Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Kif tipproċedi? - Bulgarija

LISTA TAL- KONTENUT

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Jeżistu wkoll proċeduri alternattivi għal soluzzjoni għat-tilwim (ara "Ġuriżdizzjoni tal-Qrati").

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

It-termini proċedurali għall-kawżi jvarjaw skont il-kawża (ara "Termini Proċedurali"). Biex tiċċara l-kwistjoni tat-termini proċedurali, ikkonsulta avukat.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Ara Ġuriżdizzjoni tal-Qrati.

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Ara Ġuriżdizzjoni tal-Qrati - il-Bulgarija.

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Ara Ġuriżdizzjoni tal-Qrati - il-Bulgarija.

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

Kawża tista' tinfetaħ mir-rikorrent personalment jew permezz ta' intermedjarju awtorizzat. Il-prokura li tawtorizza lill-intermedjarju għandha tinhemeż mar-rikors.

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Ir-rikorsi għandhom jiġu ppreżentati fl-uffiċċju tal-akkoljenza jew fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti personalment jew permezz ta' intermedjarju awtorizzat. Il-membri tal-persunal tal-qorti, ġeneralment skrivana tal-qorti, jirċievu r-rikorsi waqt il-ħinijiet ta’ ftuħ tal-qorti. Ir-rikorsi jistgħu jintbagħtu wkoll bil-posta lill-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi?  Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Ir-rikorsi għandhom jiġu ppreżentati l-qorti bil-miktub bil-Bulgaru. Ir-rikorsi jistgħu jintbagħtu bil-posta, imma ma jistgħux jintbagħtu b'faks jew posta elettronika. Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili jistipula li d-dokumenti kollha li jkunu miktuba b'lingwa barranija li jiġu ppreżentati mill-partijiet iridu jkunu akkumpanjati bi traduzzjonijiet bil-Bulgaru li jkunu ċċertifikati mill-partijiet.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi?  Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Ir-rikorsi jridu jsiru bil-miktub. Ma hemm l-ebda forma speċjali għal dan l-għan, bl-eċċezzjoni ta' mudelli (approvati mill-Ministeru tal-Ġustizzja) ta' mandat eżekuttiv, rikors għall-ħruġ ta' mandat eżekuttiv u dokumenti oħra relatati ma' talbet għal mandat eżekuttiv skont il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili. Il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jistabbilixxi għadd ta' rekwiżiti minimi għal rikorsi, imma l-forma nnifisha mhix stipulata. Skont il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili, rikors irid jinkludi: indikazzjoni tal-qorti; l-isem u l-indirizz tar-rikorrent u l-intimat, ir-rappreżentanti legali jew l-aġenti tagħhom, jekk applikabbli, in-numru tal-identifikazzjoni personali tar-rikorrent u n-numru tal-faks jew tat-teleks tar-rikorrent, jekk ikollu; l-ammont tar-rikors meta jkun jista’ jiġi vvalutat; stqarrija taċ-ċirkostanzi li r-rikors hu bbażat fuqhom, is-suġġett tar-rikors, u l-firma tal-persuna li ppreżentat ir-rikors. Fir-rikors, ir-rikorrent irid jindika xi provi qed iressaq u x'fatti beħsiebu jipprova bihom u jippreżenta l-provi miktubin kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu.

Ir-rikors irid ikun iffirmat mir-rikorrent jew mir-rappreżentant tar-rikorrent. Jekk kawża tkun qed tinfetaħ minn rappreżentant f'isem ir-rikorrent, ir-rikors irid ikun akkumpanjat minn prokura li tikkonferma r-rappreżentant huwa awtorizzat jiftaħ il-kawża. Jekk ir-rikorrent ma jkunx jaf jiffirma r-rikors jew ma jkunx jista’ jiffirmah, trid tiffirmah persuna awtorizzata b'indikazzjoni tar-raġunijiet l-għala ma ffirmahx ir-rikorrent. Ir-rikors jiġi ppreżentat il-qorti b'daqstant kopji daqs kemm ikun hemm intimati.

Ir-rikors irid ikun akkumpanjat minn: prokura meta r-rikors jiġi ppreżentat minn aġent; dokument li jikkonferma l-ħlas tal-ispejjeż u d-dovuti lill-istat; kopji tar-rikors u l-annessi tiegħu, waħda għal kull intimat.

