Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Informazzjoni ġenerali - Portugall

LISTA TAL- KONTENUT

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Id-dispożizzjonijiet ta' proprjetà fuq mewt jistgħu jieħdu żewġ forom: (i) it-testment; (ii) il-kuntratt.

(i) It-testment

Testment huwa strument personali li ma jistax jiġi stabbilit minn rappreżentant.

It-testmenti konġunti, jiġifieri dawk magħmula minn żewġ jew tliet persuni fl-istess dokument, jew għall-benefiċċju ta' parti terza jew għall-benefiċċju reċiproku tagħhom, mhumiex permessi.

Testment jikkonsisti f'dikjarazzjoni ta' intenzjoni minn persuna waħedha li ma għandhiex bżonn tiġi indirizzata jew miġjuba għall-attenzjoni ta' persuna partikolari. Dan huwa liberament revokabbli u l-assi jiġu trasferiti lill-eredi jew lill-legatarji wara l-mewt tat-testatur.

Jeżistu tipi standard u speċjali ta' testment.

It-tipi standard ta' testment huma: testmenti pubbliċi (testamento público) u magħluqin (testamento cerrado).

Testment pubbliku jiġi mfassal minn nutar fir-reġistru tiegħu jew tagħha.

Testment magħluq huwa mfassal u ffirmat mit-testatur jew minn persuna oħra fuq talba tat-testatur, iżda jrid jiġi approvat minn nutar. Dan irid jinżamm mit-testatur jew minn parti terza jew jista' jiġi ffajljat man-nutar. Persuna fil-pussess ta' testment magħluq trid tippreżentah fi tliet ijiem mid-data li fiha hija saret taf bil-mewt tat-testatur, u fin-nuqqas ta' dan hija tkun responsabbli għal kull telf jew dannu kkawżat, u jekk hija werrieta tista' titlef il-kapaċità li tiret minħabba l-iżkwalifika abbażi tal-kondotta tagħha.

Il-liġi tipprovdi għat-tipi segwenti ta' testment speċjali: testmenti militari, testmenti magħmula fuq bastiment, testmenti magħmula fuq ajruplan, testmenti magħmula f'każ ta' diżastru. Testment jista' isir biss f'waħda minn dawn il-forom speċjali fl-eventwalità ta' xi ċirkustanzi eċċezzjonali previsti mil-liġi. It-tali testmenti jkunu annullabbli xahrejn wara li tkun ġiet fit-tmiem tagħha l-kawża li pprekludiet lit-testatur milli jagħmel testment skont il-forom użwali.

Il-leġiżlazzjoni Portugiża tipprovdi wkoll għal forma speċjali ta' testment magħmul minn ċittadin Portugiż barra mill-pajjiż skont il-liġi barranija. Dan jieħu effett fil-Portugall jekk dan isir jew jiġi approvat b'mod formali.

(ii) Il-kuntratt

Is-sistema legali Portugiża taċċetta wirt permezz ta' kuntratt fuq bażi eċċezzjonali. Dan jista' iseħħ permezz ta' ftehim dwar wirt jew donazzjonijiet għas-superstiti f'każ ta' żwieġ, li jidħol fis-seħħ mal-mewt tad-donatur. Sabiex ikunu validi, kemm il-ftehim dwar il-wirt u kif ukoll id-donazzjoni għas-superstiti f'każ ta' żwieġ iridu jissemmew fil-kuntratt taż-żwieġ.

Madankollu, is-suċċessjoni permezz ta' kuntratt hija pprojbita bħala regola ġenerali. Il-ftehimiet dwar is-suċċessjoni huma għalhekk ipprojbiti bħala regola, u jekk isiru xorta waħda dawn ikunu invalidi. Id-donazzjonijiet f'każ ta' mewt huma pprojbiti wkoll, iżda minflok ikunu invalidi dawn isiru dispożizzjonijiet testamentarji bis-saħħa tal-liġi u huma liberament revokabbli.

Hemm żewġ tipi ta' ftehim dwar is-suċċessjoni li l-validità tagħhom hija rikonoxxuta eċċezzjonalment mil-liġi: (a) il-ħatra ta' werriet jew legatarju għall-benefiċċju ta' wieħed mill-konjuġi, mill-konjuġi l-ieħor jew minn parti terza; (b) il-ħatra ta' werriet jew legatarju għall-benefiċċju ta' parti terza minn wieħed mill-konjuġi. Id-distinzjoni bejn werriet u legatarju hija spjegata f'risposta għad-domanda "Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?"

Il-ftehimiet ta' suċċessjoni validi jidħlu fis-seħħ biss mal-mewt tat-testatur. Madankollu, il-ftehim riferut fil-punt (a) iktar 'il fuq, ma jistax jiġi revokat b'mod unilaterali wara li jkun ġie aċċettat, u waqt li t-testatur ikun għadu ħaj huwa ma jistax jippreġudika l-benefiċjarju permezz ta' donazzjonijiet. Il-ftehim ta' suċċessjoni riferut fil-punt (b) aktar 'il fuq huwa revokabbli liberament jekk il-parti terza ma kinitx involuta fil-kuntratt ta’ żwieġ bħala parti li aċċettat.

Barra minn dawn iż-żewġ tipi ta' ftehim ta' suċċessjoni, il-liġi taċċetta l-validità tad-donazzjonijiet lis-superstiti fiż-żwieġ. Dawn jingħataw fil-kuntest ta' żwieġ, lil wieħed mill-konjuġi, mill-konjuġi l-ieħor jew minn parti terza. Id-donazzjoni lis-superstiti fi żwieġ hija suġġetta għar-reġim ta' ftehim ta' suċċessjoni u trid tiġi prevista fil-kuntratt ta’ żwieġ.

N.B:

Il-liġi Portugiża tipprevedi żewġ tipi ta' suċċessjoni. Waħda hija suċċessjoni volontarja - permezz ta' testment jew kuntratt - riferuta f'din ir-risposta. L-oħra hija s-suċċessjoni legali - tal-leġittima jew obbligatorja - li tissemma fir-risposti għad-domandi "Jeżistu restrizzjonijiet fuq il-libertà għat-trasferiment ta' proprjetà mal-mewt (pereż. sehem riżervat)?" u "Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni causa mortis mal-mewt, min jiret u kemm?"

