Jekk it-talba tiegħi se titqies f’dan il-pajjiż - Slovakkja

Stabilixxi mill-ġdid Issejvja bħala PDF

Liema tip ta’ reat nista’ nikseb kumpens għalih?

Il-liġi tipprovdi għal kumpens finanzjarju ta’ darba għal nies li ġarrbu korriment personali b’riżultat ta’ reati vjolenti premeditati; reati oħra mhumiex soġġetti għal kumpens. Il-kumpens għal korriment personali huwa marbut b’mod partikolari mar-reati ta’ qtil u offiżi fuq il-persuna. Il-liġi tqis ir-reati ta’ traffikar tal-bnedmin, abbuż sesswali, vjolenza sesswali u stupru bħala kategorija separata ta’ reat, li jingħata kumpens għad-dannu morali għaliha.

Liema tip ta’ korriment nista’ nikseb kumpens għalih?

Il-vittmi ta’ reat vjolenti jiġu kkumpensati biss sal-limitu tad-dannu mġarrab (kumpens għal uġigħ u funzjoni soċjali mnaqqsa). Għar-reati ta’ traffikar tal-bnedmin, stupru, abbuż sesswali u vjolenza sesswali, il-liġi tipprevedi kumpens għal dannu morali.

Nista’ nikseb kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun mietet b’riżultat ta’ reat? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens?

Meta persuna tmut minħabba reat vjolenti, skont il-liġi il-qraba ta’ dik il-persuna jkollhom ukoll l-opzjoni li jitolbu kumpens — b’mod partikolari l-konjuġi superstiti u l-ulied superstiti tal-persuna deċeduta; u jekk ma jkunx hemm ulied, il-ġenituri superstiti tal-persuna deċeduta, u jekk ma jkun hemm ebda ġenitur, il-persuna li l-persuna deċeduta kienet obbligata tħallasha manteniment.

Nista’ nikseb kumpens jekk jien membru tal-familja jew dipendenti ta’ vittma li tkun għadha ħajja? Liema qraba jew dipendenti jistgħu jiksbu kumpens f’dan il-każ?

Le, f’dawn il-każijiet il-liġi ma tippermettix li jingħata kumpens lill-qraba tal-vittma ta’ reat.

Nista’ nikseb kumpens jekk m'iniex ċittadin ta’ pajjiż tal-UE?

Il-kumpens jista’ jintalab minn vittma ta’ reat vjolenti li tkun ċittadina tar-Repubblika Slovakka jew ċittadina ta’ Stat Membru ieħor jew minn persuna apolida li jkollha residenza permanenti fir-Repubblika Slovakka jew fi Stat Membru ieħor, jew ċittadin barrani skont il-kundizzjonijiet u sal-punt stipulat minn trattat internazzjonali ratifikat u promulgat bil-mod previst mil-liġi, jekk il-korriment ikun seħħ fit-territorju tar-Repubblika Slovakka. Jista’ jintalab kumpens minn vittma ta’ reat vjolenti li jkun ingħata ażil, protezzjoni sussidjarja, rifuġju temporanju, awtorizzazzjoni provviżorja ta’ residenza jew awtorizzazzjoni eċċezzjonali ta’ residenza fir-Repubblika Slovakka, jekk il-korriment ikun seħħ fir-Repubblika Slovakka.

Nista’ nitlob kumpens minn dan il-pajjiż jekk ngħix hawnhekk jew niġi minn hawnhekk (dan huwa l-pajjiż ta’ residenza jew ta’ nazzjonalità tiegħi) anki jekk ir-reat ikun sar f’pajjiż ieħor tal-UE? Dan nista’ nagħmlu minflok nitlob kumpens fil-pajjiż fejn ikun seħħ ir-reat? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Le, id-dritt Slovakk ma jippermettix proċedura bħal din. Kumpens jista’ jintalab biss jekk il-korriment ikun seħħ fit-territorju tar-Repubblika Slovakka.

