Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż - Svezja


Ġeneralment kien hemm tliet modi differenti ta’ kif jinkiseb kumpens għal korrimenti kkawżati minn reat. Dawn huma:

  • danni li l-awtur tar-reat huwa meħtieġ iħallas;
  • kumpens skont politiki privati, kollettivi jew tal-assigurazzjoni pubblika;
  • Kumpens mill-Istat għal danni kriminali.

Hemm differenzi bejn ir-regoli li japplikaw għat-tipi differenti ta’ kumpens. L-informazzjoni li ġejja tapplika biss għal kumpens mill-Istat għal dannu kriminali.

Għal liema tip ta’ reat nista’ ningħata kumpens?

Fil-prinċipju, kumpens għal dannu kriminali jista’ jingħata għat-tipi kollha ta’ kriminalità, iżda l-għażliet ta’ kumpens ivarjaw skont it-tip ta’ ħsara jew korriment.

Il-kumpens għal korriment personali jista’ jingħata għat-tipi kollha ta’ kriminalità, jekk il-korriment ikun konsegwenza naturali tar-reat.

Il-kumpens jista’ jingħata wkoll għal korriment li jfisser li xi ħadd iweġġa’ serjament lil persuna oħra permezz ta’ reat li jinvolvi attakk fuq il-persuna (eż. attakk jew stupru), il-libertà (eż. ċaħda illegali ta’ libertà) jew il-paċi (eż. theddid illegali) tal-vittma.

Il-kumpens għal dannu materjali (eż. permezz ta’ serq jew ħsara lil proprjetà) jew dannu purament finanzjarju (eż. permezz ta’ frodi) jingħata biss f'ċerti każijiet.

Tfal li jkunu xehdu reat maħsub biex jagħmel ħsara lis-sikurezza u lill-kunfidenza tal-wild fir-rigward ta’ qarib strett jistgħu wkoll jingħataw kumpens għal danni.

Għal liema tip ta’ korriment nista’ ningħata kumpens?

Il-kumpens jista’ jingħata għal korriment u ħsara personali, u lil tfal li jkunu xehdu reati li jkunu saru bejn il-qraba stretti. F’xi każijiet eċċezzjonali, il-kumpens jista’ jingħata għal dannu materjali jew dannu purament finanzjarju.

Fil-każ ta’ korriment personali, il-kumpens jista’ jingħata għal:

  • spejjeż mediċi u spejjeż oħra għall-persuna li korriet u, sa limitu raġonevoli, lil qarib strett tal-persuna li korriet;
  • ħsara lil ħwejjeġ, nuċċalijiet u oġġetti simili li kienu milbusa mill-persuna li korriet meta sar il-korriment;
  • telf ta’ qligħ;
  • tbatija fiżika u mentali temporanja (uġigħ u tbatija);
  • tbatija fiżika u mentali permanenti (deformità jew korriment permanenti ieħor).

Jekk korriment personali rriżulta f’mewt, il-kumpens jista’ jingħata għal:

  • spejjeż tad-difna u wkoll, sa limitu raġonevoli, spejjeż oħra li jirriżultaw mill-mewt;
  • telf tal-manteniment (skont ċerti kondizzjonijiet);
  • korriment personali li jaffettwa qarib strett tad-deċedut bħala riżultat tal-mewt.

Benefiċċji oħra li hija intitolata għalihom il-persuna li korriet (eż. benefiċċji soċjali, pensjoni, jew kumpens mill-impjegatur tagħha) jitnaqqsu meta jiġi stabbilit il-kumpens għal telf ta’ qligħ u manteniment.

Fil-każ ta’ reat li jimmira l-persuna, il-libertà jew il-paċi tal-vittma li jinvolvi ksur serju tal-integrità personali, jista’ jingħata kumpens għall-ksur.

Kumpens għal dannu materjali, eż. proprjetà misruqa jew li saritilha l-ħsara, jingħata biss f’każijiet eċċezzjonali. Kumpens bħal dan jista’ jingħata jekk ir-reat sar minn xi ħadd li kien f’kustodja soċjetali furzata, eż. bħala priġunier ta’ ħabs, ċentru ta’ detenzjoni jew istituzzjoni (magħrufa bħala każijiet fuġittivi). Il-kumpens jista’ jingħata wkoll b’mod partikolari f’każijiet ta’ diffikultà meta l-opportunitajiet għall-parti li sofriet dannu biex taqla’ l-għajxien ikunu ġew aggravati serjament mill-korriment jew meta l-kumpens jidher li huwa partikolarment importanti għal raġunijiet oħra.

