Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż

Franza

Il-kontenut ipprovdut minn
Franza

Liema tip ta’ reat nista’ nikseb kumpens għalih?

L-applikant irid juri li d-dannu mġarrab huwa r-riżultat ta’ fatti, volontarji jew xort’oħra, li jistgħu jikkostitwixxu reat kontra proprjetà jew persuni. Għaldaqstant, jista’ jinkiseb kumpens għal atti volontarji u mġiba ħażina jew negliġenti, kemm jekk min wettaq ir-reat ikun magħruf kif ukoll jekk le.

F’każ ta’ dannu għall-proprjetà, il-fatt irid jiġi kkwalifikat bħala serq, frodi, abbuż ta’ fiduċja, estorsjoni ta’ flus jew qerda, degradazzjoni jew deterjorament ta’ proprjetà.

Barra minn hekk, f'dak li jirrigwarda d-danni li jirriżultaw minn atti terroristiċi, minn inċidenti tat-traffiku li jseħħu fit-territorju Franċiż, inċidenti tal-kaċċa, minn espożizzjoni għall-asbestos, mill-qerda ta’ vettura min-nar, jeżistu mekkaniżmi ta’ kumpens speċifiċi.

Liema tip ta’ korriment nista’ nikseb kumpens għalih?

Tista’ tikseb kumpens sħiħ għad-danni li jirriżultaw minn korriment serju personali:

  • jekk kont vittma ta’ fatt li rriżulta f’diżabbiltà permanenti jew f’inkapaċità totali għax-xogħol ta’ xahar jew aktar, ta’ stupru, attakk sesswali, attakk sesswali fuq minuri, traffikar tal-bnedmin, ta’ skjavitù, ta’ xogħol furzat;
  • jew membru tal-familja tiegħek miet kawża ta’ dawn il-fatti.

Tista’ tikseb kumpens soġġett għal ċerti kundizzjonijiet u limitat sa ammont massimu jekk sofrejt korriment personali inqas serju jew reat kontra l-proprjetà:

  • korriment fiżiku li rriżulta f’inkapaċità totali għax-xogħol ta’ inqas minn xahar;
  • jew dannu materjali li jirriżulta minn fatti kkwalifikati bħala serq, frodi, abbuż ta’ fiduċja, estorsjoni ta’ flus jew qerda, degradazzjoni jew deterjorament ta’ proprjetà.

Nista’ nikseb kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet b’riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens?

Iva, tista’ tikseb kumpens jekk inti membru tal-familja ta’ vittma u sofrejt dannu personali dovut għal dan ir-reat.

Il-kumpens jista’ jingħata lill-axxendenti (ġenituri, nanniet), lid-dixxendenti (tfal, neputijiet), lill-konjuġi, kif ukoll lill-kollaterali (aħwa) jew lil kull persuna li tista’ tagħti prova ta’ relazzjoni personali mal-vittma.

Nista' ningħata kumpens jekk jien membru tal-familja jew persuna dipendenti ta' vittma li tkun baqgħet ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens f’dan il-każ?

Iva, tista’ tikseb kumpens jekk inti membru tal-familja ta’ vittma u sofrejt dannu personali dovut għal dan ir-reat.

Il-kumpens jista’ jingħata lill-axxendenti (ġenituri, nanniet), lid-dixxendenti (tfal, neputijiet), lill-konjuġi, kif ukoll lill-kollaterali (aħwa) jew lil kull persuna li tista’ tagħti prova ta’ relazzjoni personali mal-vittma.

Nista’ nikseb kumpens jekk m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Iva, tista’ tingħata kumpens jekk m’intix ċittadin ta’ pajjiż tal-UE, sakemm il-fatti jkunu seħħew fit-territorju Franċiż.

Nista’ nitlob kumpens minn dan il-pajjiż jekk ngħix hawn jew niġi minn hawnhekk (dan hu l-pajjiż ta’ residenza tiegħi jew tan-nazzjonalità) anki jekk l-att kriminali sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista' nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, b'liema kundizzjonijiet?

Iva, tista’ tingħata kumpens bil-kundizzjonijiet tas-soltu jekk inti ċittadin Franċiż imma r-reat sar f’pajjiż ieħor.

Min-naħa l-oħra, ma tistax tingħata kumpens minn organizzazzjoni ta’ kumpens Franċiża jekk inti barrani u l-fatti seħħew f’pajjiż ieħor.

