Close

BETA VERSION OF THE PORTAL IS NOW AVAILABLE!

Visit the BETA version of the European e-Justice Portal and give us feedback of your experience!

 
 

Navigation path

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Kif tipproċedi? - Malta

Please note that the original language version of this page English has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.

LISTA TAL- KONTENUT

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Sabiex tiftaħ kawża f’Qorti Maltija iva hemm bżonn li tmur il-Qorti. Hemmhekk l-avukat jew il-Prokuratur legali jippreżenta rikors u jħallas tariffa fuqu. Jekk il-kawża tkun se tinfetaħ quddiem Qorti superjuri, il-persuna li tkun trid tiftaħ il-kawża ikollha bżonn tieħu ġurament.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

Le, wieħed jista’ jiftaħ każ il-Qorti meta jrid. Pero l-intimat dejjem jista’ jqajjem l-eċċezzjoni tal-preskrizzjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri quddiem il-Qorti.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Il-persuna li tiftaħ il-kawża għandha tkun fiżakament preżenti fl-awla matul is-seduti. Fin-nuqqas ta’ dan, jista’ jidher għaliha avukat jew prokuratur legali.  Jekk parti tkun assenti minn Malta jrid jiġi maħtur mandatarju speċjali f'Malta sabiex jkun jista' jitkompla l-proċediment ġudizzjarju fl-assenza tal-parti.

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Għalkemm f’Malta għandna bini tal-Qorti wieħed, dan il-bini jinqasam f’diversi Qrati differenti u dan skont il-materja tal-każ, skont il-valur tal-pretensjoni tar-rikorrent kif ukoll skont fejn ikun jirrisjedi ir-rikorrent. Hawn taħt qed jiġu ndikati il-Qrati Ċivili differenti li jeżistu f’Malta:

a.     Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) – tisma’ kwalunkwe talba marbuta mal-familja bħal separazzjoni, divorzju, manteniment, filjazzjoni, annullament.

b.     Qorti tal-Maġistrati (Għawdex Sezzjoni Familja) – l-istess bħal ‘a’ iżda din il-Qorti jirrikorru fiha persuni li jridu jiftħu kawża kontra persuna li toqgħod Għadwex jew li għandha ir-residenza ordinarja tagħha ġewwa l-Gżira ta’ Għawdex;

c.     Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili (sede Kostituzzjonali) – kawżi li huma ta’ natura kostituzzjonali;

d.     Qorti tal-Maġistrati (Malta) – tisma’ u tiddeċiedi kawżi ta’ natura purament ċivili dwar il-pretensjonijiet kollha sa l-ammont ta’ €11,646.87 kontra persuni li joqgħodu jew li għandhom ir-residenza ordinarja tagħhom f’parti tal-Gżira ta’ Malta u kull pretensjoni oħra stipulata mill-liġi Maltija;

e.     Qorti tal-Maġistrati (Għawdex Inferjuri)  -  l-istess bħal ‘d’ iżda din il-Qorti jirrikorru fiha persuni li jridu jiftħu kawża kontra xi ħadd li joqgħod Għadwex jew li għandu ir-residenza ordinarja tagħhom ġewwa l-Gżira ta’ Għawdex. Din għandha wkoll setgħat li huma mogħtija lill-Qorti Ċivili fil-Ġurisdizzjoni Volontarja tagħha.

f.      Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili – tisma’ u tiddeċieidi każijiet ta’ natura purament ċivili dwar il-pretensjonijiet kollha li jammontaw għal aktar minn €11,646.87, kif ukoll kwalunkwe kawżi (indipendentement mill-valur tat-talba) li fihom jidħlu kwistjonijiet dwar il-proprjeta’ ta’ beni immobbli, jew li għandhom x’jaqsmu ma’ servitujiet, piżijiet jew drittijiet oħra mgħaqqudin mal-beni immobbli, inkluża kull talba għal żgumbrament jew tkeċċija minn beni immobbli kemm urbali kif ukoll rurali, mikrija jew okkupati minn persuni li joqgħdu jew li għandhom l-abitazzjoni ordinarja tagħhom.

