Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Kif tipproċedi? - Portugall

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.

LISTA TAL- KONTENUT

1 Hemm bżonn li mmur il-qorti jew teżisti alternattiva oħra?

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tiddependi minn kull każ partikolari.

Minħabba li mhux possibbli tiġi mbassra kull problema li tista' sseħħ, għandek tieħu parir minn professjonist f'dak il-qasam.

Jekk ma għandekx ir-riżorsi finanzjarji biex tagħmel dan, tista' titlob għall-għajnuna legali (ara d-dokument mehmuż hawn taħt fuq "L-Għajnuna Legali").

Jista' jkun ġustifikat metodu alternattiv ta' soluzzjoni għat-tilwim, skont id-dettalji speċifiċi tal-każ (ara d-dokument hawn taħt fuq "Metodi alternattivi ta' soluzzjoni ta' tilwim").

2 Hemm limitu ta’ żmien biex inressaq każ il-qorti?

Il-preskrizzjoni li fiha inti tista' tiftaħ kawża l-qorti biex issolvi tilwima partikolari tiddependi mis-sitwazzjoni partikolari.

Dan l-aspett għandu jiġi kjarifikat bl-għajnuna ta' professjonist legali, kif imsemmi fit-tweġiba għall-mistoqsija ta' qabel.

3 Għandi mmur quddiem qorti f’dan l-Istat Membru?

Mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti fir-regolamenti tal-Komunità u fi strumenti internazzjonali oħra, il-qrati Portuġiżi għandhom kompetenza internazzjonali:

a) meta l-kawża tista' titressaq quddiem qorti Portuġiża skont ir-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali Portuġiża stabbiliti fil-liġi Portugiża;

b) meta l-fatt li ta lok għall-kawża, jew il-fatti marbuta magħha, seħħew fuq territorju Portugiż;

c) meta d-dritt invokat jista' jiġi milqugħ biss permezz tal-kawża proposta fuq territorju Portugiż jew fejn hemm diffikultà sinifikanti għar-rikorrent biex jiftaħ il-kawża barra l-pajjiż, għaliex hemm konnessjoni importanti, personali jew reali, bejn is-suġġett tat-tilwima u s-sistema ġudizzjarja Portugiża.

Il-qrati Portugiżi għandhom ġuriżdizzjoni esklussiva:

a) Fir-rigward ta' drittijiet fuq proprjetà immobbli u l-kiri ta' proprjetà fit-territorju Portugiż; madankollu, fir-rigward ta' kirjiet fuq proprjetajiet konklużi għal użu temporanju privat għal perjodu massimu ta' sitt xhur konsekuttivi, il-qrati tal-Istat Membru fejn huwa residenti r-rikorrent ukoll għandha ġuriżdizzjoni, sakemm il-kerrej huma persuna fiżika u s-sid u l-kerrej huma residenti fl-istess Stat Membru;

b) Fir-rigward tal-validità tal-inkorporazzjoni jew id-dissoluzzjoni ta' kumpaniji jew persuni ġuridiċi oħra bl-uffiċċju reġistrati tagħhom fil-Portugall, kif ukoll rigward il-validità tad-deċiżjonijiet meħuda mill-korpi tagħhom; sabiex tidentifika dak l-uffiċċju reġistrat, il-qorti Portuġiża tapplika r-regoli tad-dritt internazzjonali privat tagħha;

c) Fir-rigward tal-validità tal-entrati fir-reġistri pubbliċi miżmuma l-Portugall;

d) Fir-rigward tal-proċeduri ta' preklużjoni fuq proprjetà li tinsab fit-territorju Portugiż;

e) Fir-rigward ta' fallimenti jew ir-riorganizzazzjoni ta' persuni fiżiċi residenti l-Portugall jew persunu ġuridiċi jew kumpaniji li għandhom uffiċċju reġistrat fit-territorju Portugiż .

4 Jekk iva, f’liema qorti partikolari f’dan l-Istat Membru għandi nirrikorri, skont fejn ngħix jien u fejn tgħix il-parti l-oħra, jew skont elementi oħrajn tal-każ tiegħi?

Ġuriżdizzjoni minħabba l-pożizzjoni ġeografika tal-proprjetà

Il-kawżi li jinvolvu drittijiet reali jew personali rigward it-tgawdija tal-proprjetà, id-diviżjoni ta' proprjetà fi sjieda konġunta, l-iżgumbrament, id-dritt tal-ewwel għażla, u l-preklużjoni kif ukoll dawk il-każijiet li jinvolvu ż-żieda, is-sostituzzjoni, it-tnaqqis jew l-annullament tal-ipoteki għandhom jitressqu quddiem il-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà konċernata.

Il-każijiet għaż-żieda, is-sostituzzjoni, it-tnaqqis jew l-annullament tal-ipoteki fuq bastimenti jew inġenji tal-ajru madankollu jitressqu quddiem il-qorti tal-post fejn huma reġistrati. Jekk l-ipoteka tkopri l-assi mobbli reġistrati f'diversi distretti r-rikorrent jista' jagħżel minn wieħed fosthom.