Għandi nkun irrapportajt ir-reat lill-pulizija qabel ikun nista’ nitlob kumpens?

Le, mhuwiex obbligatorju li tressaq ilment lill-pulizija minn qabel biex titlob kumpens.

Madankollu, it-talba trid tinkludi l-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni tal-applikazzjoni. Din għandha tkun akkumpanjata minn provi dokumentati li jindikaw b’mod partikolari d-data, il-post u ċ-ċirkustanzi tar-reat (l-irċevuta tal-preżentata tal-ilment, kwalunkwe dokument tal-proċedura kriminali, eċċ.).

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċeduri kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

Le, mhemmx għalfejn tistenna li tintemm l-investigazzjoni tal-pulizija jew il-proċedura ġudizzjarja biex tagħmel it-talba tiegħek.

Għandi għalfejn l-ewwel nitlob kumpens mingħand min wettaq ir-reat - jekk ikunu ġew identifikati?

Le, mhemmx għalfejn l-ewwel titlob kumpens mingħand min wettaq ir-reat u jkun ġie identifikat f’każ ta’ korriment serju presonali (Ara 1.2).

F’każ ta’ korriment inqas serju personali jew dannu għall-proprjetà (Ara 1.2), għandu jiġu ppruvat li dak li ġie identifikat bħala li wettaq ir-reat huwa insolventi jew ma jistax iħallas id-dannu kollu. B’mod aktar ġenerali trid tiġġustifika li ma tistax tikseb kumpens effettiv u suffiċjenti għad-dannu tiegħek minn kumpanija tal-assigurazzjoni jew minn kwalunkwe debitur ieħor.

Jekk dak li wettaq ir-reat ma ġiex identifikat jew ma nstabx ħati, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex nappoġġa t-talba tiegħi?

Tista’ tingħata kumpens anki jekk min wettaq ir-reat mhuwiex magħruf jew ma nstabx ħati, sakemm jeżisti r-reat.

Madankollu, it-talba trid tinkludi l-informazzjoni meħtieġa għall-investigazzjoni tal-applikazzjoni. Din għandha tkun akkumpanjata minn provi dokumentati li jindikaw b’mod partikolari d-data, il-post u ċ-ċirkustanzi tar-reat (l-irċevuta tal-preżentata tal-ilment, kwalunkwe dokument tal-proċedura kriminali, eċċ.).

Hemm limitu ta’ żmien li fih nista’ nitlob kumpens?

Għandek tliet snin żmien mid-data tar-reat biex titlob kumpens. Dan jiġi estiż b’sena mid-data tal-aħħar deċiżjoni kriminali.

Jekk min wettaq ir-reat jiġi kkundannat għad-danni, iż-żmien jibda jiddekorri mill-avviż mogħti lill-vittma mill-qorti kriminali. Jekk min wettaq ir-reat jiġi kkundannat għad-danni, iż-żmien jibda jiddekorri mill-avviż mogħti mill-qorti.

F’każ li l-iskadenza tinqabeż, tista’ titqies raġuni leġittima mogħtija mill-vittma jew mis-suċċessuri tagħha.

Liema telf u spejjeż jiġu koperti bil-kumpens?

Pereżempju, il-kumpens ser ikopri:

a) għall-vittma tar-reat:

- danni materjali (mhux psikoloġiċi):

