Informazzjoni ġenerali - Slovenja

Stabilixxi mill-ġdid Issejvja bħala PDF

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna is-Sloven ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.

LISTA TAL- KONTENUT

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

a) Testmenti: Testment ikun validu jekk jimxi mal-forma ddeterminata fl-Att dwar il-Wirt (minn hawn 'il quddiem: ZD) u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-att.

Iz-ZD jagħraf il-forom għat-testmenti li ġejjin: testment olografiku, testment iffirmat fil-preżenza ta' xhieda, testment ġudizzjarju, testment orali, testment imħejji f'pajjiż ieħor, testment imħejji abbord bastiment Sloven, testment imħejji waqt stat ta' emerġenza jew gwerra, u testment internazzjonali.

Iz-ZD jistipula dan li ġej fir-rigward tar-rekwiżiti relatati mal-forma tat-testment:

Testment olografiku jkun validu jekk it-testatur ikun kitbu u ffirmah hu stess (l-Artikolu 63(1) taz-ZD).

Testatur li jkun jaf jikteb u jaqra jħejji testment iffirmat fil-preżenza ta' xhieda billi jiffirma, personalment u fil-preżenza ta' żewġ xhieda, dokument imħejji f'ismu minn persuna oħra u jiddikjara quddiem dawk ix-xhieda li dak huwa t-testment tiegħu. Ix-xhieda jiffirmaw isimhom fuq it-testment stess f'postskritt bl-effett li jkunu qed jiffirmaw bħala xhieda, meta dan il-postskritt ma jkunx kundizzjoni li jivvalida t-testment (l-Artikolu 64 taz-ZD).

Testment tal-qorti jista' jitħejja għal testatur, wara talba minnu, mill-imħallef ta' qorti kompetenti li l-ewwel jistabbilixxi l-identità tat-testatur. It-testatur imbagħad jaqra u jiffirma t-testment u l-imħallef jikkonferma fuq it-testment li t-testatur qrah u ffirmah fil-preżenza tiegħu. Jekk it-testatur ma jkunx jaf kif jaqra t-testment imħejji mill-imħallef, jew ma jkunx jista', l-imħallef jaqra t-testment lit-testatur fil-preżenza ta' żewġ xhieda. It-testatur imbagħad jiffirma t-testment fil-preżenza tal-istess xhieda jew jagħmel il-marka tiegħu fuqu wara li jiddikjara li dan hu t-testment tiegħu. Imbagħad ix-xhieda jiffirmaw it-testment huma (l-Artikoli 65 u 66 taz-ZD).

Testment imħejji f'pajjiż ieħor jista' jitħejja għal ċittadin tar-Repubblika tas-Slovenja f'pajjiż ieħor, b'konformità mad-dispożizzjonijiet li japplikaw għat-tħejjija tat-testmenti tal-qorti, minn rappreżentant konsulari jew rappreżentant diplomatiku tar-Repubblika tas-Slovenja li jwettaq materji konsulari (l-Artikolu 69 taz-ZD).

Il-kaptan tal-vapur jista' jħejji testment abbord bastiment Sloven b'konformità mad-dispożizzjonijiet li japplikaw għat-tħejjija ta' testment ġudizzjarju. It-testment ma jibqax validu ladarba jgħaddu 30 jum minn meta t-testatur jirritorna fir-Repubblika tas-Slovenja (l-Artikolu 70 taz-ZD).

Testment imħejji waqt stat ta' emerġenza jew gwerra: waqt stat ta' emerġenza jew gwerra, kmandant tal-kumpanija jew kmandant ta' unità ekwivalenti jew ogħla, jew ħaddieħor fil-preżenza ta' kmandant, jista' jħejji testment għal membru tal-persunal militari b'konformità mad-dispożizzjonijiet li japplikaw għat-tħejjija ta' testment ġudizzjarju. It-testment ma jibqax validu ladarba jgħaddu 60 jum minn tmiem l-istat ta' emerġenza jew gwerra jekk is-servizz militari tat-testatur ikun intemm qabel dan jew jintemm wara, jew 30 jum wara li jkun temm is-servizz militari tiegħu (l-Artikolu 71 taz-ZD).