Meta l-kawża tikkonċerna grupp ta' assi mobbli li jappartjenu lill-istess persuna u huma maħsuba għal użu waħdieni, jew assi mobbli jew immobbli, jew propjetà li tinsab f'distretti differenti, din tinstema' mill-qorti tal-post fejn tinsab il-proprjetà bl-ogħla valur, li jiġi determinat mill-valur taxxabbli tal-proprjetà. Jekk il-bini li huwa s-suġġett tal-kawża jinsab f'aktar minn distrett ġudizzjarju wieħed, il-kawża tista' titressaq f'kull wieħed minn dawk id-distretti.

Ġuriżdizzjoni għat-twettiq ta' obbligu

Kawża għat-twettiq ta' obbligu, kumpens għall-inadempjenza jew twettiq skorrett jew terminazzjoni tal-kuntratt minħabba nuqqas ta' twettiq titressaq quddiem il-qorti tal-post fejn huwa residenti l-konvenut. Il-kreditur jista' jagħżel il-qorti tal-post fejn kellu jitwettaq l-obbligu jekk il-konvenut huwa persuna fiżika jew jekk il-kreditur huwa residenti fiż-żona metropolitana ta' Liżbona jew Porto u l-konvenut huwa residenti wkoll fl-istess żona metropolitana.

Jekk il-kawża tikkonċerna r-responsabbiltà ċivili bbażata fuq id-delitt jew fuq riskju, il-qorti kompetenti hija dik tal-post fejn seħħ l-avveniment.

Id-divorzju u s-separazzjoni

Għal kawżi ta' divorzju, separazzjoni personali u d-diviżjoni tal-proprjetà, il-qorti kompetenti hija dik fejn huwa domiċiljat jew residenti r-rikorrent.

Kawżi għall-ħlas ta' tariffi

Fejn il-kawża tikkonċerna l-ħlas ta' tariffi tal-qorti jew ta' rappreżentanti esperti u l-irkupru ta' flus mogħtija bil-quddiem lill-klijent, il-qorti kompetenti hija dik tal-post fejn ingħata s-servizz u ż-żewġ kawżi jridu jiġu jinstemgħu flimkien.

Madankollu, jekk il-kawża tressqet quddiem il-Qorti tal-Appell jew il-Qorti Suprema, il-kawża għall-ħlas tat-tariffi titressaq quddiem il-qorti distrettwali fil-post fejn huwa residenti d-debitur.

Ir-regolazzjoni u d-distribuzzjoni ta' ħsara komuni

Il-qorti tal-port fejn it-tagħbija ġiet jew kellha tiġi konsenjata minn fuq vapur li ġarrab telf kbir hija kompetenti biex tirregola u tqassam l-ispiża ta' dan it-telf.

Telf u ħsara mill-kolliżjonijiet tal-vapuri

Kawża għat-telf u l-ħsara minħabba kolliżjoni ta' vapuri tista' titressaq quddiem il-qorti tal-post fejn seħħ l-inċident, fejn huwa residenti sid il-vapur li laqat lill-vapur l-ieħor, fejn jappartjeni l-vapur, fejn instab jew tal-port fejn daħal l-ewwel il-vapur bil-ħsara.

L-ispejjeż għas-salvataġġ jew għajnuna lill-vapuri

L-ispejjeż għas-salvataġġ jew għajnuna lill-vapuri jistgħu jintalbu lura quddiem il-qorti tal-post fejn seħħ il-fatt, fejn huwa domiċiljat sid l-oġġetti rkuprati jew fejn jappartjeni jew instab il-vapur salvat.

Kawża għal vapur li ġie akkwistat b'xejn jew għal konsiderazzjoni biex jiġi dikjarat ħieles minn privileġġi trid issir fil-qorti tal-post fejn il-vapur kien ankrat meta nxtara.

Il-proċeduri kawtelatorji u l-passi ta' tħejjija

Fir-rigward ta' proċeduri kawtelatorji u passi li jittieħdu qabel ma tinfetaħ il-kawża, għandhom jiġu osservati dawn li ġejjin:

a) Il-qbid u l-konfiska tal-oġġetti jistgħu jintalbu jew quddiem il-qorti tal-post fejn trid tinfetaħ il-kawża rilevanti jew quddiem il-qorti tal-post fejn qiegħdin l-oġġetti jew, jekk l-oġġetti jinsabu f'diversi distretti, f'kull wieħed minn dawn;

b) Għal twaqqif ta' xogħol ġdid, il-qorti kompetenti hija l-qorti tal-post fiż-żona fejn irid isir ix-xogħol;

c) Għal proċeduri kawtelatorji oħra, il-qorti kompetenti hija l-qorti li quddiemha trid titressaq il-kawża rilevanti;

d) Il-passi ta' tħejjija għall-kumpilazzjoni tax-xhieda jridu jintalbu fil-qrati fejn iridu jsiru dawk il-passi.

Il-fajl relatat mal-atti u l-miżuri msemmija hawn fuq huwa mehmuż mal-fajl għall-kawża prinċipali, sabiex ikun jista' jintbagħat, fejn meħtieġ, lill-qorti li quddiem trid issir il-kawża.

In-notifiki jintalbu lill-qorti tal-post fejn hija residenti l-persuna li trid tiġi notifikata.

Ir-regoli ġenerali

Ir-regola ġenerali tal-liġi proċedurali tal-Portugall fuq il-ġuriżdizzjoni territorjali hija li l-kawżi mhux previsti jinstemgħu fil-qorti tal-post fejn huwa residenti l-konvenut.