Is-suċċessjoni volontarja hija r-riżultat ta' att ta' volontà fuq in-naħa tat-testatur, bħal fil-każ ta' testmenti jew ta' kuntratti.

Is-suċċessjoni legali hija aċċettata mil-liġi. Din hija magħrufa bħala suċċessjoni tal-porzjon riżervat (sucessão legitimária) meta din tkun determinata direttament mil-liġi u ma tistax tiġi evitata permezz tal-volontajiet tat-testatur. Din hija magħrufa bħala s-suċċessjoni ereditarja (sucessão legítima) meta din tkun determinata mil-liġi iżda tista' tiġi evitata permezz tal-volontajiet tat-testatur.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Bħala regola, id-dispożizzjonijiet ma għandhomx bżonn ikunu reġistrati.

Madankollu, diversi eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju huma ripetuti f'numru ta' dispożizzjonijiet. Id-dispożizzjonijiet causa mortis iridu jiġu reġistrati, per eżempju, fil-każijiet segwenti: (i) dispożizzjoni testamentarja preferenzjali li għandha effett sħiħ; (ii) l-istabbiliment ta' reġim ta' esklussività u l-modifiki tiegħu; (iii) l-obbligu ta' tnaqqis ta' donazzjonijiet suġġetti għall-kollazzjoni; (iv) il-kuntratti ta’ żwieġ.

Fil-każijiet indikati fil-punti (i), (ii) u (iii) aktar 'il fuq, ir-reġistrazzjoni trid issir fil-Conservatórias do Registo Predial (ir-Reġistru tal-Artijiet) mill-pretendenti jew intimati fir-relazzjoni legali, persuni li għandhom xi interess fir-reġistrazzjoni jew persuni li huma obbligati li jippromwovu r-reġistrazzjoni skont il-liġi (reġistrazzjoni ex ufficio promossa f'xi każijiet mill-qrati, mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jew ir-reġistratur innifsu). Ir-reġistrazzjoni hija stabbilita permezz ta' deskrizzjoni tal-proprjetà, deskrizzjoni tal-fatti u tal-kummenti rispettivi u tal-annotazzjoni ta' ċerti ċirkustanzi.

Fil-każ indikat fil-punt (iv), ir-reġistrazzjoni hija stabbilita fir-Reġistru tal-Artijiet, permezz ta' annotazzjoni jew reġistrazzjoni ta' dikjarazzjoni tal-partijiet. F'dan il-każ, il-persuni li huma direttament ikkonċernati minn dan il-fatt jew li l-kunsens tagħhom huwa meħtieġ jistgħu jkunu partijiet għar-reġistrazzjoni.

N.B:

Ir-reġim ta' esklussività jinvolvi d-dritt tal-armel jew armla għall-manteniment mill-fondi li jkun ħalla d-decujus.

Il-kollazzjoni tinvolvi r-restituzzjoni tal-parti l-kbira tas-suċċessjoni mid-dixxendenti li jisperaw jirtu l-assijiet jew l-oġġetti ta’ valur minn axxendent.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Iva, skont il-leġiżlazzjoni Portugiża l-porzjon riżervat hija restrizzjoni għal-libertà ta' dispożizzjoni causa mortis. Il-porzjon riżervat huwa l-porzjon ta' assijiet li t-testatur ma jistax jiddisponi minnhom billi dan huwa assenjat bil-liġi għall-persuni intitolati għal sehem riżervat. Din hija magħrufa bħala suċċessjoni obbligatorja, li hija forma ta' suċċessjoni legali li ma tistax tiġi evitata permezz tal-volontajiet tat-testatur.

Il-persuni intitolati għal sehem riżervat huma l-konjuġi, id-dixxendenti u l-axxendenti. Il-konjuġi u d-dixxendenti jifformaw l-ewwel kategorija ta' suċċessuri. Fin-nuqqas ta' dixxendenti, il-konjuġi u l-axxendenti jkunu l-eredi.

Ir-regoli dwar l-assijiet li t-testatur ma jistax jiddisponi minnhom (porzjon riżervat) huma s-segwenti:

  • il-porzjon riżervat tal-konjuġi u tat-tfal huwa żewġ terzi tal-wirt;
  • jekk it-testatur ma jħallix dixxendenti jew axxendenti, il-porzjon riżervat tal-konjuġi huwa nofs il-wirt;
  • jekk it-testatur ma jħallix konjuġi iżda jħalli t-tfal, il-porzjon riżervat ikun nofs il-wirt jekk ikun hemm wild uniku u żewġ terzi tal-wirt jekk hemm żewġt itfal jew aktar;
  • il-porzjon riżervat ta' dixxendenti fit-tieni grad jew fi grad aktar imbiegħed huwa s-sehem li jmur għall-axxendent tagħhom;
  • fin-nuqqas ta' dixxendenti, il-porzjon riżervat tal-konjuġi u tal-axxendenti huwa żewġ terzi tal-wirt;
  • fin-nuqqas ta' dixxendenti jew konjuġi superstiti, il-porzjon riżervat tal-ġenituri huwa nofs il-wirt; jekk xi axxendenti fit-tieni grad jew fi grad aktar imbiegħed jinħatru bħala werrieta, il-porzjon riżervat tagħhom ikun terz tal-wirt.

N.B:

Il-konjuġi ma jinħatarx bħala werriet jekk fid-data tal-mewt tad-de cujus hija tkun divorzjata jew legalment separata permezz ta' deċiżjoni finali jew permezz ta' sentenza li għandha ssir finali. Meta l-proċedimenti ta' divorzju jew separazzjoni legali huma pendenti fid-data tal-mewt tad-de cujus, il-benefiċjarji jistgħu jkomplu t-tali proċedimenti għall-konsegwenzi patrimonjali. F'dan il-każ, jekk id-divorzju jew is-separazzjoni jiġu sussegwentement deċiżi l-konjuġi ma jinħatarx bħala benefiċjarju.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Jekk il-mejjet ma għamilx dispożizzjoni valida u effettiva tal-proprjetà totali jew ta' parti mill-proprjetà li għandha tintiret wara l-mewt tiegħu, il-persuni intitolati għal sehem riżervat jinħatru bħala suċċessuri. Din hija magħrufa bħala suċċessjoni obbligatorja, li hija forma ta' suċċessjoni legali li ma tistax tiġi evitata permezz tal-volontajiet tat-testatur.