Testment internazzjonali jrid jitħejja f'forma miktuba. Ma hemm l-ebda rekwiżit biex it-testatur jikteb it-testment b'idu, u t-testment jista' jinkiteb fi kwalunkwe lingwa, bl-idejn jew b'xi mod ieħor. L-imħallef ta' qorti kompetenti jista' jħejji testment internazzjonali wara talba ta' testatur, filwaqt li għal ċittadin tar-Repubblika tas-Slovenja li jinsab f'pajjiż ieħor, dan jista' jsir minn rappreżentant diplomatiku jew konsulari msemmi fl-Artikolu 69 taz-ZD (minn hawn 'il quddiem: persuna awtorizzata). It-testatur irid jiddikjara, fil-preżenza ta' żewġ xhieda u persuna awtorizzata, li dak ikun it-testment tiegħu u li huwa konxju mill-kontenut tiegħu, u jiffirma t-testment fil-preżenza tagħhom jew, jekk ikun diġà ffirma t-testment, jagħraf u jikkonferma li l-firma hija tiegħu. Jekk it-testatur ma jkunx jista' jiffirma, jinforma lill-persuna awtorizzata b'din ir-raġuni. Il-persuna awtorizzata tniżżel dan fit-testment. It-testatur jista, minbarra dan, jitlob li persuna oħra tiffirma t-testment f'ismu. Ix-xhieda u l-persuna awtorizzata jannettu l-firem tagħhom, fil-preżenza tat-testatur, f'postskritt li jiddikjara li ffirmaw bħala xhieda jew bħala l-persuna awtorizzata (l-Artikolu 71a taz-ZD). L-att jipprovdi wkoll iktar dettalji ta' min jista' jagħmilha ta' xhud f'testment internazzjonali (l-Artikolu 71b), il-firem u d-dati annessi ma' testment internazzjonali (l-Artikolu 71c), iż-żamma ta' testment internazzjonali (l-Artikolu 71č), it-tħassir ta' testment internazzjonali (l-Artikolu 71d), il-konferma ta' testment internazzjonali (l-Artikolu 71e), il-konferma li testment internazzjonali huwa validu (l-Artikolu 71f) u l-validità li tirrigwarda l-forma u l-formalitajiet tal-firem (l-Artikolu 71g).

Testmenti orali: testatur jista' jaħlef it-testment tiegħu oralment quddiem żewġ xhieda biss jekk ċirkostanzi eċċezzjonali jwasslu biex ma jkunx jista' jħejji testment bil-miktub. Testment orali ma jibqax validu ladarba jgħaddu 30 jum minn meta jintemmu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li tħejja matulhom (l-Artikolu 72 taz-ZD). L-att jipprovdi wkoll iktar dettalji dwar min jista' jagħmilha ta' xhud f'testment orali (l-Artikolu 73), x'inhuma d-dmirijiet ta' dak ix-xhud (l-Artikolu 74), dispożizzjonijiet mhux dovuti f'testment orali (l-Artikolu 75), id-data ta' skadenza għall-eżekuzzjoni tal-invalidità ta' testment (l-Artikolu 76) u prova tal-eżistenza ta' testment (l-Artikolu 77).

L-Att dwar in-Nutara (minn hawn 'il quddiem: ZN) jistipula wkoll testment notarili, li huwa testment li jħejji nutar fil-forma ta' reġistrazzjoni notarili kif iddettata mit-testatur, u testment li t-testatur, li qabel ikun għamel dikjarazzjoni bil-miktub tat-testment tiegħu, jikkonsenjah lil nutar għall-konferma. Testment notarili għandu l-istess effetti ġuridiċi bħal testment ġudizzjarju (l-Artikolu 46(1) taz-ZN).

Barra r-rekwiżiti formali msemmija fuq, hija meħtieġa wkoll il-kapaċità li tagħmel testment biex testment ikun validu. Skont iz-ZD, testment jista' jitfassal minn kull min ikollu l-kapaċità ta' dixxerniment u jkun għalaq tal-inqas l-età ta' 15-il sena (l-Artikolu 59(1) taz-ZD). Meta testatur iħejji testment minħabba theddida, koerċizzjoni jew qerq, jew bi żball, dak it-testment ma jkunx validu, peress li t-testment espress fid-dokument ma jkunx jirrifletti r-rieda vera u proprja tat-testatur (l-Artikolu 60(1) taz-ZD).

b) Testment unica charta Iz-ZD ma jsemmix testmenti unica charta u, peress li mhux wieħed mill-forom ta' testment previst mil-liġi, dan it-tip ta' testment jitqies bħala invalidu skont l-Artikolu 62 taz-ZD. Madankollu, il-ġurisprudenza tqis bħala invalidu biss testment fejn iż-żewġ persuni, normalment miżżewġin lil xulxin, jaħtru lil xulxin bħala werrieta (dan x'aktarx minħabba li testment ta' dan it-tip huwa viċin ħafna fin-natura tiegħu għal kuntratt tal-wirt, li huwa pprojbit skont l-Artikolu 103 taz-ZD), imma mhux testment imfassal minn żewġ persuni affavur ta' terz (ara Prof. K. Zupančič, Prof. V. Žnidaršič Skubic, Dedno pravo (Id-Dritt tal-Wirt), Uradni list, 2009, pp. 127–128).

