Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż - Ġermanja

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Ġermaniż diġà ġew tradotti.


Għal liema tip ta’ reat nista’ nikseb kumpens?

Skont l-Att dwar il-Kumpens għal Vittmi (Opferentschädigungsgesetz – OEG), kumpens jitħallas lill-vittmi ta’ attakki illegali intenzjonati u l-qraba superstiti tagħhom.

Għal liema tip ta’ dannu nista’ nikseb kumpens?

Skont l-OEG, l-ammont ta’ kumpens mogħti jiddependi mill-firxa tad-dannu kkawżat lis-saħħa u l-konsegwenzi ekonomiċi u relatati mas-saħħa tiegħu. Madankollu, id-dannu għas-saħħa għandu jkun għat-tul fin-natura tiegħu (jiġifieri għandu jdum aktar minn sitt xhur). Il-kumpens ġeneralment jitħallas fuq bażi ta’ kull xahar sakemm il-kundizzjonijiet kollha jintlaħqu.

Nista’ nikseb kumpens jekk inkun qarib jew persuna dipendenti ta’ vittma li mietet bħala riżultat ta’ delitt? Liema qraba jew persuni dipendenti jistgħu jiksbu kumpens?

Il-kumpens jitħallas ukoll lill-qraba superstiti ta’ vittma. Il-qraba superstiti huma l-konjuġi u t-tfal tal-vittma u, f’każijiet eċċezzjonali, il-ġenituri tiegħu/tagħha.

Nista’ nikseb kumpens jekk inkun qarib jew persuna dipendenti ta’ vittma li salvat? Liema qraba jew persuni dipendenti jistgħu jiksbu kumpens f’dan il-każ?

Il-qraba ta’ vittma li salvat jistgħu, taħt ċerti ċirkostanzi, jiksbu kura medika u pagamenti ta’ manteniment.

Nista’ nikseb kumpens jekk m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Taħt l-OEG, l-ammont ta’ kumpens li jistgħu jirċievu ċittadini barranin jiddependi mill-istatus ta’ residenza tagħhom. Iċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE u ċ-ċittadini barranin li kienu residenti legalment fil-Ġermanja għal mill-inqas tliet snin se jirċievu l-istess benefiċċji bħaċ-ċittadini Ġermaniżi. L-ammont ta’ kumpens disponibbli għal ċittadini barranin oħra huwa inqas.

Nista’ nitlob kumpens minn dan il-pajjiż jekk ngħix hawn jew jekk jien minn hawn (dan huwa l-pajjiż tar-residenza jew n-nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Inkun nista’ nagħmel dan minflok nitlob kumpens fil-pajjiż fejn seħħ ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Skont it-Taqsima 3a tal-OEG, il-vittmi ta’ reat vjolenti mwettaq barra mill-pajjiż jistgħu wkoll jingħataw kumpens. Madankollu, dan huwa fil-forma ta’ pagament ta’ darba, u mhux benefiċċju regolari. Barra minn hekk, dan il-ħlas huwa sussidjarju għal pagamenti minn korpi oħra.

Għandi nkun irrapportajt ir-reat lill-pulizija l-ewwel biex inkun nista’ nitlob kumpens?

Skont l-OEG, l-applikanti għandhom id-dmir li jikkooperaw, kif għandhom ukoll l-applikanti għall-benefiċċji soċjali. L-ewwel u qabel kollox, dan ifisser li tagħti rendikont taċ-ċirkostanzi kollha li jistgħu jgħinu biex jiċċaraw il-fatti tal-każ. Dan ġeneralment ifisser li l-ħati għandu jiġi rrapportat lill-pulizija.

Għandi nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjonijiet tal-pulizija jew proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nitlob kumpens?

Le, l-awtoritajiet kompetenti ġeneralment jiddeċiedu b’mod indipendenti dwar talbiet magħmula taħt l-OEG. Madankollu, f’xi każijiet jista’ jkun meħtieġ li wieħed jistenna r-riżultat ta’ investigazzjonijiet tal-pulizija jew proċeduri kriminali.

Għandi nfittex kumpens mill-ħati l-ewwel– jekk ikun ġie identifikat?

Le, il-kumpens jitħallas taħt l-OEG irrispettivament minn jekk il-ħati jkunx ġie identifikat.

Jekk il-ħati ma jkunx ġie identifikat jew ikkundannat, nista’ nikkwalifika għall-kumpens xorta? Jekk iva, liema evidenza għandi bżonn nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Iva, il-kumpens huwa disponibbli irrispettivament minn jekk il-ħati jkunx ġie identifikat jew ikkundannat. Biex issostni t-talba tiegħek, jenħtieġ li tippreżenta d-dokumenti kollha li jistgħu jgħinu biex jiċċaraw il-fatti tal-każ u jiddeterminaw l-ammont ta’ ħsara kkawżata.

Hemm limitu ta’ żmien li fih irrid nitlob kumpens?

