Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż - Litwanja

Stabilixxi mill-ġdid Issejvja bħala PDF

Għal liema tip ta’ reat nista’ nirċievi kumpens?

Tista’ tikseb kumpens f’każjiet fejn:

  • persuna ġiet maqtula bi ħsieb;
  • kien hemm korriment serju jew mhux serju fuq saħħet persuna;
  • twettaq reat inqas serju, serju jew serju ħafna kontra l-libertà, il-libertà tal-awtodeterminazzjoni sesswali jew l-integrità ta’ persuna.

Għal liema tip ta’ korriment nista’ nirċievi kumpens?

Tista’ tirċievi kumpens jekk sofrejt korriment serju jew mhux serju għal saħħtek.

Nista’ nirċievi kumpens jekk jien qarib jew dipendent ta’ vittma li mietet kawża tar-reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jirċievu kumpens?

Jekk reat vjolenti wassal għat-telf ta’ ħajja ta’ bniedem, kull persuna li għaliha l-qorti ordnat l-għoti ta’ danni materjali u/jew mhux materjali mġarrba minħabba r-reat vjolenti, għandha dritt għal kumpens.

Meta l-kumpens jitħallas bil-quddiem, jiġifieri qabel jitlestew il-proċedimenti kriminali, id-dritt għal kumpens jingħata lill-konjuġi, lit-tfal, lit-tfal adottati, lill-ġenituri, lill-ġenituri adottivi u lid-dipendenti tad-decujus.

Nista’ nirċievi kumpens jekk jien qarib jew dipendent ta’ vittma li baqgħet ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jirċievu kumpens f'dan il-każ?

Le. Jekk il-vittma ta’ reat vjolenti baqgħet ħajja, hija l-unika persuna li għandha dritt għall-kumpens.

Nista nirċievi kumpens jekk m’iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Iva, iżda f’dawn iż-żewġ każijiet biss:

  • jekk inti persuna li għandek ir-residenza ordinarja u legali tiegħek fir-Repubblika tal-Litwanja jew fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea;
  • din il-possibiltà hija prevista fit-trattati internazzjonali tar-Repubblika tal-Litwanja.

Nista’ nirċievi kumpens minn dan il-pajjiż jekk ngħix hawnhekk fih jew jiena ċittadina tiegħu (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew nazzjonalità tiegħi) anke jekk ir-reat ġie kommess f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel hekk flok nitlob kumpens mill-pajjiż fejn ġie kommess ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Le, il-kumpens jista’ jitħallas biss għal reati bi vjolenza kommessi fir-Repubblika tal-Litwanja.

Irrid inkun irrapportajt ir-reat lill-pulizija l-ewwel, qabel inkun nista’ nitlob il-kumpens?

Iva. Sabiex tista’ ssir talba għal kumpens, trid tkun bdiet investigazzjoni ta’ qabel il-proċess.

Irrid nistenna l-eżitu tal-investigazzjonijiet tal-pulizija jew ta’ proċedimenti kriminali qabel nagħmel talba?

Le, tista’ titlob pagamenti ta’ kumpens bil-quddiem waqt li għadha għaddejja l-investigazzjoni ta’ qabel il-proċess.

L-ewwel irrid nitlob il-kumpens mill-awtur tar-reat - jekk ikun ġie identifikat?

Iva. Meta l-kumpens jintalab skont il-proċedura normali, il-kumpens għal danni materjali u/jew mhux materjali, il-kumpens irid jingħatalek minn sentenza tal-qorti. Meta jintalab ħlas bil-quddiem ta’ parti mill-kumpens, inti trid tissottometti sentenza jew ordni li jikkonferma l-istatus tiegħek bħala rikorrent f’kawża ċivili.

Jekk l-awtur tar-reat ma ġiex identifikat jew misjub ħati, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema provi rrid nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Iva. F’dawn il-każijiet inti mistenni tissottometti dawn li ġejjin:

  • kopja tal-karta tal-identità tiegħek;
  • sentenza jew ordni li tikkonferma l-istatus tiegħek bħala rikorrent f’kawża ċivili;
  • dokumenti li jsostnu l-ammont tad-danni materjali, jekk ikun hemm;
  • dokumenti li jistabbilixxu l-fatt ta’ żwieġ, relazzjoni familjali jew dipendenza jekk il-kumpens qiegħed jintalab mill-qraba tad-decujus.

