Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Kif tipproċedi? - Ċipru

LISTA TAL- KONTENUT

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

Hemm alternattivi, fosthom soluzzjoni ekstraġudizzjarja għat-tilwima, arbitraġġ jew il-mekkaniżmu ta' medjazzjoni stipulat fl-Att dwar Ċerti Aspetti tal-Medjazzjoni f'Materji Ċivili 159(I)/2012.

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

Iva hemm. Skont l-Att dwar il-Limiti 66(Ι)/2012, l-ebda kawża ma tista' titressaq il-qorti jekk ikunu għaddew 10 snin mid-data tat-tmiem tal-bażi għar-rikors, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fil-liġi, bħal fil-każijiet li ġejjin:

Jekk rikors ikun jikkonċerna delitti ċivili, kuntratti, kambjali, ċekkijiet, ċedoli, eċċ., l-ebda kawża ma tista' titressaq wara li jgħaddi perjodu ta' sitt snin mid-data tat-tmiem tal-bażi tar-rikors.

Jekk rikors ikun jikkonċerna kumpens għal negliġenza, fastidju jew ksur ta' dmir istituzzjonali, l-ebda kawża ma tista' titressaq wara li jgħaddi perjodu ta' tliet snin mid-data tat-tmiem tal-bażi tar-rikors. Jekk il-limitu taż-żmien ikun jista' jiġi estiż mill-qorti fi żmien sentejn mid-data ta' skadenza, jekk rikors ikun jikkonċerna kumpens għal ħsara fuq il-persuna u/jew mewt ikkaġunat minn delitt ċivili.

Il-limitu ta' żmien biex tinfetaħ kawża relatata ma' proprjetà ta' persuna deċeduta, irrispettivament mis-sehem f'dik il-proprjetà, mil-legat u mill-validità tat-testment jiskadi tmien snin mid-data tal-mewt.

Il-limitu ta' żmien biex tinfetaħ kawża li tikkonċerna ipoteka jew rahan jiskadi wara li jgħaddi perjodu ta' 12-il sena mid-data tat-tmiem tal-bażi tar-rikors.

Jekk rikors ikun jikkonċerna sentenza tal-qorti , l-ebda kawża ma tista' titressaq wara li jgħaddi perjodu ta' 15-il sena mid-data tal-għoti tas-sentenza finali.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Jekk il-bażi tal-kawża jew id-dritt eżegwibbli jkun ġara fir-Repubblika ta' Ċipru jew f'territorju li huwa meqjus bħala t-territorju tar-Repubblika ta' Ċipru jew jekk il-bażi tal-kawża hija tali li tagħti l-ġuriżdizzjoni lir-Repubblika ta' Ċipru, ikollok tmur f'qorti tar-Repubblika ta' Ċipru.

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

F'każ ta' tilwima ċivili, ikollok tmur fil-qorti distrettwali tad-distrett fejn:

  • tkun qamet kompletament jew parzjalment il-bażi tal-kawża;
  • l-intimat, jew kwalunkwe wieħed mill-intimati, ikunu għexu jew ħadmu fil-mument li tressaq ir-rikors;
  • tinsab iż-Żona ta' Bażi Sovrana, sakemm il-partijiet kollha fil-kawża jkunu ċittadini Ċiprijotti u l-bażi tal-kawża tkun qamet kompletament jew parzjalment fiż-Żona tal-Bażi Sovrana jew l-intimat (jew kwalunkwe wieħed mill-intimati) ikunu jgħixu jew jaħdmu hemmhekk;
  • tinsab iż-Żona ta' Bażi Sovrana, sakemm il-bażi tal-kawża tkun qamet kompletament jew parzjalment fiż-Żona ta' Bażi Sovrana minħabba l-użu ta' vettura bil-mutur minn persuna li kienet jew kellha tkun assikurata skont l-Artikolu 3 tal-Att dwar il-Vetturi bil-Mutur (Assikurazzjoni ta' Terzi);
  • tinsab iż-Żona ta' Bażi Sovrana, sakemm il-bażi tal-kawża tkun qamet kompletament jew parzjalment fiż-Żona ta' Bażi Sovrana minħabba inċident jew marda okkupazzjonali ta' impjegat li seħħ matul l-impjieg tiegħu fir-rigward tar-responsabilità tal-impjegatur li kien jew kellu jkun assikurat skont l-Artikolu 4 tal-Att dwar il-Vetturi bil-Mutur (Assikurazzjoni ta' Terzi);
  • tinsab il-proprjetà, li tkun l-oġġett ta' kawża relatata mad-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta' proprjetà immobbli jew kwalunkwe materja oħra li tikkonċerna dik il-proprjetà immobbli.