Għandi nkun irrappurtajt ir-reat lill-pulizija qabel ma nkun nista’ nitlob kumpens?

Kumpens jista’ jintalab biss jekk l-eżitu tal-investigazzjoni jindika li twettaq reat u li dan kien il-kawża tal-korriment. Għaldaqstant, kumpens jista’ jingħata biss jekk l-ewwel tkun seħħet il-prosekuzzjoni kriminali, iżda mhuwiex importanti jekk din il-prosekuzzjoni tkunx ibbażata fuq ir-rapport tal-vittma jew b’mezzi oħra.

Irrid nistenna r-riżultat ta’ xi investigazzjoni tal-pulizija jew xi proċediment kriminali qabel ma nkun nista’ nagħmel it-talba?

Iva, il-preżentazzjoni ta’ talba għal kumpens hi kundizzjonali għall-eżistenza ta’ sentenza finali jew digriet kriminali fi proċedimenti kriminali li permezz tagħhom it-trażgressur ikun instab ħati li wettaq reat li kkawża l-korriment tal-vittma, jew ta’ sentenza li permezz tagħha l-imputat ikun inħeles, peress li ma jkunx inżamm kriminalment responsabbli fuq il-bażi ta’ ġenn jew ta' età minuri, u l-vittma ma tkunx ġiet ikkompensata b’mod ieħor għall-korriment. Jekk il-prosekuzzjoni kriminali tiġi sospiża jew itterminata (jew posposta) skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Att 301/2005 (il-Kodiċi Kriminali), il-vittma tista’ titlob kumpens fuq il-bażi ta’ deċiżjoni mill-awtorità kompetenti li stabbiliet il-fatti dettaljati hawn fuq. Madankollu, f’każijiet bħal dawn, l-eżitu tal-investigazzjoni jew tal-investigazzjoni sommarja minn korpi tal-prosekuzzjoni kriminali ma jridx joħloq dubji raġonevoli dwar jekk seħħx ir-reat li kkawża l-korriment tal-vittma.

Għandi għalfejn l-ewwel nitlob kumpens mingħand it-trażgressur — jekk ikun ġie identifikat?

Biex ikun hemm dritt għal kumpens taħt din il-liġi, il-vittma ta’ reat vjolenti għandu jkun ressaq talba fi proċedimenti kriminali għad-danni li jirriżultaw mill-korriment. Dan ma japplikax jekk l-att kriminali kkawża l-mewt, jew fil-każ ta’ korriment ikkawżat mir-reat kriminali ta’ traffikar tal-bnedmin, stupru, attakk sesswali jew abbuż sesswali.

Jekk it-trażgressur ma jkunx ġie identifikat jew ma jkunx ġie kkundannat, xorta nista’ nikkwalifika għall-kumpens? Jekk iva, liema evidenza rrid nippreżenta biex nappoġġa t-talba tiegħi?

Jekk l-identità tat-trażgressur li r-reat tiegħu jkun ikkawża l-korriment tal-vittma ma tkunx magħrufa, ma jkunx magħruf fejn jinsab, jew jekk xi impediment legali jevitalu l-prosekuzzjoni kriminali u l-korriment tal-vittma ma jkunx ġie kkumpensat għalkollox b’xi mod ieħor, il-vittma tista’ titlob kumpens biss jekk l-eżitu tal-investigazzjoni jew tal-investigazzjoni sommarja mill-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni kriminali ma jqajjimx dubji ġustifikati dwar jekk seħħx ir-reat li kkawża l-korriment tal-vittma. It-talba trid tkun appoġġata mid-deċiżjoni finali tal-awtorità tal-prosekuzzjoni kriminali jew tal-qorti li kkunsidrat il-kwistjoni l-aħħar, sabiex tingħata prova tal-fatti dettaljati hawn fuq.

Hemm limitu ta’ żmien biex nitlob kumpens?