Jekk, madankollu, il-konvenut ma għandux residenza abitwali jew jekk ir-residenza tiegħu mhix magħrufa jew huwa assenti, il-kawża ssir quddiem il-qorti tal-post fejn jgħix ir-rikorrent; madankollu, rikors ta' kurazija, kemm jekk temporanju jew permanenti, tal-assi ta' konvenut assenti jridu jiġi preżentat fil-qorti tal-post fejn għex il-konvenut il-Portugall.

Jekk il-konvenut huwa domiċiljat jew residenti f'pajjiż barrani, il-każ jinstema' fil-qorti tal-post fejn huwa preżenti; jekk dan ma jkunx it-territorju Portugiż, il-każ jinstema' fid-domiċilju tar-rikorrent, u fejn dan id-domiċilju jinstab f'pajjiż barrani, il-qorti kompetenti hija l-Qorti ta' Liżbona.

Regoli ġenerali għal persuni ġuridiċi u kumpaniji

Jekk il-konvenut huwa l-Istat, il-qorti tad-domiċilju tal-konvenut tiġi sostitwita mill-qorti tad-domiċilju tar-rikorrent.

Jekk il-konvenut huwa persuna ġuridika oħra jew kumpanija, il-każ jinstema' mill-qorti tal-post tal-uffiċċju reġistrat jew l-uffiċċju prinċipali tal-fergħa, aġenzija, sussidjarja jew delegazzjoni, skont jekk il-kawża nfetħitx kontra l-kumpanija prinċipali jew kontra wieħed minn dawn l-uffiċċji; madankollu, kawża kontra persuni ġuridiċi barranin jew kumpaniji li għandhom fergħa, aġenzija, sussidjarja jew delegazzjoni fil-Portugall tista' titressaq fil-qorti tal-post fejn hemm l-uffiċċju, anki jekk it-taħrika tintalab għall-uffiċċju reġistrat.

F'każ ta' diversi konvenuti u rikorsi mrikkba

Fejn ikun hemm aktar minn konvenut wieħed fl-istess kawża, iridu jinstemgħu mill-qorti tal-post fejn jgħix l-akbar numru; jekk l-istess numru ta' konvenuti jgħixu f'postijiet differenti, ir-rikorrent jista' jagħżel fost dawn il-postijiet.

Jekk ir-rikorrent jakkumula rikorsi biex jiġu kkunsidrati minn qrati b'ġuriżdizzjoni territorjali differenti, huwa jista' jagħżel waħda minnhom biex quddiemha jressaq il-kawża, ħlief fejn il-ġuriżdizzjoni biex jiġi evalwat wieħed mir-rikorsi tiddependi fuq xi konnessjoni li tippermetti lill-qorti biex tiddetermina, ex officio, in-nuqqas ta' ġuriżdizzjoni tagħha; f'dan il-każ, il-kawża trid titressaq quddiem dik il-qorti.

Meta, madankollu, jakkumula rikorsi li bejniethom hemm relazzjoni ta' dipendenza jew sussidjarjetà, il-kawża trid tinfetaħ quddiem il-qorti kompetenti biex jiġi eżaminat ir-rikors prinċipali.

Regoli ta' ġuriżdizzjoni ġenerali dwar l-eżekuzzjoni

Ħlief għall-każijiet speċjali koperti minn dispożizzjonijiet oħra, il-qorti kompetenti għall-eżekuzzjoni hija l-qorti fejn jgħix id-debitur, għalkemm il-kreditur jista' jagħżel il-qorti fejn għandu jitwettaq l-obbligu meta d-debitur huwa persuna ġuridika jew meta d-domiċilju tal-kreditur jinsab fiż-żona metropolitana ta' Liżbona jew Porto u d-debitur huwa domiċiljat fl-istess żona metropolitana.

Madankollu, jekk l-eżekuzzjoni hija għall-konsenja ta' oġġett partikolari jew il-ħlas ta' dejn b'garanzija reali, il-qorti kompetenti rispettiva hija l-qorti tal-post fejn jinsab l-oġġett jew il-qorti tal-post fejn qiegħdin l-oġġetti li qed iservu ta' garanzija.

Meta l-kawża għall-eżekuzzjoni trid titressaq fil-qorti tad-domiċilju tad-debitur u huwa ma għandux domiċilju fil-Portugall iżda għandu assi hemmhekk, il-ġuriżdizzjoni hija tal-qorti tal-post fejn qiegħdin dawk l-assi.

Fil-każ ta' rikorsi mrikkbin, l-eżekuzzjoni li trid titiqies mill-qrati f'ġuriżdizzjonijiet territorjali differenti, il-ġuriżdizzjoni tappartjeni lill-qorti tal-post fejn huwa domiċiljat id-debitur.

L-eżekuzzjoni permezz ta' sentenza

Fl-eżekuzzjoni ta' deċiżjoni mill-qrati Portugiżi, it-talba għall-eżekuzzjoni ssir matul il-każ li fih ingħatat, u l-eżekuzzjoni tiġi mniżżla fl-atti tal-qorti nfushom u trattata separatament, sakemm il-każ ma jkunx mar fl-appell, fejn f'dak il-każ l-eżekuzzjoni tiġi trasferita.