Hemm limitu ta’ żmien li fih irrid nitlob il-kumpens?

Rikors għal kumpens għandu jiġi ppreżentat mhux iktar tard minn għaxar (10) snin mid-data tas-sentenza tal-qorti li tordna l-ħlas ta’ kumpens għal danni mġarrba minħabba reat vjolenti. Jekk persuna titlef l-iskadenza minħabba raġunijiet validi, din tista’ tiġi estiża.

Ma hemmx skadenza għas-sottomissjoni ta’ rikorsi għall-ħlas bil-quddiem ta’ parti mill-kumpens.

Liema spejjeż u telf jiġu koperti mill-kumpens?

Pereżempju, il-kumpens se jkopri:

(a) Għall-vittma ta’ reat:

- Dannu materjali (mhux psikoloġiku):

  • l-ispejjeż mediċi tal-korriment (trattament mediku - trattament bħala outpatient u fl-isptar, irkupru) Iva
  • bżonnijiet jew spejjeż addizzjonali ġejjin minn korriment (pereżempju kura u assistenza, trattament temporanju u permanenti, edukazzjoni fiżjoterapewtika fit-tul, adattament tad-djar, assistenza speċjali, eċċ) Iva
  • korriment permanenti (pereżempju invalidità u żvantaġġi permanenti oħra)
    • telf tal-qligħ matul u wara trattament mediku (inkluż qligħ mitluf u t-telf tal-kapaċità ta’ qligħ tal-għajxien jew manteniment ridott, eċċ) Iva
    • telf ta’ opportunità Le
    • spejjeż marbuta ma’ proċedimenti legali dwar l-inċident li kkawża d-danni, bħal pereżempju t-tariffi legali, l-ispejjeż tal-qorti) Iva
    • kumpens għal propjetà personali misruqa jew li saritilha ħsara Le
    • oħrajn Dannu materjali ieħor li ġie ordnat mill-qorti marbut mar-reat vjolenti kommess

- Dannu psikoloġiku (morali):

  • uġigħ u tbatija tal-vittma Iva

(b) Għal persuni intitolati jew qraba ta’ vittma:

- Dannu materjali (mhux psikoloġiku):

  • spejjeż tal-funeral Iva
  • spejjeż mediċi (pereżempju terapija għal membru tal-familja, trattament outpatient u fl-isptar, riabilitazzjoni) Iva, iżda biss jekk reat vjolenti kkawża t-telf ta’ ħajja umana
  • telf ta’ manteniment jew ta’ opportunità Iva, i’da biss jekk ir-reat vjolenti wassal għat-telf ta' ħajja umana

- Dannu psikoloġiku:

  • uġigħ u tbatija tal-qraba jew ta’ persuni intitolati/kumpens għas-superstiti jekk il-vittma mietet Iva, iżda biss jekk reat vjolenti rriżulta fit-telf ta’ ħajja umana

Il-kumpens jitħallas f’pagament uniku jew f’rati fix-xahar?

Il-kumpens normalment jitħallas kollu f’daqqa f’darba. F’każijiet eċċezzjonali il-kumpens jista’’ jitħallas bin-nifs, iżda mhux aktar tard minn sena mid-data tad-deċiżjoni li jitħallas kumpens għal danni kkawżati minħabba reat vjolenti.

B’liema mod l-imġiba tiegħi stess, b’rabta mar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ kooperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jistgħu jaffettwaw il-possibiltà li nirċievi kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Iċ-ċirkostanzi msemmija hawn fuq huma importanti biss għal dak li għandu x’jaqsam mal-kwistjoni ta’ kumpens bil-quddiem. Il-kumpens ma jingħatax jekk:

  • hemm prosekuzzjoni kontrik għal reat vjolenti jew kellek fedina penali b’kundanni li għadhom ma ġewx preskritti jew mhux maħfura għal reat vjolenti dak iż-żmien meta ġie kommess ir-reat vjolenti;
  • inti marbut b’ordni tal-qorti skont il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja dwar il-Prevenzjoni tal-Kriminalità Organizzata (Lietuvos Respublikos organizuoto nusikalstamumo užkardymo įstatymas);
  • int abbużajt mid-dritt għal ħlas ta’ kumpens bil-quddiem għal danni kkawżati minħabba reat vjolenti.

