Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż - Estonja


Għal liema tip ta’ reati nista’ ningħata kumpens?

Il-kumpens jista’ jitħallas lill-vittmi ta’ reati vjolenti u lid-dipendenti ta’ dawn il-vittmi. Reat vjolenti huwa att punibbli skont il-proċedura kriminali, li jitwettaq direttament kontra l-ħajja jew is-saħħa ta’ persuna u li b’riżultat tiegħu l-persuna feruta tmut jew issofri dannu serju f’saħħitha jew disturb tas-saħħa li jdum għal mill-anqas erba’ xhur.

Għal liema tip ta’ korriment nista’ ningħata kumpens?

Inti għandek dritt għal kumpens jekk reat vjolenti jwassal għal dannu serju fis-saħħa tiegħek jew għal disturb fis-saħħa li jdum għal mill-anqas erba’ xhur.

Nista’ ningħata kumpens jekk jiena qarib(a) jew dipendenti ta’ vittma li miet b’riżultat ta’ reat? Liema qraba jew persuni dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?

Jitħallas kumpens ta’ EUR 448 lill-persuna li tbati l-ispejjeż tal-funeral ta’ vittma ta’ reat vjolenti. Għandu jiġi nnotat li l-persuna li tbati l-ispejjeż tal-funeral ma hemmx għalfejn tkun qarib(a) jew persuna dipendenti tal-vittma.

Il-persuni dipendenti ta’ vittma li jkun miet b’riżultat ta’ reat vjolenti huma intitolati għall-kumpens mill-Istat pagabbli lill-vittmi ta’ reati.

Il-persuni dipendenti jinkludu l-persuni li ġejjin:

  • ulied il-vittma ta’ taħt it-18-il sena;
  • ulied il-vittma ta’ bejn 18-24 sena li jkunu rreġistrati fi studji full-time;
  • l-armla jew l-armel tal-vittma li l-abbiltà tagħhom li jaħdmu tkun naqset;
  • l-armla jew l-armel tal-vittma ta’ età tal-pensjoni;
  • il-ġenituri tal-vittma ta’ età tal-pensjoni;
  • il-ġenituri tal-vittma li l-abbiltà tagħhom li jaħdmu tkun naqset;
  • l-armla tal-vittma li tkun tqila u mhux impjegata;
  • il-ġenitur jew it-tutur ta’ wlied il-vittma ta’ taħt it-tliet snin li ma jkunx/tkunx impjegat(a).

Nista’ ningħata kumpens jekk jiena qarib(a) jew persuna dipendenti ta’ vittma li baqa’ ħaj? Liema qraba jew persuni dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f'dan il-każ?

Inti għandek id-dritt għal kumpens jekk, bħala riżultat ta’ reat vjolenti, il-vittma ssofri dannu serju għal saħħitha jew disturb fis-saħħa li jdum għal mill-anqas erba’ xhur.

Il-persuni li ġejjin huma intitolati għall-kumpens:

  • ulied il-vittma ta’ taħt it-18-il sena;
  • ulied il-vittma ta’ bejn 18-24 sena li jkunu rreġistrati fi studji full-time;
  • l-armla jew l-armel tal-vittma li l-abbiltà tagħhom li jaħdmu tkun naqset;
  • l-armla jew l-armel tal-vittma ta’ età tal-pensjoni;
  • il-ġenituri tal-vittma ta’ età tal-pensjoni;
  • il-ġenituri tal-vittma li l-abbiltà tagħhom li jaħdmu tkun naqset;
  • l-armla tal-vittma li tkun tqila u mhux impjegata;
  • il-ġenitur jew it-tutur ta’ wlied il-vittma ta’ taħt it-tliet snin li ma jkunx/tkunx impjegat(a).

Nista’ ningħata kumpens jekk m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Fl-Estonja, id-dritt għall-kumpens mhuwiex marbut man-nazzjonalità.

Nista’ nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk ngħix hawnhekk jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż tar-residenza jew tan-nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat twettaq f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok nitlob il-kumpens fil-pajjiż fejn seħħ ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Il-kumpens jitħallas mill-awtorità kompetenti tal-pajjiż li fih ikun twettaq ir-reat. Il-kumpens jitħallas skont il-liġijiet tal-pajjiż ikkonċernat.

Biex titlob kumpens, inti tista’ tirrikorri għand:

  • l-awtorità kompetenti tal-pajjiż ikkonċernat jew l-awtorità kompetenti tal-pajjiż tar-residenza tiegħek;
  • fl-Estonja, l-awtorità kompetenti hija l-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali, li jibgħat l-applikazzjoni tiegħek, flimkien mad-dokumenti ta’ sostenn, lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż l-ieħor.