F’każijiet rari ħafna, il-kumpens jista’ jingħata għal dannu purament finanzjarju, eż. fir-rigward ta’ frodi jew approprjazzjoni indebita. Il-kumpens jista’ jkun rilevanti għal każijiet fuġittivi biss jekk ikun hemm raġunijiet speċjali, jew f’każijiet partikolarment ta’ diffikultà meta l-opportunitajiet għall-parti li sofriet dannu biex taqla’ l-għajxien ikunu ġew aggravati serjament mill-korriment jew meta l-kumpens jidher li huwa partikolarment importanti għal raġunijiet oħra.

Il-kumpens għal tfal li jkunu xehdu reat maħsub biex jagħmel ħsara lis-sikurezza u lill-kunfidenza tal-wild fir-rigward ta’ qarib strett normalment jingħata meta l-wild inkwistjoni jkun ra jew sema’ vjolenza jew theddid bejn il-ġenituri jew qraba sretti oħra li l-wild kellu relazzjoni mill-qrib u ta’ fiduċja magħhom.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet bħala riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens?

Iva, il-kumpens jista’ jingħata kif spjegat hawn fuq. Fil-każ ta’ korriment lil qarib strett tad-deċedut, normalment jitħallas kumpens standardizzat għall-uġigħ u għat-tbatija.

Il-persuni li jistgħu jiksbu kumpens għal korriment normalment ikunu s-sieħeb/sieħba, il-ġenituri jew it-tfal tad-deċedut, kif ukoll aħwa li kienu jgħixu mad-deċedut. Aħwa adulti li ma kinux jgħixu mad-deċedut normalment mhumiex intitolati għal kumpens.

Nista’ ningħata kumpens jekk jien qarib jew dipendenti ta’ vittma li tkun baqgħet ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jingħataw kumpens f’dan il-każ?

Meta korriment ma jkunx irriżulta f’mewt, il-kumpens jista’ jingħata f’ċerti każijiet speċjali għal korriment indirett lil persuna f’relazzjoni partikolarment mill-qrib mal-parti li sofriet dannu. Każijiet fejn jista’ jkun rilevanti kumpens bħal dan huma meta l-parti li sofriet dannu tkun sofriet korriment serji u kienet f’kondizzjoni ta’ periklu għall-ħajja għal perjodu ta’ żmien konsiderevoli, jew meta l-qarib inkwistjoni jkun ra l-inċident li waqtu sar il-korriment u dan ikkawża korriment mentali lill-qarib.

Il-persuni li jistgħu jkunu intitolati għal kumpens huma l-istess bħal meta l-parti li sofriet dannu tmut bħala riżultat ta’ reat.

Nista’ ningħata kumpens jekk m'iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Jekk ir-reat sar fl-Iżvezja, jista’ jingħata kumpens irrispettivament miċ-ċittadinanza jew mill-pajjiż ta’ residenza tal-parti. Jekk, madankollu, ir-reat u l-parti li sofriet dannu għandhom rabta mhux daqshekk b’saħħitha mal-Iżvezja li ma jkunx raġonevoli għall-Istat Żvediż li jagħti kumpens għall-korriment, mhu ser jitħallas l-ebda kumpens. Din l-eċċezzjoni tiġi applikat b’mod ristrettiv. L-eċċezzjoni mhijiex applikabbli wkoll għal ċittadin ta’ pajjiż ieħor tal-UE li jiġi espost għal reat volontarju u vjolenti fl-Iżvezja.

Nista nitlob kumpens mingħand dan il-pajjiż jekk noqgħod hawn jew jiena minn hawn (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Nista’ nagħmel dan minflok ma nitlob kumpens fil-pajjiż fejn sar ir-reat? Jekk iva, skont liema kondizzjonijiet?

Iva; jekk tgħix fl-Iżvezja tista’ tapplika għal kumpens fl-Iżvezja, anki jekk ir-reat sar f’pajjiż ieħor, jew ġewwa jew barra l-UE.

Il-prinċipju huwa li l-ħsara kriminali l-ewwel għandha tiġi kkumpensata fil-pajjiż fejn sar ir-reat. Jekk il-ħsara ma tistax tiġi kkumpensata bl-ebda mod jew bis-sħiħ f’dan il-pajjiż, parti li sofriet dannu li qiegħda tgħix fl-Iżvezja tista’ minflok ikollha d-dritt għal kumpens għal ħsara kriminali mill-Istat Żvediż.