Il-persuna intitolata għal sehem riżervat huma l-konjuġi, il-qraba u l-istat, fl-ordni segwenti: a) il-konjuġi u d-dixxendenti; b) il-konjuġi u l-axxendenti; c) l-aħwa u d-dixxendenti tagħhom; d) qraba kollaterali oħra sar-raba' grad; e) l-istat.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

Il-kompetenza fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni tiddependi fuq jekk is-suċċessjoni hijiex ikkontestata (aċċettazzjoni taħt il-benefiċċju tal-inventarju) jew le (aċċettazzjoni pura u sempliċi).

In-nutara huma kompetenti fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni kkontestata. In-nutara u r-reġistraturi huma kompetenti fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni mhux ikkontestata. Huma kompetenti sabiex jagħtu s-setgħa lill-werrieta li jwettqu l-qsim rispettiv. Bl-awtentikazzjoni ta' dokument privat, l-avukati jistgħu jaqsmu l-patrimonji iżda mhumiex kompetenti biex jipproduċu atti ta' eredità.

In-nutara u r-reġistraturi huma kompetenti  biex jipproduċu atti ta' eredità billi jikkonfermaw l-identità tal-persuni maħtura għas-suċċessjoni, filwaqt f'xi każijiet ikun applikabbli kuntratt ta’ żwieġ għal dak li jirrigwarda l-proprjetà jew testment.

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Fil-każ ta' wirt ikkontestat, in-nutara tad-dritt ċivili fil-muniċipalitajiet fejn infetħu s-suċċessjonijiet kienu kompetenti biex jibdew proċedura ta' inventarju mit-2 ta' Settembru 2013. Dawn il-proċeduri huma finalment sottomessi lill-qrati sabiex l-imħallef jirratifika d-deċiżjoni dwar id-diviżjoni.

Il-post ta' ftuħ tas-suċċessjoni huwa l-post tal-aħħar domiċilju tad-de cujus.

Jekk dan l-indirizz kien barra mill-Portugall iżda l-proprjetà kienet għadha fil-Portugall, ikun kompetenti n-nutar tal-gvern tal-muniċipalità fejn hemm l-assi fissi jew il-biċċa l-kbira minnhom. Jekk mhemmx assi fissi, in-nutar tal-gvern tal-muniċipalità li fiha hemm il-biċċa l-kbira tal-beni mobbli jkun kompetenti.

Jekk l-aħħar domiċilju tad-de cujus kien barra mill-Portugall u huwa ma ħalliex assijiet fil-Portugall, in-nutar tal-gvern tad-domiċilju tal-parti li tawtorizza l-proċedura jkun kompetenti.

F'każ ta' aċċettazzjoni pura u sempliċi tas-suċċessjoni, ma jeħtieġ ebda inventarju. F'dan il-każ, il-likwidazzjoni u l-qsim tas-suċċessjoni jitwettqu bi qbil reċiproku bejn il-werrieta u l-legatarji, mingħajr ebda obbligu għall-ftuħ ta' proċeduri quddiem nutar jew qorti.

Meta patrimonju jiġi dikjarat vakanti affavur tal-istat, il-proċedura speċjali għal-likwidazzjoni tas-suċċessjoni għall-benefiċċju tal-istat ikollha lok quddiem il-qorti.

Jekk is-suċċessjoni mhijiex ikkontestata, in-nutara tal-gvern, l-uffiċċji tal-insinwa u r-reġistri tal-artijiet ikunu kompetenti, mingħajr ebda ġuriżdizzjoni territorjali. Il-partijiet ikkonċernati jistgħu sussegwentement iwettqu l-atti fl-istituzzjoni tal-għażla tagħhom, mingħajr restrizzjonijiet territorjali.

Bl-istess mod u kif iddikjarat iktar 'il fuq, jista' jingħata lok għall-qsim tal-patrimonji quddiem kull avukat fil-pajjiż, sakemm dan isir skont it-termini stabbiliti (mill-uffiċċji tar-reġistri jew minn nutara).

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Fir-rigward tal-awtorità kompetenti biex tirċievi dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni jew ta' rinunzja tas-suċċessjoni, mhemm ebda differenzi sostanzjali bejn legat u wirt jew bejn suċċessjoni legali jew volontarja. Ir-risposta għal dawn it-tliet domandi hija għalhekk l-istess.

Jekk is-suċċessjoni ġiet aċċettata taħt il-benefiċċju tal-inventarju, id-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni ssir matul il-proċedura tal-inventarju li għandha lok fl-uffiċċju tan-nutar kompetenti. F'dan il-każ, in-nutar huwa l-awtorità li jirċievi d-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni.

L-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni taħt il-benefiċċju tal-inventarju tiġi żgurata billi jintalab l-inventarju jew billi wieħed jintervjeni fih.

Tip ieħor ta' aċċettazzjoni ta' suċċessjoni hija l-aċċettazzjoni pura u sempliċi, meta s-suċċessjoni tiġi aċċettata u maqsuma mingħajr il-bżonn ta' proċeduri tal-inventarju.

Ir-regoli dwar l-aċċettazzjoni tas-suċċessjoni japplikaw ukoll għall-aċċettazzjoni ta' legat. Id-distinzjoni bejn wirt u legat hija stabbilita fir-risposta għad-domanda segwenti.

Jekk tinfetaħ proċedura ta' inventarju, id-dikjarazzjoni ta' rinunzja trid issir waqt il-proċedura tal-inventarju jew tiġi mehmuża fil-fajl. F'dan il-każ, in-nutar huwa l-awtorità kompetenti li jirċievi d-dikjarazzjoni ta' rinunzja.

Ir-rinunzja trid tieħu waħda mill-forom segwenti: att pubbliku jew att privat awtentikat jekk jeżistu xi assi li għat-trasferiment tagħhom il-liġi teżiġi xi waħda minn dawn il-forom; dokument privat f'każijiet oħrajn.

L-aċċettazzjoni jew ir-rinunzja ta' wirt jew ta' legat hija tranżazzjoni legali li ma tistax tiġi rinnegata, jiġifieri t-tnejn li huma jsiru permezz ta' dikjarazzjoni mill-werriet li ma għandhiex bżonn tiġi indirizzata jew miġjuba għall-attenzjoni ta' persuna partikolari.