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

Biex tiftaħ kawża trid tħallas it-tariffi tal-qorti li jiddependu fuq l-ammont tar-rikors u l-ispejjeż tal-proċeduri. Meta l-ammont tar-rikors ma jkunx jista' jiġi vvalutat, it-tariffi tal-qorti jiġu ddeterminati mill-qorti. L-ammont tar-rikors jiġi indikat mir-rikorrent. L-ammont tar-rikors huwa l-valutazzjoni monetarja tas-suġġett tal-kawża.

L-intimat jew il-qorti ex officio jistgħu jqajmu mistoqsijiet dwar l-ammont tar-rikors mhux aktar tard mill-ewwel seduta. Jekk l-ammont indikat ma jkunx realistiku, il-qorti tispeċifika l-ammont tar-rikors. Hemm żewġ tipi ta' tariffi tal-qorti: sempliċi u proporzjonati. Tariffi sempliċi jiġu ddeterminati fuq il-bażi tal-ispejjeż materjali, tekniċi u amministrattivi tal-proċeduri. It-tariffi proporzjonati jkunu bbażati fuq l-ammont ikkonċernat. L-ammont jinġabar mal-preżentata tar-rikors għal protezzjoni jew rimedju u mal-ħruġ tad-dokument li titħallas tariffa fuqu, b'konformità mat-tariffa approvata mill-Kunsill tal-Ministri.

L-ispejjeż tal-Qorti normalment jitħallsu bi trasferiment bankarju fil-kont tal-qorti wara l-preżentata tar-rikors. Kull parti trid tħallas lill-qorti t-tariffi tas-servizz mitlub bil-quddiem. Wara talba miż-żewġ partijiet jew b'inizjattiva tal-qorti, l-ispejjeż kollha jitħallsu miż-żewġ partijiet jew minn parti waħda minnhom skont iċ-ċirkostanzi.

It-tariffi u l-ispejjeż tal-qorti ma jkunx hemm għalfejn jitħallsu: mir-rikorrenti li jkunu ħaddiema, impjegati jew membri ta' kooperattivi f'rikorsi dwar relazzjonijiet industrijali; f'talbiet għal manteniment; f'kawżi miftuħa mill-prosekutur; mill-atturi f'kawżi dwar danni indebiti li jirriżultaw minn delitt, b'konnessjoni ma' kundanna li tkun saret res judicata; jew minn rappreżentanti speċjali ta' parti, li l-indirizz tagħha mhuwiex magħruf, maħtura mill-qorti.

It-tariffi u l-ispejjeż tal-qorti ma jkunux imposti fuq persuni fiżiċi li jkunu rikonoxxuti mill-qorti li ma jkollhomx mezzi suffiċjenti. F'każ ta' talba għal eżenzjoni, il-qorti tqis: l-introjtu tal-persuna u l-familtha, l-assi ċċertifikati, l-istat ċivili, is-saħħa, l-impjieg, l-età u ċirkostanzi oħrajn. F'dawn il-każijiet l-ispiża tal-litigazzjoni titħallas mill-ammonti allokati fil-baġit tal-qorti. Fil-każ ta' rikors għall-ftuħ ta' proċedimenti ta’ falliment ippreżentat mid-debitur, ma jinġabrux tariffi tal-qorti. Dawn jinġabru mill-beni meta l-proprjetà tinqasam skont l-Att dwar il-Kummerċ (Targovski zakon).

Meta rikors jirnexxi kompletament jew parzjalment, il-qorti tordna lill-intimat iħallas parti mill-ispejjeż tal-proċedura proporzjonata ma' kemm irnexxa r-rikors (it-tariffi tal-qorti, it-tariffi tal-avukat, spejjeż relatati ma' dehriet il-qorti u l-ġbir tal-provi). Jekk ir-rikorrent jingħata għajnuna legali b'xejn, l-intimat ikun ordnat jirrimborża l-ispejjeż proporzjonalment mar-rikors. Meta l-kawża ma titkompliex, l-intimat ikun intitolat għar-rimborż tal-ispejjeż u meta l-qorti tiċħad ir-rikors, l-intimat ikun intitolat jitlob ħlas għall-ispejjeż imġarrba proporzjonalment mar-rikors miċħud.

It-tariffi tal-avukat ikunu bi qbil bejn il-klijent u l-avukat u normalment jitħallsu mal-iffirmar tal-kuntratt għad-difiża legali skont it-termini tal-ħlas.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

Ara Għajnuna Legali.

