Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Greċja

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

Għal liema tip ta’ reat nista’ nikseb kumpens?

Il-leġiżlazzjoni Griega dwar il-kumpens tal-vittmi ta’ reati vjolenti tinkludi r-reati li ġejjin li saru fil-Greċja:

Reati ta’ vjolenza intenzjonali, u r-reati msemmija fl-Artikoli li ġejjin tal-Kodiċi Kriminali: 323Α (traffikar tal-bnedmin):

a) jasar u prattiki ta’ xogħol simili,

b) servitù,

c) sfurzar tal-vittma biex taħdem jew tittallab (sfruttament ta’ ħaddiema),

d) sfurzar tal-vittma biex twettaq atti kriminali,

e) it-tneħħija ta’ ċelloli, tessuti jew organi mill-vittma,

f) l-isfurzar tal-vittma biex tipparteċipa f’atti sesswali, prattiki jew simulazzjonijiet, jew xogħol jew servizzi mmirati biss biex jipprovokaw stimulazzjoni sesswali (sfruttament sesswali) jew

g) żwieġ sfurzat; 336 aeta l-vittma tkun minorenni (reati kontra l-libertà sesswali jew l-isfruttament finanzjarju tal-ħajja sesswali); 339(1) u (3) (atti sesswali li jinvolvu minorenni jew għad-detriment tagħhom); 342(1) (abbuż sesswali tat-tfal); 348A (pornografija tat-tfal); 348Β (solleċitazzjoni tat-tfal għal skopijiet sesswali); 348C (rappreżentazzjonijiet pornografiċi ta’ minorenni); u 351A (atti sesswali li jinvolvu minorenni għall-ħlas).

Għal liema tip ta’ dannu nista’ nikseb kumpens?

Għal kwalunkwe reat imwettaq intenzjonalment, bl-użu ta’ vjolenza fiżika jew it-theddida ta’ vjolenza fiżika, u li jirriżulta fil-mewt jew f’kundizzjoni fiżika jew mentali severa tal-vittma; u għal kwalunkwe reat imwettaq intenzjonalment, bl-użu ta’ vjolenza fiżika jew it-theddida ta’ vjolenza fiżika, u punibbli b’terminu itwal ta’ priġunerija (kátheirxi).

Mill-1 ta’ Jannar 2010, l-impjegati tal-faċilitajiet ta’ detenzjoni li jkunu vittmi ta’ vjolenza intenzjonali li kkawżatilhom diżabbiltà jew deformità serja, u li kienu mwettqa fil-Greċja, bdew jingħataw liv tal-mard bi ħlas bla interruzzjoni sakemm il-kumitat mediku rilevanti jagħti l-parir li jkunu tajbin għax-xogħol.

Nista’ nikseb kumpens jekk inkun qarib jew dipendenti minn vittma li mietet b’riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens?

Il-kumpens huwa disponibbli għall-membri tal-familja tal-vittma, jiġifieri konjuġi, persuna li tkun tgħix mal-vittma f’relazzjoni stabbli u kontinwa ta’ natura eterosesswali jew omosesswali, għarus jew għarusa, qraba bid-demm jew bi żwieġ fil-linja diretta, ġenituri adottivi u tfal adottati, aħwa, konjuġi jew għarajjes ta’ aħwa, u dipendenti mill-vittma flimkien ma’ kwalunkwe tfal u ġenituri dipendenti.

Nista’ nikseb kumpens jekk inkun qarib jew dipendenti ta' vittma li ma mititx? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens f’dan il-każ?

F’dan il-każ, il-persuna direttament midruba biss, jiġifieri l-vittmi nnifishom, ikollha dritt għal kumpens.

Nista’ nikseb kumpens jekk m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

L-Awtorità ta’ Kumpens Griega (Archí Apozimíosis) tikkumpensa lill-vittmi ta’ reati ta’ vjolenza intenzjonata jekk l-att isir il-Greċja u l-post tar-residenza tal-vittma (katoikía) jew ir-residenza abitwali (siníthi diamoní) tkun il-Greċja, jew fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-UE jew f’pajjiż terz fil-każijiet previsti mill-Artikolu 323A tal-Kodiċi Kriminali. Ma ssir ebda distinzjoni bejn iċ-ċittadini tal-UE u dawk li mhumiex.

