Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż - Finlandja


Għal liema tip ta’ reat nista’ nikseb kumpens?

Jekk inti (jew qarib tiegħek) tkun vittma ta’ reat fil-Finlandja, tista’ titħallas kumpens mill-fondi tal-Istat għall-ħsara kkawżata mir-reat. Id-dritt għall-kumpens mhuwiex limitat min-natura tar-reat.

Jekk il-ħsara kriminali kienet ikkawżata mill-użu ta’ vettura bil-mutur fit-traffiku, il-kumpens jitħallas primarjament mill-polza tal-assigurazzjoni fuq il-vettura li kkawżat il-ħsara, skont l-Att dwar l-Assigurazzjoni ta’ Responsabbiltà ta’ Vetturi bil-Mutur (liikennevakuutuslaki).

Għal liema tip ta’ korriment nista’ nikseb kumpens?

Il-kumpens jista’ jitħallas għal ħsara fuq il-persuna u tbatija kkawżata minn reat.

“Ħsara fuq il-persuna” tfisser tfixkil tal-istat ta’ saħħa proprja li jista’ jiġi vverifikat permezz ta’ mezzi mediċi. Tfixkil bħal dan jista’ jkun fiżiku jew psikoloġiku.

“Tbatija”, min-naħa l-oħra, tfisser dieqa mentali kkawżata mill-avveniment inkwistjoni u li ma teħtieġx prova medika tat-tfixkil tal-istat ta’ saħħa ta' persuna.

Nista’ nikseb kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens?

Inti tista’ tkun intitolat/a għal kumpens jekk qarib tiegħek imut bħala riżultat ta’ reat. “Qarib” tfisser il-ġenitur, it-tifel jew tifla jew il-konjuġi tal-mejjet, jew persuna oħra li hija qarib b’mod partikolari tal-mejjet.

Jekk inti ħadt ir-responsabbiltà biex tidfen persuna li mietet bħala riżultat ta’ reat, inti intitolat/a għal kumpens għal kostijiet raġonevoli li kellek għad-dfin.

Nista’ nikseb kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li baqgħet ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?

Jekk persuna li hija partikolarment qrib tiegħek sfat vittma ta’ reat, inti tista’ tiġi kumpensat/a għall-kostijiet essenzjali u raġonevoli u t-telf ta’ qligħ li kellek biex tieħu ħsieb dik il-persuna. “Qarib” tfisser il-ġenitur, it-tifel jew tifla jew il-konjuġi tal-persuna li soffriet ħsara fuq il-persuna, jew persuna qrib simili oħra.

Nista’ nikseb kumpens jekk m’inix ċittadin(a) ta’ pajjiż tal-UE?

Jekk kont vittma ta’ reat fil-Finlandja, inti ġeneralment għandek id-dritt għal kumpens irrispettivament min-nazzjonalità tiegħek jew fejn tgħix. Il-kumpens jista’ jiġi rifjutat, madankollu, jekk id-dar tiegħek mhijiex f’pajjiż tal-UE fiż-żmien meta jsir ir-reat jew fiż-żmien meta l-kumpens intalab u jekk il-ħsara għandha konnessjoni minuri mal-Finlandja.

Nista’ nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Jekk għandek post ta’ residenza fil-Finlandja, inti tista’ tirċievi wkoll kumpens f’ċerti ċirkostanzi għal ħsara fuq il-persuna u tbatija kkawżata minn reat li jkun sar f’pajjiż ieħor.

Jista’ jitħallas kumpens jekk is-soġġorn tiegħek f’pajjiż ieħor kien għal xogħol, studju jew raġuni simili. Jista’ jitħallas kumpens ukoll fuq bażi diskrezjonali f’każijiet oħra li jinvolvu ħsara li sseħħ f’pajjiż ieħor. F’każijiet bħal dawn, il-fatturi li jistgħu jiġu kkunsidrati se jinkludu l-konnessjoni bejn ir-reat u l-Finlandja, il-qrubija tar-relazzjoni bejn l-awtur u l-vittma tar-reat, in-natura tal-ħsara, u l-għażliet tiegħek biex tikseb kumpens x’imkien ieħor.

