Informazzjoni ġenerali - Skozja

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ingliż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

LISTA TAL- KONTENUT

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Persuna tista’ tħalli proprjetà lil ħaddieħor mal-mewt permezz ta’ legat f’testment. Ir-Rekwiżiti tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAtt tal-1995 dwar l-Iskritturi (l-Iskozja) jitolbu li t-testmenti magħmula wara l-1 ta’ Awwissu 1995 ikunu bil-miktub u ffirmati mit-testatur.

Individwi jista' jkollhom ukoll titolu ta' koproprjetà fuq mobbli jew immobbli u għas-superstiti (din tissejjaħ komunement bħala l-klawżola tas-superstiti).

Individwi jista’ jkollhom ukoll proprjeta mobbli u immobbli b’titolu f’isimhom stess jew ma’ oħrajn, bi klawżola ta' destinazzjoni speċjali ta' dik il-proprjetà jew sehem fiha, favur xi ħadd ieħor f’każ ta’ mewt.

Meta ma jkun hemm l-ebda testment, klawżola tas-superstiti jew klawżola tad-destinazzjoni speċjali, il-proprjetà tiġi trasferita skont it-termini tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAtt tal-1964 dwar is-Suċċessjoni (l-Iskozja).

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Ma hemm l-ebda rekwiżit fl-Iskozja biex testment jiġi rreġistrat.

Titolu ta' proprjetà immobbli inklużi titoli bi klawżola ta' destinazzjoni speċjali jew tas-superstiti tkun irreġistrata jew fir-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaReġistru tas-Sasines jew fir-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaReġistru tal-Artijiet tal-Iskozja.

F'xi ċirkostanzi, titolu ta' proprjetà mobbli, inklużi dawk bi klawżola ta' destinazzjoni speċjali jew tas-superstiti tkun irreġistrata, pereżempju fir-Reġistru tal-Azzjonisti ta' kumpanija.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Skont il-liġi Skoċċiża, huwa possibbli li wild jew wieħed mill-konjuġi/sieħeb reġistrat jitlob is-sehem riżervat minn proprjetà mobbli wara l-mewt ta’ ġenitur/wieħed mill-konjuġi/sieħeb reġistrat anki meta l-persuna deċeduta tkun ħalliet testment. Is-sehem riżervat huwa protezzjoni mid-diżeredazzjoni. It-tfal għandhom id-dritt jaqsmu terz tal-patrimonju mobbli tal-persuna deċeduta (flus, ishma eċċ.) jekk ikun hemm wieħed mill-konjuġi jew sieħeb reġistrat superstiti jew nofs jekk ma jkunx hemm wieħed mill-konjuġi jew sieħeb reġistrat superstiti. Is-superstiti ta' konjuġi/sieħeb reġistrat  għandhom id-dritt għal terz tal-patrimonju mobbli tal-persuna deċeduta (flus, ishma eċċ.) f'każ ta' tfal jew għal nofs fin-nuqqas tagħhom.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Il-proprjetà tiġi trasferita skont l-Att tal-1964 dwar is-Suċċessjoni (l-Iskozja) fl-ordni stipulat iktar 'l isfel.

(a) DRITTIJIET TA' PREĊEDENZA

L-armla, armel jew is-superstiti ta' sieħeb jew sieħba reġistrata (is-superstiti) ikollhom drittijiet ta' preċedenza fuq il-patrimonju tal-konjuġi jew sieħeb ċivili mejjet tagħhom.

Jekk il-persuna li tkun mietet tkun sid ta' dar, u s-superstiti jkun għex hemm, huwa jkun intitolat għad-dar u għat-tagħmir tad-dar u l-għamara ta’ dik id-dar, b'ċerti limiti. Is-superstiti jista’ jitlob:

  • id-dar, sakemm il-valur tagħha jkun inqas minn £473000
  • it-tagħmir tad-dar u l-għamara sa valur ta’ £29000.
  • Jekk il-persuna li tkun mietet tkun ħalliet tfal jew dixxendenti, is-superstiti jkun intitolat għall-ewwel £50000 mill-patrimonju. Jekk il-persuna ma tkunx ħalliet tfal jew dixxendenti, is-superstiti jkun intitolat għall-ewwel £89000 mill-patrimonju.