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Rikorsi u korrispondenza oħra li tasal bil-posta u dokumenti li jiġu kkonsenjati personalment waqt il-ħinijiet tax-xogħol tal-qorti jiġu rreġistrati mill-qorti fil-logbook tal-korrispondenza li daħlet fil-jum tal-wasla. Kawża titqies li tkun infetħet uffiċjalment fil-jum li r-rikors jasal għand il-qorti. Jekk ir-rikors jintbagħat bil-posta jew jasal għand qorti b'oħra jitqies li wasal dakinhar li ntbagħat bil-posta jew dakinhar li wasal fil-qorti l-ħażina. Il-qorti tivverifika l-korrettezza tar-rikors. Jekk ir-rikors ikun irregolari jew mhux id-dokumenti meħtieġa kollha jkun mehmuża, ir-rikorrent jintalab isolvi d-diskrepanzi fi żmien ġimgħa u jkun infurmat ikunx eliġibbli għall-għajnuna legali. Meta l-indirizz tar-rikorrent ma jkunx indikat u l-qorti ma tkunx tafu, il-messaġġ jiġi kkomunikat billi jintwera f'avviż f'post magħżul fil-qorti għal perjodu ta’ ġimgħa. Meta r-rikorrent jonqos milli jsolvi d-diskrepanzi fil-ħin, ir-rikors, flimkien mal-annessi, jiġi rritornat. Jekk l-indirizz tar-rikorrent ma jkunx magħruf, ir-rikors jinżamm fir-reġistru tal-qorti biex ikun disponibbli għar-rikorrent. L-istess japplika meta d-diskrepanzi fir-rikors jiġu aċċertati matul il-proċedimenti. Il-kawża titqies li tkun infetħet uffiċjalment fil-jum li jasal ir-rikors emendat.

Jekk, wara li tivverifika r-rikors, il-qorti ssib li mhux ammissibbli, hija tirritorna r-rikors. Ir-ritorn tar-rikors lir-rikorrent ma jipprekludix il-preżentazzjoni mill-ġdid ta' rikors il-qorti, imma f'dawn il-każijiet, il-kawża titqies li nfetħet fil-jum li r-rikors ġie ppreżentat mill-ġdid.

L-awtoritajiet ġudizzjarji ma jibagħtux dokument speċjali li jikkonferma li l-kawża nfetħet kif suppost, imma jitwettqu ċerti proċeduri li juru li dan ikun il-każ. Ladarba r-rikors ikun tħejja u ppreżentat sew u d-dokumenti meħtieġa kollha jkunu nhemżu, il-qorti tibgħat kopja lill-intimat. Il-kopja tinkludi l-annessi mar-rikors. L-intimat ikun mitlub jippreżenta risposta bil-miktub fi żmien xahar u jingħadlu x'informazzjoni jrid ikun fiha. L-intimat ikun avżat bil-konsegwenzi jekk jonqos milli jwieġeb jew milli jeżerċita drittijietu, u jekk hux disponibbli l-għajnuna legali jekk ikun intitolat għaliha. Ir-risposta bil-miktub tal-intimat irid ikun fiha: indikazzjoni tal-qorti u n-numru tal-kawża; l-isem u l-indirizz tal-intimat, ir-rappreżentant legali jew l-aġent, jekk ikun applikabbli; il-pożizzjoni tal-intimat fir-rigward tal-ammissibbiltà u l-merti tar-rikors; il-pożizzjoni tal-intimat fir-rigward taċ-ċirkostanzi li r-rikors huwa bbażat fuqhom; l-argumenti kontra r-rikors u ċ-ċirkustanzi li jsostnuhom; il-firma tal-persuna li tippreżenta r-risposta. Fir-risposta, l-intimat irid jindika xi provi qed iressaq u x'fatti beħsiebu jipprova bihom u jippreżenta l-provi miktubin kollha li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu. Ir-risposta trid tkun akkumpanjata minn: prokura meta r-risposta tiġi ppreżentata minn aġent; kopji tar-risposta u l-annessi tagħha, waħda għal kull rikorrent. Jekk l-intimat jonqos milli jippreżenta r-risposta bil-miktub, jippreżenta pożizzjoni, iqajjem eċċezzjonijiet, jikkontesta l-veraċità ta' dokument ippreżentat mar-rikors, jeżerċita drittijietu biex jippreżenta kontrotalba, rikors inċidentali jew isejjaħ parti terza intitolata li tintervjeni f'ismu saż-żmien stipulat, huwa jitlef il-possibbiltà li dan jagħmlu iktar tard, sakemm l-ommissjoni ma tkunx dovuta għal imprevisti speċifiċi.