Għandi bżonn nirrapporta r-reat lill-pulizija l-ewwel, sabiex ikun nista’ nitlob kumpens?

Inti trid tirrapporta r-reat lill-pulizija. Jekk ir-reat ma ġiex irrapportat jew il-pulizija ma ġewx mgħarrfa b’mod ieħor dwar ir-reat, il-kumpens jista’ jitħallas biss għal raġunijiet speċjali.

Għandi nistenna l-eżitu ta’ kwalunkwe investigazzjoni tal-pulizija jew proċeduri kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

Inti tista’ tissottometti talba għal kumpens qabel ma titlesta l-investigazzjoni preliminari jew jintemmu l-proċeduri tal-qorti. Madankollu, it-talba tiegħek tista’ tiġi deċiża biss meta l-investigazzjoni preliminari tkun tlestiet. Jekk jinġiebu akkużi, il-kwistjoni ġeneralment tista’ tiġi deċiża biss meta l-każ kriminali u t-talbiet għal kumpens jiġu deċiżi mill-qorti.

Għandi l-ewwel infittex kumpens mill-awtur tar-reat – jekk dan ikun ġie identifikat?

Jekk il-każ kriminali nstema’ minn qorti, jenħtieġ li tfittex li jkollok sentenza mill-qorti favur id-dritt għal kumpens. Dan ifisser li jenħtieġ li inti tippreżenta talba għal kumpens kontra l-awtur tar-reat matul il-proċeduri tal-qorti. Il-kumpens għall-ħsara kriminali ġeneralment mhux se jitħallas jekk inti tonqos milli tissodisfa dan l-obbligu.

Jekk l-awtur tar-reat ma jkunx ġie identifikat jew ikkundannat, xorta nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, x’evidenza għandi bżonn nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Inti tista’ tapplika għal kumpens anki jekk l-awtur tar-reat ma jkunx ġie identifikat. Tista’ tehmeż kopja tar-rapport tal-pulizija mill-investigazzjoni preliminari, jew evidenza oħra affidabbli tal-avvenimenti, mat-talba tiegħek għal kumpens.

Hemm limitu ta’ żmien li matulu rrid nitlob għal kumpens?

Inti trid tapplika għal kumpens fi żmien tliet snin mid-data li fiha tinħareġ sentenza li għandha s-saħħa ta’ titolu eżekuttiv dwar il-każ tal-kumpens. Jekk il-każ ma nstemax fil-qorti, il-kumpens irid jintalab fi żmien 10 snin mid-data li fiha jiġi kommess ir-reat. Dawn id-dati ta’ skadenza huma flessibbli biss f’ċirkostanzi speċjali.

X’tip ta’ telf u spejjeż huwa kopert mill-kumpens?

Pereżempju, dan ikopri dan li ġej?

a) Għall-vittma tar-reat:

– Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • il-kostijiet mediċi tal-korriment (trattament mediku – trattament ambulanti u fl-isptar, l-irkupru) -il-kostijiet mediċi huma koperti.
  • ħtiġijiet jew kostijiet addizzjonali li jirriżultaw mill-ħsara (jiġifieri kura u assistenza, trattament temporanju u permanenti, fiżjoterapija edukattiva fit-tul, adattament tal-akkomodazzjoni, għajnuniet speċjali, eċċ) -kostijiet oħra essenzjali huma koperti.
  • korriment b’konsegwenzi permanenti (eż. invalidità u diżabbiltajiet permanenti oħra)
    • telf ta’ qligħ matul it-trattament mediku u wara (inkluż telf ta’ qligħ u telf tal-ħila għal qligħ jew tnaqqis tal-manteniment, eċċ) - it-telf ta’ qligħ huwa kopert għal mhux iktar minn EUR 150 kuljum.
    • telf ta’ opportunità - meta jiġi determinat il-kumpens, tista’ tingħata wkoll kunsiderazzjoni f’ċirkostanzi speċjali lill-iżvilupp potenzjali fil-qligħ tal-applikant (pereżempju fil-każ li persuna tkorri ta’ età żgħira).
    • l-ispejjeż relatati mal-proċeduri legali relatati mal-inċident li jikkawża l-ħsara (bħat-tariffi legali, il-kostijiet tal-qorti) - jista’ jingħata kumpens raġonevoli għall-kostijiet legali jekk il-kawża għall-kumpens tkun instemgħet minn qorti u inti tkun ġarrabt ħsara oħra li teħtieġ tiġi kumpensata.
    • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li jiġrilha l-ħsara - effetti personali normali (eż. nuċċalijiet, arloġġ tal-id u telefon personali) li jiġrilhom il-ħsara flimkien ma’ ħsara fuq il-persuna huma koperti.
      • f’każijiet oħra, il-kumpens għall-ħsara lill-oġġetti u lil proprjetà oħra jitħallas biss f’ċirkostanzi speċjali.