Meta, skont il-liġi tal-organizzazzjoni ġudizzjarja, hija kompetenti għall-eżekuzzjoni taqsima speċjalizzata għall-eżekuzzjoni, iridu jintbagħtu kopja tas-sentenza, ir-rikors li ta lok għall-eżekuzzjoni u d-dokumenti ta' akkumpanjament lil din it-taqsima speċjalizzata bħala kwistjoni urġenti.

Jekk id-deċiżjoni ngħatat minn arbitri f'arbitraġġ li seħħ fil-Portugall, il-qorti kompetenti għall-eżekuzzjoni hija l-qorti distrettwali tal-post fejn seħħ l-arbitraġġ.

L-eżekuzzjoni ta' sentenza mill-qrati superjuri

Jekk il-kawża tressqet quddiem il-Qorti tal-Appell jew il-Qorti Suprema, għandha ġuriżdizzjoni l-qorti tal-post fejn huwa domiċiljat id-debitur.

L-eżekuzzjoni permezz ta' sentenza barranija

Għall-eżekuzzjoni bbażata fuq sentenza barranija, għandha ġuriżdizzjoni l-qorti tal-post fejn huwa domiċiljat id-debitur.

Il-ġuriżdizzjoni tal-qorti b'rabta ma' kwistjonijiet inċidentali

Il-qorti kompetenti għall-kawża għandha wkoll ġuriżdizzjoni fuq inċidenti li jinqalgħu matulha u kwistonijiet li jqajjem il-konvenut fid-difiża tiegħu.

Il-ġuriżdizzjoni rigward il-kontrotalbiet

Il-qorti magħżula għal-kawża għandha ġuriżdizzjoni fuq kwistjonijiet imqajjma permezz ta' kontrotalba, sakemm għandha ġuriżdizzjoni fuqhom minħabba raġunijiet ta' nazzjonalità, is-suġġett u l-ġerarkija; jekk le, il-persuna kontra min issir il-kontrotalba tinħeles minn dik l-istanza.

Ftehimiet privati u l-ftehim dwar l-għażla tal-qorti

Il-partijiet jistgħu jiftehmu dwar l-għażla tal-qorti biex issolvi tilwima partikolari jew tilwim li jista' jinqala' minn relazzjoni ġuridika partikolari, sakemm dik ir-relazzjoni kontestata għandha rabtiet ma' aktar minn sistema ġudizzjarja waħda. L-għażla miftehma tista' tinvolvi l-konferiment lill-qrati Portugiżi ta' ġuriżdizzjoni esklussiva jew sempliċement ġuriżdizzjoni alternattiva, fejn din teżisti, jekk wieħed jassumi li, f'każ ta' dubju, din hija esklussiva.

L-għażla tal-qorti hija valida biss meta jiġu sodisfatti r-rekwiżiti kollha li ġejjin:

a) għandha x'taqsam ma' tilwima dwar drittijiet disponibbli;

b) tiġi aċċettata mill-qorti magħżula;

c) hija ġġustifikata minn interess serju taż-żewġ partijiet jew wieħed minnhom, sakemm ma tikkawżax inkonvenjent serju lill-ieħor;

d) ma tikkonċernax kwistjonijiet li huma taħt il-kompetenza esklussiva tal-qrati Portugiżi;

e) hija r-riżultat ta' ftehim li huwa miktub jew ikkonfermat bil-kitba, u l-qorti kompetenti tissemma b'mod ċar.

Il-ftehim jiġi meqjus miktub meta jkun f'dokument iffirmat mill-partijiet jew huwa r-riżultat ta' skambju ta' ittri, sistemi ta' telex, telegrammi jew mezzi oħra tal-komunikazzjoni li jikkostitwixxu provi bil-miktub, kemm jekk dawn id-dokumenti fihom il-ftehim innifsu jew għandhom klawżola li tirreferi għal dokument ieħor li fih il-ftehim.

Il-protezzjoni tat-tfal u minorenni f'riskju

Fir-rigward tal-ġuriżdizzjoni fuq il-minorenni, l-implimentazzjoni ta' miżuri biex jiġu promossi d-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tat-tfal hija r-responsabbiltà tal-kummissjoni ta' protezzjoni jew tal-qorti tal-post fejn jgħixu t-tfal jew minorenni fi żmien meta tasal in-notifika tas-sitwazzjoni jew jitressqu l-proċedimenti.

Jekk mhix magħrufa r-residenza tat-tfal jew tal-minorenni, jew mhix possibbli tiġi determinata, il-ġuriżdizzjoni hija tal-kummissjoni ta' protezzjoni jew tal-qorti tal-post fejn qiegħdin it-tfal jew minorenni.

Minkejja dak li għadu kif intqal aktar 'il fuq, il-kummissjoni ta' protezzjoni jew il-qorti tal-post fejn qegħdin it-tfal jew il-minorenni tieħu l-miżuri li tqis meħtieġa għall-protezzjoni immedjata tagħhom.

Jekk, wara l-applikazzjoni tal-miżuri, it-tfal jew il-minorenni jbiddlu r-residenza tagħhom għal aktar minn tliet xhur, il-każ jerġa' jintbagħat lill-kummissjoni ta' protezzjoni jew lill-qorti tal-post ta' residenza ġdida.