Jekk il-patrimonju huwa sottostanti, il-partijiet interessati jew l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jistgħu jitolbu lill-qorti sabiex jinnotifikaw lill-werriet sabiex jaċċetta jew jirrinunzja għall-wirt. F'dan il-każ, il-qorti tirċievi d-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni. Il-patrimonju jkun meqjus li huwa sottostanti waqt il-perjodu li fih dan ma jkunx għadu ġie aċċettat jew iddikjarat bħala vakanti affavur tal-Istat.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Il-proċedura tiddependi fuq jekk is-suċċessjoni hijiex kontestata jew le.

SUĊĊESSJONI KONTESTATA

L-għan tal-proċedura ta' inventarju huwa:  biex jinqasam il-patrimonju sabiex tintemm il-koproprjetà; biex jelenka l-assi tal-patrimonju jekk il-qsim mhuwiex meħtieġ; biex jillikwida l-patrimonju jekk meħtieġ.

Il-proċedura ta' inventarju ssir f'uffiċċju ta' nutar tal-gvern taħt ir-responsabbiltà tan-nutar. L-intervent tal-qorti huwa limitat bħala regola għall-istadju finali tal-proċedimenti, li fih il-qorti ċivili b'ġuriżdizzjoni territorjali tirratifika d-diviżjoni. Madankollu, il-qorti tista' tintervjeni fl-istadju inizjali tal-proċedimenti sabiex taħtar il-kap tal-familja meta l-persuni kollha previsti mil-liġi biex iwettqu dak ir-rwol ġew skużati jew tneħħew minn dan ir-rwol.

Ir-rappreżentanza legali hija obbligatorja biss jekk iqumu jew jiġu diskussi kwistjonijiet legali jew jekk isir appell.

Il-proċedura ta' inventarju tinvolvi l-istadji segwenti: (i) it-talba inizjali u d-dikjarazzjonijiet tal-kap tal-familja; (ii) in-notifika ta' dokumenti; (iii) l-oġġezzjonijiet; (iv) ir-risposti tal-kap tal-familja; (v) id-dejn; (vi) laqgħa preparatorja; (vii) laqgħa tal-partijiet interessati; (viii) l-istabbiliment ta' porzjon tal-beni li t-testatur jista' jiddisponi minnu; (ix) id-diviżjoni; (x) il-modifika u l-annullament tad-diviżjoni.

L-istadji proċedurali hawn fuq huma msemmija aktar 'l isfel.

(i) it-talba inizjali u d-dikjarazzjonijiet tal-kap tal-familja;

Il-proċedimenti tal-inventarju ma jinbdewx mill-qorti ex ufficio. Il-partijiet b'interess dirett fid-diviżjoni jew il-ġenituri, tutur jew kuratur, kif applikabbli, jistgħu jitolbu għal proċeduri ta' inventarju jekk is-suċċessjoni hija pprojbita għall-minuri jew għal dawk iddikjarati bħala inkompetenti jew għal persuni assenti u li ma jistgħux jinstabu.

Il-persuna li titlob għall-proċeduri ta' inventarju trid tehmeż iċ-ċertifikat tal-mewt tad-de cujus u tindika min għandu jwettaq ir-rwol ta' kap tal-familja.

In-nutar jaħtar il-kap tal-familja u jħarrku sabiex huwa jagħmel dikjarazzjonijiet li fihom huwa jippreżenta t-testment, il-ftehimiet ta' suċċessjoni, il-kuntratti ta’ żwieġ u l-atti ta' donazzjoni, jekk ikun il-każ, jindika l-werrieta u / jew il-legatarji, jippreżenta l-lista tal-assi u l-valur tagħhom, flimkien mad-dokumenti mitluba sabiex jiġi ddeterminat l-istatus legali tal-assi, u jelenka d-dejn tal-patrimonju separatament.

(ii) In-notifika ta' dokumenti

In-nutar jinnotifika lill-partijiet direttament interessati fid-diviżjoni u l-kredituri tal-patrimonju. Jekk ikun hemm persuni intitolati għal sehem riżervat, dawn jiġu nnotifikati wkoll.

(iii) L-oġġezzjonijiet

Il-partijiet direttament interessati mid-diviżjoni jistgħu joġġezzjonaw għas-suċċessjoni, jikkontestawha jew jippreżentaw talba f'dan ir-rigward.

(iv) Ir-risposti tal-kap tal-familja

Il-kwistjonijiet mqajma fl-istadju preċedenti huma riżolti wara konsultazzjoni mal-kap tal-familja. Il-kumplament tal-partijiet interessati jistgħu wkoll jinstemgħu u tista' tintalab il-produzzjoni tal-evidenza. Meta l-kumplessità tad-domandi tikkawża dewmien fil-likwidazzjoni tal-pretensjonijiet fi proċeduri tal-inventarju, in-nutar jirreferi lill-partijiet interessati għall-proċedimenti ġudizzjarji konvenzjonali.

(v) Id-dejn

Il-proċedura riferuta fil-punti (iii) u (iv) tkun applikabbli jekk tiġi miċħuda pretensjoni ta' suċċessjoni mill-allegat debitur.

(vi) Il-laqgħa preparatorja

Ladarba xi kwistjonijiet li jistgħu jinfluwenzaw il-kondiviżjoni tal-patrimonju jkunu ġew riżolti, in-nutar jiffissa data għal-laqgħa preparatorja. F'din il-laqgħa, il-partijiet interessati jieħdu deċiżjonijiet b'maġġoranza ta' żewġ terzi dwar il-kompożizzjoni tal-ishma. Il-partijiet interessati jieħdu deċiżjonijiet ukoll dwar l-approvazzjoni tad-dejn u l-mezzi għall-eżekuzzjoni tal-legati u piżijiet tal-patrimonju oħra. L-inventarju jista' jiġi konkluż fil-laqgħa preparatorja bi ftehim bejn il-partijiet.

(vii) Il-laqgħa tal-partijiet interessati

Jekk l-inventarju ikollu lok, tiġi ffissata data għal-laqgħa tal-partijiet interessati, li trid issir f' 20 jum mil-laqgħa preparatorja. L-għan tal-laqgħa huwa li jiġu allokati l-assi permezz ta' ittri siġillati jew proċedura nnegozjata.