Nista’ nitlob kumpens minn dan il-pajjiż jekk ngħix hawn jew inkun minn hawn (dan huwa l-pajjiż tar-residenza jew tan-nazzjonalità) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, b’liema kundizzjonijiet?

Jekk ir-reat ikun twettaq f’pajjiż ieħor tal-UE, il-vittmi li l-post tar-residenza jew ir-residenza abitwali tagħhom tkun il-Greċja huma intitolati biss jippreżentaw talba lill-Awtorità Griega tal-Assistenza (Archí Syndromís) għal kumpens raġonevoli u xieraq li jingħata mill-awtorità tal-kumpens tal-Istat Membru tal-UE kkonċernat, skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti mil-liġi ta’ dak l-Istat.

L-ewwel irrid inkun irrapportajt ir-reat lill-pulizija biex inkun nista’ nitlob kumpens?

Iva, lill-prosekutur pubbliku jew lill-pulizija fi żmien tliet xhur, għax inkella jista’ ma jkunx possibbli li jiġi lokalizzat it-trażgressur. Jekk ma stajtx tirrapporta r-reat kriminali mwettaq kontrik minħabba raġunijiet ta’ forza maġġuri, il-limitu ta’ żmien ta’ tliet xhur jibda jgħodd ladarba dawk ir-raġunijiet ma jibqgħux japplikaw.

Għandi nistenna l-eżitu ta’ kwalunkwe investigazzjoni tal-pulizija jew proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nitlob kumpens?

Iva, minħabba li d-dritt tiegħek għall-kumpens jibda

a) f’każ li t-trażgressur ma jkollux ir-riżorsi meħtieġa biex jikkumpensak, meta tiġi imposta sentenza finali;

b) f’każ li l-identità tat-trażgressur ma tkunx tista’ tiġi aċċertata, ladarba l-atti tal-kawża jkunu ġew arkivjati fir-reġistru ta’ trażgressuri mhux magħrufa; jew

c) f’każ li t-trażgressur ma jkunx jista’ jitħarrek jew jiġi kkundannat, meta l-atti tal-kawża jiġu arkivjati b’att tal-prosekutur pubbliku kompetenti, jew b’deċiżjoni finali li ma jipproċedix għal proċess, jew b’liberazzjoni finali, jew bl-għeluq finali tal-każ bi kwalunkwe mod ieħor.

Għandi l-ewwel infittex kumpens mingħand it-trażgressur – jekk ikun ġie identifikat?

Iva, għax fil-każi msemmija fil-punti (a) u (c) hawn fuq (jiġifieri meta t-trażgressur ma jkollux ir-riżorsi meħtieġa biex jikkumpensak, jew it-trażgressur ma jkunx jista’ jiġi pproċessat jew ikkundannat), il-vittma tista’ tressaq talba għal kumpens ta’ dan it-tip biss jekk ma tkunx= tista' tissodisfa t-talba tagħha għal kumpens kontra t-trażgressur bl-ebda mod kif determinat b’sentenza finali.

Jekk it-trażgressur ma jkunx ġie identifikat jew misjub ħati, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, x’evidenza neħtieġ nippreżenta biex nappoġġa t-talba tiegħi?

Iva, tista’ titlob kumpens mingħand l-Awtorità tal-Kumpens jekk l-identità tat-trażgressur ma tkunx tista’ tiġi aċċertata, ladarba l-atti tal-kawża jkunu ġew arkivjati fir-reġistru ta’ trażgressuri mhux magħrufa.

Hemm limitu ta’ żmien biex nitlob kumpens?

It-talba għal kumpens għandha titressaq għand l-Awtorità tal-Kumpens mill-persuna intitolata jew mir-rappreżentant tagħha f’perjodu ta’ żmien limitat ta’ sena mid-data ta’ meta jkun sar il-każ.

