolvi lill-partijiet interessati kollha (il-werrieta, il-legatarji, il-persuni intitolati għal sehem riżervat, il-kredituri tal-patrimonju, eċċ.) biex jkunu solvuti l-kwistjonijiet legali kollha relatati mas-suċċessjoni kemm jista' jkun fi proċedura waħda.

Fl-Ungerija l-proċedimenti tas-suċċessjoni jikkonsistu f'żewġ stadji. L-ewwel stadju huwa l-proċediment tal-inventarju li jsir minn impjegat riżervat tal-uffiċċju tas-sindku lokali kompetenti, l-uffiċjal tal-inventarju. Il-proċedura effettivament isservi biex tħejji l-bażi għall-proċediment tan-nutar pubbliku; l-għan tagħha huwa li tiċċara ċ-ċirkostanzi personali u materjali tal-kawża tas-suċċessjoni (b'mod partikolari l-proprjetà inkluża fil-patrimonju kif ukoll il-firxa ta' persuni interessati u li jistabbilixxu jekk il-persuna deċeduta ħallietx dispożizzjoni dwar it-trasferiment tal-proprjetà causa mortis). Dawn il-fatti kollha huma rreġistrati fl-inventarju tal-patrimonju, li jintbagħat lin-nutar pubbliku kompetenti meta jimtela.

It-tieni stadju huwa l-proċediment quddiem nutar pubbliku, li jsir skont ir-regoli tal-proċedimenti ġudizzjarji nonkontenzjużi. F'din il-proċedura, in-nutar pubbliku għandu funzjoni simili għal dik tal-qrati u jeżerċita l-awtorità pubblika tal-istat.

Din il-proċedura hija suġġetta għal regoli ta' ġuriżdizzjoni speċifiċi: huwa biss in-nutar pubbliku b'kompetenza kif definit fil-liġi li jista' jipproċedi; fi kliem ieħor, fil-proċedimenti tas-suċċessjoni, il-partijiet interessati (eż. il-werrieta) ma jistgħux jinvolvu lin-nutar pubbliku tal-għażla tagħhom.

Matul il-proċedimenti, in-nutar pubbliku jeżamina l-fatti u ċ-ċirkustanzi ex officio li jiddeterminaw l-ordni tas-suċċessjoni. Ġeneralment tkun meħtieġa seduta biex jiġu ċċarati l-fatti; in-nutar pubbliku jħarrek lill-partijiet interessati biex jattendu dik is-seduta. Jekk ikun hemm evidenza li tindika li l-persuna deċeduta tkun ħalliet dispożizzjoni għat-trasferiment tal-proprjetà causa mortis, in-nutar pubbliku jieħu passi ex officio biex jakkwista dak l-att.

Fl-Ungerija, id-distribuzzjoni tal-patrimonju fost il-werrieta ġeneralment tiġri fil-qafas tal-proċedimenti tas-suċċessjoni. Id-distribuzzjoni tal-patrimonju tfisser essenzjalment it-terminazzjoni tal-koproprjetà tal-werrieta li rriżultat mis-suċċessjoni. Dan jiġri permezz ta' ftehim fost il-werrieta interessati: il-ftehim ta' allokazzjoni. Jekk il-werrieta jikkonkludu dan il-ftehim ta' allokazzjoni, in-nutar pubbliku joħroġ il-konċessjoni tas-suċċessjoni abbażi tal-ftehim, bil-kontenut korrispondenti.

Matul il-proċedimenti tas-suċċessjoni jista' jsir ftehim bejn il-werrieta u partijiet interessati oħrajn ukoll: il-werrieta jistgħu jittrasferixxu, parzjalment jew kompletament, il-proprjetà miksub mis-suċċessjoni lil kreditur tal-patrimonju jew persuna intitolata għal sehem riżervat biex jissodisfaw il-pretensjonijiet tagħhom. Dan jippermetti għas-saldu nnegozjat tal-pretensjonijiet tal-kredituri tal-patrimonju jew ta' persuni intitolati għal sehem riżervat tul il-proċedimenti tas-suċċessjoni.