– Ħsara psikoloġika (morali):

  • uġigħ u tbatija tal-vittma - koperti.
    • problemi psikoloġiċi temporanji
    • tbatija mentali, jekk il-ħsara kienet ikkawżata
      • fil-każ ta' reat sesswali
      • fil-każ ta' reati oħra kontra l-libertà
      • fil-każ ta' reat li kiser l-integrità personali tal-vittma b’mod partikolarment sever

b) Għal persuni jew qraba tal-vittma li huma intitolati:

– Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • il-kostijiet tal-funeral - il-kostijiet tal-funeral bħal dawk għax-xiri tat-tebut, il-qabar u l-lapida u għall-organizzazzjoni ta’ avveniment kommemorattiv huma koperti. Bħala qarib partikolarment viċin, inti tista’ tingħata wkoll kumpens għall-kostijiet għall-parteċipazzjoni fil-funeral (il-kost tal-ivvjaġġar għall-funeral, l-arranġamenti tal-fjuri u l-ħwejjeġ tal-vistu).
  • il-kostijiet mediċi (eż terapija għal membru tal-familja, trattament ambulanti u fl-isptar, riabilitazzjoni) - jekk il-mewt ta’ qarib jikkawżalek ħsara fuq il-persuna, inti tista’ titħallas kumpens għall-kostijiet mediċi li jkollok bħala riżultat ta’ dik il-ħsara, kif ukoll għal kostijiet oħra essenzjali u t-telf ta’ qligħ. Hemm limitu stabbilit għall-kumpens, li huwa ammont massimu ta’ EUR 6 000 (fl-2018).
  • telf tal-manteniment jew ta’ opportunità - jekk inti kont dipendenti fuq il-mejjet, inti tista’ titħallas kumpens għat-telf tal-manteniment.

– Ħsara psikoloġika:

  • uġigħ u tbatija tal-qraba jew persuni intitolati/kumpens għas-superstiti jekk il-vittma tmut - ma jitħallas l-ebda kumpens għall-qraba ta’ vittma ta’ reat għal problemi temporanji jew diqa’ mentali.

Il-kumpens jitħallas f’somma f’daqqa jew f’pagamenti ta’ kull xahar?

Il-kumpens ġeneralment jitħallas bħala somma f’daqqa, bl-eċċezzjoni ta’ kumpens kontinwu għal telf ta’ qligħ jew it-telf tal-manteniment. Dawn it-tipi ta’ kumpens jitħallsu l-aktar fil-forma ta’ pagamenti ripetuti, ta’ kull xahar.

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ kooperazzjoni tiegħi matul il-proċeduri għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

L-ammont tal-kumpens li jingħata jista’ jiġi mnaqqas jekk inti tkun ikkontribwixxejt għall-kawża tal-ħsara minħabba l-azzjonijiet tiegħek stess. Pereżempju, jista’ jkun hemm tnaqqis jekk inti bdejt ġlieda li rriżultat fil-korriment tiegħek. Min-naħa l-oħra, kull rekord kriminali li jista’ jkollok mhux se jaffettwa ċ-ċans tiegħek li tingħata kumpens jew l-ammont li tirċievi.

Sabiex tirċievi kumpens, inti trid tibgħat id-dokumenti mitluba mit-Teżor tal-Istat (Valtiokonttori) sabiex il-każ tal-ħsara kriminali tiegħek jista’ jiġi pproċessat. It-talba tiegħek għal kumpens tista’ tiġi miċħuda jekk inti ma tippreżentax l-evidenza meħtieġa.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u / jew l-ammont?