L-ewwel irrid nirrapporta r-reat lill-pulizija, biex inkun nista’ nitlob il-kumpens?

Reat vjolenti jrid jiġi rrappurtat lill-pulizija fi żmien 15-il jum tal-kalendarju mill-jum li fih ikun twettaq ir-reat.

Irrid nistenna l-eżitu ta’ kwalunkwe investigazzjoni tal-pulizija jew proċedimenti kriminali qabel inkun nista’ nagħmel it-talba?

M’hemmx għalfejn tistenna l-eżitu tal-proċedimenti biex titlob il-kumpens; huwa suffiċjenti li tkun irrappurtajt ir-reat lill-pulizija u li jkunu bdew il-proċedimenti kriminali. Il-kumpens jista’ jintalab fi żmien tliet snin minn meta jkun twettaq ir-reat.

L-ewwel irrid infittex kumpens mingħand it-trasgressur – jekk ikun ġie identifikat?

Ma hemm l-ebda rekwiżit biex l-ewwel tfittex kumpens mingħand it-trasgressur. Meta jingħata kumpens, id-dritt tat-talba jiġi trasferit lill-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali u aħna nressqu t-talba kontra l-persuna li tkun ikkawżat id-dannu (l-awtur tar-reat) permezz ta’ azzjoni ta’ rikors.

Jekk it-trasgressur ma jkunx ġie identifikat jew ikkundannat, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex nappoġġa t-talba tiegħi?

Inti għandek id-dritt għall-kumpens anki jekk il-persuna li tkun ikkawżat id-dannu ma tkunx ġiet identifikata jew il-proċedimenti ġudizzjarji jkunu għadhom ma ġewx konklużi.

Biex tikseb il-kumpens mill-Istat pagabbli lill-vittmi ta’ reati, hija meħtieġa ċertifikazzjoni tat-tnedija tal-proċedimenti kriminali maħruġa minn korp investigattiv.

Iridu jiġu ppreżentati l-irċevuti tal-ispejjeż jekk qiegħed tapplika għar-rimborż tal-ispejjeż tal-kura medika jew għal għotja tal-mewt.

Hemm terminu li fih irrid nagħmel it-talba għall-kumpens?

L-applikazzjonijiet għall-kumpens jistgħu jiġu ppreżentati fi żmien tliet snin mid-data ta’ reat jew minn meta jsir magħruf li twettaq ir-reat.

Liema telf u spejjeż huma koperti mill-kumpens?

Il-kumpens ikopri:

– id-dannu materjali (mhux psikoloġiku):

  • l-ispejjeż mediċi tal-korriment (il-kura medika – il-kura għall-pazjenti ta’ parra u fl-isptar, l-irkupru)
  • il-ħtiġijiet jew l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-korriment (eż. l-indukrar u l-assistenza, il-kura temporanja u permanenti, il-fiżjoterapija fit-tul, l-adattament tal-akkomodazzjoni, l-għajnuniet speċjali)
  • il-korriment permanenti (eż. l-invalidità u diżabbiltajiet oħra permanenti)
    • it-telf tal-qligħ waqt u wara l-kura medika (eż. it-telf tal-qligħ u t-telf tal-abbiltà ta’ qligħ jew it-tnaqqis tal-manteniment)
    • il-kumpens għall-ħwejjeġ u l-għajnuniet li saritilhom ħsara (eż. Kumpens għan-nuċċalijiet, rimborż tal-ispejjeż tal-ħwejjeġ ġodda)

– id-dannu materjali (mhux psikoloġiku):

  1. l-ispejjeż tal-funerali
  2. it-telf tal-manteniment jew tal-opportunità

– id-dannu psikoloġiku:

  • l-uġigħ u s-sofferenza tal-qraba jew il-persuni intitolati għall-kumpens/il-kumpens lis-superstiti jekk il-vittma tkun mietet

Il-membri tal-familja ta’ vittma jistgħu jiksbu konsulenza psikoloġika. Biex jinkiseb kumpens għall-għajnuna psikoloġika, huwa neċessarju li jiġi kkuntattjat fornitur ta’ servizz ta’ appoġġ lill-vittmi, li mbagħad iħejji l-applikazzjoni li trid tiġi ffirmata. Huwa meħtieġ ukoll ċertifikat tal-pulizija, li jikkonferma li jkunu nfetħu l-proċedimenti u li inti vittma jew ir-rappreżentant legali ta’ vittma. Il-fornitur ta’ servizz ta’ appoġġ lill-vittmi jgħinek tikseb ċertifikat tal-pulizija.