Fi tmiem il-proċedimenti tas-suċċessjoni, in-nutar pubbliku joħroġ deċiżjoni formali: għotja tas-suċċessjoni. F'din id-deċiżjoni, in-nutar pubbliku jittrasferixxi legalment l-elementi varji tal-patrimonju lill-werrieta (jew legatarji).

Il-partijiet interessati jistgħu jappellaw il-konċessjoni tas-suċċessjoni maħruġa min-nutar pubbliku; l-appell jiġi aġġudikat mill-qorti reġjonali kompetenti. Fin-nuqqas ta' appell, il-konċessjoni tas-suċċessjoni ssir finali. Il-konċessjoni finali tas-suċċessjoni huwa dokument pubbliku awtentiku li jiċċertifika l-istatus tal-werriet (legatarju) innominat fih. In-nutar pubbliku jagħmel provvedimenti ex officio biex il-konċessjoni finali tas-suċċessjoni tingħadda lill-awtorità li żżomm ir-reġistru tal-proprjetà immobbli (jew reġistru ta' beni oħrajn tal-proprjetà).

Ta' min jinnota li jekk ikun hemm tilwima legali bejn il-partijiet interessati, din ma tistax tiġi solvuta min-nutar pubbliku fil-proċedimenti tas-suċċessjoni; tilwim legali jista' jissolva biss permezz ta' proċedimenti ġudizzjarji.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Skont l-Artikolu 7:1 tal-Kodiċi Ċivili, il-patrimonju ta' persuna jgħaddi kompletament għand werriet wara mewt it-testatur. Għaldaqstant, il-liġi Ungeriża ssegwi l-prinċipju tas-suċċessjoni ipso iure. Werriet jikseb il-patrimonju bis-saħħa tal-liġi, mingħajr ebda att ġuridiku separat (eż. dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni) mill-mument ta' mewt it-testatur; "wirt battal" (hereditas iacens) ma jeżistix fil-liġi Ungeriża. Fil-każ ta' iktar minn werriet wieħed, dawn jakkwistaw il-patrimonju bi proporzjon tal-ishma tagħhom fil-patrimonju wara mewt it-testatur; għaldaqstant, fil-mument tal-mewt, tinħoloq koproprjetà indiviża tal-proprjetà bejniethom.

Hemm żewġ tipi ta' legat skont id-dritt ċivili Ungeriż: legat speċifiku (legatum vindicationis) u legat obbligatorju (legatum damnationis).

Legat speċifiku huwa d-donazzjoni mit-testatur ta' oġġett partikolari ta' proprjetà fil-patrimonju lil benefiċjarju speċifikat (il-legatarju speċifiku) f'dispożizzjoni ta' trasferiment ta' proprjetà causa mortis. Legat speċifiku huwa akkwist dirett ta' dritt fil-patrimonju; jiġifieri, il-legatarju jakkwista wkoll l-oġġett tal-legat speċifiku mill-mument ta' mewt it-testatur.

Legat obbligatorju huwa legat fejn it-testatur jobbliga lill-werriet tiegħu, f'dispożizzjoni ta' trasferiment ta' proprjetà causa mortis, biex jipprovdi benefiċċju finanzjarju lil benefiċjarju speċifikat (pereżempju, iħallas ċerta somma flus). F'termini tan-natura ġuridika tiegħu, il-legat obbligatorju huwa pretensjoni ġuridika obbligatorja kontra l-werriet, u ma jinkludix l-akkwist dirett tad-drittijiet mingħand it-testatur.

Fid-dawl ta' li ġie spjegat iktar 'il fuq, skont il-liġi Ungeriża, il-werrieta u l-legatarji speċifiċi jakkwistaw il-patrimonju jew il-legat mill-mument ta' mewt it-testatur. Ta' min jinnota, madankollu, li minkejja l-akkwist dirett, ipso iure tad-drittijiet, skont il-liġi Ungeriża ġeneralment ikun neċessarju li ssir proċedura ġuridika formali (il-proċedimenti tas-suċċessjoni) biex tingħata ċertifikazzjoni awtentika tas-suċċessjoni.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Iva. Skont l-Artikolu 7:96 tal-Kodiċi Ċivili, il-werrieta huma responsabbli għad-dejn tal-patrimonju. Din ir-responsabbiltà tal-werrieta hija limitata kif ġej:

- Il-werrieta huma responsabbli għad-dejn tal-patrimonju primarjament bil-proprjetà tal-patrimonju ("bl-oġġetti u r-rikavati tal-patrimonju") (responsabbiltà cum viribus).