It-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien sena mid-data li fiha s-sentenza li ssib lit-trażgressur ħati tar-reat issir finali. Jekk l-identità tat-trażgressur ma tkunx magħrufa jew jekk impediment legali jevitalu l-prosekuzzjoni kriminali, it-talba trid tiġi ppreżentata fi żmien sitt xhur mid-data li fiha d-deċiżjoni mill-awtorità tal-prosekuzzjoni kriminali, jew mill-qorti li kkunsidrat il-kwistjoni l-aħħar, issir finali.

Meta qorti fi proċedimenti kriminali tkun irrinvijat lil vittma ta’ reat vjolenti u t-talba tagħha għal kumpens għal danni li jirriżultaw minn korriment, għal proċeduri ċivili jew għal proċeduri quddiem korp ieħor, għandu jiġi ppreżentat rikors fi żmien sena mid-data meta d-deċiżjoni dwar id-dritt tal-vittma għal proċedimenti ċivili jew proċedimenti oħra ssir finali. Meta jgħaddi dan il-perjodu jiskadi d-dritt għal kumpens taħt din il-liġi.

Liema telf u spejjeż jiġu koperti bil-kumpens?

Pereżempju, il-kumpens ikopri dan li ġej:

Il-kumpens jitħallas biss fir-rigward ta’ offiżi mġarrba fuq il-persuna (kumpens għal uġigħ u funzjoni soċjali mnaqqsa) u, fil-każijiet definiti mil-liġi, fir-rigward ta’ dannu morali. Kumpens ma jkoprix telf jew spejjeż oħra.

a) għall-vittma tar-reat kriminali:

– Dannu fiżiku (mhux psikoloġiku):

  • spejjeż tal-kura medika (trattament mediku: kura bħala pazjent ta' barra u kura fl-isptar, irkupru);
  • ħtiġijiet jew spejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-korriment (jiġifieri kura u assistenza, trattament temporanju u permanenti, perjodu ta’ eżami fit-tul, fiżjoterapija, adattament tal-ambjent domestiku, għajnuniet speċjali, eċċ.);
  • effetti permanenti tal-korriment (eż. diżabilità jew handicap permanenti ieħor)
    • telf ta’ qligħ waqt il-kura medika u wara (inkluż qligħ mitluf, telf tas-setgħa ta' qligħ jew tnaqqis fil-kapaċità li taqla’ l-għajxien, eċċ);
    • telf ta’ opportunità;
    • spejjeż assoċjati mal-proċedimenti legali b’rabta mal-inċident li kkawża d-dannu (bħat-tariffi legali, l-ispejjeż tal-qorti);
    • kumpens għal proprjetà personali misruqa jew li tkun ġarrbet ħsara;
    • oħrajn.

– mhux applikabbli

– Dannu psikoloġiku (mhux materjali):

  • uġigħ u tbatija tal-vittma –kumpens għad-dannu morali kkawżat mir-reati ta’ traffikar tal-bnedmin, stupru, abbuż sesswali u vjolenza sesswali

(b) għal persuni eliġibbli jew għall-qraba ta’ vittma:

– Dannu fiżiku (mhux psikoloġiku):

  • spejjeż tal-funeral;
  • spejjeż marbuta mal-kura medika (eż. terapija għal membru tal-familja, kura fi sptar jew barra mill-isptar, irkupru);
  • telf tal-kapaċità li taqla’ l-għajxien jew ta’ opportunità.

– mhux applikabbli

– Dannu psikoloġiku:

  • uġigħ u tbatija ta’ qraba u ta’ persuni eliġibbli/kumpens għas-superstiti, jekk il-vittma tkun mietet - superstiti ta’ vittma ta’ reat vjolenti li tkun mietet jitħallsu kumpens b’massimu statutorju ta’ 50 darba l-paga minima fiż-żmien li fih twettaq ir-reat. Din it-talba tiġi distribwita b’mod proporzjonat fost is-superstiti eliġibbli kollha.

Il-kumpens jitħallas f’pagament wieħed jew f’pagamenti mensili?

Il-kumpens jitħallas f’pagament wieħed.