Is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi b’liema mod tista’ taffettwa ċ-ċans li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Din ma għandha ebda effett fuq il-kwistjoni ta’ kumpens.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw iċ-ċans li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Le.

Il-kumpens kif jiġi kkalkulat?

Il-kumpens jingħata fuq il-bażi tal-ammont mogħti mill-qorti, li, madankollu, ma jistax jaqbeż l-ammonti massimi speċifikati hawn taħt.

Il-kumpens għal danni mħallas bil-quddiem jiġi kkalkulat abbażi tad-dokumenti ppreżentati minnek biex isostnu d-dannu materjali.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

F’każ ta’ qtil il-kumpens massimu għal dannu materjali ma jistax jaqbeż EUR 3 800 u l-kumpens massimu għal dannu mhux materjali ma jistax jaqbeż EUR 4 560.

F’każ ta’ korriment sejru għas-saħħa l-kumpens massimu għal dannu materjali ma jistax jaqbeż EUR 3 040 u l-kumpens massimu għal dannu mhux materjali ma jistax jaqbeż EUR 3 800.

F’każ ta’ reati vjolenti oħra l-kumpens massimu għal dannu materjali ma jistax jaqbeż EUR 2 280 u l-kumpens massimu għal dannu mhux materjali ma jistax jaqbeż EUR 3 040.

Jekk il-kumpens għal dannu minħabba reat vjolenti jitħallas bil-quddiem, l-ammonti massimi ma jistgħux jaqbżu nofs l-ammonti msemmija hawn fuq.

Jien mistenni nniżżel l-ammont fil-formola tat-talba? Jekk iva, ningħata xi struzzjonijiet dwar kif għandi nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Iva, int mistenni tniżżel l-ammont tal-kumpens li qiegħed titlob, li jenħtieġ li jiġi kkalkulat abbażi tal-ammonti indikati fis-sentenza tal-qorti jew fil-kawża ċivili ppreżentata.

Kwalunkwe kumpens ieħor li nirċievi għat-telf tiegħi minn sorsi oħra (bħal pereżempju mill-iskema tal-impjegatur tiegħi jew minn waħda ta’ assigurazzjoni privata) jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Iva. L-ammonti li tirċievi bħala kumpens għad-danni minn sorsi oħra jitnaqqsu mill-kumpens.

Nista’ nikseb ħlas bil-quddiem ta’ parti mill-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Iva, kumpens għal danni mġarrba minħabba reati vjolenti jista’ jitħallas bil-quddiem jekk:

  • għaddejjin proċedimenti kriminali rigward reat vjolenti u l-persuna konċernata hija rikonoxxuta bħala parte ċivile;
  • ingħatat sentenza tal-qorti li tistabbilixxi li twettaq reat vjolenti, iżda l-ebda talba ma ġiet ippreżentata għal kumpens għal dannu ikkawżat bħala riżultat ta' dan, jew it-talba ma ġietx eżaminata;
  • twettaq reat vjolenti minn persuna li ma jistgħux imexxu kontra tagħha minħabba l-età tagħha jew minħabba immunità internazzjonali jew minħabba li l-persuna li wettqet ir-reat mietet.

Nista’ nikseb kumpens kumplimentari jew addizzjonali (wara, pereżempju, bidla fiċ-ċirkostanzi jew stat ta’ saħħa li sejjer lura, eċċ) wara li tingħata d-deċiżjoni ewlenija?

Le, din il-possibiltà mhix prevista.

Liema dokumenti ta' prova rrid ninkludi mat-talba tiegħi?