- Jekk, madankollu, l-oġġetti jew ir-rikavati ta' patrimonju ma jkunux fil-pussess tal-werriet fil-mument meta l-pretensjonijiet jiġu eżegwiti, il-proprjetà l-oħra tal-werriet tintuża wkoll għall-ħlas tad-dejn sal-valur tal-wirt tiegħu biex ikopri l-pretensjonijiet (responsabbiltà pro viribus).

Ta' min jinnota li, kuntrarjament għal sistemi ġuridiċi oħrajn, il-liġi Ungeriża ma tagħraf l-ebda korrelazzjoni bejn ir-responsabbiltà tal-werrieta u l-inventarju tal-patrimonju. In-natura limitata tar-responsabbiltà tal-werrieta ġejja mil-liġi: il-werrieta ma hemmx għalfejn jagħmlu "dikjarazzjoni għal-limitazzjoni tar-responsabbiltà tagħhom" meta jaċċettaw suċċessjoni.

L-Artikolu 7:94 tal-Kodiċi Ċivili jispeċifika l-pretensjonijiet li jikkostitwixxu d-dejn tal-patrimonju. Għaldaqstant, id-dejn tal-patrimonju jinkludi:

a) l-ispejjeż ta' dfin xieraq għat-testatur;

b) l-ispejjeż applikabbli għall-akkwist, is-sigurtà u l-ġestjoni ta' patrimonju ("l-ispejjeż tal-patrimonju"), kif ukoll l-ispejjeż għall-proċedimenti tas-suċċessjoni;

c) id-dejn tat-testatur;

d) obbligi bbażati fuq sehem riżervat;

e) responsabbiltajiet ibbażati fuq legati u legati ta' proprjetà immobbli.

Il-ħames kategoriji ta' dejn tal-patrimonju elenkati hawn fuq huma kklassifikati f'ordni ġerarkiku (l-Artikolu 7:95 tal-Kodiċi Ċivili). Id-dejn jiġi ssodisfat fis-sekwenza stabbilita għall-kategoriji differenti ta' djun tal-patrimonju. Jekk ma jkunx possibbli li d-dejn kollu f'kategorija ta' dejn ikun issodisfat, il-pretensjonijiet jiġu ssodisfati proporzjonalment f'dik l-istess kategorija (bi proporzjon għad-daqs relattiv tal-pretensjonijiet).

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Jekk il-patrimonju jkun fih proprjetà immobbli, in-nutar pubbliku jagħmel provvedimenti ex officio biex il-konċessjoni finali tas-suċċessjoni tingħadda lill-awtorità kompetenti li żżomm ir-reġistru tal-proprjetà immobbli (ara l-punt 6) biex il-bidliet relatati mal-proprjetà jiddaħħlu fir-reġistru.

Skont l-Artikolu 29 tal-Att CXLI tal-1997 dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Proprjetà Immobbli (1997. évi CXLI. törvény az ingatlan-nyilvántartásról; "l-Att dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Proprjetà Immobbli"), bħala regola ġenerali, id-drittijiet jistgħu jkunu rreġistrati u l-fatti jistgħu jkunu annotati fuq il-bażi ta' dokumenti pubbliċi, dokumenti privati li għandhom is-saħħa sħiħa ta' prova, jew kopji tagħhom bix-xhieda ta' nutar pubbliku, li jissostanzjaw il-ħolqien, modifika jew terminazzjoni tad-dritt jew fatt li jkun is-suġġett tar-reġistrazzjoni, b'dikjarazzjoni ta' awtorizzazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-annotazzjoni mid-detentur tad-dritt jew mid-detentur potenzjali tad-dritt li jrid jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-proprjetà immobbli bħala benefiċjarju interim (jiġifieri awtorizzazzjoni għar-reġistrazzjoni, li tista' tingħata mid-detentur tad-dritt permezz tal-ħruġ ta' dokument tal-istess rekwiżiti formali bħad-dokument li r-reġistrazzjoni tkun saret abbażi tiegħu).

