Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Informazzjoni ġenerali - Slovakkja

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna is-Slovakk ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.

LISTA TAL- KONTENUT

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Il-liġi Slovakka ma tippermettix ftehim dwar is-suċċessjoni jew testmenti konġunti.

Jeżistu diversi metodi għall-abbozzar ta' testmenti:

(1) Testment miktub bl-id tat-testatur irid jikkontjeni l-firma bl-idejn tiegħu u d-data. Mhuwiex meħtieġ li t-tali testment miktub jiġi ffirmat minn żewġ xhieda.

(2) Testment imfassal bl-użu ta' metodu differenti ta' kitba (bħall-kompjuter, tajprajter jew minn persuna oħra li mhijiex it-testatur) irid jiġi ffirmat quddiem żewġ xhieda, li jridu jiffirmaw it-testment sabiex jattestjaw li d-dokument huwa realment espressjoni tal-volontà aħħarija tat-testatur). Testment imfassal b'dan il-mod irid jikkontjeni l-firma bl-idejn tal-persuna u d-data.

(3) Testment f'forma ta' att notarili. In-nutar huwa responsabbli għar-rekwiżiti ta' kontenut u ta' forma ta' dan it-tip ta' testment. Kull att notarili jrid jiġi rreġistrat fir-Reġistru Ċentrali Notarili tat-Testmenti.

(4) Tintuża forma speċjali ta' testmenti meta l-awtur tat-testment huwa f'kundizzjoni medika fqira, ma jistax jara' jew jisma', jew mhuwiex kapaċi jaqra' jew jikteb. F'tali każijiet tliet xhieda jridu jkunu preżenti. Huma jivvalidaw it-testment bil-firma tagħhom wara li jinqara' lilhom. Id-dokument irid jispeċifika l-persuna li kitbitu, il-persuna li qratu b'vuċi tgħajjat u kif ġie kkonfermat li d-dokument jikkontjeni r-rieda vera tat-testatur.

Persuni biss b'kapaċità legali jistgħu jkunu xhieda. Ma jistgħux jaġixxu bħala xhieda persuni għomja jew li ma jistgħux jitkellmu, dawk li ma jifhmux il-lingwa li fiha jiġu espressi l-volontajiet u l-benefiċjarji tat-testment.

Sabiex testment ikun validu dan irid jindika l-jum, ix-xahar u s-sena tar-redazzjoni tiegħu. Ovvjament, parti importanti mill-kontenut huwa l-isem tal-benefiċjarji li jirtu l-patrimonju fl-intier tiegħu, ishma proporzjonali tiegħu jew oġġetti speċifiċi (min jirċievi xiex).

Fejn it-testment ikun inkiteb b'idejn it-testatur, jiġi rrikkmandat lit-testatur sabiex jgħid lil dawk ta' madwaru, sabiex huma jkunu jafu fejn ikun ġie ddepożitat it-testment.

Kwalunkwe kundizzjoni mehmuża mat-testment ma għandhiex valur legali.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

In-nutara jridu jirreġistraw it-testmenti ex officio fir-Reġistru Notarili Ċentrali tat-Testmenti, li huwa miżmum mill-Kamra tan-Nutara. It-testmenti kif deskritti iktar 'il fuq fil-punti (1), (2) u (4) ma jeħtieġux li jiġu rreġistrati, iżda fuq talba tat-testatur jew persuna oħra dawn jistgħu jiġu aċċettati minn nutar għal kustodja. In-nutar irid jirreġistra wkoll din il-kustodja fir-Reġistru Notarili Ċentrali tat-Testmenti.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Iva, it-Taqsima 479 tal-Kodiċi Ċivili (Att Nru 40/1964) tispeċifika l-ishma riżervati tal-patrimonju u l-werrieta intitolati għalihom: "Id-dixxendenti minuri jridu jirċievu almenu l-ekwivalenti tas-sehem legali tas-suċċessjoni tagħhom u d-dixxendenti adulti jridu jirċievu l-ekwivalenti ta' nofs is-sehem legali tas-suċċessjoni tagħhom. F'każ ta' provvediment kuntrarju fit-testment, din il-parti tat-testment hija nulla ħlief jekk id-dixxendenti kkonċernati ġew diżeredati".

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Is-suċċessjoni tiddevolvi skont il-liġi, b'testment jew permezz ta' dawn iż-żewġ mekkaniżmi. Jekk il-mejjet ma għamilx testment jew hemm beni li ma ġewx inklużi fit-testment, is-suċċessjoni tiddevolvi skont il-liġi abbażi tal-klassijiet ta' benefiċjarji.

