Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż - Ungerija

Stabilixxi mill-ġdid Issejvja bħala PDF

Għal liema tip ta’ reat nista’ ningħata kumpens?

Għal reat vjolenti intenzjonali kontra persuna.

Għal liema tip ta’ korriment nista’ ningħata kumpens?

Għal korriment (fiżiku jew mentali) li jieħu aktar minn tmint ijiem biex ifiq

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?

Iva. Minbarra l-vittma, l-axxendenti jew id-dixxendenti tal-vittma, ġenituri adottivi jew foster, tfal adottivi jew foster, konjuġi jew sieħeb ċivili jistgħu jirċievu kumpens jekk kienu jgħixu mal-vittma fl-istess unità domestika meta sar ir-reat, kif ukoll id-dipendenti tal-vittma.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li tkun għadha ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?

Iva, il-mewt tal-vittma mhijiex kondizzjoni għal kumpens għad-dipendenti jew persuni intitolati oħra.

Nista’ ningħata kumpens jekk m'iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Iva, jekk qed tgħix legalment fl-UE, jew jekk inti vittma ta’ traffikar ta’ bnedmin.

Nista’ nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, taħt liema kondizzjonijiet?

Tista’ ssir pretensjoni għal kumpens biss għal reati li saru fit-territorju tal-Ungerija. Jekk ir-reat sar f’pajjiż ieħor, int tista’ tippreżenta l-applikazzjoni tiegħek għal kumpens fl-Ungerija. F’każijiet bħal dawn, l-awtoritajiet Ungeriżi se jittrażmettu l-applikazzjoni lill-Istat Membru fejn sar ir-reat.

Għandi nkun irrapportajt ir-reat lill-pulizija qabel ikun nista’ nitlob kumpens?

Iva, din hija kondizzjoni għal kumpens li l-proċedimenti kriminali nfetħu b’rabta mal-att li sar.

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel il-pretensjoni?

Le, il-pretensjoni tista’ ssir immedjatament wara li jkunu nfetħu l-proċedimenti kriminali.

Għandi għalfejn l-ewwel infittex kumpens mingħand l-awtur tar-reat – jekk ikun ġie identifikat?

Le.

Jekk l-awtur tar-reat ma ġiex identifikat jew ma nstabx ħati, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex insostni l-pretensjoni tiegħi?

Iva, pretensjoni bħal din tista’ tiġi ppreżentata. F’każijiet bħal dawn, il-limitu tad-dannu, ir-relazzjoni bejn il-kawża u l-effett bejn id-dannu u l-att u l-ħtieġa għal kumpens iridu jiġu appoġġjati minn evidenza.

Hemm limitu ta’ żmien li matulu rrid nitlob kumpens?

Il-pretensjoni għal kumpens għandha ssir fi żmien tliet xhur wara li jkun sar ir-reat. Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-preżentazzjoni tal-pretensjoni huwa ħames snin wara li jkun sar ir-reat.

Liema telf u spejjeż jiġu koperti bil-kumpens?

Pereżempju, il-kumpens se jkopri:

(a) Għall-vittma tal-offiża:

  • Ħsara materjali (mhux psikoloġika):
    • spejjeż mediċi tal-korriment (kura medika – kura ambulanti u fi sptar, irkupru)
    • ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali bħala riżultat ta’ korriment (jiġifieri kura u assistenza, kura temporanja u permanenti, fiżjoterapija ta’ edukazzjoni fit-tul, adattament tal-abitazzjoni, għajnuniet speċjali, eċċ.)
    • korriment permanenti (eż. invalidità u diżabilitajiet permanenti oħra)
    • telf ta’ qligħ waqt kura medika u wara (inkluż qligħ mitluf u telf tal-ħila li tagħmel il-qligħ jew manteniment imnaqqas, eċċ.)
    • telf ta’ opportunità
    • spejjeż marbutin mal-proċedimenti legali relatati mal-inċident li kkawża d-dannu, bħal tariffi legali, spejjeż tal-qorti)
    • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li tkun ġarrbet ħsara
    • oħrajn
  • Ħsara psikoloġika (morali):
    • uġigħ u tbatija tal-vittma