c) Kuntratt tal-wirt Skont iz-ZD, kuntratt tal-wirt fejn persuna tħalli l-patrimonju tagħha jew porzjoni minnu lill-kofirmatarju tagħha jew lil persuna oħra huwa invalidu (l-Artikolu 103); hekk ukoll, kuntratt dwar wirt jew legat futur (l-Artikolu 104) u kuntratt dwar il-kontenut ta' testment (l-Artikolu 105) huma invalidi wkoll skont l-Att.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Le. L-att ma jipprevedix l-awtentikazzjoni speċjali ta' testment.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Iva. Werrieta obbligatorji huma intitolati għal sehem mill-patrimonju li t-testatur ma jistax jiddiponi minnu (l-Artikolu 26(1) taz-ZD). Dan is-sehem mill-patrimonju huwa s-"sehem riżervat". Il-werrieta obbligatorji huma: id-dixxendenti tal-persuna deċeduta, it-tfal adottati tagħha u d-dixxendenti tagħhom, il-ġenituri tagħha u l-konjuġi tagħha. In-nanniet u l-aħwa huma werrieta obbligatorji biss meta jkunu permanentement inkapaċi li jaħdmu u ma jkollhom l-ebda mezz ta' sussistenza. Il-persuni elenkati fuq ikunu werrieta obbligatorji jekk ikunu intitolati jirtu skont l-ordni statutorju tal-wirt (l-Artikolu 25 taz-ZD).

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

F'dak il-każ, il-wirt jimxi skont il-liġi: il-patrimonju tad-deċedut jintiret mid-dixxendenti tiegħu, it-tfal adottati tiegħu u d-dixxendenti tagħhom, il-konjuġi tiegħu, il-ġenituri tiegħu, il-ġenitur adottiv tiegħu u l-qraba ta' dik il-persuna, ħutu u d-dixxendenti tagħhom, u n-nanniet tiegħu u d-dixxendenti tagħhom. Raġel u mara li jkollhom relazzjoni twila mingħajr ma jiżżewġu jistgħu jirtu lil xulxin bħala miżżewġin, imma biss jekk ma jkun hemm ebda raġuni l-għala żwieġ bejniethom ma kienx ikun validu. Dawn jirtu skont l-ordni tal-wirt, fejn il-werrieta mill-eqreb ordni tal-wirt jeskludu mill-wirt persuni minn ordni tal-wirt iktar distanti (l-Artikolu 10 taz-ZD).

L-ewwel ordni tal-wirt:

Id-dixxendenti u l-konjuġi tal-persuna deċeduta qegħdin fl-ewwel ordni tal-wirt, u jirtu sehem indaqs qabel l-oħrajn kollha (l-Artikolu 11 taz-ZD).

Fuq il-bażi tad-distribuzzjoni per stirpes, il-parti tal-patrimonju li inizjalment kienet tmur għand persuna oħra li kieku baqgħet ħajja sa meta miet id-deċedut tintiret mit-tfal tagħha (it-tfal tat-tfal tad-deċedut) f'sehem indaqs. Jekk xi ħadd mit-tfal tat-tfal imut qabel id-deċedut, is-sehem illi kien jieħu kieku kien għadu ħaj meta miet id-deċedut jintiret mit-tfal tiegħu (il-proneputijiet tad-deċedut), f'sehem indaqs. Dan ikompli sejjer hekk fl-ordni sal-aħħar mid-dixxendenti tad-deċedut (l-Artikolu 12 taz-ZD).

Jekk il-konjuġi tad-deċedut ma jkollux il-mezzi neċessarji għas-sussistenza u jiret flimkien ma' werrieta oħra tal-ewwel ordni tal-wirt, il-qorti tista', wara talba tal-konjuġi, tiddeċiedi li l-konjuġi jiret ukoll parti minn dak is-sehem mill-patrimonju li, skont il-liġi, kellu jintiret mill-kowerrieta tal-konjuġi. Il-konjuġi jista' jitlob żieda f'sehmu mill-wirt kontra l-kowerrieta kollha jew kowerriet individwali. Il-qorti tista' tiddeċiedi li l-konjuġi għandu jiret il-patrimonju kollu jekk il-valur tal-patrimonju jkun tant żgħir li l-konjuġi jispiċċa jbati diffikultajiet kbar li kieku kellu jinqasam (l-Artikolu 13(1) taz-ZD).