L-ewwel klassi ta' werrieta

Fl-ewwel klassi, l-ulied u l-konjugi tal-mejjet jirtu f'partijiet indaqs. Jekk wieħed mill-ulied ma jiritx, is-sehem tiegħu jiġi ddistribwit lill-uliedu f'partijiet indaqs. Jekk anki dawn l-ulied, jew kwalunkwe wieħed minnhom, ma jirtux, allura d-dixxendenti tagħhom jirtu f'partijiet indaqs.

Jekk il-mejjet ma ħalliex dixxendenti jew id-dixxendenti tiegħu ma jirtux (jiġifieri jekk huma kollha rrifjutaw is-suċċessjoni, jew ħadd minnhom ma jista' jiret, jew huma kollha ġew diżeredati jew mhumiex meħuda inkunsiderazzjoni), is-suċċessjoni tgħaddi għand it-tieni klassi ta' benefiċjarji.

It-tieni klassi ta' werrieta

Jekk id-dixxendenti tal-mejjet ma jirtux, il-benefiċjarji fit-tieni klassi jinkludu l-konjugi u l-ġenituri tal-mejjet, kif ukoll il-persuni li għexu mal-mejjet taħt l-istess saqaf mill-inqas għal sena qabel mewtu u li għal dik ir-raġuni ħadu ħsieb ir-residenza komuni, jew kienu dipendenti fuq il-mejjet għall-manteniment. Il-benefiċjarji fit-tieni klassi jirtu f'partijiet indaqs. madankollu, il-konjuġi jrid jirċievi dejjem mill-inqas nofs il-patrimonju.

It-tielet klassi tal-werrieta

Jekk la l-konjuġi u lanqas ebda mill-ġenituri ma jirtu, il-benefiċjarji fit-tielet klassi, li jirtu f'partijiet indaqs, jinkludu l-aħwa tal-mejjet u l-persuni li għexu mal-mejjet taħt l-istess saqaf għal sena mill-inqas qabel mewtu u li għal dik ir-raġuni ħadu ħsieb ir-residenza komuni, jew kienu dipendenti fuq il-mejjet għall-manteniment. Jekk kwalunkwe persuna minn wieħed mill-aħwa tal-mejjet ma tiritx, it-tfal tagħha jirċievu s-sehem tagħha f'partijiet indaqs.

Ir-raba' klassi tal-werrieta

Jekk ebda benefiċjarju ma jiret fit-tielet klassi, ir-raba' klassi tinkludi n-nanniet tal-mejjet, li jirtu f'partijiet indaqs, u jekk ebda min-nanniet ma jirtu, is-suċċessjoni tiddevolvi lit-tfal tan-nanniet f'partijiet indaqs.

Fejn ma hemm ebda benefiċjarju, il-patrimonju jgħaddi lill-Istat fin-nuqqas ta' werrieta.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Hija kompetenti l-qorti tad-distrett (okresný súd) li fil-ġurisdizzjoni tiegħu l-mejjet kellu l-aħħar residenza tiegħu, jew, jekk ma kellu ebda residenza jew ir-residenza tiegħu ma tistax tiġi stabbilita, il-qorti tad-distrett li fil-ġurisdizzjoni tiegħu huwa kellu l-aħħar residenza tiegħu, u jekk ma hemmx tali qorti, allura l-qorti tal-post fejn il-mejjet kellu l-beni tiegħu. Il-qorti distrettwali taħtar nutar bħala kummissarju tal-ġustizzja biex imexxi l-proċeduri kollha tas-suċċessjoni. L-atti notarili huma meqjusa bħala atti ġudizzjarji. It-talbiet ta' għajnuna legali barra mill-pajjiż huma esklużi mill-atti notarili.

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Il-benefiċjarji jagħmlu dikjarazzjoni orali ta' aċċettazzjoni jew ta' rinunzja tas-suċċessjoni quddiem in-nutar, jew dikjarazzjoni bil-miktub li huma jinnotifikaw lill-qorti probanti f'perjodu ta' xahar mill-jum min meta ġew innotifikati mill-qorti bid-dritt tagħhom ta' aċċettazzjoni / rinunċja tas-suċċessjoni u tal-implikazzjonijiet tad-dikjarazzjoni.

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

Il-liġi Slovakka ma tipprovdix għal legati.