L-Artikolu 32 tal-Att dwar ir-Reġistrazzjoni tal-Proprjetà Immobbli jispeċifika l-kontenut meħtieġ ta' dokument għall-finijiet ta' reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli:

a) id-dejta ta' identifikazzjoni naturali, l-indirizz u n-numru tal-identifikazzjoni personali tal-klijent,

b) l-isem, in-numru statistiku, l-uffiċċju rreġistrat u l-qorti jew in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija tal-organizzazzjonijiet li jkollhom numri statistiċi; għal persuna ġuridiċi ekkleżjastiċi, in-numru ta’ reġistrazzjoni,

c) indirizz sħiħ u deskrizzjoni tal-proprjetà kkonċernata (il-muniċipalità, in-numru tal-lott topografiku) kif ukoll is-sehem tas-sjieda affettwat,

d) deskrizzjoni dettaljata tad-dritt jew fatt,

e) il-bażi legali għall-bidla,

f) ftehim bejn il-partijiet ikkonċernati u/jew dikjarazzjoni irrevokabbli u bla kundizzjonijiet tal-awtorizzazzjoni mis-sid irreġistrat,

g) id-dikjarazzjoni tal-partijiet kontraenti li jikkonċernaw iċ-ċittadinanza rispettiva tagħhom.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Il-liġi Ungeriża ma tagħrafx il-kunċett ġuridiku tal-amministratur ta' patrimonju (fiduċjarju).

Madankollu, f'ċerti kazijiet, in-nutar pubbliku li jkun qed jipproċedi jista' jaħtar amministratur biex jaqdi ċerti funzjonijiet tal-amministrazzjoni tal-proprjetà tal-patrimonju. Dan jista' jiġri fil-każijiet li ġejjin:

aa) amministratur għall-eżerċitar tad-drittijiet ta' sħubija fl-assoċjazzjonijiet tan-negozju (l-Artikolu 32(2) tal-Att dwar is-Suċċessjoni)

Jekk il-patrimonju jinkludi parteċipazzjoni/sehem f'assoċjazzjoni tan-negozju (jew kooperattiva), in-nutar pubbliku jista' jaħtar amministratur għall-eżerċitar temporanju tad-drittijiet li jiġu mill-parteċipazzjoni/sehem. Amministratur bħal dan jinħatar fuq talba tal-assoċjazzjoni (kooperattiva) jew kwalunkwe persuna (entità) li jkollha interess fl-operat tagħha.

ab) amministratur għall-ġbir (l-Artikolu 32(3) tal-Att dwar is-Suċċessjoni)

Jekk il-patrimonju jkun jinkludi pretensjonijiet, in-nutar pubbliku jista' jaħtar amministratur biex jiġbor dawn il-pretensjonijiet, fuq talba ta' parti li jkollha interess fis-suċċessjoni. Dan l-amministratur ikun responsabbli biex jieħu l-miżuri ġuridiċi neċessarji biex jeżegwixxi l-pretensjonijiet li huma parti mill-patrimonju.

L-ebda amministratur ma jista' jinħatar (lanqas fil-każijiet ta' hawn fuq) jekk l-atti msemmija fuq isiru minn eżekutur testamentarju.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Fl-Ungerija, il-kwistjonijiet ġuridiċi relatati mas-suċċessjoni jiġu solvuti fi proċedura ġuridika formali (il-proċedimenti tas-suċċessjoni) immexxija minn nutar pubbliku, li jaqdi l-funzjonijiet ta' mħallef fil-proċedimenti (ara l-punt 6).

In-nutar pubbliku ex officio jara jekk hemmx xi entrata fir-Reġistru Nazzjonali tat-Testmenti rigward id-dispożizzjoni tal-proprjetà causa mortis u jipprovdi ex officio għall-akkwist tad-dispożizzjoni tal-proprjetà malli jmut it-testatur jekk ikun hemm informazzjoni li tindika li hemm dispożizzjoni ta' proprjetà.