Jekk ir-reat sar f’pajjiż ieħor tal-UE u l-kumpens jista’ jingħata għar-reat inkwistjoni f’dan il-pajjiż, l-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Reati (Brottsoffermyndigheten) tista’ tgħin lil persuna biex tapplika għal kumpens fl-Iżvezja billi tindirizza l-pajjiż fejn sar ir-reat. Taħt ċerti kondizzjonijiet, il-kumpens Żvediż jista’ jitħallas qabel id-dritt għal kumpens ikun ġie vvalutat fil-pajjiż l-ieħor tal-UE.

Jekk il-kumpens għal ħsara ma jistax jitħallas fil-pajjiż l-ieħor tal-UE, id-dritt għal kumpens minflok ser jiġi vvalutat skont ir-regoli Żvediżi.

Għandi bżonn nirrapporta r-reat lill-pulizija l-ewwel, sabiex ikun nista’ nitlob kumpens?

Iva; ir-reat għandu jiġi rrappurtat lill-pulizija, u l-parti li sofriet dannu hija wkoll meħtieġa li tkun għenet lill-pulizija bil-mistoqsijiet tagħhom.

Għandi nistenna l-eżitu ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew proċedimenti kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

Iva; huwa rari ħafna li l-kumpens ikun jista’ jingħata qabel tkun intemmet investigazzjoni tal-pulizija jew stħarriġ ġudizzjarju.

Għandi l-ewwel infittex kumpens mingħand l-awtur tar-reat – jekk dan ikun ġie identifikat?

Fil-prinċipju, jekk l-awtur tar-reat huwa magħruf, l-awtur tar-reat jeħtieġ li jkun ġie kkundannat sabiex ikun jista’ jitħallas il-kumpens mill-Istat. Hija wkoll il-persuna li tkun ikkawżat il-ħsara li għandha tipprovdi kumpens għaliha l-ewwel nett, u fil-prinċipju dan ifisser li l-ewwel għandha titressaq talba kontra l-awtur tar-reat. Jekk, min-naħa l-oħra, l-investigazzjoni turi biċ-ċar li l-awtur tar-reat ma jistax iħallas il-ħsarat, il-kumpens jista’ jitħallas mingħajr ma l-parti li sofriet dannu tkun l-ewwel talbitu mill-awtur tar-reat.

Jekk l-awtur tar-reat ma jkunx ġie identifikat jew ikkundannat, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, x’evidenza għandi bżonn nippreżenta biex insostni t-talba tiegħi?

Iva; jekk l-awtur tar-reat ma ġiex identifikat u għalhekk ingħalqet l-investigazzjoni tal-pulizija, int tista’ tkun intitolat għal kumpens. F’każijiet bħal dan, il-valutazzjoni tar-reat u d-dritt għal kumpens ser jiġu bbażati fil-biċċa l-kbira tagħhom fuq il-kontenut tar-rapport tal-pulizija. Barra dan, il-parti li sofriet dannu hija meħtieġa wkoll li tipproduċi evidenza li turi l-ħsara jew id-dannu li seħħ bħala riżultat tar-reat.

Hemm xi limitu ta’ żmien li matulu rrid nitlob kumpens?

Iva; hemm skadenza tal-applikazzjoni ta’ tliet snin, li tiġi kkalkulata kif ġej:

Jekk hemm sentenza fir-rigward tar-reat, l-applikazzjoni għandha titressaq fi żmien tliet snin mid-data ta’ meta s-sentenza ħadet effett legali (ma jistax jitressaq appell kontriha aktar).

Jekk l-investigazzjoni tal-pulizija ngħalqet, l-applikazzjoni għandha titressaq fi żmien tliet snin mid-data li fiha saret id-deċiżjoni biex tingħalaq l-investigazzjoni.

Jekk ma ġiet imnedija l-ebda investigazzjoni tal-pulizija, l-applikazzjoni għandha titressaq fi żmien tliet snin mid-data tar-reat.

Tfal li ġew esposti għal reat qabel l-età ta’ 18 għandhom id-dritt li japplikaw għal kumpens sal-21 għeluq snin tagħhom.

Liema telf u spejjeż huma koperti mill-kumpens?