Inti tiġi infurmat dwar l-għoti tal-kumpens għall-għajnuna psikoloġika fi żmien 10 ijiem tax-xogħol. Wara tkun tista’ tmur għand psikologu. L-ammont ta’ kumpens għal kull persuna huwa l-paga minima ta’ kull xahar (EUR 470 fl-2017).

Il-kumpens jitħallas f’pagament uniku jew f’pagamenti kull xahar?

Il-persuni dipendenti jitħallsu l-kumpens f’pagamenti ta’ kull xahar. L-ispejjeż mediċi jiġu rimborżati bħala somma f’daqqa fuq il-bażi tal-irċevuti tal-ispejjeż.

B’liema mod jistgħu l-imġiba tiegħi stess fir-rigward tar-reat, ir-rekord kriminali jew in-nuqqas ta’ kooperazzjoni tiegħi matul il-proċeduri ta’ kumpens jaffettwaw iċ-ċansijiet tiegħi li nirċievi kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Ma jitħallasx kumpens jekk:

  1. il-vittma tkun ikkawżat jew iffaċilitat it-twettiq tar-reat jew is-seħħ tal-ħsara permezz tal-imġiba intenzjonali jew traskurata tiegħu jew tagħha;
  2. il-vittma tonqos milli tinnotifika r-reat fi żmien 15-il jum minkejja li tkun kapaċi tagħmel dan, u l-pulizija ma jkunu saru jafu bir-reat bl-ebda mod ieħor;
  3. il-vittma tkun ġiet ikkundannata għat-twettiq ta’ reat vjolenti ta’ vjolenza jew abbażi tal-Artikolu 255(1) jew 256(1) tal-Kodiċi Penali u r-rekord kriminali tagħha jkun għadu ma tħassarx mill-bażi tad-data tar-rekords kriminali skont l-Att dwar il-Bażi ta' Data tar-Rekords Kriminali;
  4. il-pagament tal-kumpens ma jkunx ġust jew ma jkunx ġustifikat għal raġunijiet oħra.

Barra minn hekk, il-kumpens jista’ jiġi rifjutat jekk l-applikant ikun irrifjuta li jikkoopera mal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi sabiex jiġu aċċertati l-fatti relatati mar-reat kriminali, jiġi identifikat jew maqbud it-trasgressur jew jiġi ppruvat id-dannu.

B’liema mod tista’ s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi taffettwa ċ-ċansijiet tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek ma taffettwax l-għoti jew il-pagament tal-kumpens.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw iċ-ċansijiet tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Kwalunkwe ammont li persuna feruta tirċievi jew tkun intitolata li tirċievi abbażi tad-dannu li jirriżulta minn reat vjolenti, minn sors li ma jkunx il-persuna responsabbli għad-dannu kkawżat mir-reat, jitnaqqas mid-dannu li jservi bħala l-bażi sabiex jiġi determinat l-ammont tal-kumpens, inkluż il-benefiċċju tal-kapaċità għax-xogħol imħallas lill-vittma. Sabiex jiġi stabbilit l-ammont tal-kumpens, jiġi kkunsidrat kwalunkwe ammont imħallas lill-applikant mill-persuna responsabbli għad-dannu kkawżat mir-reat qabel l-għoti tal-kumpens.

Kif jiġi kkalkulat il-kumpens?

Kalkolu tal-kumpens għal kapaċità parzjali jew l-ebda kapaċità ta’ ħidma

L-ammont tal-kumpens jiġi kkalkulat abbażi tad-introjtu medju għal kull jum tal-kalendarju. Jiġi kkunsidrat l-introjtu, intaxxat bit-taxxa soċjali, maqlugħ matul is-sitt xhur ta’ qabel ir-reat.

Kalkolu tad-dannu li jirriżulta minn kapaċità parzjali jew l-ebda kapaċità ta’ ħidma

L-introjtu medju għal kull jum tal-kalendarju jiġi mmultiplikat bi tletin, u l-pensjoni għall-inkapaċità għax-xogħol jew il-benefiċċju tal-kapaċità għax-xogħol jiġu mnaqqsa mir-riżultat tal-multiplikazzjoni. Il-kumpens ikopri 80% tal-introjtu mitluf. Id-data dwar l-introjtu medju tinkiseb mill-Bord tat-Taxxa u d-Dwana.

Kalkolu tal-kumpens għall-mewt tal-fornitur

1. L-introjtu medju tal-vittma għal kull jum tal-kalendarju jiġi mmultiplikat bi tletin, u l-pensjoni tas-superstiti mogħtija lill-persuna tiġi mnaqqsa mir-riżultat tal-multiplikazzjoni.