  • spejjeż mediċi ta’ korriment (trattament mediku - kura fl-isptar u kura ambulatorja, irkupru)
    Il-vittma diretta tal-korriment fiżiku tista’ tiġi kkumpensata tal-ispejjeż kollha tal-isptar, l-ispejjeż mediċi, paramediċi u farmaċewtiċi kollha (infermiera, fiżjoterapija, kura tal-għajnejn, terapija tad-diskors, eċċ.), liema spejjeż jitħallsu fil-parti l-kbira tagħhom mill-aġenziji soċjali.
    L-ispejjeż tas-saħħa futuri, li huma medikament prevedibbli u li jkunu meħtieġa minħabba l-kundizzjoni patoloġika tal-vittma wara li tirkupra saħħitha, ukoll jistgħu jiġu kkunsidrati.
  • ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn korriment (jiġifieri l-kura u l-assistenza, trattament temporanju jew permanenti, edukazzjoni fiżjoterapewtika fit-tul, adattament tad-djar, għajnuniet speċjali eċċ.)
    L-ispejjeż tal-adattament tad-dar, tal-vettura u l-ispejjeż relatati mal-assistenza permanenti ta’ persuna terza jista’ jkunu kkumpensati.
    Jistgħu jitqiesu wkoll spejjeż mixxellanji relatati mal-konsegwenzi tal-korriment: spejjeż għall-indukrar tat-tfal, ta’ tindif tad-dar, ta’ trasport…
  • korrimenti irreversibbli (eż. invalidità u tipi oħra ta’ diżabbiltà permanenti
    In-nuqqas permanenti tal-funzjonijiet jikkumpensa l-konsegwenzi tal-ħsara li jibqgħu wara li wieħed jirkupra saħħtu: indeboliment tal-funzjonijiet fiżjoloġiċi, uġigħ permanenti, telf tal-kwalità tal-ħajja, telf tal-awtonomija… Meta dan jiġi kkonstatat, jista’ jiġi definit b’rata ta’ nuqqas funzjonali.
    • telf ta’ qligħ matul it-trattament mediku u wara (inkluż qligħ mitluf u telf ta’ kapaċità jew kapaċità mnaqqsa ta’ qligħ tal-għixien jew manutenzjoni mnaqqsa, eċċ.)
      Huma kkumpensati t-telf tal-qligħ professjonali kkonstatat, it-telf tal-qligħ professjonali futur, u l-impatt fuq l-impjieg: id-deprezzament fis-suq tax-xogħol, it-telf tal-opportunità professjonali, iż-żieda tad-diffikultajiet, l-obbligu ta’ taħriġ pofessjonali mill-ġdid…Id-dannu relatat mat-tagħlim fl-iskola, fl-università u mat-taħriġ jista’ wkoll jiġi vvalutat.
    • it-telf ta’ opportunità professjonali
    • nefqiet relatati ma’ proċeduri legali relatati mal-inċident li kkawża d-dannu, bħal ħlasijiet legali, spejjeż tal-qorti)
    • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li sarilha l-ħsara
    • oħrajn

It-telf tal-opportunità professjonali jista’ jiġi kkumpensat bħala parti mill-impatt professjonali (Ara l-punt preċedenti).

L-ispejjeż proċedurali relatati mar-reat mhumiex koperti mill-kumpens innifsu. Madankollu, tista’ tingħata għajnuna legali biex wieħed jibbenefika minn ħlas totali jew parzjali mill-Istat tal-miżati u l-ispejjeż legali mġarrba matul il-proċeduri minn persuni b’riżorsi limitati. Din tingħata mingħajr kundizzjonijiet ta’ riżorsi għar-reati l-aktar serji (Ara l-lista Artikolu 9-2 tal-Liġi Nru° 91-647 tal-10 ta’ Lulju 1991 dwar l-għajnuna legali).

Fil-prinċipju, id-dannu materjali mhuwiex ikkumpensat għall-korrimenti personali. Rigward id-dannu għall-proprjetà għar-reati msemmija qabel (Ara 1.2), il-kumpens huwa limitat għal € 4 575 (limitu ffissat mis-16 ta’ Jannar 2018) taħt xi kundizzjonijiet.

- dannu psikoloġiku (morali):

  • uġigħ u tbatija tal-vittma

Fid-dannu tiġi kkunsidrata t-tbatija kollha mġarrba it-tbatija fiżika u psikoloġika kollha kif ukoll disturbi assoċjati mill-ġurnata tal-fatti sa dik tal-irkupru tas-saħħa. Malli s-saħħa tiġi rkuprata, it-tbatija li tippersisti tiġi kkumpensata bħala nuqqas permanenti tal-funzjonijiet.

It-telf tal-opportunità fuq livell personali jista’ jitqies fid-dannu għall-istabbiliment, li jkopri t-telf tat-tama jew tal-opportunità ta’ twettiq ta’ pjan tal-ħajja tal-familja.

Id-dannu estetiku jippermetti li jitqiesu l-konsegwenzi personali ta' bidla fid-dehra fiżika.

It-telf ta' kumdità, maħsub biex ipatti għall-impossibbiltà ta’ persuna li terġa’ tibda attività sportiva jew rikreattiva, jista’ wkoll jiġi evalwat.

b) għas-suċċessuri jew għall-qraba tal-vittma:

- danni materjali (mhux psikoloġiċi):

  • spejjeż funerarji

L-ispejjeż funerarji u tad-difna jiġu mħallsa.