Pereżempju, il-kumpens ikopri:

a) Għall-vittma tal-offiża:

– Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż mediċi tal-korriment (kura medika – kura ambulanti u fl-isptar, irkupru)

Iva, sakemm ma jingħatax kumpens minn sorsi oħra.

  • bżonnijiet jew spejjeż addizzjonali bħala riżultat ta’ korriment (jiġifieri, kura u assistenza, kura temporanja u permanenti, fiżjoterapija ta’ edukazzjoni fit-tul, adattament tal-abitazzjoni, għajnuniet speċjali, eċċ.)

Iva, sakemm ma jingħatax kumpens minn sorsi oħra.

  • korriment permanenti (eż. invalidità u diżabbiltajiet permanenti oħra)
    • telf ta’ qligħ waqt kura medika u wara (inkluż telf ta’ qligħ u telf tal-ħila li tagħmel qligħ jew manteniment imnaqqas, eċċ.)

    Iva, sakemm ma jingħatax kumpens minn sorsi oħra.

    • telf ta’ opportunità

    Le, xejn ħlief kumpns għal telf ta’ qligħ jew telf futur ta’ qligħ (vitalizju).

    • spejjeż relatati mal-proċedimenti legali relatati mal-inċident li kkawża l-ħsara (bħal ħlasijiet legali, spejjeż tal-qorti)

    Le

    • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li saritilha l-ħsara

Jista’ jingħata kumpens għal ħwejjeġ, nuċċalijiet u oġġetti simili li saritilhom il-ħsara jew inqerdu li kienu milbusa mill-persuna li korriet meta sofriet il-korriment.

F’każijiet oħra, l-għażliet għal kumpens għal ħsara lil proprjetà huma limitati ħafna; jekk jogħġbok ara taqsima 1.2 hawn fuq.

  • Fakultattiv.

- Ħsara psikoloġika (morali):

  • uġigħ u tbatija tal-vittma.

Iva. Minbarra kumpens għal uġigħ u tbatija, jista’ jingħata kumpens ukoll għal ksur meta reat li jimmira l-persuna, il-libertà jew il-paċi tal-vittma li seta’ involva ksur serju tal-integrità personali tal-parti li sofriet dannu.

b) Għal persuni intitolati jew qraba tal-vittma:

– Ħsara materjali (mhux psikoloġika):

  • spejjeż tal-funeral

Iva, sakemm ma jingħatax kumpens minn sorsi oħra.

  • spejjeż mediċi (eż. terapija għal membru tal-familja, kura ambulanti u fl-isptar, riabilitazzjoni)

Iva; jekk ir-reat irriżulta f’mewt u involva korriment personali lil xi ħadd partikolarment viċin id-deċedut, jista’ jingħata kumpens jekk ma jingħatax kumpens minn sorsi oħra. Jekk jogħġbok ara wkoll taqsimiet 1.3 u 1.4.

  • telf tal-manteniment jew ta’ opportunità

It-telf tal-manteniment jista’ jiġi kkumpensat taħt ċerti kondizzjonijiet.

- Ħsara psikoloġika:

  • uġigħ u tbatija tal-qraba jew ta’ persuni intitolati/kumpens għas-superstiti jekk il-vittma mietet.

Iva; jekk jogħbok ara taqsima 1.3 hawn fuq.

Il-kumpens jitħallas f’pagament uniku jew f’pagamenti fix-xahar?

Normalment il-kumpens jitħallas f’pagament uniku. Ħafna drabi, kumpens għal kwalunkwe korriment permanenti għandu jiġi aġġustat f'data aktar tard meta jidher biċ-ċar li l-korrimenti huma permanenti. It-telf fit-tul ta’ qligħ normalment jiġi aġġustat darba fis-sena bl-arretrati. Jekk, il-korriment ikkawża lill-parti li sofriet dannu, diżabilità li b’mod permanenti naqqsetilha l-ħila li taħdem, hija tista’ tkun intitolata, taħt ċerti kondizzjonijiet, għal kumpens għal telf futur ta’ qligħ fil-forma ta’ vitalizju, f'liema każ isiru pagamenti fix-xahar.