(viii) L-istabbiliment ta' porzjon tal-beni li t-testatur jista' jiddisponi minnu;

F'każ ta' persuni intitolati għal sehem riżervat jew legatarji, tista' ssir talba għall-irkant u għall-istima ta' donazzjonijiet u legati jew għall-istima ta' assijiet oħra tal-patrimonju sabiex jiġi stabbilit jekk dawn jeċċedux il-porzjon tal-beni li t-testatur jista' jiddisponi minnu.

Jekk id-donazzjonijiet jew il-legati jeċċedu l-porzjon tal-beni li t-testatur jista' jiddisponi minnu, dawn iridu jiġu mnaqqsa.

Id-donazzjonijiet jew il-legati jeċċedu l-porzjon tal-beni li t-testatur jista' jiddisponi minnu meta dawn jaffettwaw il-porzjon riżervat tal-persuni intitolati għalih.

(ix) Id-diviżjoni

Wara li jinstemgħu l-avukati, in-nutar jordna li jiġi determinat kif l-assi għandhom jinqasmu qabel ma jħejji pjan tat-tqassim. Il-porzjonijiet huma mbagħad iddeterminati. In-nutar iħejji pjan tat-tqassim jekk ikun hemm wisq assijiet għall-irkant, donazzjonijiet jew legati jew jekk id-donazzjonijiet jew legati jeċċedu l-porzjon tal-beni li t-testatur jista' jiddisponi minnu. F'dan il-każ, il-partijiet interessati huma notifikati sabiex jitolbu l-ħlas ta' dejn marbut ma’ ddotar żejjed jew jitolbu għall-porzjon rispettiv fi flus; jew jekk jinqabeż il-porzjon tal-beni li t-testatur jista' jiddisponi minnu, jitolbu għat-tnaqqis tad-donazzjoni jew tal-legat. Il-partijiet interessati jistgħu jikkontestaw il-pjan tat-tqassim. In-nutar jiddeċiedi dwar dawn it-talbiet u jagħmel arranġamenti sabiex il-lottijiet jitilgħu bix-xorti, fejn ikun meħtieġ.

Fl-aħħar, il-proċedimenti huma rinvijati lill-qorti tad-distrett tal-uffiċċju tan-nutar fejn sar l-inventarju. L-mħallef kompetenti fil-qasam tal-liġi ċivili jagħti sentenza li tirratifika d-diviżjoni abbażi tal-estratt u tal-ittellar ta' lottijiet u l-partijiet interessati rispettivi jiġu kkundannati għall-ispejjeż.

Jista' isir appell mid-deċiżjoni li tirratifika d-diviżjoni.

(x) Il-modifika u l-annullament tad-diviżjoni.

Anki wara li d-deċiżjoni li tirratifika d-diviżjoni ssir definittiva, id-diviżjoni tista' tiġi modifikata jew annullata jekk jiġu sodisfatti xi kundizzjonijiet. Din tista' tiġi modifikata, pereżempju, bil-qbil tal-partijiet interessati kollha jew tista' tiġi annullata jekk werriet ikun ġie preġudikat.

SUĊĊESSJONI MHUX IKKONTESTATA

Il-parti interessata tista' tirriżolvi d-diversi problemi quddiem nutar jew reġistratur billi tuża sistema ta’ tieqa unika (single window) sabiex tiġġestixxi l-kwistjonijiet kollha dwar is-suċċessjoni, mill-awtorizzazzjoni sar-reġistrazzjoni finali tal-assi li jirriżultaw mid-diviżjoni.

L-awtorizzazzjoni u d-diviżjoni jistgħu għalhekk isiru quddiem waħda minn dawn l-istituzzjonijiet.

Wara li jkunu żguraw ruħhom mill-intitolament tagħhom bħala werrieta f'uffiċċju ta' nutar jew reġistru, il-partijiet interessati jistgħu jaqsmu l-assi tal-patrimonju permezz ta' dokument privat awtentikat quddiem avukat.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Il-werrieta jirtu l-patrimonju kollu jew parzjalment tad-de cujus, jiġifieri l-assi ereditarji mhumiex prestabbiliti.

Il-legatarji min-naħa l-oħra jirtu assijiet u oġġetti ta’ valur partikolari.

Fil-kuntest ta' suċċessjoni legali, l-eliġibbiltà tirriżulta mil-liġi. Fil-kuntest ta' suċċessjoni volontarja, l-eliġibbiltà tirriżulta minn dikjarazzjoni ta' volontà mit-testatur. Il-werrieta jistgħu jkollhom l-istatus ta' werrieta jew legatarji f'suċċessjoni legali jew volontarja.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Jekk il-patrimonju jiġi aċċettat taħt il-benefiċċju tal-inventarju, biss il-proprjetà elenkata fl-inventarju hija suġġetta għad-dejn tad-de cujus u għal piżijiet oħra fuq is-suċċessjoni, sakemm il-kredituri jew il-legatarji ma jipprovawx li jeżistu assi oħra. Jekk ikun hemm inventarju, l-oneru tal-provi li jeżistu t-tali assijiet huwa fuq il-kredituri jew il-legatarji.

F'każ ta' aċċettazzjoni pura u sempliċi, ir-responsabbiltà tad-dejn u tal-piżijiet oħra bl-istess mod ma jistax jeċċedi l-valur tal-assijiet li intirtu, iżda f'dan il-każ huma l-werrieta jew legatarji li għandhom jippruvaw li l-patrimonju ma jinkludix assijiet ta' valur li jkopru l-ħlas tad-dejn jew l-eżekuzzjoni tal-legati. F'dan il-każ, l-oneru tal-provi li ma jeżistux it-tali assijiet huwa fuq il-werrieta jew il-legatarji.

Il-patrimonju huwa mogħni bil-piżijiet segwenti: l-ispejjeż funerarji u spejjeż relatati tat-testatur; l-ispejjeż dwar l-eżekuzzjoni testamentarja u l-amministrazzjoni u l-likwidazzjoni tal-patrimonju; il-ħlas tad-dejn tad-de cujus; l-eżekuzzjoni tal-legati.