  • spejjeż mediċi (pereż. terapija għal membru tal-familja, trattament ambulanti u tal-isptar, riabilitazzjoni)

Il-parti l-kbira tal-ispejjeż mediċi, inklużi għall-qraba, normalment jitħallsu mill-aġenziji soċjali. Ir-riperkussjoni patoloġika titqies mod ieħor fid-dannu għar-rabta affettiva (Ara aktar ’il fuq).

  • telf ta’ manteniment jew ta’ opportunità

It-telf jew it-tnaqqis tad-dħul li jaffettwaw lill-qraba tal-vittma, minħabba l-mewt jew id-diżabbiltà tagħha, jistgħu jkunu kkumpensati, b’mod partikolari meta jkunu obbligati li jkunu kontinwament preżenti magħha u jitilqu xogħlhom temporanjament.

- dannu psikoloġiku:

  • uġigħ u t-tbatija ta’ qraba jew ta’ persuni intitolati/kumpens lis-superstiti jekk il-vittma mietet

Id-dannu għar-rabta affettiva jikkumpensa d-dannu morali mġarrab mill-qraba wara l-mewt tal-vittma jew meta jaraw l-uġigħ u t-tbatija tal-vittma diretta meta din ikollha diżabbiltà serja.

Il-kumpens jitħallas f’pagament wieħed jew f’pagamenti mensili?

L-ammont jista’ jitħallas f’darba jew f’forma ta’ annwalità. Jistgħu jsiru xi ħlasijiet ukoll waqt il-proċedura qabel il-kumpens finali.

B’liema mod tista’ l-imġiba tiegħi stess fir-rigward tar-reat, il-kondotta tiegħi jew nuqqas ta’ kooperazzjoni matul il-proċeduri ta’ kumpens jaffettwaw il-possibbiltà li nieħu kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

It-tort tal-vittma jista’ jiġġustifika l-esklużjoni jew it-tnaqqis tal-kumpens, pereżempju, f’każ ta’ insulti, parteċipazzjoni fi ġlieda jew f’attività kriminali. It-tort huwa invokabbli kontra s-suċċessuri tal-vittma mejta.

Madankollu, l-eżistenza ta’ rekord kriminali tal-vittma hija irrilevanti.

Matul il-proċedura ta’ kumpens, it-talba tiegħek għandha tinkludi l-informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni tagħha u l-provi dokumentati meħtieġa. Ikun jeħtieġ li tipprovdi dawk li jistgħu jintalbu aktar tard u li tipparteċipa fi kwalunkwe perizja meħtieġa.

B’liema mod tista’ s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi taffettwa l-possibbiltà li nieħu kumpens u/jew l-ammont?

  • Korriment serju lill-persuna (Ara 1.2)

Is-sitwazzjoni finanzjarja mhijiex ikkunsidrata u tista’ tikseb kumpens sħiħ għad-dannu li jirriżulta mill-ħsara li tkun saritlek.

Madankollu jiġu kkunsidrati l-provvedimenti mħallsa mill-aġenziji soċjali, assoċjazzjonijiet mutwi u tal-assigurazzjoni.

  • Korriment inqas serju jew dannu lill-proprjetà (Ara 1.2)

Is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħek titqies fi tliet livelli peress li jeħtieġ li:

  • ikollok riżorsi annwali ta’ inqas minn €18 300 (għar-riżorsi tal-2017) li magħhom huma inklużi pagamenti addizzjonali għad-dipendenti (dixxendenti, axxendenti).
  • ma tistax tikseb kumpens effettiv u suffiċjenti għad-dannu tiegħek minn kumpanija tal-assigurazzjoni jew minn kwalunkwe debitur ieħor;
  • tiġġustifika li tinsab f’sitwazzjoni materjali jew psikoloġika serja minħabba r-reat.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà li nieħu kumpens u/jew l-ammont?

Le

Kif jiġi kkalkolat il-kumpens?

Għad-danni serji lill-persuna, il-prinċipju huwa dak tal-kumpens sħiħ. Il-kumpens jiġi kkalkulat billi jitqies kull element tad-dannu.

Il-kalkolu jsir fuq bażi ta’ każ b’każ skont is-sitwazzjoni personali ta’ kull vittma u tal-provi dokumentati prodotti, billi għal ċerti elementi tad-dannu jiġu kkunsidrati skali indikattivi.