Għaldaqstant, skont il-liġi Ungeriża, huwa l-kompitu u r-responsabbiltà tan-nutar pubbliku li jkun qed imexxi l-proċedimenti tas-suċċessjoni li jeżegwixxi dispożizzjoni ta' proprjetà causa mortis.

Madankollu, il-liġi Ungeriża tippermetti wkoll lit-testaturi sabiex jaħtru eżekutur tad-dispożizzjoni tal-proprjetà tagħhom (it-testment). Ta' min ifakkar, madankollu, li l-ħatra ta' eżekutur testamentarju ma jiħux post il-proċedimenti tas-suċċessjoni; eżekutur testamentarju ma jistax "jassumi" r-responsabbiltajiet ta' nutar pubbliku.

Id-drittijiet u l-obbligi ta' eżekutur testamentarju huma rregolati mid-dispożizzjoni tal-proprjetà causa mortis. Jekk id-dispożizzjoni ma jkun fiha xejn dwar dan, l-eżekutur testamentarju jkollu d-drittjiet u l-obbligi li ġejjin (l-Artikolu 99 tal-Att dwar is-Suċċessjoni):

- jassisti lill-awtoritajiet li jkunu qed jipproċedu fit-tħejjija ta' inventarju tal-patrimonju;

- jieħu miżuri ta' sigurtà biex iħares il-patrimonju meta jkun hemm bżonn;

- iġestixxi l-patrimonju. F'dan ir-rwol ta' ġestjoni tal-beni, l-eżekutur testamentarju għandu d-dritt u l-obbligu li

- jitlob li l-werrieta jew il-legatarji jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tat-testment;

- jissodisfa lill-kredituri tal-patrimonju (jaġixxi f'ismu, imma għad-debitu tal-patrimonju);

- jeżerċita temporanjament id-drittijiet ta' sħubija li jiġu minn kull sehem (parteċipazzjoni) f'assoċjazzjoni tan-negozju (kooperattivi) inklużi fil-patrimonju;

- jeżegwixxi pretensjonijiet li jkunu parti mill-patrimonju (jaġixxi f'ismu, imma għall-kreditu tal-patrimonju).

Madankollu, id-drittijiet tal-ġestjoni tal-beni tal-eżekutur testamentarju huma limitati: huwa ma jista' jassumi l-ebda obbligu fir-rigward tal-proprjetà tal-patrimonju u ma jistax ibigħ proprjetà, ħlief bil-kunsens ta' kull persuna li jkollha interess fis-suċċessjoni; barra minn hekk, ma jistax jagħmel dispożizzjoni għad-debitu tal-patrimonju bla ħlas.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

Għad-drittijiet u l-obbligi tal-amministratur maħtur min-nutar pubbliku u tal-eżekutur testamentarju, ara l-punt 9.1.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Kif indikat iktar 'il fuq (ara l-punt 6), il-proċedimenti tas-suċċessjoni fl-Ungerija jitmexxew minn nutar pubbliku. Fi tmiem din il-proċedura, tittieħed deċiżjoni formali, il-konċessjoni tas-suċċessjoni. F'din id-deċiżjoni, in-nutar pubbliku jittrasferixxi legalment l-elementi tal-patrimonju lill-werrieta individwali.

Ta' min jinnota, madankollu, li l-akkwist tas-sjieda mill-werrieta ma tiġrix bis-saħħa tal-konċessjoni tas-suċċessjoni. Kif indikat fuq, il-liġi Ungeriża ssegwi l-prinċipju tas-suċċessjoni ipso iure; il-patrimonju jiddevolvi għand il-werrieta fil-mument ta' mewt it-testatur. F'dan ir-rigward, il-konċessjoni tas-suċċessjoni għandha effett dikjaratorju.

Ladarba ssir finali, il-konċessjoni tas-suċċessjoni maħruġa min-nutar pubbliku jkollha funzjoni ta' leġittimizzazzjoni: dan huwa dokument awtentiku li jattesta għall-partijiet terzi, l-istatus tal-persuni msemmijin fih bħala l-werrieta (jew legatarji) sakemm ma jkunx hemm qorti li tiddeċiedi mod ieħor fi proċedura legali.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 20/10/2015