Liema telf u spejjeż jiġu koperti mill-kumpens?

a) Għall-vittma tar-reat:

Danni materjali (mhux psikoloġiċi):

  • spejjeż mediċi fuq id-danni (trattament mediku — pazjent ta’ barra u trattament fl-isptar, riabilitazzjoni)
  • telf ta’ introjtu matul it-trattament mediku u wara (inkluż introjtu mitluf, telf jew tnaqqis fil-kapaċità li taqla’ l-għajxien, eċċ)

Danni psikoloġiċi (morali):

  • appoġġ mentali u psikoloġiku
  • bidliet tal-ambjent u tal-indirizz (tneħħija u xiri ta’ oġġetti essenzjali tal-konsumatur)

b) Għal persuni intitolati jew qraba ta’ vittma:

Danni materjali (mhux psikoloġiċi):

  • spejjeż tal-funeral
  • spejjeż mediċi (eż. terapija għal membru tal-familja, trattament ambulanti u fl-isptar, riabilitazzjoni)
  • telf ta’ appoġġ jew prospetti.

Il-kumpens jitħallas f’pagament wieħed jew f’pagamenti kull xahar?

F’pagamenti wieħed.

B’liema mod tista' l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, ir-rekord kriminali tiegħi jew in-nuqqas ta’ kooperazzjoni minni matul il-proċeduri tal-kumpens jaffettwaw il-probabbiltà li nirċievi kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Fil-kalkolu tal-ammont tal-kumpens, jitqies kwalunkwe għemil ħażin min-naħa tiegħek.

Barra minn hekk, jekk matul il-proċedimenti kriminali tonqos milli tikkoopera mal-awtoritajiet billi tonqos milli tassistihom bla ebda ġustifikazzjoni, speċjalment jekk tirrifjuta li tixhed jew inkella taħbi jew tonqos milli tipproduċi evidenza materjali, u b’hekk tagħmilha aktar diffiċli li jiġi identifikat it-trażgressur, ma jkollokx dritt għal kumpens.

B’liema mod tista’ s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi taffettwa l-probabbiltà li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Id-dritt tiegħek għal kumpens jew l-ammont li tista’ tirċievi ma jiġux affettwati mis-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-probabbiltà li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Ma jkollokx dritt għal kumpens fil-każi li ġejjin:

a) jekk l-att ikun seħħ bejn membri ta’ organizzazzjoni kriminali, gang jew grupp terroristiku;

b) jekk inqast intenzjonalment milli tirrapporta r-reat imwettaq kontrik fi żmien tliet xhur, u dan jagħmilha aktar diffiċli biex jiġi identifikat l-awtur tar-reat (iżda jekk ma stajtx tirrapporta r-reat imwettaq kontrik minħabba raġunijiet ta’ forza maġġuri, il-limitu ta’ żmien ta’ tliet xhur jibda jiddekorri ladarba dawk ir-raġunijiet ma jibqgħux japplikaw);

c) jekk, matul il-proċedimenti kriminali, mingħajr ebda ġustifikazzjoni, tirrifjuta li tassisti lill-awtoritajiet, speċjalment jekk tirrifjuta li tixhed jew inkella taħbi jew tonqos milli tipproduċi evidenza materjali, u b’hekk tagħmilha aktar diffiċli li jiġi identifikat it-trażgressur; u

d) fi kwalunkwe każ ieħor meta fid-dawl taċ-ċirkostanzi partikolari t-talba tiegħek għal kumpens tkun tikkostitwixxi abbuż ta’ dritt.

Fil-kalkolu tal-ammont tal-kumpens, jitqies kwalunkwe għemil ħażin min-naħa tiegħek, kwalunkwe spiża mġarrba mill-Istat Grieg għall-ammissjoni tiegħek fl-isptar, u kwalunkwe somma oħra li tkun irċevejt mingħand it-trażgressur, mingħand is-servizzi tas-sigurtà soċjali jew mingħand xi sors ieħor.

Kif jiġi kkalkulat il-kumpens?

L-ammont tal-kumpens jiġi stabbilit skont il-liġi Griega, bla ħsara għal dispożizzjonijiet aktar speċifiċi.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Ebda.