Ħlief kif innutat aktar il-fuq, it-tibdil fil-fatti li jseħħ wara li jitressqu l-proċedimenti huwa irrilevanti.

Minkejja r-regoli dwar il-ġuriżdizzjoni territorjali, meta r-riskju jkopri fl-istess ħin aktar minn tifel jew minorenni wieħed, tista' titressaq kawża waħda biss, u fejn ikunu tressqu proċedimenti separati, dawn kollha jistgħu jiġu mehmuża mal-kawża oriġinali, jekk ir-relazzjonijiet familjali jew is-sitwazzjonijiet ta' riskju speċifiku jitolbu dan.

Meta jkunu tressqu, fir-rigward tal-istess tifel jew minorenni, miżuri kawtelatorji sussegwenti ta' protezzjoni, kurazija rigward l-edukazzjoni jew miżuri ċivili għall-minorenni, id-dettalji jridu jiġu mehmuża mal-fajl tal-każ għall-konsiderazzjoni tal-imħallef presedenti fuq il-kawża oriġinali.

Miżuri ta' kurazija rigward l-edukazzjoni

Hija r-responsabbiltà tal-qorti tal-post fejn huwa residenti l-minuri fi żmien meta nġiebu l-proċedimenti biex tevalwa l-fatti u r-rikors għal miżuri ta' kurazija rigward l-edukazzjoni. Meta r-residenza tal-minorenni mhix magħrufa, għandha ġuriżdizzjoni l-qorti tal-post fejn tgħix il-persuna li għandha s-setgħa tal-ġenituri. Jekk dawk li għandhom is-setgħa tal-ġenituri għandhom residenzi differenti, il-ġuriżdizzjoni hija tal-qorti tal-post ta' residenza tal-kuratur li għandu l-kustodja tal-minorenni, jew f'każ ta' kustodja konġunta, ma' min jgħix il-minuri. F'każijiet oħra, il-ġuriżdizzjoni hija tal-qorti tal-post fejn se tingħata l-kustodja jew jekk dan mhux magħruf, il-qorti tal-post fejn qiegħed il-minorenni.

It-tibdil li jseħħ wara li jkunu nfetħu l-proċedimenti huma irrilevanti.

Il-qorti tal-post fejn se tingħata l-kustodja u tal-post fejn qiegħed il-minorenni hija responsabbli biex tieħu miżuri urġenti.

5 Għal liema qorti partikolari għandi nirrikorri f’dan l-Istat Membru, skont in-natura tal-każ tiegħi u l-ammont mitlub?

Ikkonsulta l-iskedi informattivi fuq din il-paġna bl-isem "Sistemi Ġudizzjarji" u "Ġuriżdizzjoni".

6 Nista’ nressaq il-każ waħdi jew għandi bżonn intermedjarju, bħal pereżempju avukat?

F'każijiet fejn mhix obbligatorja r-rappreżentanza minn konsulent, il-partijiet jistgħu jirrapreżentaw lilhom infushom jew jistgħu jiġu rappreżentati minn avukati appredisti jew minn solicitors (avukati li ma jipprattikawx il-qorti (solicitadores).

Ir-rappreżentazzjoni minn konsulent hija obbligatorja:

a) fi kwistjonijiet li jaqgħu fil-ġuriżdizzjoni ta' qrati li huma soġġetti għal livelli limiti u fejn huwa permess appell ordinarju;

b) fi kwistjonijiet fejn appell huwa dejjem ammissibbli, irrispettivament mill-ammont;

c) f'appelli u każijiet imressqa quddiem il-qrati superjuri.

Anki meta r-rappreżentazzjoni minn konsulent, avukati apprendisti u solicitors il-partijiet infushom jistgħu jippreżentaw rikors fejn ma jitqajjmux punti ta' liġi.

F'każijiet fejn, għalkemm mhux obbligatorju biex jitqabbad avukat, il-partijiet ma qabbdux rappreżentant legali, l-eżami tax-xhieda ssir mill-imħallef, li jadatta l-proċedura għaċ-ċirkostanzi speċifiċi.

Il-partijiet huma meħtieġa jiġu rappreżentati minn avukat, avukat apprendist jew solicitor fi proċedimenti ta' eżekuzzjoni għal valur ogħla mil-limitu applikat għall-qorti tal-prim'istanza, u jridu jiġu rappreżentati minn avukat f'dawn il-proċedimenti għal valur ogħla mil-limitu applikat għall-Qorti tal-Appell, jew fi proċedimenti għal valur ekwivalenti jew inqas minn iżda għola mil-livell limitu applikat għall-qorti tal-prim'istanza, meta dan jinvolvi proċeduri li jsegwu t-termini tal-proċess dikjaratorju.

7 Biex nibda l-każ, fejn irrid inressqu eżatt: fl-uffiċċju tal-informazzjoni, fl-uffiċċju tal-iskrivan tal-qorti jew quddiem xi amministrazzjoni oħra?