Bħala regola ġenerali, is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek ma taffettwax jekk inti tingħatax kumpens jew l-ammont ta’ kumpens li jitħallas.

Meta d-deċiżjoni tal-kumpens tittieħed, is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek tingħata kunsiderazzjoni biss jekk inti applikajt għal kumpens għal ħsara konsiderevoli fuq oġġetti jew lill-finanzi tiegħek għar-raġunijiet li inti ma stajtx tevita l-ħsara li seħħet.

Hemm xi kriterji oħrajn li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u / jew l-ammont?

Jekk il-każ tal-kumpens jinstema’ l-qorti, il-kumpens ġeneralment jitħallas skont is-sentenza tal-qorti. Jekk it-Teżor tal-Istat jiddevja mis-sentenza li tingħata mill-qorti fil-każ tal-kumpens, inti trid tipprovdi ġustifikazzjoni tar-raġunijiet għat-tali devjazzjoni għalik fid-deċiżjoni tiegħu.

L-awtur tar-reat se jkun obbligat iħallsek il-kumpens ordnat mill-qorti. Id-dritt li tikseb kumpens mill-awtur tar-reat , madankollu, jiġi trasferit lill-Istat sal-limitu li t-Teżor tal-Istat ikun tak kumpens.

Kif se jiġi kkalkulat il-kumpens?

Il-kostijiet mediċi u kostijiet oħra jiġu kkumpensati jekk dawn huma essenzjali u għandhom relazzjoni kawżali mal-ħsara jew il-korriment ikkawżat.

Meta jiġi ddeterminat l-ammont tal-kumpens li jrid jitħallas għal uġigħ u problemi temporanji oħra, tingħata kunsiderazzjoni lin-natura u s-severità tal-ħsara jew tal-korriment ikkawżat lilek kif ukoll lill-prattiki ta’ kumpens li jipprevalu. L-ammont tal-kumpens li jrid jitħallas ma jistax jaqbeż il-limitu massimu definit mil-liġi.

“Tbatija” tfisser in-niket personali kkawżat lilek bħala riżultat ta’ reat. Il-kumpens li jrid jitħallas se jiġi ddeterminat fuq il-bażi tan-natura tal-att inkwistjoni. L-ammont tal-kumpens se jkun soġġett ukoll għal-limiti ta’ kumpens definiti mil-liġi.

Stima tal-qligħ li kieku kont tirċievi kieku ma twettaqx ir-reat tittieħed bħala l-punt tal-bidu għad-determinazzjoni ta’ kwalunkwe telf ta’ qligħ. Kull dħul u benefiċċju li inti tista’ tirċievi jew stajt tirċievi irrispettivament mill-ħsara jew korriment jitnaqqsu minn dak l-ammont. L-ammont tal-kumpens li jrid jitħallas ma jistax jaqbeż l-ammont massimu ta’ kuljum definit mil-liġi.

Isir tnaqqis bażiku mill-ammont totali tal-kumpens li jrid jingħata għall-problemi u t-tbatija. L-ammont tat-tnaqqis bażiku huwa ta’ EUR 220 għal reat imwettaq fl-2018.

L-ebda imgħax ma jitħallas fuq il-kumpens mogħti.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Ma hemm l-ebda ammont minimu li jista’ jingħata.

L-ammont totali tal-kumpens li inti tista’ titħallas għal korriment u tbatija personali kkawżati minn reat huwa mhux iktar minn EUR 61 500. Barra dan:

  • il-kumpens li jitħallas għal uġigħ u problemi oħra temporanji ma jistax ikun iktar minn EUR 12 000.
  • il-kumpens massimu li jitħallas għat-tbatija huwa ta’ EUR 3 600; madankollu, il-kumpens massimu li jitħallas għat-tbatija ta’ vittmi ta’ reat sesswali huwa ta’ EUR 9 500, jew EUR 16 200 jekk il-vittma jkollha inqas minn tmintax-il sena meta jitwettaq ir-reat;
  • il-kumpens li jrid jitħallas lil qarib ta’ mejjet ġeneralment mhuwiex iktar minn EUR 6 000;
  • il-kumpens li jitħallas għat-telf ta’ qligħ ma jistax ikun iktar minn EUR 150 kuljum.