Jekk werrieta oħra tal-ewwel ordni tal-wirt li ma jkollhomx il-mezzi neċessarji għas-sussistenza, jirtu flimkien mal-konjuġi tad-deċedut, il-qorti tista', wara talba mingħandhom, tiddeċiedi li huma għandhom jirtu wkoll parti minn dak is-sehem mill-patrimonju li, skont il-liġi, kellu jintiret mill-konjuġi. Il-kowerrieta kollha jew kowerrieta individwali jistgħu jitolbu żieda fis-sehem tagħhom mill-wirt għad-detriment tal-konjuġi (l-Artikolu 13(2) taz-ZD).

Kowerrieta individwali li ma jkollhomx il-mezzi neċessarji għas-sussistenza jistgħu jitolbu wkoll żieda fis-sehem tagħhom mill-wirt għad-detriment tal-kowerrieta l-oħra (l-Artikolu 13(3) taz-ZD).

Il-qorti tista' tiddeċiedi li l-kowerrieta kollha jew kowerrieta individwali jirtu l-patrimonju kollu jekk il-valur tal-patrimonju jkun tant żgħir li jispiċċaw jbatu diffikultajiet kbar li kieku kellu jinqasam (l-Artikolu 13(4) taz-ZD).

Waqt li tiddeċiedi t-talbiet ta' hawn fuq rigward żieda jew tnaqqis fis-sehem mill-wirt, il-qorti tagħti l-kunsiderazzjoni xierqa liċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, partikolarment il-kundizzjonijiet pekunjarji tal-kowerrieta u l-kapaċità tagħhom li jidħlu f'attività bi qligħ, u l-valur tal-patrimonju (l-Artikolu 13(5) taz-ZD).

It-tieni ordni tal-wirt:

Fit-tieni ordni tal-wirt, il-patrimonju tal-persuna deċeduta mingħajr dixxendenti ħajjin jintiret mill-ġenituri tagħha u l-konjuġi tagħha. Il-ġenituri tal-persuna deċeduta jirtu sehem indaqs minn nofs il-patrimonju u l-konjuġi tagħha jiret in-nofs l-ieħor. Jekk il-persuna deċeduta ma jkollhiex konjuġi ħaj, il-ġenituri tagħha jirtu sehem indaqs mill-patrimonju kollu (l-Artikolu 14 taz-ZD).

Jekk wieħed mill-ġenituri tad-deċedut ikun miet qablu, is-sehem mill-patrimonju li kien jieħu kieku kien ħaj meta miet id-deċedut jintiret, fuq il-bażi ta' distribuzzjoni per stirpes, mit-tfal ta' dak il-ġenitur (jiġifieri minn ħut id-deċedut), it-tfal tat-tfal u l-proneputijiet tiegħu u d-dixxendenti ulterjuri tiegħu, skont ir-regoli li japplikaw għall-każijiet meta tfal u dixxendenti oħra jirtu l-patrimonju tal-persuna deċeduta (l-Artikolu 15(1)).

Jekk il-ġenituri tad-deċedut jkunu mietu t-tnejn qablu, dak is-sehem mill-patrimonju illi kieku kien imur għand kull wieħed minnhom li kieku kienu għadhom ħajjin jintiret mid-dixxendenti tagħhom: sehem il-missier jintiret mid-dixxendenti tal-missier u sehem l-omm jintiret mid-dixxendenti tal-omm. F'kull każ, l-aħwa tad-deċedut min-naħa tal-missier biss jirtu sehem indaqs mill-porzjon tal-patrimonju tal-missier, l-aħwa tad-deċedut min-naħa tal-omm biss jirtu sehem indaqs mill-porzjon tal-patrimonju tal-omm, filwaqt li l-aħwa miż-żewġ ġenituri jirtu sehem missierhom f'sehem indaqs mal-aħwa mill-missier biss u sehem ommhom f'sehem indaqs mal-aħwa mill-omm biss (l-Artikolu 15(2) u (3) taz-ZD).