Le, l-ebda limitu ta’ żmien skont l-OEG. Madankollu, il-pagamenti ta’ kumpens jistgħu jsiru biss retroattivament għal perjodu ta’ sena qabel ma ssir it-talba.

Liema telf u spejjeż huma koperti mill-kumpens?

Il-kumpens ikopri, pereżempju:

a) lill-vittma ta’ reat:

- ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż mediċi ta’ dannu (trattament ambulanti u fl-isptar, riabilitazzjoni)
  • ħtiġijiet addizzjonali jew spejjeż li jirriżultaw minn dannu (eż. kura u assistenza, trattament temporanju u permanenti, fiżjoterapija fit-tul, adattament tal-akkomodazzjonijiet, għajnuniet speċjali, eċċ.)
  • dannu permanenti (eż. invalidità jew żvantaġġi permanenti oħra)
    • telf ta’ qligħ matul it-trattament mediku (inkluż il-qligħ mitluf u t-telf tal-ħila ta’ qligħ jew manteniment imnaqqas, eċċ.)
    • telf ta’ opportunità
    • spejjeż marbuta ma’ proċedimenti legali relatati mal-inċident li qed jikkawża l-ħsara, eż. drittijiet legali u spejjeż tal-qorti)
    • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li saritilha l-ħsara
    • oħrajn

- ħsara psikoloġika (morali):

  • uġigħ u tbatija tal-vittma

b) lill-persuni intitolati jew qraba ta’ vittma:

- ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż tal-funeral
  • spejjeż mediċi (eż. terapija għal membru tal-familja, trattament ambulanti u fl-isptar, riabilitazzjoni)
  • telf ta’ manteniment jew ta’ opportunità

- ħsara psikoloġika:

  • uġigħ u tbatija ta’ qraba jew persuni intitolati/kumpens lis-superstiti jekk il-vittma mietet

Il-kumpens tal-vittma jinkludi pensjonijiet ta’ kull xahar biex jikkumpensaw għall-konsegwenzi ekonomiċi u dawk relatati mas-saħħa tad-dannu għas-saħħa tal-vittma, trattament mediku u benefiċċji tal-kura. Il-kumpens għall-uġigħ u t-tbatija (Schmerzensgeld) mhuwiex imħallas.

Il-kumpens għas-superstiti jinkludi pensjonijiet ta’ kull xahar għar-romol, orfni u, fejn applikabbli, ġenituri, kura medika u benefiċċji għall-kura.

Il-kumpens jiġi mħallas f’pagament wieħed jew f’pagamenti ta’ kull xahar?

Il-pagamenti tal-pensjonijiet lill-vittmi u lill-qraba superstiti biex jikkumpensaw għall-konsegwenzi ekonomiċi u relatati mas-saħħa tad-dannu lis-saħħa jitħallsu kull xahar sakemm il-kundizzjonijiet kollha meħtieġa jintlaħqu. Benefiċċji oħra jitħallsu jekk u meta hemm bżonn għalihom.

B’liema mod jista’, l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, ir-rekord kriminali tiegħi jew in-nuqqas ta’ kooperazzjoni matul il-proċeduri ta’ kumpens, jaffettwa ċ-ċans tiegħi li nirċievi kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Jekk il-parti li sofriet id-danni tkun ikkawżat id-dannu hi stess jew jekk ikun inġust li tħallas kumpens għal raġunijiet oħra, partikolarment minħabba l-imġiba tal-vittma stess, il-kumpens se jiġi miċħud. Madankollu, is-sempliċi eżistenza ta’ reġistru kriminali mhix biżżejjed biex tiġġustifika din id-deċiżjoni. Ir-rikorrenti għandhom l-obbligu li jgħinu kemm jista’ jkun biex jiċċaraw il-fatti tal-każ. Jekk ma jissodisfawx dan l-obbligu, il-kumpens jista’ jiġi miċħud, jew kompletament jew parzjalment.

Is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi, b’liema mod tista’ taffettwa ċ-ċans tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Skont l-OEG, il-kumpens jitħallas irrispettivament mid-dħul jew mill-ġid tal-parti li sofriet id-danni. Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-parti li sofriet id-danni jista’ jkollha biss impatt fuq l-ammont ta’ kumpens mogħti sabiex tikkumpensa għad-dannu ekonomiku, jew fil-każ ta’ benefiċċji tal-kura.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw iċ-ċans tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Le, taħt l-OEG, il-kriterji deskritti biss jistgħu jaffettwaw il-probabbiltà li tirċievi kumpens u/jew l-ammont.

Kif se jiġi kkalkulat il-kumpens?

Il-pagamenti tal-pensjoni biex jikkumpensaw għall-konsegwenzi ta’ ħsara relatata mas-saħħa huma kkalkulati skont il-portata ta’ dawn il-konsegwenzi. Il-pagamenti tal-pensjoni biex jikkumpensaw għall-konsegwenzi tad-dannu ekonomiku huma bbażati fuq l-iżvantaġġi ekonomiċi mġarrba.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Le.