B’liema mod tista' l-imġiba tiegħi fir-rigward tar-reat, il-fedina penali tiegħi jew in-nuqqas ta’ koperazzjoni tiegħi matul il-proċedimenti għal kumpens jaffettwaw il-possibbiltà tiegħi li nieħu kumpens, u/jew l-ammont li nirċievi?

Il-fedina penali m’għandha l-ebda effett fuq l-għoti ta’ kumpens mir-Repubblika Slovakka. L-awtorità li tiddeċiedi tista’ tnaqqas il-kumpens jekk il-vittma tkun ħatja b’mod konġunt għall-korriment jew ma tinforzax id-dritt tagħha li tikseb kumpens mit-trażgressur li kkawża l-korriment.

B’liema mod tista’ s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi taffettwa l-possibbiltà li nieħu kumpens u/jew l-ammont tal-kumpens?

Is-sitwazzjoni finanzjarja tal-vittma m'għandha ebda effett fuq id-deċiżjoni dwar il-kumpens.

Hemm xi kriterji oħra li jistgħu jaffettwaw il-possibbiltà li nieħu kumpens u/jew l-ammont tal-kumpens?

L-ammont ta’ kumpens jista’ jiġi affettwat mill-firxa tal-ħtija tal-vittma għall-korriment jew jekk il-vittma ma tkunx eżerċitat id-dritt tagħha li tikseb kumpens direttament mingħand it-trażgressur.

Kif jiġi kkalkulat il-kumpens?

Jekk il-korriment ikun ġie rikonoxxut b’sentenza tal-qorti, il-kumpens ikun ibbażat fuq il-grad tal-korriment dettaljat fis-sentenza; f'każijiet oħra ta’ korriment, tapplika kif xieraq leġiżlazzjoni speċifika li tirregola l-għoti ta’ kumpens għall-uġigħ u għal funzjoni soċjali mnaqqsa. Il-kumpens għal korriment morali fil-każ ta’ reati ta’ traffikar tal-bnedmin, stupru, vjolenza sesswali jew abbuż sesswali jkun għaxar darbiet il-paga minima (fil-mument meta seħħet il-ħsara) u l-kumpens għal korriment morali lis-superstiti jekk ir-reat kriminali kkawża l-mewt tal-vittma jkun ħamsin darba l-paga minima (fil-mument tal-korriment).

Hemm ammont minimu/massimu li jista’ jingħata?

Il-liġi ma tistipulax ammont minimu ta' kumpens. L-ammont massimu tal-kumpens huwa stabbilit għal 50 darba l-paga minima fil-mument li fih ikun sar ir-reat (nota: bħalissa dan huwa EUR 29 000).

Jiena mistenni nikkwota l-ammont fil-formola tat-talba? Jekk iva, nirċievi xi istruzzjonijiet dwar kif nikkalkulah jew dwar aspetti oħra?

Jekk id-danni għal korriment personali jkunu ġew rikonoxxuti permezz ta’ sentenza finali jew digriet kriminali fi proċedimenti kriminali, il-kumpens fil-każ ta’ korriment jiġi kkalkulat u mogħti fuq il-bażi tal-grad tal-korriment iddikjarat fis-sentenza jew fid-digriet kriminali. Jekk il-vittma u t-talba li tkun għamlet fi proċedimenti kriminali jiġu rrinvijati għal proċedimenti ċivili, il-kalkolu u l-għoti ta’ kumpens fil-każ ta’ korriment ikunu bbażati fuq il-grad tal-korriment kif iddettaljat fid-deċiżjoni tal-qorti ċivili. . Inkella trid tiġi sottomessa opinjoni medika li jkun fiha informazzjoni meħtieġa għall-iskop li jiġi ddeterminat l-ammont speċifiku ta’ kumpens sabiex dan l-ammont ikun jista’ jiġi kkalkulat. Ir-regoli għad-determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens huma speċifikati mil-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi r-regoli għall-kalkolu tad-danni personali b’mod ġenerali, mhux biss għall-fini ta’ għoti ta’ kumpens lill-vittmi ta’ reati vjolenti.