Meta titlob għal kumpens skont il-proċedura ordinarja jenħtieġ li mat-talba tiegħek tinkludi dawn id-dokumenti:

  • kopja tal-karta tal-identità tiegħek;
  • traskrizzjoni tas-sentenza finali tal-qorti li tordna l-għoti ta’ danni materjali u/jew mhux materjali imġarrba minħabba reat vjolenti;
  • dikjarazzjoni mfassla minn bailiff li tgħid illi d-danni ma jistgħux jiġu rkuprati mill-awtur tar-reat, ħlief f’każijiet fejn il-persuna responsabbli għad-danni m’għadhiex ħajja.

Meta titlob li l-kumpens jitħallas bil-quddiem jenħtieġ li mat-talba tiegħek tinkludi dawn id-dokumenti:

  • kopja tal-karta tal-identità tiegħek;
  • dokumenti li jsostnu l-ammont tad-danni materjali;
  • sentenza jew ordni li jikkonfermaw l-istat tiegħek bħala parte ċivile jew sentenza finali tal-qorti li tistabbilixxi li twettaq reat vjolenti jew deċiżjoni ta' proċedura li tikkonferma li ma jistgħux isiru proċedimenti kriminali minħabba l-età tal-awtur tar-reat, l-immunità internazzjonali jew mewt;
  • dokumenti li jistabbilixxu l-fatt ta’ żwieġ, relazzjoni familjali jew dipendenza jekk il-kumpens qiegħed jintalab mill-qraba jew dipendenti tad-decujus.

Hemm xi spejjeż amministrattivi jew oħrajn li jridu jitħallsu meta t-talba tiġi aċċettata u pproċessata?

Le, it-talba tiġi aċċettata u eżaminata mingħajr ħlas.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja (Lietuvos Respublikos teisingumo ministerija) jiddeċiedi dwar talbiet għal kumpens.

Fejn għandi nibgħatha t-talba (f’każijiet nazzjonali)?

Inti għandek tibgħat it-talba tiegħek lill-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja (Gedimino pr. 30, LT-01104 Vilnius, Lithuania; posta elettronikaIl-link jinfetaħ f'tieqa ġdidarastine@tm.lt).

Hemm bżonn inkun preżenti matul il-proċedura u/jew meta tiġi deċiża t-talba tiegħi?

Le.

Kemm indum (bejn wieħed u ieħor) biex nirċievi deċiżjoni dwar talba għal kumpens mingħand l-awtorità?

Deċiżjoni tittieħed fi żmien xahar wara s-sottomissjoni ta’ talba u tad-dokumenti kollha neċessarji lill-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nappellaha?

Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja jistgħu jiġu appellati quddiem il-Kummissjoni Litwana għat-Tilwim Amministrattiv (Lietuvos administracinių ginčų komisija) jew il-Qorti Reġjonali Amministrattiva ta’ Vilnius (Vilniaus apygardos administracinis teismas) fi żmien xahar mid-data li fiha tiġi nnotifikata d-deċiżjoni.

Minn fejn nista’ nġib il-formoli meħtieġa u informazzjoni oħra dwar kif nippreżenta t-talba?

Mill-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Litwanja jew mill-unitajiet tas-Servizz ta’ Għajnuna Legali Iggarantit mill-Istat (Valstybės garantuojamos teisinės pagalbos tarnyba) u mis-siti web (ara informazzjoni iktar 'l isfel).

Hemm xi numru tat-telephone speċjali jew sit web li nista’ nuża?

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://vgtpt.lrv.lt/en/

Nista’ nikseb għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nipprepara t-talba?

Iva, persuna tista’ titlob l-għajnuna legali primarja mill-awtorità eżekuttiva tal-muniċipalità tal-post ta’ residenza iddikjarat tiegħu jew mill-unitajiet tas-Servizz ta’ Għajnuna Legali Iggarantit mill-Istat.

Hemm xi organizzazzjonijiet ta’ għajnuna għall-vittmi li jistgħu jgħinuni bit-talba għal kumpens?

L-Assoċjazzjoni Litwana għall-Għajnuna lill-Vittmi ta’ Reati (Lietuvos nusikaltimų aukų rėmimo asociacija) (Valakupių g. 5, LT-10101 Vilnius, Lithuania);

Caritas Lithuania (Lietuvos Caritas, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.caritas.lt, Papilio g. 5, LT-44275 Kaunas, Lithuania).


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 14/03/2019