L-assijiet li intirtu konġuntament jirrispondu kollettivament għall-ħlas tal-ispejjeż imsemmija hawn fuq. Ladarba l-patrimonju jkun ġie maqsum, kull werriet huwa responsabbli biss għal ammont pro rata tas-sehem tagħhom mill-wirt.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Fir-risposta segwenti huma ppreżentati separatament id-dokumenti u l-informazzjoni mitluba għar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli, il-miżati li jridu jitħallsu u kif tista' tiġi ppreżentata t-talba għar-reġistrazzjoni (personalment, bil-posta jew onlajn).

Id-dokumenti u l-informazzjoni mitluba

It-talbiet għar-reġistrazzjoni ta' proprjetà immobbli jridu jidentifikaw l-applikant, il-fatti u l-proprjetajiet ikkonċernati u l-lista ta' dokumenti ta' prova.

Il-fatti biss imsemmija fid-dokumenti li jissostanzjawhom legalment jistgħu jiġu reġistrati.

Id-dokumenti f'lingwa barranija jistgħu jiġu aċċettati biss meta tradotti skont il-liġi, barra meta jkunu redatti bl-Ingliż, il-Franċiż jew l-Ispanjol u l-uffiċjal kompetenti għandu għarfien sew tal-lingwa kkonċernata.

Meta l-validità ta' talba għar-reġistrazzjoni trid tiġi evalwata abbażi ta' dritt barrani, l-applikant irid jipprova l-kontenut tagħha permezz ta' dokumenti neċessarji.

Jekk it-talba għar-reġistrazzjoni tikkonċerna bini li mhuwiex deskritt, trid tiġi mehmuża dikjarazzjoni addizzjonali li tindika l-isem, l-istatus u l-indirizz tal-proprjetarji immedjatament qabel iċ-ċedent u l-artikolu preċedenti tar-reġistru ta' proprjetà, sakemm l-applikant ma jiddikjarax fid-dikjarazzjoni għaliex dan mhuwiex magħruf.

Jekk ir-reġistrazzjoni tikkonċerna sehem fi proprjetà konġunta li ma ġietx deskritta, iridu jiġu ddikjarati wkoll l-isem, l-istatus u l-indirizz tal-koproprjetarji kollha.

Miżati li jridu jitħallsu

Il-miżata trid titħallas meta tiġi ppreżentata t-talba jew trid tintbagħat magħha. Il-miżata tikkorispondi għall-ammont probabbli totali li jkun pagabbli. Jekk din ma titħallasx meta tiġi ppreżentata t-talba għar-reġistrazzjoni, it-talba tista' tiġi miċħuda immedjatament.

Meta l-miżata ma tħallsitx u t-talba ma tkunx ġiet miċħuda, is-servizz ta' reġistrazzjoni jinnotifika lill-parti interessata bl-iskadenza għall-ħlas tal-ammont li ma tħallasx għax inkella r-reġistrazzjoni tiġi miċħuda.

L-istess proċedura hija segwita meta l-ammont inizjali mħallas mhuwiex biżżejjed u li l-ammont li jonqos ma ġiex imħallas.

It-talba għar-reġistrazzjoni li ssir personalment, bil-posta jew onlajn

It-talbiet għar-reġistrazzjoni ta' proprjetà immobbli tista' tiġi ppreżentata personalment, bil-posta jew onlajn.

It-talbiet għar-reġistrazzjoni li jiġu ppreżentati personalment u bil-posta jridu jkunu bil-miktub, skont il-forom approvati b'deċiżjoni tal-korp ta' tmexxija tal-Instituto dos Registos e do Notariado, I.P. [l-Istitut tar-Reġistri u n-Nutara]. Id-dokumenti li jissostanzjaw il-fatt li għandu jiġi rreġistrat u d-dikjarazzjonijiet addizzjonali fuq imsemmija, jekk ikun il-każ, iridu jiġu mehmuża magħhom.

Il-forom imsemmija fil-paragrafu preċedenti ma għandhomx jintużaw għal talbiet għar-reġistrazzjoni bil-miktub mill-awtoritajiet pubbliċi involuti bħala rikorrenti jew konvenuti f'atti mill-qrati, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, l-amministraturi tal-insolvenza jew l-aġenti tal-infurzar, kemm jekk jiġu ppreżentati personalment jew bil-posta.

It-talbiet magħmula mill-qrati, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, l-aġenti tal-infurzar jew il-marixxalli li jwettqu attivitajiet proprji ta' aġenti tal-infurzar u amministraturi tal-qorti għandhom preferibbilment jintbagħtu bil-posta elettronika u jkunu akkumpanjati mid-dokumenti meħtieġa għar-reġistrazzjoni, u kif ukoll l-ammonti pagabbli.

L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' proprjetà jistgħu jsiru onlajn fis-sit web http://www.predialonline.mj.pt/. L-uniċi proċeduri li ma jistgħux jiġu reġistrati onlajn huma proċeduri li jiġġustifikaw, jirrettifikaw jew jikkontestaw id-deċiżjonijiet adottati mir-reġistratur.

Jeħtieġ ċertifikat elettroniku sabiex jintalbu atti ta' reġistrazzjoni ta' proprjetà onlajn. Iċ-ċittadini li huma detenturi ta' karta tal-identità Portugiża u li attivaw iċ-ċertifikat elettroniku tagħhom, l-avukati u n-nutara għandhom diġà dawn iċ-ċertifikati.

Il-ġestjonarji u d-diretturi ta' kumpaniji kummerċjali jew kumpaniji tal-liġi ċivili li għandhom forma kummerċjali jistgħu jattestjaw li d-dokumenti elettroniċi li huma ppreżentaw huma konformi mad-dokumenti stampati oriġinali meta huma jippreżentaw it-talbiet għar-reġistrazzjoni onlajn li fihom l-kumpaniji rispettivi huma partijiet interessati.