(b) SEHEM RIŻERVAT

Jekk jibqa’ xi proprjetà wara li jiġu ssodisfati “d-drittijiet ta’ preċedenza”, is-superstiti ta' konjuġi jew sieħeb reġistrat u t-tfal huma intitolati għal ċertu “sehem riżervat” mill-“patrimonju mobbli” tal-persuna li tkun mietet kif spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija 3 iktar 'il fuq

(c) PATRIMONJU LIBERU

Wara li d-drittijiet ta' preċedenza u s-sehem riżervat ikunu ġew issodisfati, il-kumplament tal-patrimonju intestat “jintiret” skont ir-regoli ġuridiċi, skont l-ordni li ġej

  • Tfal
  • Jekk Il-ġenituri u l-aħwa jibqgħu ħajjin, il-ġenituri jirtu nofs u l-aħwa jirtu in-nofs l-ieħor
  • L-aħwa, jekk ma jkun hemm l-ebda ġenitur superstiti
  • Il-ġenituri, jekk ma jkun hemm l-ebda aħwa superstiti
  • Is-superstiti ta' konjuġi jew sieħeb reġistrat
  • Iz-zijiet (min-naħa ta' kwalunkwe ġenitur)
  • In-nanniet (min-naħa ta' kwalunkwe ġenitur)
  • L-aħwa tan-nanniet (min-naħa ta' kwalunkwe ġenitur)
  • Axxendenti oħra — iktar remoti min-nanniet
  • Il-Kuruna

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Fil-biċċa l-kbira tal-patrimonji jeħtieġ li eżekutur (nominat fit-testment tal-persuna deċeduta jew maħtur minn qorti tax-sheriff) jikseb “il-konferma” mix-sheriff court. L-għotja tal-konferma hija t-titolu tal-eżekutur biex jamministra l-patrimonju deskritt fl-inventarju tal-patrimonju li jakkumpanja t-talba għall-konferma – u tagħti wkoll l-awtorità lill-eżekutur biex jittratta l-kwistjonijiet kollha relatati mas-suċċessjoni b’rabta ma’ dak il-patrimonju.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

  • Fil-biċċa l-kbira tal-patrimonji jkun hemm bżonn ta' eżekutur li jamministra l-patrimonju nominat jew fit-testment jew mill-qorti tax-sheriff (nomina tal-eżekutur) f’ċirkostanzi fejn ma jkun hemm l-ebda testment validu jew jekk l-eżekuturi nominati ma jkunux jistgħu jew ma jkunux iridu jaġixxu.
  • fil-biċċa l-kbira tal-patrimonji, l-eżekutur(i) irid(u) jitolbu konferma mill-qorti tax-sheriff.
  • F'ħafna każijiet ikun hemm bżonn tan-nomina tal-eżekutur biex tinkiseb assigurazzjoni ta’ indennizz (bond of caution) qabel ma jibda jiġi amministrat il-patrimonju.
  • Mat-talba għall-konferma, irid jiġi ppreżentat inventarju li jelenka l-elementi kollha tal-patrimonju flimkien mat-testment, jekk ikun hemm wieħed.  .
  • Il-qorti tikkonferixxi l-konferma fir-rigward tal-elementi tal-patrimonju fl-inventarju u huwa l-eżekutur li jkollu l-awtorità li jiġbor dawk l-elementi.
  • Ladarba jinġabar il-patrimonju, l-eżekutur iħallas kwalunkwe dejn u taxxa li jkunu dovutai qabel ma jqassam il-patrimonju skont it-termini tat-testment jew l-Att tal-1964 dwar is-Suċċessjoni (l-Iskozja).

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Meta jkun hemm testment, dan jinnomina l-benefiċjarji jew il-klassi ta’ benefiċjarji li għandhom jirtu parti mill-patrimonju jew kollu kemm huwa suġġett għal kull pretensjoni għal sehem riżervat.

Meta ma jkunx hemm testment, id-drittijiet u l-ordni ta' min ikun se jiret il-patrimonju huma stabbiliti fl-Att tal-1964 dwar is-Suċċessjoni (l-Iskozja).

Fin-nuqqas ta' testment, koabitant superstiti jista’ wkoll jiftaħ proċeduri l-qorti fi żmien sitt xhur mill-mewt biex jingħata sehem mill-patrimonju skont l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAtt tal-2006 dwar il-Liġi tal-Familja (l-Iskozja).

“Vestiment” huwa l-mument meta l-benefiċjarju jikseb “dritt ta’ proprjetà” fir-rigward ta’ legat. Skont l-Att tal-1964 dwar is-Suċċessjoni (l-Iskozja), il-patrimonju huwa f'idejn l-eżekutur għall-finijiet tal-amministrazzjoni. Minn dak il-mument, il-benefiċjarju jikseb dritt personali kontra l-eżekutur għall-konsenja tas-suġġett tal-legat favurih. Meta s-suġġett tal-legat jiġi kkonsenjat lill-benefiċjarju, huwa jikseb "dritt reali".