g.      Qorti tal-Maġistrati (Għadwex Sezzjoni Superjuri Ġenerali) – l-istess bħal ‘g’ iżda din il-Qorti jirrikorru fiha persuni li jridu jiftħu kawża kontra xi ħadd li joqgħod Għadwex jew li għandu ir-residenza ordinarja tiegħu ġewwa l-Gżira ta’ Għawdex;

h.     Il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili fil- Ġurisdizzjoni Volontarja tagħha– Din il-Qorti tisma’ kwistjonijiet li ma jkunux kontenzjużi, bħalma huma l-ftuħ tat-testment sigriet, it-tutela u l-adozzjoni. Inoltre din il-Qorti tagħti awtorizzazzjoni jew permess sabiex wieħed ikun jista’ jikkuntratta. Jista’ jingħad li din il-Qorti tagħti awtorizzazzjoni biex wieħed jagħmel dispozizzjoni li dwarhom il-liġi ma tippermettix li jsiru mingħajr ma’ jkun hemm qabel awtorizzazzjoni jew permess.

Minbarra dawn il-Qrati insibu wkoll għadd ta’ Tribunali. Fost dawn insibu t-Tribunal tat-Talbiet iż-Żgħar (li jisma’ u jaqta’ biss it-talbiet kollha ta’ flus ta’ ammont ta’ mhux iżjed minn €3,494.06) , it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva u t-Tribunal Industrijali. F’Malta jeżisti wkoll iċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ li jipprovdi servizzi relatati m’arbitraġġi. Il-liġi Maltija tipprovdi li f’ċertu ċirkostanzi il-partijiet irid bilfors jirrikorru għall-arbitraġġ (arbitraġġ mandatorju). Wieħed għandu bilfors jirrikorri għall-arbitraġġ f’kawżi ta’ tilwim dwar Condominium u tilwim dwar it-traffiku ta’ vetturi bil-mutur.

Dawn il-Qrati huma kollha qrati ta’ prima istanza u huma kollha qrati ordinarji. Għalhekk, appell minn deċiżjonijiet ta’ dawn il-qrati jista’ jsir fil-Qorti ta’ l-Appell. Fil-każ ta’ appelli mit-Tribunal tat-Talbiet iż-Żgħar, iċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ jew mill-Qorti tal-Maġistrati, l-appell isir fil-Qorti ta’ l-Appell fil-Ġurisdizzjoni Inferjuri tagħha (ippreseduta minn imħallef wieħed). Fil-każ ta’ appelli mill-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili, l-appell jiġi preżentat fil-Qorti ta’ l-Appell fil-Ġurisdizzjoni Superjuri tagħha (ippreseduta minn tliet imħallfin). Appel mill-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) għandu jsir quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.  Appell minn deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) kemm fl-attribuzzjoni inferjuri u superjuri tagħha għandu jsir quddiem il-Qorti ta' l-Appell f'Malta.

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Ara mistoqsija numru 4.

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

Wieħed għandu bżonn avukat jew prokuratur legali sabiex ikun jista’ jressaq kawża quddiem Qorti Inferjuri. Jekk il-kawża tinfetaħ quddiem Qorti Superjuri, wieħed għandu bżonn kemm avukat u kemm prokuratur legali.

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Fir-reġistru tal-Qorti.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi?  Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Ir-rikors jrid jsir bil-lingwa Maltija. Dan irid jiġi preżentat bil-miktub u l-avukat jew prokuratur legali irid imur personalment sabiex jippreżentah.

Tista' wkoll issir talba sabiex il-proċeduri jinstemgħu bil-lingwa Ingliża jekk waħda mill-partijiet tkun stranġiera.

F’Malta m’għandiex il-fakulta li nippreżentaw rikors permezz tal-posta elettronika jew permezz ta’ feks.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi?  Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Jeżistu formoli li tista’ timla jekk tkun trid tiftaħ kawża quddiem iċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ jew quddiem it-Tribunal tat-Talbiet iż-Żgħar. Pero’ ma jeżistu l-ebda formoli għall-kawżi quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u quddiem il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili. Meta wieħed jiftaħ kawża quddiem il-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili, huwa importanti li jkun fih:

(a)   dikjarazzjoni li tfisser b’mod ċar u sewwa l-oġġett tal-kawża f’paragrafi numerati separatament, sabiex isaħħaħ it-talba tiegħu u jiddikjara wkoll liema fatti jaf bihom personalment;

(b)   ir-raġuni tat-talba;

(c)    it-talba jew it-talbiet li għandhom ikunu enumerati; u

(d)   f’kull rikors ġuramentat għandu jkun hemm stampat b’ittri ċari u preċiżi taħt l-intestatura tal-Qorti dan il-kliem li ġej:

Min jirċievi dan ir-rikors maħluf kontra tiegħu għandu jippreżenta r-rispotsa maħlufa tiegħu fi żmien għoxrin (20) jum mid-data tan-notifika, ċioe’ min meta jirċiviha. Jekk ma tiġix ippreżentata r-risposta maħlufa bil-miktub kif trid il-liġi saż-żmien imsemmi, il-Qorti tgħaddi biex tagħti d-deċiżjoni skont il-liġi.