Il-kalkolu tal-kumpens għan-nuqqas permanenti tal-funzjonijiet jista’ jkun ibbażat pereżempju fuq skala indikattiva skont ir-rata ta’ nuqqas determinat mit-tabib u l-età tal-vittma.

Hemm xi limiti minimi/ammont massimu li jista’ jingħata?

Mhemmx minimu.

Mhemmx massimu għad-danni serji lill-persuna (Ara 1.2).

Rigward id-danni inqas serji jew danni għall-proprjetà (Ara 1.2), il-kumpens huwa limitat għal ammont massimu ffissat għal € 4 575 (ammont massimu mis-16 ta’ Jannar 2018).

Jien mistenni li nikkwota l-ammont fil-formola tat-talba? Jekk iva, nirċievi xi istruzzjonijiet dwar kif għandu jiġi kkalkulat jew dwar aspetti oħra?

Iva, il-formola tat-talba għall-kumpens għandha tinkludi l-ammont mitlub. Madankollu, dan l-ammont huwa wieħed globali. Avukat jew assoċjazzjoni li tgħin lill-vittmi jistgħu jgħinuk tistabbilixxih.

Jekk nirċievi xi kumpens għat-telf minn sorsi oħra (pereżempju mill-iskema ta' assigurazzjoni ta' min iħaddimni jew skema ta’ assigurazzjoni privata), dan jista' jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità / entità?

Jiġu kkunsidrati l-provvedimenti mħallsa mill-aġenziji soċjali, assoċjazzjonijiet mutwi u tal-assigurazzjoni...

Nista’ nieħu ħlas bil-quddiem mill-kumpens? Jekk iva, b'liema kundizzjonijiet?

Iva, tista’ titlob ħlas bil-quddiem mill-kumpens (provvediment) f’kull ħin qabel il-proċedura.

Nista’ nikseb kumpens kumplimentari jew addizzjonali (eż. wara bidla fiċ-ċirkostanzi jew saħħa li tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni prinċipali?

Iva, tista' tressaq talba oħra għall-kumpens f'każ li d-dannu li sofrejt jaggrava jew minħabba kwalunkwe raġuni oħra leġittima li tiġġustifika.

X’dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

It-talba tal-applikant, indirizzata lir-reġistru tal-Kummissjoni għall-Kumpens tal-Vittmi tal-Kriminalità (commission d’indemnisation des victimes d’infractions - CIVI) tal-Qorti tal-Prim'Istanza kkonċernata, għandha tinkludi l-informazzjoni kollha utli għall-investigazzjoni tat-talba. Din għandha tkun akkumpanjata minn provi dokumentati, li jindikaw b'mod partikolari:

  • l-ismijiet, il-kunjom, id-data u l-post tat-twelid, l-impjieg, in-nazzjonalità u l-indirizz tal-applikant (ehmeż kopja tal-karta tal-identità nazzjonali, tal-karta ta' residenza, tal-passaport, eċċ.),
  • ir-relazzjoni mal-vittma (ehmeż kopja tal-ktieb tal-familja, dokument notarili, eċċ.),
  • id-data, il-post u ċ-ċirkustanzi tar-reat (ehmeż l-irċevuta tal-preżentata tal-ilment, kwalunkwe dokument tal-proċedura kriminali, eċċ.),
  • il-qorti li eventwalment qatgħet is-sentenza kontra min wettaq ir-reat (ehmeż kopja tas-sentenza),
  • it-tip ta' korriment, it-tul ta' żmien ta' waqfien mix-xogħol u l-effetti eventwali (ehmeż ċertifikati mediċi, ċertifikati ta' waqfien mix-xogħol, rapport tat-tabib),
  • l-organizzazzjonijiet soċjali pubbliċi jew privati li taħthom jaqa' l-applikant u li jistgħu jintervjenu (ehmeż kopja tal-karta tas-sigurtà soċjali),
  • it-talbiet bonarji ppreżentati u l-azzjonijiet legali diġà meħuda, kif ukoll is-somom diġà mħallsa lill-applikant (ehmeż il-provi tal-indennizzi ta' kuljum, tal-pensjoni, tal-annwalità, tal-ħlasijiet mingħand min wettaq ir-reat, mingħand l-assiguratur, eċċ.),
  • l-ammont tal-kumpens mitlub quddiem is-CIVI,
  • kont bankarju tal-applikant,
  • id-dokumenti ta' sostenn skont it-talbiet.