Għal każijiet li ma jeħtiġux rappreżentant legali, u fejn il-parti ma għandhiex intermedjarju, id-dokumenti proċedurali msemmija hawn fuq jistgħu jiġu ppreżentati l-qorti f'wieħed minn dawn il-modi:

a) Konsenja lir-reġistru tal-qorti, b'validità mid-data tal-konsenja tad-dokument;

b) Konsenja permezz tal-posta reġistrata, b'validità mid-data ta' konsenja tad-dokument bil-posta reġistrata;

c) Konsenja bil-fax jew posta elettronika, b'validità mid-data ta' konsenja tad-dokument;

Ara wkoll l-iskeda informattiva "Ipproċessar bil-Kompjuter".

8 B’liema lingwa nista’ nagħmel ir-rikors tiegħi?  Nista’ nippreżentah bil-fomm jew jeħtieġ li jsir bil-miktub? Nista’ nibgħat ir-rikors bil-feks jew bil-posta elettronika?

Il-Portugiż jintuża fid-dokumenti kollha.

Meta ċittadin barrani li ma jafx jitkellem bil-Portugiż jrid jixhed quddiem il-qrati Portugiżi, jiġi maħtur interpretu, fejn meħtieġ, sabiex tiġi faċilitata l-komunikazzjoni, bil-ġurament.

Għal dokumenti miktuba b'lingwa barranija li jeħtieġu traduzzjoni, il-qorti, jew ex officio jew wara talba ta' waħda mill-partijiet, tordna li l-persuna li se tippreżentahom tehmeż magħhom traduzzjoni.

Il-proċedimenti fil-Qrati tal-Maġistrati jistgħu jinbdew oralment. Fil-proċedimenti l-oħra, il-kawża trid issir bil-miktub.

Id-dokumenti proċedurali li jridu jsiru bil-miktub mill-partijiet jiġu ppreżentati l-Qorti f'format elettroniku permezz tas-sistema tal-kompjuter Citius permezz tal-indirizz elettroniku Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://citius.tribunaisnet.mj.pt/ skont il-proċeduri u l-istruzzjonijiet li hemm hemmhekk, b'validità mid-data ta' konsenja tad-dokument.

Il-parti li tissottometti provi b'dan il-mod trid tippreżenta r-rikors u kull dokument ta' akkumpanjament f'format elettroniku, u ma għandhiex għalfejn tibgħat l-oriġinali, sakemm il-qorti ma tiddeċidix hekk, skont il-liġi proċedurali.

Meta każ ma jeħtieġx rappreżentant legali, u l-parti ma għandhiex intermedjarju, ara t-tweġiba għall-mistoqsija ta' qabel.

Fir-rigward tal-proċeduri ta' ordni għal ħlas, ara l-iskeda informattiva rilevanti.

Ara wkoll l-iskeda informattiva "Ipproċessar bil-Kompjuter".

9 Jeżistu formoli partikolari biex fuqhom tiftaħ kawża, jew jekk m'hemmx, kif għandi nippreżenta l-każ tiegħi?  Hemm xi elementi li bilfors għandhom jiġi inklużi fil-fajl?

Jeżistu formoli speċjali għar-rikorsi ġuramentati, għall-proċedimenti ta' eżekuzzjoni kif ukoll għall-proċedimenti quddiem Qorti tal-Maġistrati fejn ir-rikorrent ikun iddeċieda li ma jressaqx proċedimenti orali.

Ara fuq din il-paġna, l-iskedi informattivi dwar "Il-Proċeduri ta' Ordni għal Ħlas", "L-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi" u "Metodi Alternattivi għas-Soluzzjoni tat-Tilwim"

Kawża għal dikjarazzjoni tiġi ppreżentata lill-qorti, permezz ta' rikors inizjali li fih ir-rikorrent irid:

  • Jagħżel qorti u t-taqsima fejn se jiftaħ il-kawża u jidentifika lill-partijiet, jindika isimhom, ir-residenza jew l-uffiċċji reġistrati u, fejn possibbli, in-numri tal-ID cards u tat-taxxa, il-professjoni u l-post tax-xogħol;
  • Jindika l-indirizz tal-uffiċċju tar-rappreżentant legali tagħhom;
  • Jindika t-tip ta' kawża;
  • Iniżżel il-fatti essenzjali li taw lok għall-kawża u r-raġunijiet fil-liġi li jiffurmaw il-bażi tal-kawża;
  • Ifassal ir-rikors;
  • Jiddikjara l-ammont tat-talba;
  • Jagħżel l-aġent eżekuttiv li għandu responsabbiltà biex joħroġ it-taħrika jew ir-rappreżentant legali li jrid imexxih quddiem il-qorti.

Fl-aħħar tar-rikors, ir-rikorrent irid jissottometti l-lista' tax-xhieda u jitlob aktar provi.

Il-prova tal-ħlas minn qabel tad-drittijiet tal-qorti jew tal-eliġibbiltà għall-għajnuna legali, minflok it-tariffa, trid tkun mehmuża mar-rikors.