Jekk wieħed mill-ġenituri tad-deċedut ikun miet qablu u ma jkunux ħallew dixxendenti, dik il-parti mill-patrimonju illi kieku kienet tmur għand dak il-ġenitur li kieku kien għadu ħaj tintiret mill-ġenitur l-ieħor. Jekk dak il-ġenitur l-ieħor ikun miet qabel id-deċedut ukoll, id-dixxendenti tal-ġenitur jirtu l-porzjon tal-patrimonju tiegħu illi kieku kienet tintiret minn ġenitur wieħed jew l-ieħor (l-Artikolu 15 taz-ZD). Jekk iż-żewġ ġenituri jkunu mietu qabel id-deċedut u l-ebda wieħed minnhom ma jkun ħalla dixxendenti, il-patrimonju kollu jintiret mill-konjuġi superstiti tad-deċedut (l-Artikolu 16 u 17 taz-ZD).

It-tielet ordni tal-wirt:

Jekk ma jkun hemm ħadd li jkun f'pożizzjoni li jiret fl-ewwel jew it-tieni ordni tal-wirt, jiġi kkunsidrat it-tielet ordni tal-wirt.

Skont it-tielet ordni tal-wirt, il-patrimonju tal-persuna deċeduta li ma tkunx ħalliet dixxendenti jew ġenituri warajha, u dawn id-dixxendenti u ġenituri ma jkunu ħallew l-ebda dixxendenti jew konjuġi, il-patrimonju jintiret min-nanniet tal-persuna deċeduta. Nofs il-patrimonju jintiret min-nanniet min-naħa tal-missier u n-nofs l-ieħor jintiret min-nanniet min-naħa tal-omm (l-Artikolu 18 taz-ZD).

In-nanniet tal-istess naħa jirtu sehem indaqs tal-porzjoni tas-sehem tagħhom mill-patrimonju. Jekk wieħed mill-axxendenti tad-deċedut fuq naħa waħda ikun miet qablu, dak is-sehem mill-patrimonju li kien imur għand dak l-axxendent li kieku kien ħaj meta miet id-deċedut jintiret mit-tfal, tfal tat-tfal u dixxendenti ulterjuri ta' dak l-axxendent, skont ir-regoli li japplikaw għall-każijiet meta tfal u dixxendenti oħra jirtu l-patrimonju tal-persuna deċeduta. Fir-rigward ta' kull min jifdal, ir-regoli li japplikaw għall-wirt tal-ġenituri tad-deċedut u d-dixxendenti tagħhom (l-Artikolu 19 taz-ZD) japplikaw ukoll għad-dritt tal-wirt tan-nanniet minn naħa waħda u d-dixxendenti tagħhom.

Jekk in-nanniet minn naħa waħda jmutu qabel id-deċedut u ma jkollhomx dixxendenti, dik il-parti tal-patrimonju illi kieku baqgħu ħajjin kienet tmur għandhom tintiret min-nanniet tan-naħa l-oħra, u t-tfal tagħhom, it-tfal tat-tfal u dixxendenti ulterjuri, kif stipulat fl-Artikolu 19 taz-ZD (l-Artikolu 20 taz-ZD).

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Materji ta' wirt huma rregolati mill-qrati fir-Repubblika tas-Slovenja, bil-qorti li jkollha l-ġuriżdizzjoni ratione materiae f'din il-materja tkun il-qorti lokali (okrajno sodišče).

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Il-qorti bħala parti minn seduta dwar il-wirt.

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

Il-qorti bħala parti minn seduta dwar il-wirt.

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Il-qorti bħala parti minn seduta dwar il-wirt.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Jekk persuna tmut jew tiġi ddikjarata mejta, ir-reġistratur responsabbli li jdaħħal il-mewt fir-reġistru tal-imwiet jibgħat iċ-ċertifikat tal-mewt lill-qorti tas-suċċessjoni fi żmien 30 jum (l-Artikolu 179(1) taz-ZD).

Il-proċedura tibda ex officio meta l-qorti tirċievi ċ-ċertifikat tal-mewt.

Jekk skont iċ-ċertifikat tal-mewt, il-persuna deċeduta ma tkun ħalliet l-ebda patrimonju, il-qorti tas-suċċessjoni tiddeċiedi li ma żżommx seduta tas-suċċessjoni; il-qorti tasal għall-istess deċiżjoni jekk il-persuna deċeduta tkun ħalliet biss beni mobbli u ħadd mill-persuni intitolati li jirtu ma jitlob seduta (l-Artikolu 203(1) u (2) taz-ZD). Fil-każijiet l-oħra kollha, il-qorti tiddeċiedi li żżomm seduta tas-suċċessjoni. Tul il-proċedimenti tas-suċċessjoni, il-qorti tistabbilixxi min huma l-werrieta tal-persuna deċeduta, liema proprjetà tifforma l-patrimonju u liem drittijiet mill-patrimonju jridu jitgawdew mill-werrieta, il-legatarji u persuni oħrajn (l-Artikolu 162 taz-ZD).