Il-kumpens massimu għal kull korriment jew ħsara ma japplikax għall-kumpens għal telf ta’ qligħ jew tal-manteniment meta dak il-kumpens jitħallas fuq bażi kontinwa.

L-ammont massimu ta’ kumpens għal ħsara lill-proprjetà u dannu finanzjarju huwa ta’ EUR 31 000.

L-ammonti massimi ta’ kumpens li jitħallsu lill-vittmi ta’ reati u l-ammont tat-tnaqqis bażiku jiġu kkontrollati f’intervalli ta’ tliet snin. L-ammonti jmisshom jerġgħu jiġu kkontrollati fil-bidu tal-2021.

Fil-formola tat-talba jiena mistenni nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

L-ammont tal-kumpens mogħti ma jistax ikun iktar mill-ammont li titlob. Inti tista’ titlob kumpens raġonevoli fejn dan huwa meħtieġ. Inti tista’ wkoll tirreferi għall-ammonti kkonfermati fis-sentenza tal-qorti li tifforma l-bażi għat-talba għal kumpens tiegħek.

Fejn meħtieġ, inti tista’ tikseb parir dwar il-każ ta’ ħsara kriminali tiegħek mit-tim tas-servizz għall-klijenti tagħna u mill-persuna li qed tipproċessa t-talba għal kumpens tiegħek.

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telf tiegħi minn sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew waħda mħallsa mill-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Il-kumpens li jitħallas mill-fondi pubbliċi huwa sekondarju. Dan ifisser li għall-ewwel inti trid tapplika għal kumpens x’imkien ieħor, pereżempju mill-polza tal-assigurazzjoni tas-saħħa u l-kumpanija tal-assigurazzjoni tiegħek. Dan il-kumpens se jitnaqqas mill-kumpens li se jingħata lilek.

Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Inti tista’ tissottometti applikazzjoni bil-miktub għal pagament tal-kumpens bil-quddiem fejn dan huwa meħtieġ. Pagament tal-kumpens bil-quddiem jista’ jsir jekk l-ipproċessar tal-każ tal-kumpens tiegħek jiġi mdewwem għal raġunijiet lil hinn mill-kontroll tiegħek u inti tkun intitolat/a għal ammont sinifikanti ta’ kumpens.

Nista’ nikseb kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara pereżempju tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni prinċipali?

It-Teżor tal-Istat se jerġa’ jeżamina l-każ jekk toħroġ xi evidenza ġdida. Inti tista’ tingħata kumpens li kien miċħud preċedentement, jew ammont ikbar ta’ kumpens, fuq il-bażi tal-evidenza l-ġdida.

Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

Pereżempju:

  • Prokura valida, jekk ir-rappreżentant legali mhuwiex konsulent legali jew avukat. Prokura personali hija wkoll meħtieġa jekk inti trid li l-kumpens li huwa dovut lilek, bħala l-applikant, jitħallas lil ħaddieħor differenti minnek;
  • Evidenza tal-ispejjeż tad-dfin mitluba, u att ta’ inventarju ta’ proprjetà u prokuri fejn dan huwa meħtieġ;
  • Kopja tas-sentenza tal-qorti, jew kopja tar-rekord tal-pulizija tal-investigazzjoni preliminari jekk ma hemmx sentenza;
  • Dikjarazzjoni jew rapport mediku ta’ tabib;
  • Evidenza tal-kostijiet kollha mitluba, jekk il-każ għadu ma nstemax minn qorti;
  • Jekk qed issir talba għal telf ta’ qligħ, dikjarazzjoni ta’ tabib li tattesta l-inkapaċità tiegħek għax-xogħol, kopja tad-deċiżjoni tal-allowance għall-mard, u evidenza tas-salarju mħallas mill-impjegatur u l-ammont ta’ qligħ mitluf;
  • Kull deċiżjoni u evidenza ta’ kumpens riċevut minn polza tal-assigurazzjoni tas-saħħa, kumpanija tal-assigurazzjoni jew xi ħaġa oħra;
  • Jekk qed issir talba għal spejjeż legali, il-kalkolu tal-paga tal-avukat u kwalunkwe deċiżjoni ta’ kumpens mill-kumpanija tal-assigurazzjoni;
  • Jekk qed issir talba għall-kostijiet tal-applikazzjoni, il-fattura tal-avukat u evidenza tal-għajnuna legali mogħtija jew il-konsulent legali assenjat;
  • Jekk qed issir talba għal dannu finanzjarju u ħsara lill-proprjetà li jridu jiġu kumpensati fuq bażi diskrezjonarja, evidenza tal-marda, korriment jew inkapaċitazzjoni oħra u ċ-ċirkostanzi finanzjarji soffruti bħala riżultat tal-ħsara.