Huwa mistenni minni li nikkwota l-ammont fil-formola tat-talba? Jekk iva, nista’ nikseb xi struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Iva, il-formola tat-talba fiha kamp speċifiku li għandu jimtela.

Kull kumpens li nirċievi għat-telf tiegħi minn sorsi oħrajn (bħal pereżempju l-iskema tal-assigurazzjoni tal-impjegatur jew privata tiegħi) jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Iva, fil-formola tat-talba tiegħek għandek tindika l-ammont ta’ kumpens li qed titlob u kwalunkwe kumpens ieħor li tkun irċevejt sabiex tkun tista’ titqies kull spiża li jkun ġġarrab l-Istat Grieg għall-ammissjoni tiegħek fl-isptar u kull somma oħra li tkun irċevejt mingħand it-trażgressur, minn servizzi tas-sigurtà soċjali jew minn kwalunkwe sors ieħor.

Tintalab ukoll tipprovdi dettalji dwar is-sitwazzjoni li tirriżulta mid-dannu. Dan ifisser li tintalab tiddikjara u tipproduċi l-evidenza kollha tal-ispejjeż mediċi, tal-ispejjeż tal-isptar jew tal-ispejjeż tal-funeral u ta’ kwalunkwe telf jew tnaqqis fl-introjtu tiegħek, kwalunkwe żieda fl-ispejjeż tiegħek jew kwalunkwe inkapaċità li twettaq mestier b’riżultat tad-dannu kkaġunat mill-allegat reat.

Nista’ ningħata avvanz fuq il-kumpens? Jekk iva, b’liema kundizzjonijiet?

Ebda.

Nista’ nikseb kumpens kumplementari jew addizzjonali (wara pereżempju bidla fiċ-ċirkostanzi jew aggravament tas-saħħa, eċċ.) wara d-deċiżjoni prinċipali?

L-Awtorità tal-Kumpens ma għamlitx provvediment espliċitu għal kumpens komplementari jew addizzjonali. Madankollu, il-liġi Griega tipprovdi għal din il-possibbiltà f’każ ta’ bidla fiċ-ċirkostanzi jew ta’ deterjorament tas-saħħa tal-vittma.

Liema dokumenti ta’ sostenn neħtieġ ninkludi mat-talba tiegħi?

Id-dokumenti ta’ sostenn li ġejjin huma meħtieġa, skont il-każ:

  • Il-karta tal-identità jew passaport jew ċertifikat ta’ stat ċivili
  • Permess ta’ residenza jew konferma tal-irċevuta ta’ applikazzjoni għat-tiġdid tal-permess ta’ residenza
  • Prova xierqa tal-ħlas tal-ispejjeż tal-funeral u tal-ispejjeż mediċi
  • Iċ-ċertifikat tal-mewt tal-vittma jew ċertifikati mediċi li juru t-tip ta’ dannu, it-tul tad-diżabbiltà, in-natura ta’ kull konsegwenza fuq is-saħħa u kwalunkwe diżabbiltà permanenti u l-grad ta’ tali diżabbiltà
  • L-introjtu fis-sena ta’ qabel tressqet it-talba u fis-sena ta’ qabel l-inċident (stima tat-taxxa mill-awtorità tat-taxxa kompetenti jew dikjarazzjoni tad-dħul sottomessa minnek jew mis-sieħeb/sieħba tiegħek, minn sieħeb/sieħba f’patt ċivili ta’ solidarjetà, jew minn kwalunkwe persuna oħra li tgħix b’mod permanenti miegħek)
  • Iċ-ċertifikat tat-tressiq ta’ kwerela/rapport ta’ reat(i)
  • Kopja tas-sentenzi jew tal-ordnijiet finali tal-qorti rilevanti jew ċertifikat li l-każ ingħalaq
  • Ċertifikat tal-ħlas jew tan-nuqqas ta’ ħlas ta’ somom relatati minn sorsi oħra (fond tal-assigurazzjoni tal-impjegatur, kumpanija tal-assigurazzjoni privata)
  • Kull dokument ieħor li jkun rilevanti jew li jikkostitwixxi prova ta’ telf, tnaqqis fl-introjtu tiegħek, żieda fl-ispejjeż tiegħek, jew inkapaċità li twettaq mestier

Hemm ħlasijiet amministrattivi jew oħrajn li għandhom jitħallsu meta tasal it-talba u tiġi pproċessata?