Il-proċedimenti tas-suċċessjoni huma fin-natura tagħhom proċedimenti nonkontenzjużi. Jekk kwalunkwe fatt li d-drittijiet jiddependu minnu jkun ikkontestat mill-partijiet, il-qorti tissospendi s-seduta tas-suċċessjoni u tidderiġi lill-partijiet jiftħu kawża ċivili jew proċedura amministrattiva (l-Artikolu 210(1) taz-ZD).

Meta l-qorti tiddeċiedi liema persuni huma intitolati għall-patrimonju, tiddikjarahom werrieta b'deċiżjoni dwar il-wirt (l-Artikolu 214(1) taz-ZD). Id-deċiżjoni dwar il-wirt tingħata lil kull werriet u legatarju, kif ukoll lil dawk il-persuni li jkunu eżerċitaw pretensjoni mill-wirt tul il-proċedimenti (l-Artikolu 215(1) taz-ZD).

Il-qorti tordna li jsiru l-annotazzjonijiet neċessarji fir-reġistru tal-artijiet wara li d-deċiżjoni dwar il-wirt issir finali.

Kull wieħed mill-werrieta jista' jitlob il-qsim tal-patrimonju fi kull ħin, sakemm ma jkunx mument mhux xieraq. Dan id-dritt ma jistax ikun suġġett għall-preskrizzjoni. Ftehim fejn werriet jirrinunzja għad-dritt tiegħu li jitlob il-qsim tal-patrimonju mhuwiex validu, u lanqas ma hi valida dispożizzjoni f'testment li tipprojbixxi jew tillimita dan il-qsim (l-Artikolu 144 taz-ZD). L-Att dwar il-Wirt ma fih l-ebda dispożizzjoni dwar kif jiġi implimentat il-qsim tal-patrimonju; minflok, din il-kwistjoni hija rregolata mill-Kodiċi dwar il-Proprjetà (SPZ) bħala parti mid-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-qsim tal-koproprjetà. Fi kliem ieħor, il-patrimonju huwa l-koproprjetà tal-kowerrieta. Il-kowerrieta jistgħu jiddeterminaw kif irid jinqasam il-patrimonju. Jekk ma jirnexxilhomx jaqblu, il-qorti tiddeċiedi dwar il-metodu tal-qsim fi proċedimenti nonkontenzjużi. Jekk il-werrieta kollha jipproponu l-qsim u l-metodu tal-qsim bi qbil matul il-proċedimenti tas-suċċessjoni, il-qorti tagħmel referenza għal dan il-ftehim fid-deċiżjoni dwar il-wirt (l-Artikolu 214(3) taz-ZD).

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

L-Att dwar il-Wirt jistipula li l-patrimonju jgħaddi għand il-werriet bis-saħħa tal-istess att (ipso iure) mill-mument ta' mewt it-testatur (l-Artikolu 132 taz-ZD). Id-deċiżjoni dwar il-wirt li biha l-qorti tħabbar il-werrieta wara tmiem il-proċedimenti tas-suċċessjoni hija għalhekk ta' natura dikjaratorja biss.

Legatarju jikseb legat mal-mewt, sakemm il-legat ma jkunx suġġett għal kundizzjonijiet jew marbut ma' perjodu ta' żmien speċifiku; f'dan il-każ, il-legatarju jirċievi l-legat meta tiġi ssodisfata dik il-kundizzjoni jew jgħaddi dak il-perjodu ta' żmien. Il-ksib ta' legat ifisser li l-legatarju jista' jitlob li t-termini tal-legat ikunu ssodisfati. Id-dispożizzjonijiet ġenerali tas-SPZ japplikaw għal meta d-dritt tas-sjieda jgħaddi għand il-legatarju.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Iva. Madankollu, din ir-responsabbiltà hija ristretta. Werriet huwa responsabbli għad-dejn tad-deċedut sal-valur tal-beni li jiret. Jekk ikun hemm iktar minn werriet wieħed, ikunu responsabbli in solidum għad-dejn tad-deċedut, jiġifieri kull wieħed minnhom sal-valur tas-sehem rispettiv tiegħu mill-patrimonju irrispettivament minn jekk ikunx diġà sar il-qsim tal-patrimonju. Rigward il-proporzjonijiet interni tal-qsim bejn il-werrieta, id-dejn ikun kopert bi proporzjon tas-sehem rispettiv tagħhom mill-patrimonju sakemm it-testment ma jiddeterminax mod ieħor (l-Artikolu 142 taz-ZD).