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Ma hemm ebda dikjarazzjoni speċjali ta' rinunċja jew aċċettazzjoni ta' sehem riżervat. Il-proċedura hija analoga għad-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni / rinunzja ta' suċċessjoni, iżda l-limitu massimu ta' xahar huwa inapplikabbli.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Ir-Reġistru tal-Insinwa jinnotifika lill-qorti distrettwali kompetenti ta' mewt fid-distrett tiegħu. Il-qorti tibda proċedimenti, anki mingħajr raġuni, ladarba ssir taf li miet xi ħadd jew li persuna ġiet iddikjarata mejta. Fl-ewwel lok, il-qorti tiċċekkja fir-Reġistru Notarili Ċentrali tat-Testmenti jekk il-mejjet ħalliex testment, strument ta' diżeredazzjoni, jew revoka ta' xi wieħed minn dawn iż-żewġ atti, u tidentifika n-nutar li miegħu ġie ddepożitat id-dokument. Il-qorti twettaq investigazzjoni preliminari biex tidentifika l-benefiċjarji u l-patrimonju u d-dejn tal-mejjet, u tieħu miżuri urġenti meħtieġa biex tipproteġi s-suċċessjoni. Mhemm ebda bżonn li jiġi ordnat smigħ għal-likwidazzjoni tas-suċċessjoni.

In-nutar, fil-kwalità ta' kummissarju tal-ġustizzja mqabbad mill-qorti, joħroġ ċertifikat tal-wirt, suġġett għall-kunsens tal-benefiċjarji, jekk

  • il-patrimonju jgħaddi lil benefiċjarju uniku,
  • il-patrimonju jgħaddi lill-Istat fin-nuqqas ta' werrieta,
  • il-benefiċjarji jaqblu bejniethom dwar id-distribuzzjoni, jew
  • il-benefiċjarji u l-kredituri tal-mejjet ikkonkludew ftehim bejniethom dwar it-trażmissjoni tas-suċċessjoni milquta b'piż eċċessiv ta' dejn għar-rimborż tad-dejn.

It-trasferiment tad-drittijiet ta' proprjetà lill-benefiċjarji huwa suġġett għall-kisba ta' ċertifikat tal-wirt validu.

Jekk il-proċeduri ta' suċċessjoni ma jwasslux għall-għoti ta' ċertifikat tal-wirt (pereżempju, f'każ ta' kontestazzjoni), in-nutar jipprepara d-dokumenti kollha meħtieġa sabiex il-qorti tkun tista' tagħti deċiżjoni, inkluż proġett ta' digriet mill-qorti, u tiċċifra l-ispejjeż u l-onorarji tiegħu.

Jekk il-patrimonju għandu dejn eċċessiv u l-benefiċjarji ma jirnexxilhomx jiftehmu mal-kredituri tal-mejjet biex jitrasferulhom il-patrimonju bħala pagament tad-dejn, il-qorti tista' tordna l-likwidazzjoni tas-suċċessjoni. Fid-digriet tagħha ta' likwidazzjoni, il-qorti tistieden lill-kredituri sabiex jinnotifikaw il-krediti tagħhom lilha f'perjodu ta' żmien speċifiku; inkella, il-krediti jintilfu.

Il-qorti (in-nutar bħala kummissarju tal-ġustizzja) tipproċedi għal-likwidazzjoni tal-patrimonju b'dejn eċċessiv billi jinbiegħu l-assi kollha tal-mejjet bil-prezz attwali ta' beni komparabbli. Matul dan il-bejgħ, il-kummissarju tal-ġustizzja jaġġixxi għall-partijiet f'ismu proprju iżda jieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe suġġeriment aktar vantaġġjuż mill-partijiet għal-likwidazzjoni tal-beni. Jekk jibqa' xi beni, dawn jgħaddu lill-Istat b'effett mid-data tal-jum tal-mewt tad-de cujus.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Is-suċċessjoni tinfetaħ fuq il-mewt tad-de cujus. Iċ-ċertifikat tal-wirt jew id-digriet tal-qorti għandhom biss effetti dikjaratorji dwar fatt tal-passat. Madankollu, id-dispożizzjoni sħiħa tal-patrimonju hija possibbli biss b'ċertifikat tal-wirt jew digriet tal-qorti.