Ir-reġistru tal-qorti jirrifjuta r-rikors oriġinali, u jindika bil-miktub ir-raġunijiet għar-rifjut, fejn tapplika xi ċirkostanza minn dawn li ġejjin:

  • Mhemmx indirizz jew ir-rikors ġie indirizzat lil qorti oħra, taqsima tal-istess qorti jew awtorità;
  • Ir-rikors ma jindikax lill-partijiet u ma jagħtix id-dettalji ta' identifikazzjoni li suppost fih (ismijiet, residenzi jew uffiċċji reġistrati u, fejn possibbli, in-numri tal-ID cards jew tat-taxxa, il-postijiet tax-xogħol u l-professjonijiet);
  • Ma jindikax l-indirizz tal-uffiċċju tar-rappreżentant legali;
  • Ma jindikax it-tip ta' kawża;
  • Ma fihx l-ammont tat-talba;
  • Mhemmx prova ta' ħlas bil-quddiem tad-drittijiet tal-qorti jew tal-għoti tal-għajnuna legali, ħlief fil-każ ta' taħrika urġenti kif prevista mil-liġi;
  • Ir-rikors mhux iffirmat;
  • Ir-rikors mhux miktub bil-Portugiż;
  • Id-dokument ma jissodisfax ir-rekwiżiti regolatorji.

10 Huwa meħtieġ li nħallas xi tariffi tal-qorti? Jekk iva, meta? Ikun jeħtieġ li nħallas avukat mal-preżentata tar-rikors?

L-ispejjeż tal-litigazzjoni jkopru l-ispejjeż tal-qorti u t-tariffi.

Tariffi tal-qorti

It-tariffi tal-qorti jikkorrispondu mal-ammonti dovuti minħabba l-każ għal kull parti u huma stabbiliti skont il-valur u l-kumplessità tal-każ, skont ir-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida Regolament dwar l-Ispejjeż tal-Litigazzjoni.

It-tariffi tal-qorti jitħallsu biss mill-parti li tiftaħ il-kawża, kemm jekk rikorrent jew konvenut, kreditur jew debitur, l-attur jew l-intimat, l-appellant jew il-konvenut, skont ir-Regolament dwar l-Ispejjeż tal-Litigazzjoni.

It-tariffi tal-qorti jridu jitħallsu qabel ma jiġi ppreżentat id-dokument proċedurali li għalih hija mitluba tariffa (rikors oriġinali jew rikors, il-kontrotalba eċċ.) sakemm il-parti jew il-kawża hija eżenti jew jekk il-parti tibbenefika minn eżenzjoni tal-ħlas minn qabel.

Fil-każ ta' kontrotalba jew il-kawża prinċipali, tariffa addizzjonali tal-qorti hija dovuta biss meta l-kontrotalba jkun fiha rikors separat minn dak tar-rikorrent.

Rikors mhux meqjus separat meta l-parti beħsiebha tikseb, għall-benefiċċju tagħha stess, l-istess effett legali li qed jipproponi r-rikorrent, jew meta l-parti beħsiebha titlob biss kumpens.

Jekk jingħaqdu partijiet differenti f'rikors wieħed, il-parti li tidher l-ewwel fir-rikors oriġinali, il-kontrotalba jew rikors trid tħallas it-tariffa sħiħa tal-qorti, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' rikors kontra l-partijiet konġunti.

Jekk jingħaqdu diversi partijiet f'rikors wieħed, kull rikorrent, konvenut, kreditur jew attur huwa responsabbli biex iħallas it-tariffa tal-qorti rispettiva, skont il-valur stipulat fir-Regolament dwar l-Ispejjeż tal-Litigazzjoni.

Għal kawżi mressqa minn kumpaniji kummerċjali li jkunu ressqu 200 jew aktar kawżi, proċedimenti jew eżekuzzjonijiet quddiem il-qorti fis-sena ta' qabel, it-tariffi tal-qorti jiġu stabbiliti skont ir-Regolament dwar l-Ispejjeż tal-Litigazzjoni.

Għall-għan ta' ordnijiet ta' ħlas ta' tariffi tal-qorti, il-kawżi u l-proċeduri kawtelatorji jiġu meqjusa partikolarment kumplessi meta:

a) jkun fihom talbiet jew pretensjonijiet fit-tul;

b) jikkonċernaw kwistjonijiet legali b'livell għoli ta' speċjalizzazzjoni jew kwistjonijiet tekniċi speċifiċi ħafna jew jinvolvu analiżi konġunta ta' kwistjonijiet legali minn kuntesti differenti ħafna; jew

c) jinvolvu s-smigħ ta' numru kbir ta' xhieda, l-analiżi ta' provi kumplessi jew diversi passi fit-tul sabiex jiġu prodotti l-provi.

Ġeneralment, il-ħlas tal-ewwel jew l-unika tariffa tal-qorti jiġi aġġornat meta jiġu ppreżentati d-dokumenti. Jekk il-ħlas isir f'format elettroniku, irid jiġi ppruvat minn verifiki elettroniċi, kif previsti mil-liġi. Jekk il-ħlas isir b'mod mhux elettroniku, ir-rikorrent irid jipprovdi prova tal-ħlas.

It-tieni parti tal-ħlas tat-tariffa tal-qorti trid issir fi żmien għaxart ijiem min-notifika għall-aħħar seduta ta' smigħ, u r-rikorrent irid jagħti prova tal-ħlas jew prova tal-ħlas sħiħ ta' din ir-tariffa fl-istess perjodu ta' żmien.

Imposti

L-imposti minħabba l-proċedimenti huma imposti, kemm jekk mitluba mill-partijiet jew ordnati mill-imħallef tal-proċess.