(b) Għall-persuni intitolati jew qraba ta’ vittma:

  • Ħsara materjali (mhux psikoloġika):
    • spejjeż tal-funeral
    • spejjeż mediċi (eż. terapija għal membru tal-familja, kura ambulanti u fi sptar, riabilitazzjoni)
    • telf ta’ manteniment jew ta’ opportunità
  • Ħsara psikoloġika:
    • uġigħ u tbatija tal-qraba jew ta’ persuni intitolati/kumpens għas-superstiti jekk il-vittma tkun mietet

Il-kumpens jitħallas f’pagament wieħed jew f’pagamenti fix-xahar?

Tista’ ssir pretensjoni għall-kumpens f’pagament wieħed jew fil-forma ta’ benefiċċju fix-xahar.

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, ir-rekord kriminali tiegħi jew in-nuqqas li nikkoopera matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Mhuwiex dovut kumpens mill-Istat jekk f’deċiżjoni finali tal-qorti jkun ġie stabbilit li l-kondotta tal-vittma kkontribwixxiet lejn ir-reat jew kienet il-kawża tar-reat, jew d-dannu ġie kkawżat minn kondotta abbużiva. Aktar raġunijiet għall-esklużjoni huma rifjut li wieħed jixhed, rifjut tal-obbligu li jikkoopera jew in-nuqqas ta’ mozzjoni privata.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Vittmi bi ħtiġijiet soċjali biss huma eliġibbli għal kumpens. Vittma jkollha ħtiġijiet soċjali jekk l-introjtu nett fix-xahar tagħha (introjtu għal kull persuna, fil-każ ta’ persuni li jgħixu fl-istess unità domestika) ma jaqbiżx HUF 226 328 fl-2018 jew tirċievi benefiċċji oħra definiti fil-leġiżlazzjoni. Is-sitwazzjoni tal-introjtu tal-vittmi ta’ reati terroristiċi ma tiġix ikkunsidrata.

Hemm xi kriterji oħrajn li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Le.

Kif se jiġi kkalkulat il-kumpens?

L-ammont ta’ kumpens mhuwiex se jaqbeż ħmistax-il darba l-ammont bażiku (HUF 113 164), li fl-2018 huwa daqs HUF 1 697 460. L-ammont ta’ pagament uniku huwa: 100 % tad-dannu li ma jaqbiżx ħames darbiet l-ammont bażiku, ħames darbiet l-ammont bażiku flimkien ma’ 75 % tal-parti li taqbeż ħames darbiet l-ammont bażiku għad-dannu bejn ħames u għaxar darbiet l-ammont bażiku, u 8.75 darbiet l-ammont bażiku flimkien ma’ 50 % tal-parti li taqbeż għaxar darbiet l-ammont bażiku għal dannu li jaqbeż għaxar darbiet l-ammont bażiku. L-ammont ta’ kumpens fil-forma ta’ benefiċċju huwa: 75 % tat-telf tal-introjtu sostnut mill-evidenza jekk il-vittma hija taħt it-18 jew tiddependi fuq assistenza minn oħrajn u 50 fil-mija tat-telf tal-introjtu sostnut minn evidenza jekk il-vittma ma tiddependix fuq assistenza minn oħrajn.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

M’hemm l-ebda ammont minimu. L-ammont ta’ kumpens mhuwiex se jaqbeż ħmistax-il darba l-ammont bażiku (HUF 113 164), li fl-2018 huwa daqs HUF 1 697 460. L-ammont fix-xahar massimu ta’ kumpens li tista’ ssir pretensjoni għalih fil-forma ta’ benefiċċju huwa l-ammont bażiku, li huwa HUF 113 164 fl-2018.

Fil-formola tal-pretensjoni jiena mistenni nikkwota l-ammont? Jekk hu hekk, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar xi aspetti oħra?