Il-jum tal-mewt tad-de cujus irid jiġi ppruvat permezz ta' ċertifikat tal-mewt, notifika ta' mewt maħruġa minn reġistru speċjali tal-Ministeru Slovakk tal-Intern meta ċittadin Slovakk imut barra mis-Slovakkja, jew deċiżjoni tal-qorti mogħtija fi proċedimenti għad-dikjarazzjoni ta' persuna mejta f'każ ta' persuni li sparixxew, meta d-data tal-mewt tiġi ddikjarata mill-qorti. Il-qrati Slovakki biss huma kompetenti li jiddikjaraw iċ-ċittadini Slovakki bħala mejtin. Il-qrati Slovakki jistgħu jiddikjaraw ċittadini barranin bħala mejtin, iżda l-implikazzjonijiet legali japplikaw biss għall-persuni li jgħixu b'mod permanenti fis-Slovakkja u biss għall-proprjetà li tinsab fis-Slovakkja.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Iva, il-benefiċjarji huma responsabbli għad-dejn tal-mejjet, iżda biss sal-valur tal-patrimonju li huwa devolut lilhom. Il-benefiċjarji mhumiex obbligati li jħallsu d-dejn tal-mejjet bl-użu tal-beni tagħhom stess.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

L-iskrizzjoni fir-reġistru tal-artijiet issir mill-Awtorità Distrettwali għall-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli. L-Awtorità tagħmel ir-reġistrazzjoni ex officio jew fuq talba tal-proprjetarju jew persuna awtorizzata oħra. L-applikazzjonijiet iridu jsiru bil-miktub u jridu jinkludu (a) l-isem tal-applikant (l-isem tan-negozju) u l-uffiċċju permanenti (uffiċċju rreġistrat), (b) l-isem tal-awtorità distrettwali li għaliha hija indirizzata l-applikazzjoni; (c) ċertifikat pubbliku jew dokument uffiċjali ieħor li jikkonferma t-titolu tal-applikant għall-proprjetà, u (d) lista ta' kwalunkwe anness.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Il-ħatra ta' amministratur mhijiex obbligatorja. Madankollu, jekk huwa fl-interess ġenerali jew fl-interess ewlieni tal-partijiet, il-qorti tieħu miżuri urġenti fuq l-inizjattiva tagħha stess biex tħares is-suċċessjoni u tista' ukoll taħtar amministratur. Ġeneralment, l-amministratur huwa wieħed mill-benefiċjarji jew persuna oħra li kienet qrib tal-mejjet, iżda jista' ikun ukoll nutar ieħor mill-kummissarju tal-ġustizzja fil-proċeduri ta' wirt inkwistjoni.

L-amministratur maħtur skont il-liġi Slovakka huwa differenti mill-amministratur skont il-liġi komuni.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

In-nutar maħtur bħala l-kummissarju tal-ġustizzja jeżegwixxi t-testment. Il-benefiċjarji jamministraw il-patrimonju akkwistat permezz ta' suċċessjoni, iżda jeħtieġu l-awtorizzazzjoni għad-dispożizzjoni ta' oġġetti inklużi fis-suċċessjoni u għal atti oħra li jmorru lil hinn mill-immaniġġar ta' kuljum.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

Matul il-proċeduri ta' suċċessjoni, l-amministratur jieħu kwalunkwe azzjoni meħtieġa biex jippreżerva l-beni li jifformaw parti mill-patrimonju fil-limiti stabbiliti mill-qorti. Il-qorti tiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni tagħha bl-għan li tippermetti lill-amministratur li jippreżerva l-valur tal-beni li jagħmlu parti mill-patrimonju. L-amministratur huwa responsabbli għal kull dannu li jikkawża bi ksur tad-dmirijiet tiegħu speċifikati fil-liġi jew mill-qorti. Fit-tmiem tal-proċeduri ta' suċċessjoni, huwa jissottometti rapport finali lill-benefiċjarji u l-qorti tiddeċiedi dwar l-onorarji tiegħu kif ukoll ir-rimborż tal-kostijiet lilu, li jkunu pagabbli mill-benefiċjarju li jirċievi l-patrimonju.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Fit-tmiem tal-proċeduri ta' suċċessjoni, in-nutar joħroġ ċertifikat ta' wirt, li huwa meqjus li huwa digriet mill-qorti. Iċ-ċertifikat ikun fih l-ismijiet tal-benefiċjarji u jidentifika l-beni li jiddevolvu għand kull benefiċjarju u l-ishma tal-patrimonju.

Fuq talba tal-benefiċjarju, in-nutar jista' joħroġ Ċertifikat tal-Grupp ta' Werrieta matul il-proċeduri ta' suċċessjoni. Din hija "konferma tal-fatti magħrufa mill-fajl", strument awtentiku maħruġ min-nutar inkarigat mis-suċċessjoni, prinċipalment għal raġunijiet ta' evidenzjar tal-istatus ta' benefiċjarju jew persuna intitolata oħra li tirċievi dritt tal-mejjet (pereż. kumpens taħt polza ta' assigurazzjoni, drittijiet marbuta mal-kwalità ta' membru, statut fi proċeduri li għadhom għaddejja, eċċ.).


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 14/01/2019