Għalhekk huwa fl-interess ta’ min jirċievi dan ir-rikors maħluf li jkellem avukat bla dewmien sabiex il-Qorti tisma x’għandu xi jgħid fil-kawża.”

(e)   Flimkien mar-rikors ġuramentat għandhom jinġiebu d-dokumenti meħtieġa sabiex isaħħu t-talba.

(f)    Ir-rikors ġuramentat għandu jiġi konfermat bil-ġurament quddiem ir-Reġistratur jew prokuratur legali maħtur bħala Kummissarju b’setgħa li jagħti ġurament taħt l-Ordinanza dwar il-Kummissjunarji b’setgħa li jagħtu ġurament (Kap. 79).

(g)   L-attur għandu wkoll jagħti mad-dikjarazzjoni l-ismijiet tax-xhieda li jkun bi ħsiebu jġib, filwaqt li jiddikjara kull wieħed minnhom x’fatti u xi prova bi ħsiebu jagħmel bix-xhieda tagħhom.

(h)   Ir-rikors ġuramentat għandu jiġi notifikat lill-konvenut

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

Iva, meta tippreżenta rikors, trid tħallas it-tariffa abbinata ma' tali rikors. L-ammont ivarja skont it-tip ta’ kawża u/jew il-valur tat-talba.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

Iva, persuna li m’għandhiex mezzi tista’ titlob għall-għajnuna legali. Talba għall-għajuna legali għandha ssir b’rikors fil-Prim’ Awla tal-Qorti Ċivili. Tista’ ssir ukoll bill-fomm lill-Avukat ta’ l-Għajnuna Legali. Biex tingħata għajnuna legali hemm bżonn li wieħed jissodisfa ċertu kriterji u ċioe’ ir-rikorrent irid jaħlef quddiem ir-Reġistratur u meta t-talba ssir bil-fomm jaħlef quddiem l-Avukat għall-Għajnuna Legali li:

(a) hu jidhirlu li għandu jedd tajjeb biex iħarrek jew jiddefendi ruħu, jew li jkompli jew ikun parti fi proċedimenti;

(b) minbarra l-oġġett fil-kawża hu ma għandu ebda xorta ta’ proprjeta’ li l-valur tagħhom jammonta għal, jew ikun aktar minn, €6,988.12, bla ma jitqiesu dawk l-oġġetti tad-dar ta’ kuljum li huma raġonevolment meħtieġa għall-użu tar-rikorrent u tal-familja tiegħu, u li l-qliegħ tiegħu fis-sena huwa inqas mill-paga minima nazzjonali stabbilita għal persuni li jkunu għalqu it-tmintax-il sena.

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Meta wieħed jippreżenta rikors, il-kawża tiġi appuntata quddiem il-Qorti. Ir-rikorrent u l-kontro-parti jiġu notifikati mill-Qorti bid-data ta’ l-ewwel dehra (l-avviż tas-smigħ). Wieħed ikun jista’ jiċċekkja wkoll jekk il-kawża tiegħu ġietx appuntata jew le permezz ta’ sistema elettronika tal-Qorti imsejjħa Lecam jew mis-sit elettroniku tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-partijiet ma jirċievu l-ebda konferma dwar jekk il-każ ġiex preżentat korrettement jew le pero’ għandu jingħad li r-reġistratur tal-Qorti m’għandu jirċievi ebda rikors ġuramentat li ma jkunx jissodisfa l-elementi ndikati f’mistoqsija numru 9.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Ir-rikorrent jiġi notifikat bl-avviż tas-smigħ. Id-data tas-seduta li jkun imiss tiġi ffissata seduta stante. Ċertu informazzjoni dwar il-kawża tista’ tinkiseb mis-sit elettroniku tal-Qorti tal-Ġustizzja.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 22/03/2017