2. Perċentwal tal-ammont miksub huwa kkalkulat skont l-għadd ta’ persuni dipendenti:

  • 75% fil-każ ta’ persuna dipendenti waħda
  • 85% fil-każ ta’ żewġ persuni dipendenti
  • 100% fil-każ ta’ tliet persuni dipendenti jew aktar

Jiġi kkumpensat 80% tal-ammont ikkalkulat.

Hemm xi ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Ma hemm l-ebda ammont minimu; il-kumpens jitħallas sakemm il-persuna intitolata tikkwalifika għall-kumpens jew sal-limitu ta’ EUR 9590.

Jiena mistenni li nikkwota l-ammont fil-formola tat-talba? Jekk iva, ningħata xi struzzjonijiet dwar kif għandi nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Ma għandu għalfejn jiġi indikat l-ebda ammont fuq il-formola tat-talba.

Kwalunkwe kumpens li nirċievi għat-telf tiegħi minn sorsi oħra (bħall-iskema tal-assigurazzjoni tal-impjegatur tiegħi jew waħda privata) jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Iva.

Nista’ ningħata avvanz fuq il-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Jista’ jintalab kumpens bil-quddiem minn persuni f’sitwazzjoni ekonomika diffiċli, jekk dawn ikunu intitolati għal kumpens iżda l-għoti tiegħu jiġi pospost.

Pagament bil-quddiem sa EUR 640 isir fuq il-bażi tal-applikazzjoni relevanti.

Jekk il-pagament bil-quddiem jaqbeż l-ammont ta’ kumpens suċċessivament mogħti, l-ammont mogħti żejjed jiġi rkuprat.

Nista’ ningħata kumpens komplementari jew addizzjonali (pereżempju wara bidla fiċ-ċirkustanzi jew deterjorament fis-saħħa) wara d-deċiżjoni prinċipali?

Inti għandek id-dritt li tissottometti fatturi addizzjonali għall-ispejjeż tal-kura medika.

Liema dokumenti ta’ sostenn irrid ninkludi mat-talba tiegħi?

Ċertifikat minn korp investigattiv

Il-fatturi għall-ispejjeż tal-funeral

Il-fatturi għall-ispejjeż tal-kura medika, l-irċevuti għall-prodotti mediċinali, eċċ.

Iċ-ċertifikat tal-mewt tal-vittma

Hemm xi imposti amministrattivi jew imposti oħra li jridu jitħallsu meta tasal u tiġi pproċessata t-talba?

Le.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar it-talbiet għall-kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Il-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

Opzjonijiet għas-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet:

  • L-applikazzjonijiet jistgħu jintbagħtu wkoll bil-posta f’Põllu 1A, 50303, Tartu.
  • L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati permezz ta’ fornitur ta’ appoġġ lill-vittmi. Id-dettalji ta’ kuntatt tal-fornituri ta’ appoġġ lill-vittmi jistgħu jinstabu fuq is-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidasit web tal-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali.
  • L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati wkoll f’uffiċċju ta’ servizz għall-konsumatur tal-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali.

Għandi għalfejn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tkun qiegħda tittieħed deċiżjoni dwar it-talba tiegħi?

M’għandekx għalfejn tkun preżenti.

Kemm jieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) sabiex tittieħed deċiżjoni dwar talba għall-kumpens mill-awtorità?

Id-deċiżjoni tittieħed fi żmien 30 jum minn meta jasal l-aħħar dokument.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Tista’ tiġi ppreżentata oġġezzjoni kontra d-deċiżjoni fi żmien 30 jum minn meta tasal. B’mod alternattiv, jista’ jiġi ppreżentat ilment f’qorti amministrattiva skont il-proċedura prevista fil-Kodiċi ta’ Proċedura tal-Qorti Amministrattiva.

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif nagħmel it-talba?

Il-formoli tal-applikazzjoni u l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni għall-kumpens jistgħu jinstabu fuq is-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidasit web tal-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali.

Hemm xi linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

Il-fornituri ta’ appoġġ lill-vittmi jistgħu jiġu kkuntattjati wkoll bit-telefon. Id-dettalji ta’ kuntatt tagħhom jistgħu jinstabu fuq is-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidasit web tal-Bord tal-Assigurazzjoni Soċjali.

Nista’ nikseb għajnuna legali (għajnuna minn avukat) meta nkun qiegħed inħejji t-talba?

Iva.

Hemm xi organizzazzjonijiet ta’ appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob il-kumpens?

Il-fornituri ta’ appoġġ lill-vittmi jassistu wkoll fit-talba għall-kumpens.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 11/01/2019