Iva, EUR 50 qabel ma l-każ jiġi eżaminat mill-Awtorità tal-Kumpens, u fin-nuqqas ta’ dan it-talba tiġi miċħuda.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet ta’ kumpens (f’każi nazzjonali)?

L-Awtorità tal-Kumpens.

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każi nazzjonali)?

Lill-Awtorità tal-Assistenza jew direttament lis-Segretarju tal-Awtorità tal-Kumpens.

Jenħtieġ inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tittieħed deċiżjoni dwar it-talba tiegħi?

Mhux bilfors. Jekk ikun meħtieġ, tintalab tippreżenta ruħek.

Jekk il-post tar-residenza jew ir-residenza abitwali tiegħek ikunu jinsabu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, l-Awtorità Griega tal-Kumpens titlob lill-awtorità tal-assistenza rilevanti biex tintervistak skont il-liġi ta’ dak l-istat u biex tibagħtilha rapport. Hija tista’ wkoll, f’kooperazzjoni mal-awtorità ta’ assistenza rilevanti, tmexxi s-seduta hija stess, f’konformità mal-liġi Griega, bit-telefon jew b’vidjokonferenza. F’dak il-każ, l-Awtorità Griega tal-Kumpens ma tistax tobbliga lill-attur jinstema’.

Kemm għandi nistenna (bejn wieħed u ieħor) biex nirċievi deċiżjoni dwar talba għal kumpens mill-awtorità?

L-Awtorità tal-Kumpens għandha teżamina l-każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha tkun tressqet it-talba, u għandha tagħti d-deċiżjoni finali tagħha fi żmien tliet xhur mid-data tal-valutazzjoni tat-talba.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Kemm l-attur kif ukoll l-Istat Grieg huma intitolati jressqu appell kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Kumpens quddiem il-Qorti Amministrattiva tal-Prim’Istanza (Dioikitikó Protodikeío). L-iskadenza hija ta’ erba’ xhur.

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli meħtieġa u informazzjoni oħra dwar kif inressaq talba?

https://www.ministryofjustice.gr/wp-content/uploads/2019/08/%CE%A0%CE%91%CE%A1%CE%91%CE%A1%CE%A4%CE%97%CE%9C%CE%91.pdf

Hemm xi linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

M’hemm l-ebda linja telefonika għall-għajnuna speċjali biex titressaq talba għal kumpens. https://ministryofjustice.gr/

Nista’ nikseb għajnuna legali (għajnuna minn avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

Għal tilwim transfruntiera, l-għajnuna legali tingħata f’kawżi ċivili (jew kummerċjali) jekk ir-residenza jew ir-residenza abitwali tiegħek tkun fi Stat Membru ieħor tal-UE. L-għajnuna legali tista’ wkoll tieħu l-forma ta’ ħatra ta’ avukat biex jipprovdi pariri legali bil-ħsieb li l-kwistjoni tissolva qabel ma tittella’ l-qorti. Persuni li jkollhom ir-residenza jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Greċja iżda jfittxu għajnuna legali għal proċess jew għal pass proċedurali fi Stat Membru ieħor tal-UE huma eliġibbli wkoll għas-servizzi ta’ avukat, dment li tasal talba għall-għoti ta’ għajnuna legali għand l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru barrani.

Hemm xi organizzazzjonijiet ta’ appoġġ għall-vittmi li jistgħu jgħinuni nagħmel talba għal kumpens?

Iċ-Ċentru ta’ Riċerka għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (KEThI)

Iċ-Ċentru Nazzjonali għas-Solidarjetà Soċjali (EKKA)

Is-Segretarjat Ġenerali għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (Genikí Grammateía Isótitas ton Fýlon):

Il-Kunsill Grieg għar-Refuġjati (Ellinikó Symvoúlio gia tous Prósfyges)

Amnesty International – Taqsima Griega

Pulizija Ellenika – Ċiberkriminalità

L-aħħar aġġornament: 12/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.