Meta t-talba għall-kumpens tirrigwarda l-kumpens għal danni inqas serji lill-persuna jew tal-ħsara materjali li tirriżulta minn serq, frodi, ksur tal-fiduċja, estorsjoni ta' fondi jew mill-qerda, id-degradazzjoni jew id-deterjorament ta' proprjetà, it-talba għandha tinkludi wkoll:

  • indikazzjoni tal-ammont tar-riżorsi tal-applikant (ehmeż l-avviż tat-taxxa tas-sena ta' qabel ir-reat u tas-sena ta' qabel il-preżentata tal-applikazzjoni),
  • il-provi li jistabbilixxu l-impossibbiltà li jinkiseb kumpens effettiv u suffiċjenti mod ieħor,
  • id-deskrizzjoni tas-sitwazzjoni materjali jew psikoloġika serja li rriżultat mir-reat.

Hemm imposti amministrattivi jew oħrajn li għandhom jitħallsu meta t-talba tiġi riċevuta u pproċessata?

Mhemmx spejjeż. L-assistenza jew ir-rappreżentanza ta' avukat mhijiex obbligatorja. Il-miżati tal-avukat jitħallsu minnek sakemm ma tibbenefikax mill-għajnuna legali fid-dritt jew taħt xi kundizzjonijiet. L-ispejjeż sostnuti matul il-proċedura quddiem il-Kummissjoni għall-Kumpens tal-Vittmi tal-Kriminalità (CIVI) huma koperti mill-ispejjeż tal-qorti u jitħallsu mill-Istat.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet ta’ kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Il-Kummissjonijiet għall-Kumpens tal-Vittmi tal-Kriminalità (CIVI) jiddeċiedu dwar il-kumpens lill-vittmi. Il-kumpens stabbilit mis-CIVI jitħallas mill-Fond ta' Garanzija għal-Atti ta' Terroriżmu u Reati Oħra (Fonds de Garantie des actes de terrorisme et d’autres infractions - FGTI).

F'dak li jirrigwarda t-terroriżmu, il-Fond ta' Garanzija għal Atti ta' Terroriżmu u Reati Oħra(FGTI) jikkumpensa direttament lill-vittmi li jitolbuh, taħt is-superviżjoni tal-qorti (Qorti Reġjonali - TGI) li tista' tiġi adita f'każ ta' nuqqas ta' qbil.

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

F'kull qorti reġjonali (TGI), il-Kummissjoni għall-Kumpens tal-Vittmi tal-Kriminalità (CIVI) tiddeċiedi dwar it-talbiet ta' kumpens ippreżentati mill-vittmi ta' reati jew mill-persuni intitolati.

Is-CIVI kompetenti hija dik tad-domiċilju tiegħek jew dik tal-post tal-qorti kriminali adita bir-reat meta jkun il-każ (Direttorju). Inkella, dik tal-qorti reġjonali ta' Pariġi hija kompetenti jekk inti Franċiż residenti barra l-pajjiż u l-fatti seħħew barra l-pajjiż:

Tribunal de Grande Instance de Paris
4 Boulevard du Palais
75055 PARIS CEDEX 01 –Franza

F'dak li jirrigwarda t-terroriżmu, it-talbiet għandhom jiġu indirizzati direttament lill-Fond ta' Garanzija għal Atti ta' Terroriżmu u Reati Oħra (FGTI):

64, rue Defrance
94682 Vincennes Cedex – Franza

Għandi bżonn inkun preżenti matul il-proċedura u / jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?

Ma għandekx bżonn tkun preżenti matul il-proċedura jew waqt is-seduta.

Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) biex l-awtorità tiddeċiedi dwar talba għal kumpens?

It-talba tintbagħat malajr kemm jista' jkun mir-reġistru tas-CIVI lill-Fond ta' Garanzija.

Il-Fond ta' Garanzija jrid jippreżenta offerta lill-vittma fi żmien xahrejn minn meta jirċievi l-fajl komplut mibgħut mir-reġistru tas-CIVI.

Jekk il-vittma taċċetta l-offerta, ir-rapport tal-ftehim jintbagħat lill-President tas-CIVI għall-approvazzjoni. Jekk jiġi approvat, dan ir-rapport jista' jiġi implimentat. Id-deċiżjoni tiġi nnotifikata lill-vittma u lill-Fond ta' Garanzija li jieħu ħsieb il-ħlas.