B’liema mod l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, ir-rekord kriminali tiegħi jew in-nuqqas li nikkoopera matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Il-kumpens jista’ jitnaqqas jew jiġi rrifjutat kompletament jekk l-imġiba tal-parti li sofriet dannu żiedet ir-riskju ta’ korriment, sew jekk marbuta mar-reat kif ukoll jekk hija intenzjonata jew negliġenti b’mod ieħor. Normalment il-kumpens jiġi aġġustat b’dan il-mod jekk ir-reat ġie kkawżat mill-attività kriminali stess tal-parti li sofriet dannu jew jekk huwa marbut mad-droga, jew jekk il-parti li sofriet dannu ġabet ruħha b’mod provokanti b’rabta mar-reat.

Il-parti li sofriet dannu hija meħtieġa wkoll li tkun ikkooperat mal-investigazzjoni tal-pulizija sa limitu raġonevoli. Il-parti li sofriet dannu għandha wkoll tikkontribwixxi għall-proċedura ta’ kumpens tal-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Reati billi tipprovdi informazzjoni u tippreżenta d-dokumenti meħtieġa għall-valutazzjoni. Ma jingħata l-ebda kumpens jekk ir-rikorrent ma jkunx ikkoopera mal-investigazzjoni tal-pulizija. L-istess japplika jekk ir-rikorrent ma jkunx ikkontribwixxa għall-każ ta’ kumpens.

B’liema mod is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi tista’ taffettwa l-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Fir-rigward ta’ kumpens għal korriment jew vjolazzjoni personali, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-parti li sofriet dannu ma taffettwax id-dritt għal kumpens jew l-ammont ta’ kumpens mogħti. Fil-każ ta’ ħsara lil proprjetà jew dannu purament finanzjarju, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-parti li sofriet dannu tista’ taffettwa d-dritt għal kumpens u l-ammont ta’ kumpens mogħti għal ħsara kriminali f’xi każijiet.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nirċievi kumpens u/jew l-ammont?

Kumpens mill-Istat għal ħsara kriminali huwa sussidjarju għal kwalunkwe kumpens ieħor li l-parti li sofriet dannu tista’ tkun intitolata għalih bħala riżultat tal-ħsara jew il-korriment ikkawżat. Dan ifisser li kwalunkwe kumpens ieħor għandu jitnaqqas mill-kumpens għal ħsara kriminali. Pereżempju, dan japplika għal ħsarat li jitħallsu jew jitqiesu bħala li jistgħu jitħallsu u kwalunkwe kumpens tal-assigurazzjoni li hija intitolata għalih il-parti li sofriet dannu.

Kif ser jiġi kkalkulat il-kumpens?

Il-kumpens ser jiġi kkalkulat skont ir-regoli stipulati fl-Att dwar Kumpens għal Danni Kriminali (brottsskadelag) jew l-Att dwar ir-Responsabbiltà tat-Tort (skadeståndslag). L-intitolament għal kumpens għal ħsara kriminali huwa aktar ristrett minn intitolament għal ħsarat ta’ tort f’ċerti aspetti. Il-prinċipju huwa li l-kumpens għandu jikkostitwixxi forma ta’ reparazzjoni u, kemm jista’ jkun, iqiegħed lill-parti li sofriet dannu fl-istess sitwazzjoni finanzjarja bħallikieku l-ħsara jew korriment ma seħħewx.

Jiġu koperti l-ispejjeż essenzjali u raġonevoli kollha, kif ukoll kwaluknwe telf ta’ qligħ li jirriżulta mill-ħsara jew mill-korriment. Hemm limitu massimu għall-kumpens; jekk jogħġbok ara t-taqsima 1.18.

Il-kumpens għal uġigħ u tbatija jitħallas skont it-tabelli – l-ammont normali waqt liv minħabba mard huwa madwar SEK 2 400 fix-xahar (2017), iżda jista’ jingħata livell ogħla ta’ kumpens, pereżempju fil-każ ta’ kura f’unità tal-kura intensiva. Għal ċerti reati – meta l-korriment ikun irriżulta f’mewt (kumpens għall-qraba) u fil-każ ta’ stupru – hemm ukoll preżunzjoni ta’ dannu personali, li jfisser li dan m’hemmx għalfejn tintwera prova tiegħu. F’dawn il-każijiet, jiġu applikati ċerti mudelli għal kumpens għal uġigħ u tbatija; dawn huma SEK 50 000 fil-każ ta’ mewt ikkawżata volontarjament, SEK 25 000 fil-każ ta’ mewt ikkawżata involontarjament, u SEK 15 000 fil-każ ta’ stupru.