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telfa tiegħi minn sorsi oħra (bħal skema ta’ assigurazzjoni privata jew waħda mħallsa mill-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

L-ammont ta’ ħsara għandu jiġi kkwotat fil-pretensjoni. Kwalunkwe ammont irkuprat minn sors ieħor għandu jitnaqqas mill-ammont tal-kumpens.

Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kondizzjonijiet?

L-istat se jirrimborża l-ammont ta’ ħsara sostnut mill-evidenza, anki jekk dan jista’ jiġi rkuprat minn sors ieħor. Jekk il-ħsara tiġi rkuprata aktar tard minn sors ieħor, il-ħlas bil-quddiem għandu jitħallas lura.

Nista’ ningħata kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara eż. tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar, eċċ.) wara d-deċiżjoni ewlenija?

Le. Il-kumpens jista’ jingħata darba biss.

Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mal-pretensjoni tiegħi?

  • Ċertifikat tal-ftuħ tal-proċedimenti kriminali, jekk disponibbli (pulizija, qorti, uffiċċju tal-prosekutur pubbliku)
  • Dokumenti li jappoġġjaw il-ħtieġa soċjali (ċertifikati tal-introjtu ta’ persuni li jgħixu fl-istess unità domestika)
  • L-ammont ta’ ħsara sofruta bħala riżultat tar-reat

Hemm xi imposti amministrattivi jew imposti oħrajn li jridu jitħallsu mal-wasla tal-pretensjoni jew meta din tiġi pproċessata?

Le, is-sottomissjoni tal-applikazzjoni hija mingħajr ħlas.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar pretensjonijiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Is-servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi tal-uffiċċju/i tal-gvern ta’ Budapest (il-kontei)

Fejn għandi nibgħat il-pretensjoni (f’każijiet nazzjonali)?

L-applikazzjoni tista' titressaq lil kwalunkwe uffiċċju tad-distrett (awtoritajiet ta’ assistenza) jew direttament lill-awtorità ta’ deċiżjoni (l-uffiċċju/i tal-gvern ta’ Budapest (jew tal-kontea))

Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża l-pretensjoni tiegħi?

Le.

Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) biex nirċievi deċiżjoni dwar pretensjoni għal kumpens mill-awtorità?

L-iskadenza għall-ipproċessar tal-pretensjonijiet hija massimu ta’ 60 jum.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Deċiżjoni li tingħata fil-prim’istanza hija soġġetta għal appell u l-appell jinstema’ mill-Ministeru tal-Ġustizzja bħala l-korp tat-tieni istanza. Il-proċedimenti amministrattivi jistgħu jitressqu quddiem il-qrati kontra d-deċiżjoni li tingħata mill-Ministeru tal-Ġustizzja fit-tieni istanza.

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli meħtieġa u informazzjoni oħra dwar kif għandi nippreżenta l-pretensjoni?

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://igazsagugyiinformaciok.kormany.hu/aldozatsegito-szolgalat

Hemm linja telefonika għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

24/7 Linja telefonika għall-għajnuna ta’ Appoġġ għall-Vittmi (Áldozatsegítő Vonal): 06-80-225-225 bl-Ungeriż u bl-lngliż.

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji l-pretensjoni?

Iva, fuq il-bażi tal-Att LXXX tal-2003 dwar l-għajnuna legali.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Servizzi biex jgħinuk tiddikjara l-interessi tiegħek huma disponibbli minn kwalunkwe uffiċċju ta’ servizz ta’ appoġġ għall-vittmi, fejn il-konsulenti tal-appoġġ għall-vittmi se jipprovdu assistenza prattika (pereżempju: assistenza biex timla l-applikazzjonijiet, jipprovdu informazzjoni) lill-partijiet interessati. Il-vittmi jistgħu wkoll jirrikorru għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (pereżempju: Ċirku Abjad (Fehérgyűrű), Għajnuna Battista Ungeriża (Baptista Szeretetszolgálat), eċċ.)


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 21/01/2019