Wara l-verifika tal-korrettezza u l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati, il-qorti tiddeċiedi kif se tipproċedi bil-kawża u twieġeb it-talbiet u l-eċċezzjonijiet mill-partijiet dwar il-kwistjonijiet kollha ta' qabel il-proċess u l-ammissjoni tal-provi. Il-qorti tista' wkoll tordna medjazzjoni jew mezzi oħra ta' riżoluzzjoni volontarja tat-tilwim.

Il-qorti tagħżel id-dati għas-smigħ pubbliku tal-kawża u tħarrek il-partijiet għalih. L-iskrivan tal-qorti jibgħat it-taħrikiet lill-partijiet, li jingħataw kopja tad-deċiżjoni tal-qorti.

F'kawżi kummerċjali, il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jistipula skambju reċiproku ta' dokumenti bejn il-partijiet avversarji. Ladarba tkun waslet it-tweġiba, il-qorti tibgħat kopja, flimkien mal-annessi, lir-rikorrent, li jista' jippreżenta rikors addizzjonali fi żmien ġimagħtejn. Fir-rikors addizzjonali, ir-rikorrent jista' jissupplimenta u jiċċara l-oriġinal. Wara li jasal ir-rikors addizzjonali, il-qorti tibgħat kopja, flimkien mal-annessi, lill-intimat, li jista' jippreżenta risposta addizzjonali fi żmien ġimagħtejn. Fir-risposta addizzjonali, l-intimat irid iwieġeb ir-rikors addizzjonali.

Wara l-verifika tal-korrettezza tad-dokumenti skambjati u l-ammissibbiltà tar-rikorsi ppreżentati, inklużi l-ammonti tagħhom u t-talbiet u l-eċċezzjonijiet mill-partijiet, il-qorti tiddeċiedi kwalunkwe kwistjoni ta' qabel il-proċess u l-ammissjoni tal-provi. Il-qorti tiffissa d-data tal-kawża fil-qorti pubblika, u tħarrek lill-partijiet billi tibgħat ir-risposta addizzjonali lir-rikorrent, u tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-partijiet. Hija tista' tordna medjazzjoni jew mezzi oħra ta' riżoluzzjoni volontarja tat-tilwim. Meta jkunu ġew ippreżentati l-provi kollha permezz tal-iskambju ta’ dokumenti u meta jkun hemm qbil li mhux neċessarju li l-partijiet jattendu s-smigħ, u jekk il-partijiet ikunu jixtiequ hekk, il-qorti tista' tisma' l-kawża in camera, u tagħti l-opportunità lill-partijiet biex jippreżentaw id-difiżi u r-risposti tagħhom bil-miktub.

Il-Kodiċi ta' Proċedura Ċivili jinkludi dispożizzjonijiet speċjali li jirregolaw ċerti regoli proċedurali - proċedimenti sommarji, proċedimenti f'kawżi matrimonjali, kwistjonijiet tal-istat ċivili, interdizzjoni, diviżjoni ġudizzjarja, protezzjoni u restituzzjoni tad-drittijiet ta' pussess fuq proprjetà, atti pubbliċi, azzjonijiet kollettivi u talbiet għal mandat eżekuttiv, proċedimenti kawtelatorji, rikorsi għall-protezzjoni u proċedimenti għall-eżekuzzjoni. Hemm regoli speċjali minquxa fl-Att Kummerċjali dwar il-proċedimenti ta' insolvenza u applikazzjonijiet relatati.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Il-Qorti tħarrek il-partijiet għas-seduti tal-kawża. Jekk il-kawża tkun aġġornata, il-partijiet li jkunu tħarrku kif xieraq ma jirċevux taħrika għas-seduta ta' wara jekk ikunu infurmati bid-data fis-seduta stess. It-taħrika tinħareġ mhux aktar tard minn ġimgħa qabel is-seduta. Din ir-regola ma tapplikax fi proċedimenti ta' eżekuzzjoni. It-taħrika tinkludi: il-qorti li toħroġha, l-isem u l-indirizz tal-persuna mħarrka, f'liema kawża u f'liema kapaċità qed jitħarrku, il-post u l-ħin tas-seduta u l-konsegwenzi legali jekk jonqsu milli jidhru.

Il-qorti tipprovdi kopja ta' kull deċiżjoni li tkun suġġetta għal appell separat lill-partijiet.

Filwaqt li t-termini stabbiliti mill-qorti għal azzjonijiet proċedurali jkunu kkomunikati lill-partijiet, it-termini statutorji ma jkunux.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 19/04/2018