Il-waqt tal-vestiment jiddependi minn xi tkun xtaqet il-persuna deċeduta skont it-testment tagħha.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

L-eżekutur huwa responsabbli li jħallas id-djun kollha dovuti mill-patrimonju qabel ma jqassam il-patrimonju lill-benefiċjarji. Il-patrimonju ma għandux jitqassam sa sitt xhur mid-data tal-mewt biex il-kredituri jkollhom biżżejjed żmien biex iressqu l-pretensjoni tagħhom. Jekk kreditur ma jressaqx il-pretensjoni tiegħu fi żmien 6 xhur u l-eżekutur iqassam il-patrimonju, il-benefiċjarji huma teoretikament responsabbli għal kwalunkwe dejn sal-ammont tal-legat tagħhom.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

It-titolu ta’ proprjetà immobbli jista' jiġi ttrasferit lil benefiċjarju permezz ta’ trasferiment li għandu jiġi rreġistrat fir-Reġistru tal-Artijiet għall-Iskozja, jew billi jinhemeż dokument iffirmat (docket) mal-konferma (jew ma' ċertifikat ta’ konferma).

Jekk hemm klawżola tas-superstiti, it-titolu tal-proprjetà jgħaddi awtomatikament f’idejn is-sid superstiti u estratt taċ-ċertifikat tal-mewt għandu jinhemeż mal-atti tat-titolu.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Mhux il-patrimonji kollha jeħtieġu l-konferma mill-qorti – xi detenturi ta' fondi jħallsu mingħajr il-bżonn ta' konferma. Jekk ikun hemm bżonn ta' konferma, irid jinħatar eżekutur, jew nominat f'testment jew b’talba għall-ħatra ta’ eżekutur mill-qorti.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Eżekutur nominat, jew b'testment jew mill-qorti, li jingħata l-konferma mill-qorti jamministra l-patrimonju. Madankollu, f’xi każijiet, id-detenturi tal-fondi jittrasferixxu l-fondi tal-persuna deċeduta mingħajr il-bżonn ta' konferma.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

  • Li jiġbor il-patrimonju identifikat fl-inventarju fit-talba għall-konferma.
  • Li jħallas id-dejn u t-taxxi.
  • Li jqassam il-bqija tal-patrimonju lill-benefiċjarji skont it-testment jew, meta ma jkunx hemm testment, skont l-Att tal-1964 dwar is-Suċċessjoni (l-Iskozja).
  • Li jipprova jiġbor id-dejn dovut lill-persuna deċeduta.
  • Jekk persuna deċeduta tkun ġarrbet dannu personali qabel mewtha, l-eżekutur ta' dik il-persuna jgawdi minn drittijiet simili ta’ kumpens għal li kellha l-persuna deċeduta.
  • L-eżekutur għandu d-dritt li jkompli kawża għad-danni personali li tkun infetħet mill-persuna deċeduta qabel mewtha u li ma tkunx ġiet konkluża.
  • Jekk il-persuna deċeduta tkun fetħet kawża għad-danni minħabba malafama u din ma tkunx ġiet konkluża sal-mument tal-mewt, id-dritt ta' kumpens għad-danni jista' jgħaddi għand l-eżekutur.
  • Jekk il-persuna deċeduta kellha dritt għal kumpens għad-danni minħabba ksur ta’ kuntratt, dan jista’ jkun is-suġġett ta’ kawża mkomplija jew miftuħa mill-eżekutur.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

M’hemm bżonn li jinħareġ l-ebda dokument li jipprova l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji. Elementi fil-patrimonju jiġu ttrasferiti lill-benefiċjarji mill-eżekutur li jamministra l-patrimonju u għal xi wħud dan jinvolvi trasferiment formali, u possibbilment reġistrazzjoni, ta’ titolu. Kif intqal iktar 'il fuq, jekk ikun hemm klawżola tas-superstiti, it-titolu tal-proprjetà jgħaddi awtomatikament f’idejn is-sid superstiti u estratt taċ-ċertifikat tal-mewt għandu jinhemeż mal-atti tat-titolu. Trid tintbagħat formola tat-taxxa fuq is-suċċessjoni forma bħala parti mill-proċess ta' konferma fl-Iskozja, anke jekk ma tkunx dovuta l-ebda taxxa fuq is-suċċessjoni.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 24/05/2016