Werriet li jkun irrinunzja għall-porzjon tiegħu mill-patrimonju ma jkunx responsabbli għad-dejn tad-deċedut (l-Artikolu 142(2) taz-ZD).

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Il-qorti tar-reġistru tal-artijiet tiddeċiedi tistax issir annotazzjoni fuq il-bażi tad-dokumenti li jippruvaw l-eżistenza ta' bażi ġuridika għall-ksib ta' dritt li jkun suġġett għal annotazzjoni, bil-kundizzjoni li l-kundizzjonijiet l-oħrajn stipulati fil-liġi jiġu ssodisfati.

Il-bażi għall-annotazzjoni ta' proprjetà immobbli li tkun is-suġġett ta' wirt hija deċiżjoni legalment finali dwar il-wirt maħruġa tul il-proċedimenti tas-suċċessjoni (il-punt 6 tal-Artikolu 40(1) tal-Att dwar ir-Reġistru tal-Artijiet, ZZK-1). Il-qorti tar-reġistru tal-artijiet tordna li jiddaħħal id-dritt tas-sjieda fir-reġistru tal-artijiet ex officio u skont deċiżjoni legalment finali dwar il-wirt.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Ma hemm l-ebda rekwiżit obbligatorju biex jiġi nnominat amministratur ta' patrimonju;

fil-prinċipju, sakemm patrimonju jinqasam ikun amministrat u ttrasferit konġuntament mill-werrieta. Patrimonju jista' jiġi assenjat għall-ġestjoni ta' amministratur speċjali jekk il-werrieta jaqblu fuq dan. Jekk il-werrieta ma jkunux jistgħu jaqblu dwar l-amministrazzjoni tal-patrimonju, il-qorti tinnomina amministratur, fuq talba ta' kwalunkwe wieħed mill-werrieta, biex jamministra l-patrimonju għall-werrieta kollha, jew jiddetermina l-porzjon tal-patrimonju li jamministra kull werriet. (l-Artikolu 145 taz-ZD)

Testatur jista' jinnomina fit-testment tiegħu lil persuna waħda jew iktar bħala eżekuturi testamentarji (l-Artikolu 95(1) taz-ZD). Fost affarijiet oħra, eżekutur jamministra l-patrimonju (l-Artikolu 96(1) taz-ZD).

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Testatur jista' jinnomina fit-testment tiegħu lilpersuna waħda jew iktar bħala eżekuturi testamentarji (l-Artikolu 95(1) taz-ZD). Sakemm it-testatur ma jkunx speċifika mod ieħor, id-dmirijiet ta' eżekutur testamentarju huma, b'mod partikolari, li jeżerċita d-diliġenza dovuta fuq il-patrimonju li jkun qed jamministra, jieħu ħsieb  il-ħlas tad-dejn u l-legati u, fuq kollox, jeżegwixxi t-testment bil-mod kif xtaq it-testatur (l-Artikolu 96(1) taz-ZD). Jekk ma jiġi nnominat l-ebda eżekutur testamentarju, il-werrieta li jkunu qed jamministraw il-patrimonju flimklien qabel il-qsim jistgħu jassenjaw l-amministrazzjoni tal-patrimonju lil amministratur speċjali. Jekk il-werrieta ma jkunux jistgħu jaqblu dwar l-amministrazzjoni tal-patrimonju, il-qorti tinnomina amministratur, fuq talba ta' kwalunkwe wieħed mill-werrieta, biex jamministra l-patrimonju għall-werrieta kollha, jew jiddetermina l-porzjon tal-patrimonju li jamministra kull werriet. (l-Artikolu 145 taz-ZD)

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

Meta testatur jinnomina eżekutur testamentarju fit-testment, dak it-testment jiddetermina wkoll id-dmirijiet tat-testatur.