Jiena mistenni/mistennija nikkwota l-ammont fil-formola tat-talba? Jekk iva, nista’ nikseb xi struzzjonijiet dwar kif tikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Le (ara r-risposta għall-mistoqsija preċedenti).

Kwalunkwe kumpens li nirċievi għat-telf tiegħi minn sorsi oħra (bħall-iskema ta’ assigurazzjoni tal-impjegatur jew privata), se jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Il-pagamenti tal-pensjoni biex jikkumpensaw għall-konsegwenzi ta’ ħsara relatata mas-saħħa jsiru irrispettivament minn jekk tirċevix pagamenti minn korpi privati jew pubbliċi oħra. Madankollu, dawn il-pagamenti jistgħu jitqiesu meta jiġu kkalkulati l-pagamenti biex jikkumpensaw għall-konsegwenzi ta’ dannu ekonomiku.

Nista’ nikseb avvanz fuq il-kumpens? Jekk iva, taħt liema kondizzjonijiet?

Pagamenti bil-quddiem mhumiex possibbli taħt l-OEG. Il-pagamenti biex ikopru trattament mediku jistgħu, madankollu, isiru qabel ma tittieħed deċiżjoni dwar it-talba għal kumpens.

Nista’ nikseb kumpens kumplimentari jew addizzjonali (wara bidla fiċ-ċirkostanzi jew aggravament tas-saħħa, eċċ) wara d-deċiżjoni prinċipali?

Fil-każ li s-saħħa tmur għall-agħar, tista’ dejjem issir “talba ta’ aggravazzjoni” (Verschlimmerungsantrag) sabiex jintalab il-kalkolu mill-ġdid tal-ammont ta’ kumpens. Il-bidliet fid-dħul jistgħu dejjem jitqiesu fil-kalkolu tal-kumpens għall-konsegwenzi tad-dannu ekonomiku.

Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

Jenħtieġ li tippreżenta d-dokumenti kollha li jistgħu jgħinu biex jiċċaraw il-fatti tal-każ u jiddeterminaw l-ammont ta’ dannu kkawżata.

Hemm ħlasijiet amministrattivi jew oħrajn li għandhom jitħallsu meta t-talba tkun riċevuta u pproċessata?

Le.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar it-talbiet ta’ kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

L-awtoritajiet li huma kompetenti skont il-liġi ta’ kull Land.

Fejn nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

It-talba tista’ tintbagħat lill-uffiċċji kollha tas-sigurtà soċjali. Imbagħad tintbagħat lill-awtorità kompetenti.

Għandi bżonn inkun preżenti matul il-proċedura u/jew meta t-talba tiegħi tiġi deċiża?

Le.

Kemm indum (bejn wieħed u ieħor) biex nirċievi deċiżjoni dwar talba għal kumpens mill-awtorità?

M’hemm l-ebda risposta definittiva għal din il-mistoqsija. It-tul tal-proċedura jiddependi, b’mod partikolari, fuq kemm hu faċli jew diffiċli li jiġu ċċarati l-fatti tal-każ u jekk huwiex meħtieġ li jinkisbu rapporti mediċi.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Jista’ jsir appell kontra d-deċiżjoni. Jekk l-awtorità kompetenti ma tasalx għal deċiżjoni oħra bħala riżultat tal-proċedura tal-appell, jista’ jiġi ppreżentat ilment quddiem il-Qorti Soċjali (Sozialgericht).

Fejn nista’ nikseb il-formoli meħtieġa u informazzjoni oħra dwar kif tista’ titlob kumpens?

Din l-informazzjoni tista’ tinsab f’diversi postijiet, peress li kemm il-Gvern Federali kif ukoll il-Länder jipprovduha fil-postijiet rilevanti. Ara, pereżempju, is-sit web tal-Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.bmas.de/DE/Themen/Soziale-Sicherung/Soziale-Entschaedigung/Opferentschaedigungsrecht/oeg.html jew il-bażi tad-data online għal vittmi ta’ reat: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.odabs.org/

Hemm xi linja ta’ għajnuna speċjali jew sit web li nista’ nuża?

Hemm numru ta’ siti web tal-Gvern Federali u tal-Länder fejn hemm informazzjoni dwar il-kumpens tal-vittma, eż. fuq is-sit web tal-Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.bmas.de/DE/Themen/Soziale-Sicherung/Soziale-Entschaedigung/Opferentschaedigungsrecht/oeg.html jew Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.odabs.org/ .

Nista’ nikseb għajnuna legali (għajnuna minn avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

L-ispejjeż legali mhumiex meqjusa bħala kumpens u għalhekk ma jistgħux jiġu mħallsa lura taħt l-OEG.

Hemm xi organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi li jistgħu jgħinuni nagħmel talba għal kumpens?

Iva, hemm numru ta’ organizzazzjonijiet reġjonali u nazzjonali ta’ appoġġ għall-vittmi. L-akbar organizzazzjoni nazzjonali hija “der Weisse Ring”.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 16/01/2019