Il-kumpens għal korrimenti li jikkawżaw diżabilità permanenti jiġi stabbilit permezz tat-tabelli u jiġi bbażat fuq valutazzjoni tat-tabib tal-limitu tad-diżabilità u l-età tar-rikorrent.

Il-kumpens għal sfigurament permanenti jiġi stabbilit permezz tat-tabelli u jiġi bbażat fuq kemm huwa viżibbli l-isfigurament inkwistjoni, fejn jinsab, u l-età tal-parti li sofriet dannu.

Il-kumpens għal ksur jiġi stabbilit abbażi taċ-ċirkostanzi tal-objettiv tar-reat u irrispettivament mill-esperjenza suġġettiva tal-parti li sofriet dannu. Fil-prattika, pereżempju, il-kumpens jista’ jkun SEK 5 000 – 20 000 għal theddid illegali, SEK 5 000 – 100 000 għal attakk, SEK 100 000 għal stupru, u SEK 100 000 – 150 000 għal attentat ta’ qtil.

Imbagħad isir tnaqqis bażiku ta’ SEK 1 500 (bil-prezzijiet tal-2017) mill-ammont totali tal-kumpens.

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

L-aktar ammont baxx ta’ kumpens li jista’ jingħata huwa SEK 100 (wara li jsir it-tnaqqis bażiku).

L-ammont massimu ta’ kumpens li jista’ jingħata għal korriment personali, inkluż uġigħ u tbatija, huwa SEK 896 000 (data għall-2017). Jista’ jingħata wkoll kumpens għal vitalizju skont ċerti kondizzjonijiet.

L-ammont massimu ta’ kumpens li jista’ jingħata għal dannu materjali u dannu purament finanzjarju huwa SEK 448 000 (bi prezzijiet tal-2017).

M’hemmx limitu massimu għal kumpens relatat ma’ ksur.

Fil-formola tat-talba jiena mistenni nikkwota l-ammont? Jekk iva, ningħata struzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Iva – fir-rigward ta’ telf finanzjarju bħal spejjeż mediċi jew telf ta’ qligħ, il-parti li sofriet dannu hija meħtieġa li tispeċifika l-ammont jew tibgħat evidenza li turi biċ-ċar il-limitu tal-ħsarat.

L-ebda ammont ma jeħtieġ li jiġi speċifikat għal kumpens morali (uġigħ u tbatija, ksur, dannu permanenti, u kumpens għal tfal li xehdu reat).

Jekk nirċievi xi kumpens ieħor għat-telfa tiegħi minn sorsi oħra (bħall-skema ta’ assigurazzjoni privata jew tal-impjegatur tiegħi) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/korp?

Iva – il-kumpens mill-Istat għal ħsara kriminali jingħata biss sal-limitu li l-ħsara ma tkunx ġiet koperta minn tipi oħra ta’ kumpens li hija intitolata għalih l-parti li sofriet dannu.

Nista’ nirċievi ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kondizzjonijiet?

Le; m’hemm l-ebda possibbiltà li tirċievi kumpens imħallas bil-quddiem.

Nista’ ningħata kumpens komplimentari jew addizzjonali (wara eż. tibdil fiċ-ċirkostanzi jew jekk saħħti tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni ewlenija?

Iva, diment li t-talba ma tkunx preskritta biż-żmien, li normalment iseħħ għaxar snin wara li tkun ittieħdet id-deċiżjoni.

Liema dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

Għandha tiġi ppreżentata prokura oriġinali jekk ir-rikorrent jiġ rrappreżentat minn rappreżentant legali. L-ispejjeż normalment għandhom jiġu sostnuti bil-fatturi oriġinali. Huwa wkoll vantaġġ jekk ir-rikorrent inġenerali jippreżenta l-materjal elenkat hawn fuq li huwa rilevanti għall-ħsara jew għad-dannu inkwistjoni.

L-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Reati għandha tikseb id-dokumentazzjoni meħtieġa biex tivvaluta d-dritt għal kumpens u l-ammont ta’ kwalunkwe kumpens bħal dan sakemm ma jiġux mehmuża d-dokumenti meħtieġa. Dan ser isir b’mandat mogħti lill-awtorità mir-rikorrent meta tiġi ppreżentata t-talba. Jekk l-awtorità nnifisha ma tistax tikseb l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa, minflok ir-rikorrent ser jingħata opportunità biex jipprovdihom.