Sakemm it-testatur ma jkunx iddetermina mod ieħor, dan li ġej japplika skont il-liġi (l-Artikolu 96(1) taz-ZD):

  • li l-eżekutur irid jeżerċita d-diliġenza dovuta fuq il-patrimonju. B'mod partikolari, huwa jrid jieħu ħsieb kull miżura ta' assigurazzjoni, it-tħejjija tal-inventarju u l-valutazzjoni tal-patrimonju (l-Artikolu 184 taz-ZD), u ż-żamma ta' beni mobbli speċifikati (l-Artikoli 190 u 191 taz-ZD);
  • li l-eżekutur jamministra l-patrimonju, fejn l-amministrazzjoni regolari tinkludi wkoll it-trasferiment ta' beni individwali tal-patrimonju. Fil-perjodu li matulu jkun qed jeżegwixxi din il-funzjoni, l-eżekutur testamentarju jeskludi lil kull werriet mill-amministrazzjoni tal-patrimonju u mit-trasferiment ta' beni tal-patrimonju;
  • li l-eżekutur jiżgura li d-dejn tat-testatur jitħallas, u li t-termini ta' kull legat jiġu ssodisfati u l-kompiti mitmuma;
  • li l-eżekutur jiżgura b'mod ġenerali li t-testment jiġi eżegwit kif jixtieq it-testatur (ara Prof. K. Zupančič, Prof. V. Žnidaršič Skubic, Dedno pravo (Id-dritt tal-wirt), Uradni list 2009, pp. 170–171).

Meta jkun hemm iktar minn eżekutur testamentarju wieħed, huma jaqdu d-dmirijiet fdati lilhom flimkien, sakemm it-testatur ma jkunx iddetermina mod ieħor (l-Artikolu 96(2) taz-ZD). Eżekutur testamentarju jrid jipprovdi rapport dwar xogħlu lill-qorti, ikun intitolat għal rimborż tal-ispejjeż tiegħu u għal ħlas ta' xogħlu, li jitħallas mill-porzjoni disponibbli tal-patrimonju b'deċiżjoni tal-qorti (l-Artikolu 97 taz-ZD).

Jekk ma jiġi nnominat l-ebda eżekutur testamentarju, il-werrieta li jkunu qed jamministraw il-patrimonju flimkien sakemm jinqasam jistgħu jassenjaw l-amministrazzjoni tal-patrimonju lil amministratur speċjali. Jekk il-werrieta ma jkunux jistgħu jaqblu dwar l-amministrazzjoni tal-patrimonju, il-qorti tinnomina amministratur, fuq talba ta' kwalunkwe wieħed mill-werrieta, biex jamministra l-patrimonju għall-werrieta kollha, jew jiddetermina l-porzjon tal-patrimonju li jamministra kull werriet l-Artikolu 145 (taz-ZD).

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Il-qorti tieħu deċiżjoni dwar il-wirt, li tkun deċiżjoni ġudizzjarja dwar il-merti tal-kawża, fi tmiem il-proċedimenti tas-suċċessjoni. Id-deċiżjoni tistabbilixxi l-ambitu tal-patrimonju, u tħabbar il-werrieta u l-legatarji, kif ukoll kull persuna oħra li tista' tkun intitolata għal porzjon mill-patrimonju. Skont iz-ZD, id-deċiżjoni dwar il-wirt trid tinkludi l-komponenti li ġejjin (l-Artikolu 214(2)):

  1. il-kunjom u l-isem (kif ukoll kull kunjom preċedenti) tal-persuna deċeduta u isem missierha, il-professjoni tal-persuna deċeduta, id-data tat-twelid u n-nazzjonalità u, meta l-persuna deċeduta tkun mara miżżewġa, kunjom xbubitha;
  2. dikjarazzjoni tal-proprjetà immobbli, bid-data mir-reġistru tal-artijiet, u dikjarazzjoni tal-beni mobbli b'referenza għall-inventarju;
  3. il-kunjom, l-isem, il-professjoni u l-post tar-residenza permanenti tal-werriet, ir-relazzjoni bejn il-werriet u d-deċedut, jekk il-werriet hux qed jiret bħala werriet legali jew werriet fuq il-bażi ta' testment u, meta jkun hemm iktar minn werriet wieħed, l-ishma rispettivi tagħhom mill-patrimonju;
  4. jekk il-proċess għad-determinazzjoni ta' werriet ġiex sospiż;
  5. jekk id-dritt ta' werriet ġiex sospiż minħabba li għadu ma wasalx iż-żmien xieraq jew ġiex ristrett għal mument speċifiku, ġiex sospiż minħabba li ma ġietx issodisfata kundizzjoni jew hux dipendenti fuq kundizzjoni riżolutorja jew kompitu li jista' jitqies kundizzjoni riżolutorja, jew hux ristrett minn dritt ta' użufrutt u għal benefiċċju ta' min.
  6. il-kunjom, l-isem, il-professjoni u l-post tar-residenza permanenti ta' persuni intitolati għal legat, użufrutt jew kwalunkwe dritt ieħor li jiġi mill-patrimonju, b'deskrizzjoni preċiża ta' dan id-dritt.

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 24/06/2016