F'każ ta' rifjut raġunat mill-Fond ta' Garanzija, ta' rifjut tal-offerta mill-vittma, jew nuqqas ta' tweġiba mingħand il-vittma għall-offerta tal-Fond ta' Garanzija wara xahrejn, il-proċedura tinbidel f'waħda ġudizzjarja: imħallef jeżamina t-talba u jivverifika d-dikjarazzjonijiet u d-dokumenti mressqa.

Il-Prosekutur tar-Repubblika u l-Fond ta' Garanzija jressqu l-kummenti tagħhom sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel is-seduta. L-applikant u l-Fond ta' Garanzija għandhom jiġu msejħa tal-inqas xahrejn qabel.

Wara dibattitu f'seduta mhux pubblika, id-deċiżjoni tal-kumpens jew tar-rifjut mis-CIVI tiġi nnotifikata lill-applikant u lill-Fond ta' Garanzija li jħallas il-kumpens allokat fix-xahar ta' wara dik in-notifika.

F'dak li jirrigwarda t-terroriżmu, il-Fond ta' Garanzija jħallas somma bil-quddiem fix-xahar ta' wara li jirċievi l-fajl komplut, jekk ikun eliġibbli. Il-Fond ta' Garanzija jagħmel offerta ta' kumpens lill-vittma (meta tkun irkuprat l-istat tagħha) jew lill-qraba tal-vittmi mejta fi żmien tliet xhur.

Jekk m’iniex sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Jekk m'intix sodisfatt bid-deċiżjoni tas-CIVI, tista' titlob eżami ġdid mill-Qorti tal-Appell li taħtha taqa' s-CIVI.

Fejn nista’ nikseb il-formoli meħtieġa u informazzjoni oħra dwar kif nagħmel talba?

L-informazzjoni u l-formoli huma disponibbli fis-siti tal-internet li ġejjin:

L- assoċjazzjonijiet ta' għajnuna lill-vittmi jistgħu jgħinuk fil-passi tiegħek u jagħtuk l-informazzjoni meħtieġa.

Hemm xi helpline speċjali jew xi sit web li nista’ nuża?

Il-pjattaforma telefonika 116006 toffri appoġġ psikoloġiku u informazzjoni dwar id-drittijiet tiegħek bla ħlas u, b'mod ġenerali, takkumpanjak matul il-proċedura tiegħek il-ġimgħa kollha mid-9.00 a.m. sad-9.00 p.m. għal prezz ta' sejħa lokali:

fuq 01.41.83.42.08

minn Franza

+33.1.41.83.42.08 minn pajjiż ieħor

Posta elettronika: 08victimes@france-victimes.fr

Is-siti tal-internet li ġejjin huma disponibbli:

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna minn avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

Tista’ tingħata għajnuna legali biex wieħed jibbenefika minn ħlas totali jew parzjali mill-Istat tal-miżati u l-ispejjeż legali mġarrba matul il-proċeduri minn persuni b’riżorsi limitati. Din tingħata mingħajr kundizzjonijiet ta’ riżorsi għar-reati l-aktar serji (Ara l-lista Artikolu 9-2 tal-Liġi Nru° 91-647 tal-10 ta’ Lulju 1991 dwar l-għajnuna legali).

Ċerti strutturi ta' aċċess għad-dritt bħalma huma l-Maisons de la justice et du droit (MJD) jew il-Points d’accès au droit (PAD) jipprovdu pariri legali bla ħlas u jistgħu jgħinuk ukoll fi kwalunkwe pass li tieħu biex teżerċita dritt, tkun ta' liema nazzjonalità tkun, u jgħinuk waqt il-proċeduri mhux ġudizzjarji.

L-istess jgħodd għall- assoċjazzjonijiet ta' għajnuna lill-vittmi, li joffru appoġġ legali bla ħlas.

Hemm xi organizzazzjonijiet tal-appoġġ għall-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

L-assoċjazzjonijiet ta' għajnuna lill-vittmi li jinsabu fl-uffiċċji tal-għajnuna lill-vittmi tal-qrati u fl-uffiċċji tagħhom stess, jistgħu jagħtuk għajnuna bla ħlas biex tipprepara t-talba għall-kumpens tiegħek.

L-aħħar aġġornament: 05/11/2019

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.