Hemm xi spejjeż amministrattivi jew spejjeż oħrajn li jridu jitħallsu meta t-talba tasal u tiġi pproċessata?

Inti mhux se tiġi mitlub tħallas kwalunkwe tariffa għall-ipproċessar tal-każ ta’ kumpens tiegħek.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

It-talba għal kumpens tiegħek se tiġi pproċessata mit-Teżor tal-Istat.

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

Inti tista’ jew tibgħat it-talba tiegħek b’mod elettroniku lil Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidarikosvahingot@valtiokonttori.fi jew tistampa l-formola u tibgħata bil-posta lil:

State Treasury

P.O. Box 50

00054 State Treasury, Finland

Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u / jew meta t-talba tiegħi tkun qed tiġi deċiża?

Il-każ se jiġi pproċessat mit-Teżor tal-Istat bil-miktub. Inti mhux ser tintalab tidher personalment matul kwalunkwe stadju tal-proċess.

Kemm indum nistenna (bejn wieħed u ieħor) biex nirċievi deċiżjoni dwar talba għal kumpens mill-awtorità?

Iż-żmien għall-ipproċessar medju huwa ta’ madwar seba’ xhur. Inti tista' ssib stima aġġornata taż-żminijiet għall-ipproċessar fuq il-website tat-Teżor tal-Istat.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Inti tista’ tappella bil-miktub lill-Qorti tal-Assigurazzjoni (Vakuutusoikeus) kontra deċiżjoni dwar kumpens li tkun irċevejt fi żmien 30 jum mid-data li fiha sirt taf dwar id-deċiżjoni. Il-linji gwida dwar kif tista’ tappella huma mehmużin mad-deċiżjoni dwar il-kumpens tat-Teżor tal-Istat.

Fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif nagħmel it-talba?

Inti tista’ ssib il-formola biex titlob kumpens u iktar informazzjoni dwar kif tagħmel it-talba fuq is-sit web tat-Teżor tal-Istat fuq Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.valtiokonttori.fi/en/frontpage/. Inti tista’ wkoll tikkuntattja lit-tim tas-servizz għall-klijenti tagħna fuq +358 295 50 2736 or e-mail Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidarikosvahingot@valtiokonttori.fi.

Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

Inti tista’ ssib iktar informazzjoni dwar il-kumpens għal ħsara kriminali fuq Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.valtiokonttori.fi/en/frontpage/. Jekk ikollok bżonn tista’ wkoll iċċempel lit-Teżor tal-Istat. Inti tista’ tingħata għajnuna billi ċċempel +358 295 50 2736.

Nista’ nikseb għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

Jekk tixtieq inti tista’ tuża avukat biex titlob għall-kumpens. Madankollu, tista’ titħallas kumpens biss għall-kostijiet li jirriżultaw mit-talba għall-kumpens jekk:

  • inti ngħatajt għajnuna legali jew ġejt assenjat konsulent legali għas-smigħ tal-każ minn qorti; jew
  • il-każ ma jkunx instema minn qorti iżda inti tissodisfa r-rekwiżiti finanzjarji biex tikseb għajnuna legali.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Inti tista’ tingħata parir u appoġġ minn Appoġġ għall-Vittmi Finlandja (Rikosuhripäivystys) (RIKU), pereżempju. Inti tista’ ssib id-dettalji tal-kuntatt ta’ din l-organizzazzjoni fuq is-sit web tagħna fuq Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.riku.fi/en/home/


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 12/03/2019