N.B:

Il-persuni u / jew l-entitajiet biss li l-liġi tikkunsidra bħala leġittimi jistgħu jippreżentaw talba għar-reġistrazzjoni ta' beni immobbli. Dawn il-persuni jew l-entitajiet huma identifikati iktar 'il fuq fir-risposta għad-domanda "Id-dispożizzjoni causa mortis għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?" fit-taqsima li tindika r-reġistrazzjonijiet li għandhom jiġu ppreżentati lir-Reġistru tal-Artijiet.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jekk il-proċeduri ta' inventarju huma meħtieġa. F'dan il-każ, huwa obbligatorju li jinħatar il-kap tal-familja li jkun inkarigat mill-amministrazzjoni tas-suċċessjoni. Il-persuna li titlob għall-inventarju tindika l-persuna li, skont il-liġi, teżerċita l-funzjonijiet ta' kap tal-familja. Dan isir skont il-forma użata għat-talbiet tal-inventarju.

Meta l-patrimonju huwa sottostanti, jista' ikun li ma hemm ħadd li huwa legalment intitolat sabiex jamministrah. F'dan il-każ, kull werriet jista' jieħu azzjoni biex jamministra s-suċċessjoni anki qabel din tkun aċċettata jew tiġi rrinunzjata. Jekk ikun hemm riskju ta' telf jew deterjorament tal-assi tal-patrimonju sottostanti, il-qrati jaħtru kuratur. Dan isir fuq it-talba tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jew ta' kull parti interessata oħra. Id-definizzjoni ta' patrimonju sottostanti diġà ngħatat fir-risposta għad-domanda “X'tip ta' awtorità hija kompetenti: (…) biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew ta' aċċettazzjoni?

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Il-kap tal-familja

Il-kap tal-familja huwa responsabbli bħala regola għall-amministrazzjoni tal-patrimonju sakemm dan jiġi llikwidat u maqsum.

Skont il-liġi, l-inkarigu ta' kap tal-familja jiġi ddelegat fl-ordni segwenti:

a) lill-konjuġi superstiti, li mhuwiex legalment isseparat, jekk huwa werriet jew għandu nofs mill-assijiet tal-koppja;

b) lill-eżekutur, sakemm jingħad mod ieħor mit-testatur;

c) lill-qraba li huma werrieta legali;

d) lill-legatarji testamentarji.

Jekk il-patrimonju kollu jinqasam bejn il-legatarji, il-legatarju l-aktar preferut jaġixxi bħala kap tal-familja u jissostitwixxi l-werrieta; f'ċirkustanzi ta' ugwalità, l-ixjaħ wieħed minnhom ikun il-preferut.

Hemm każijiet speċifiċi li fihom l-amministrazzjoni tal-assi kollha jew ta' parti mill-patrimonju jiġu fdati lill-eżekutur jew lill-fiduċjarju, kif jiġi spjegat hawn isfel.

L-eżekutur

Fil-każ ta' suċċessjoni testamentarja, it-testatur jista' jaħtar persuna waħda jew aktar li jkunu inkarigati sabiex jiżguraw li t-testment jiġi eżegwit fl-intier tiegħu jew parzjalment. Din hija magħrufa bħala eżekuzzjoni testamentarja. Il-persuna maħtura hija l-eżekutur.

It-trustee

Is-sostituzzjoni tat-trustee jew tal-fiduċjarju hija dispożizzjoni li permezz tagħha t-testatur jinkariga lill-werriet indikat sabiex jippreżerva l-wirt, b'tali mod li dan imur għall-benefiċċju ta' xi ħadd ieħor wara l-mewt tiegħu. Il-werriet li jingħata dan l-inkarigu jissejjaħ it-trustee. Il-benefiċjarju tas-sostituzzjoni huwa magħruf bħala l-werriet tal-fiduċjarju. It-trustee jibbenefika minn u jamministra l-assijiet suġġett għall-fedekommess.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

Is-setgħat ta' kap tal-familja

Il-kap tal-familja jamministra l-assijiet tad-de cujus u, jekk dan tal-aħħar kien miżżewweġ skont ir-reġim tal-komunità tal-akkwisti, l-assijiet komuni tal-koppja.

Il-kap tal-familja jista' jitlob lill-werrieta jew lil parti terza sabiex jagħtuh l-assijiet li huwa jrid jamministra u li qegħdin fil-pussess tagħhom. Huwa jista' iressaq azzjonijiet għal pussess kontra l-werrieta jew kontra parti terza u jista' jirkupra r-riċevibbli tal-patrimonju meta d-dewmien jippreġudika l-irkupru tagħhom jew meta l-pagament isir b'mod spontanju.

Il-kap tal-familja jrid ibiegħ l-prodotti u beni oħra li jeħżienu u jista' juża s-somom riċevuti mill-bejgħ tagħhom għall-ħlas ta' spejjeż funerarji u spejjeż relatati oħra u kif ukoll spejjeż ta' amministrazzjoni.

Il-kap tal-familja jista' ukoll ibiegħ prodotti li ma jeħżienux, safejn dan ikun meħtieġ għall-ħlas ta' spejjeż funerarji u spejjeż relatati oħra u kif ukoll spejjeż ta' amministrazzjoni.

Barra mill-każijiet imsemmija hawn fuq, id-drittijiet relatati mas-suċċessjoni jistgħu biss jiġu eżerċitati bisskonġuntament mill-werrieta kollha jew kontra l-werrieta kollha.

Is-setgħat tal-eżekutur

Jekk l-eżekutur ġie maħtur f'suċċessjoni b'testment, huwa għandu s-setgħat mogħtija mit-testatur.

Jekk it-testatur ma jispeċifikax is-setgħat tal-eżekutur, dan tal-aħħar huwa responsabbli minn dan li ġej: l-organizzazzjoni tal-funeral u l-ħlas tal-ispejjeż relatati; is-sorveljanza tal-applikazzjoni tajba tad-dispożizzjonijiet testamentarji u d-difiża tal-validità tagħhom quddiem il-qrati, fejn meħtieġ; it-twettiq tal-funzjonijiet ta' kap tal-familja.

It-testatur jista' jinkariga l-eżekutur sabiex jeżegwixxi l-legati tal-patrimonju u li jħallas għal dejn ieħor meta huwa jkun kap tal-familja u ma jkunx hemm bżonn ta' inventarju obbligatorju. Għal dan il-għan, l-eżekutur jista' jiġi awtorizzat mit-testatur sabiex ibiegħ l-assijiet kollha tal-patrimonju (kemm jekk beni mobbli u kif ukoll beni immobbli) jew dawk indikati fit-testment.