Ħlief kif previst mir-regolamenti dwar l-aċċess għall-ġustizzja, kull parti trid tħallas l-imposti li tkun ġarrbet u li kienu meħtieġa matul il-proċedimenti.

L-imposti huma r-responsabbiltà tal-parti li talbet l-miżura jew, fejn din saret ex officio, tal-parti li ħadet vantaġġ minnha.

L-ispejjeż

L-ispejjeż jikkonsistu fl-ammont li kull parti neffqet fuq il-kawża u li għaliha għandha dritt għal kumpens minħabba li l-qorti sabet telliefa lill-parti l-oħra. Dawn jiġu determinati bħala parti mis-sentenza tal-qorti.

Il-ħlas tal-ispejjeż ordnat mill-qorti jinkludi t-tariffi tal-qorti mħallsa mill-parti rebbieħa, fuq skala, l-imposti verament imġarrba mill-parti, il-kumpens imħallas lill-aġent ta' eżekuzzjoni u l-ispejjeż tiegħu, it-tariffi u l-ispejjeż tar-rappreżentant legali skont rikors dettaljat, kif imsemmi fir-Regolament.

Jekk ir-rikorrent seta' kellu rikors għal metodi alternattivi ta' soluzzjoni tat-tilwim, iżda għażel proċedimenti ġudizzjarji, irid iġarrab l-ispejjeż tiegħu stess minkejja l-eżitu tal-kawża, sakemm il-parti l-oħra ma tkunx għamlitha impossibbli li jintuża dan il-metodu alternattiv għas-soluzzjoni ta' tilwima.

Xi każijiet huma, bil-liġi, eżenti mill-ħlas tal-ispejjeż; l-istess japplika għal ċerti partijiet.

Peress li t-tariffi tal-qorti jikkorrispondu għall-ammont dovut minħabba x-xewqa ta' kull parti għal-litigazzjoni, kull persuna li tista' tiġi meqjusa li kienet involuta fil-kawża (rikorrent, konvenut, kreditur, debitur, attur, intimat, appellant jew konvenut) tista' ġeneralment tkun responsabbli għat-tariffi tal-qorti, għaliex il-ħlas jikkorespondi mal-għotja ta' servizz, kemm jekk il-każ ikunx intrebaħ jew le. Il-partijiet rebbieħa għandhom dritt għal rifużjoni tal-ammonti mħallsa lilhom bħala tariffi tal-qorti skont ir-regolamenti li jirregolaw l-ispejjeż.

Tariffi

It-tariffi professjonali jiġu stabbiliti mill-qorti li, għal dan il-għan, trid tqis l-importanza tas-servizzi provvduti, id-diffikultà u l-urġenza tal-kwistjoni, il-livell ta' kreattività intellettwali involuta fil-prestazzjoni tal-professjonist, ir-riżultati miksuba, il-ħin mgħoddi, ir-responsabbiltajiet li ħa u d-dmirijiet professjonali l-oħra.

11 Nista' nitlob għajnuna legali?

Iva, tista', sakemm tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna legali (ara l-iskeda informattiva dwar "L-Għajnuna Legali").

12 It-talba tiegħi minn liema mument titqies li nftetħet b'mod uffiċjali? Nirċievi konferma mingħand l-awtoritajiet dwar jekk il-każ tiegħi ġiex ippreżentat korrettement jew le?

Ara t-tweġibiet lill-mistoqsijiet 7 u 8.

Meta tasal it-talba, ir-rekwiżiti formali jiġu vverifikati mill-uffiċjali tal-qorti li jaċċettaha. Fi stadji ulterjuri tal-proċedimenti, l-imħallef iwettaq verifika aktar dettaljata u profonda.

Il-partijiet għandhom jiġu nnotifikati b'dawn id-deċiżjonijiet.

13 Ningħata informazzjoni preċiża dwar iż-żmien li fih ikunu ser isiru s-seduti sussegwenti (bħaż-żmien disponibbli għalija biex nidher)?

Il-Qrati mhumiex meħtieġa mil-liġi biex jagħtu informazzjoni ta' din ix-xorti. Madankollu, permezz tac-CITIUS, l-inizjattiva tal-Ministeru tal-Ġustizzja biex issir id-diġitalizzazzjoni tal-proċedimenti tal-qorti, ir-rappreżentanti legali issa għandhom l-opportunità jikkonsultaw il-każijiet mill-uffiċċji tagħhom.

Issa li d-dokumenti proċedurali jitwasslu elettronikament u jidħlu direttament fl-applikazzjonijiet IT tal-imħallfin, flimkien mal-fatt li l-imħallfin jużaw l-istess applikazzjonijiet biex iwettqu dmirijiethom, l-avukati, l-imħallfin u r-reġistri tal-qrati jistgħu jużaw dawn l-applikazzjonijiet u l-portal tac-CITIUS biex jikkonsultaw l-atti tal-kawża u d-dokumenti.

Aktar informazzjoni

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaApoio Judiciário – Protecção Jurídica

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaBases Jurídico-Documentais

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaCâmara dos Solicitadores

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaDiário da República (Official Gazette)

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaDirecção-Geral da Administração da Justiça

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaDirecção-Geral da Política de Justiça

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaMinistério da Justiça (Ministry of Justice)

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaOrdem dos Advogados

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaPortal Citius


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 31/03/2017