Jekk it-tilwima tikkonċerna tilwima industrijali li tinvolvi talba għal kumpens li tkun ugwali għas-salarji ta' sa sentejn, ikollok tmur fit-tribunal tat-tilwim industrijali tad-distrett fejn tkun qamet it-tilwima jew, fin-nuqqas ta' dan, f'dak fejn ir-rikorrent għandu d-domiċilju abitwali jew il-post ta' residenza permanenti tiegħu. Inkella, ikollok tmur fil-qorti distrettwali kompetenti.

Fil-każ ta' tilwima li tikkonċerna proprjetà mikrija, it-tribunal tal-kontroll tal-kera stabbilit mid-distrett fejn tinsab il-proprjetà jkollha l-ġuriżdizzjoni.

Fil-każ ta' tilwim familjari (eż. divorzju, tilwim fuq proprjetà, eċċ.), ikollok tmur fil-qorti tal-familja, u b'mod partikolari fil-qorti tal-familja tad-distrett fejn tgħix jew taħdem kwalunkwe waħda mill-partijiet fil-kawża, jew fil-każ ta' tilwim li jikkonċerna minuri, mal-qorti tal-familja tad-distrett fejn ikun jgħix il-minuri jew l-intimat.

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Ara l-mistoqsija numru 4 hawn fuq.

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

Tista' tiftaħ kawża waħdek. Il-liġi ma titlobx li persuna tkun rappreżentata minn avukat jew intermedjarju ieħor (ħlief fil-każ ta' minuri jew persuni inkompetenti, kif definit fil-leġiżlazzjoni rilevanti).

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Id-dokumenti ġudizzjarji meħtieġa biex tinfetaħ il-kawża (ċitazzjoni, rikors, eċċ.) għandhom jiġu ppreżentati fir-reġistru tal-qorti kompetenti.

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi?  Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Ir-rikors għandu jsir dejjem bil-miktub u bil-Grieg. Kull rikors (jew dokumenti ġudizzjarji oħrajn) mibgħuta b'posta elettronika jew b'faks ma jiġux milqugħa.

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi?  Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Iċ-ċitazzjoni biex tinfetaħ kawża għandha ssir skont il-Formola 1 tar-Regoli ta' Proċedura Ċivili fil-każ ta' ċitazzjoni b'approvazzjoni ġenerali, jew skont il-Formola 2 fil-każ ta' ċitazzjoni b'approvazzjoni speċifika.

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

Iva, ikollok tħallas dritt tat-taxxa tal-bolla. Id-dritt jitħallas mar-reġistrazzjoni tad-dokument li jrid jitħallas dritt għalih.

Jekk l-avukat jitħallasx bil-quddiem jew le jiddependi mill-ftehim li jkollok mal-avukat tiegħek.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

Iva, meta l-proċedimenti ġuridiċi jitressqu quddiem il-qorti tal-familja jew fil-każ ta' proċedimenti li jikkonċernaw tilwim transfruntieri, jew persuni li jfittxu l-ażil, refuġjati jew ċittadini ta' pajjiżi terzi li qegħdin fil-pajjiż illegalment, sakemm tintlaqa' t-talba għal għajnuna legali.

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Mill-mument tar-reġistrazzjoni tal-kawża. Fil-każ ta' reġistrazzjoni invalida jew tardiva jew kull problema oħra assoċjata mar-reġistrazzjoni tal-kawża, inti tirċievi risposta mingħand id-dipartiment tar-reġistrazzjoni kompetenti.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Informazzjoni dwar skedi u attendenzi l-qorti tkun ipprovduta iktar 'il quddiem.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 12/11/2015