Is-setgħat tat-trustee

It-trustee mhux biss jamministra iżda jirċievi wkoll il-benefiċċji tal-assijiet suġġetti għall-fedekommess. Id-dispożizzjonijiet dwar it-tgawdija tat-tali assijiet safejn dawn ma jkunux inkompatibbli mal-fedekommess huma applikabbli. It-trustee jrid jikseb l-awtorizzazzjoni tal-qorti għat-trasferiment jew għall-aggravar tal-assijiet suġġetti għall-fedekommess.

Il-werrieta u l-kuratur għall-patrimonju sottostanti

Meta l-patrimonju huwa sottostanti, dan jikkostitwixxi patrimonju awtonomu b'personalità ġuridika. Il-patrimonju jista' għalhekk jibda proċeduri u proċeduri jistgħu jinġiebu kontrih. Jekk ma hemm ħadd biex jamministra l-patrimonju f'dan il-każ, tista' tiġi adottata waħda mis-soluzzjonijiet msemmija hawn isfel.

Qabel ma jaċċetta jew jirrinunzja għas-suċċessjoni, kull werriet jista' jieħu miżuri amministrattivi urġenti filwaqt li l-patrimonju jkun sottostanti. Jekk titqajjem xi oġġezzjoni meta jkun hemm numru ta' werrieta, ir-rieda tal-maġġoranza tirbaħ.

Jista' ukoll jinħatar kuratur tal-patrimonju sottostanti mill-qrati. Il-kuratur huwa responsabbli sabiex jitlob għall-proċeduri interlokutorji meħtieġa u sabiex jibda azzjonijiet li ma jistgħux jiddewmu mingħajr ma jsir preġudizzju għall-interessi tas-suċċessjoni. Huwa responsabbli wkoll sabiex jirrapreżenta l-patrimonju fl-azzjonijiet kollha miġjuba kontrih. Il-kuratur ikollu bżonn ta' awtorizzazzjoni ġudizzjarja għat-trasferiment jew għall-aggravar ta' assi fissi, oġġetti prezzjużi, oġġetti ta’ valur, stabbilimenti kummerċjali u l-assijiet l-oħra kollha li t-trasferiment jew l-aggravar tagħhom mhuwiex att amministrattiv. L-awtorizzazzjoni ġudizzjarja tingħata biss meta l-att ikun iġġustifikat sabiex jiġi evitat id-deterjorament jew it-telf tal-assijiet, jitħallas id-dejn tal-patrimonju, jitħallsu l-ispejjeż ta' ameljoramenti meħtieġa u utli jew jekk jinqala' bżonn ieħor urġenti.

Meta l-patrimonju mhuwiex aktar sottostanti billi jkun ġie aċċettat iżda jibqa' indiviż, il-liġi tippermetti lil kull werriet sabiex jitlob ir-rikonoxximent ġudizzjarju tal-istatus tiegħu bħala werriet u r-restituzzjoni tal-assijiet kollha tal-patrimonju jew parti minnhom kontra kull min jipposjedihom fil-kwalità ta' werriet, kull titolu ieħor jew mingħajr ebda titolu. Dan huwa magħruf bħala petizzjoni għall-pussess. Din l-azzjoni tista' tittieħed minn werriet waħdu irrispettivament mill-oħrajn, iżda bla ħsara għad-dritt tal-kap tal-familja li jeżiġi l-għoti tal-assijiet li huwa jrid jamministra, kif indikat preċedentement.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Dokumenti li jikkonfermaw l-istatus ta' werrieta jew legatarji

  1. Is-sentenzi;
  2. L-atti notarili;
  3. Iċ-ċertifikat ta' eredità maħruġ mill-uffiċċju tal-insinwa.

Iċ-ċertifikat ta' eredità jattestja l-istatus ta' werrieta u / jew legatarji li jissopravivu d-de cujus.

Is-sentenzi, l-atti notarili u ċ-ċertifikat ta' eredità jikkostitwixxu kollha dokumenti awtentiċi b'valur probatorju sħiħ.

Iċ-ċertifikat ta' eredità li jattestja l-kwalità ta' werriet jew legatarju huwa rreġistrat fir-reġistru tal-insinwa permezz ta' annotazzjoni fiċ-ċertifikat ta' causa mortis tad-de cujus.

Id-dokumenti li jikkonfermaw id-diviżjoni

Fil-kuntest ta' suċċessjoni kkontestata:

  1. Is-sentenza mogħtija mill-qorti komptenti li tirratifika d-diviżjoni tal-patrimonju fi proċeduri ta' inventarju quddiem in-nutar kompetenti. Is-sentenza tiddetermina kif l-ishma għandhom jiġu maqsuma (pereż. l-assijiet li għandhom jintirtu minn kull werriet jew legatarju). Dawn huwa strument awtentiku b'valur probatorju sħiħ.

Fil-kuntest ta' suċċessjoni volontarja:

  1. L-att privat awtentikat li jkun ġie redatt quddiem avukat, li jistabbilixxi kif l-ishma għandhom jiġu maqsuma. Dan mhuwiex strument awtentiku iżda att privat awtentikat li f'dan il-każ għandu valur probatorju ekwivalenti għall-valur probatorju sħiħ.
  2. Id-dokument li jagħti dritt għad-diviżjoni fil-kuntest ta' proċeduri simplifikati ta' suċċessjoni quddiem ir-reġistratur. Dawn huwa strument awtentiku b'valur probatorju sħiħ.
  3. L-att ta' qsim redatt minn nutar. Dawn huwa strument awtentiku b'valur probatorju sħiħ.

Id-dokumenti kollha fuq imsemmija li jagħtu dritt għad-diviżjoni jistgħu jservu ta' bażi għar-reġistrazzjoni tal-assijiet tal-patrimonju għall-benefiċċju tal-werriet jew tal-legatarju, irrispettivament minn jekk dawn għandhomx valur probatorju sħiħ.

Nota finali

L-informazzjoni f'din il-formula hija ġenerali fin-natura tagħha, mhijiex eżawrenti u mhijiex vinkolanti fuq il-Punt ta' Kuntatt, in-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fl-Oqsma Ċivili u Kummerċjali, il-qrati jew xi destinatarju ieħor. Din ma teżentax mill-bżonn tal-qarrej li jikkonsulta l-leġiżlazzjoni applikabbli.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 05/07/2018