Hemm xi imposti amministrattivi jew imposti oħrajn li għandhom jitħallsu mal-wasla tat-talba u meta din tiġi pproċessata?

Le.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar pretensjonijiet għal kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

L-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Reati

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

L-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Reati, P.O. Box 470, 901 09 UMEÅ, L-Iżvezja.

Jekk jogħġbok innota li t-talba għandha tiġi ppreżentata billi tintuża formola speċjali. Il-formoli huma disponibbli fuq is-sit web tal-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Reati fuq ww.brottsoffermyndigheten.se.

Tista’ tiġi ppreżentata wkoll talba b’mod elettroniku jekk ir-rikorrent għandu ID tal-ibbankjar elettroniku Żvediża. Tista’ tiġi ppreżentata talba b’dan il-mod mis-sit web www.brottsoffermyndigheten.se.

Għandi bżonn inkun preżenti waqt il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?

Le.

Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) biex nirċievi deċiżjoni dwar talba għal kumpens mill-awtorità?

Iż-żmien ta’ pproċessar ivarja skont it-tagħbija tax-xogħol attwali tal-awtorità. Iż-żmien jista’ jvarja wkoll skont kemm ikun ikkumplikat il-każ. Iż-żmien ta’ pproċessar medju attwalment huwa tliet xhur (fl-2017).

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Id-deċiżjonijiet mill-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Reati ma jistgħux jiġu kkontestati, iżda l-awtorità tista’ tibdel id-deċiżjoni tagħha fuq talba jew fuq l-inizjattiva tagħha stess jekk jiġu skoperti ċirkostanzi ġodda jew jekk ikun hemm raġunijiet oħra biex isir dan. Deċiżjoni ma tistax tinbidel għad-detriment tar-rikorrent.

Rikorrent li ma jkunx sodisfatt bid-deċiżjoni jista’ jibgħat talba bil-miktub lill-awtorità biex il-każ jiġi vvalutat mill-ġdid. Il-bidla mixtieqa u r-raġunijiet għaliha għandhom jiġu speċifikati fit-talba. Kwalunkwe materjal supplimentari għandu jiġi ppreżentat flimkien mat-talba.

Minn fejn nista’ nikseb il-formoli neċessarji u informazzjoni oħra dwar kif għandi nagħmel talba?

Informazzjoni u formoli tal-applikazzjoni jinsabu fuq is-sit web tal-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Reati fuq Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.brottsoffermyndigheten.se/. Informazzjoni dwar kumpens u kif tippreżenta talba hija disponibbli b’diversi lingwi, u l-formoli tal-applikazzjoni huma disponibbli bl-Ingliż.

Titsa’ wkoll iċċempel il-linja għall-għajnuna tal-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Reati fuq +46 90 70 82 00, li hija miftuħa mid-09:00 sat-15:00 matul il-ġimgħa. Il-linja għall-għajnuna tista’ toffri pariri bl-Iżvediż u bl-Ingliż.

Hemm linja għall-għajnuna jew sit web speċjali li nista’ nuża?

Minbarra dan ta’ hawn fuq, informazzjoni dwar il-proċedimenti legali tinsab fuq Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.rattegangsskolan.se/, u bl-Ingliż fuq Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.courtintroduction.se/.

Informazzjoni adattata għall-età mmirata lejn tfal sal-età ta’ 18 tinsab fuq Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://www.jagvillveta.se/. Hawn tista’ wkoll issib informazzjoni b’diversi lingwi.

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna mingħand avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

L-applikazzjoni għal talba hija faċli biex timtela, u tista’ tikkuntattja lill-Awtorità Żvediża għal Kumpens u Appoġġ għall-Vittmi ta’ Reati għall-għajnuna jekk ikollok xi problemi. Il-kumpens għall-ispejjeż ta’ rappreżentant legali ser jingħataw biss jekk ikun hemm raġunijiet partikolari biex isir dan.

Hemm xi organizzazzjonijiet li joffru appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Iċ-ċentru lokali ta’ appoġġ lill-vittmi jista’ joffrilek għajnuna għall-applikazzjoni tiegħek għal talba. Tista’ ssib iċ-ċentru lokali tiegħek ta’ appoġġ lill-vittmi mis-sit web Appoġġ lill-Vittmi l-Iżvezja (Brottsofferjouren) fuq Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.brottsofferjouren.se/ jew iċċempel +46 (0)200-21 20 19 għall-għajnuna.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 17/01/2019