Jekk nirċievi xi kumpens għat-telf tiegħi minn sorsi oħra (bħal mingħand min iħaddimni jew skema ta' assigurazzjoni privata) dan jitnaqqas mill-kumpens imħallas mill-awtorità/entità?

Iva, il-kumpens jingħata biss fuq il-kundizzjoni li l-ħsara ma tkunx ġiet ikkumpensata b’xi mod ieħor (pereżempju, minn skema tal-assigurazzjoni privata jew b’mod dirett mit-trażgressur).

Nista’ nieħu ħlas bil-quddiem tal-kumpens? Jekk iva, taħt liema kundizzjonijiet?

Ħlasijiet bil-quddiem tal-kumpens ma jistgħux isiru.

Nista’ nikseb kumpens kumplimentari jew addizzjonali (eż. wara bidla fiċ-ċirkostanzi jew jekk is-saħħa tmur għall-agħar eċċ.) wara d-deċiżjoni prinċipali?

Dan huwa possibbli; il-vittma tista’ titlob kumpens aktar minn darba (pereżempju, fil-każ ta’ bidla fis-sitwazzjoni jew jekk is-saħħa tmur għall-agħar), iżda r-rikors xorta għandu jiġi ppreżentat fil-perjodu bażiku (jiġifieri fi żmien sena mid-data meta sentenza kriminali li ssib lit-trażgressur ħati ssir finali, jew — jekk l-identità tat-trażgressur ma tkunx magħrufa, jew jekk il-prosekuzzjoni kriminali tkun ipprevenuta b’impediment legali — fi żmien sena minn meta d-deċiżjoni tal-awtorità tal-prosekuzzjoni kriminali, jew tal-qorti li kkunsidrat il-kwistjoni l-aħħar, issir finali). Madankollu, l-ammont totali tal-kumpens għall-istess każ ma jistax jaqbeż 50 darba l-paga minima.

X'dokumenti ta’ sostenn għandi bżonn ninkludi mat-talba tiegħi?

  • is-sentenza jew id-deċiżjoni finali tal-awtorità tal-prosekuzzjoni kriminali li kkunsidrat il-kwistjoni l-aħħar; jekk il-vittma ma tkunx tista’ tehmeż id-deċiżjoni, din għandha tindika l-awtorità tal-prosekuzzjoni kriminali jew il-qorti li kkunsidrat ir-reat l-aħħar u li pprovdiet informazzjoni dwar il-persuna suspettata li wettqet ir-reat li kkawżat il-korriment tal-vittma, jekk dik il-persuna tkun magħrufa mill-vittma;
  • dettalji tal-miżuri li tkun ħadet il-vittma biex tikseb kumpens mingħand it-trażgressur tar-reat li kkawża l-korriment tal-persuna (sakemm ir-reat kriminali ma jkunx wassal għall-mewt jew il-korriment tal-persuna ma jkunx ġie kkawżat mir-reati tat-traffikar tal-bnedmin, stupru, attentat għall-pudur jew abbuż sesswali);
  • dokument li jagħti prova tar-relazzjoni tal-familja u l-lista ta’ persuni eliġibbli, jekk ir-reat ikkawża l-mewt tal-vittma.

Hemm tariffi amministrattivi jew tariffi oħrajn li għandhom jitħallsu meta t-talba tiġi rċevuta u pproċessata?

Il-proċedimenti ta’ kumpens mhumiex soġġetti għal tariffi.

Liema awtorità tiddeċiedi dwar talbiet ta' kumpens (f’każijiet nazzjonali)?

Il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka jiddeċiedi dwar it-talbiet ta' kumpens.

Fejn għandi nibgħat it-talba (f’każijiet nazzjonali)?

It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej: Ministerstvo spravodlivosti Slovenskej republiky [Il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka], Račianska ul. 71, 813 11 Bratislava

Għandi bżonn inkun preżenti matul il-proċedura u/jew meta tkun qed tiġi deċiża t-talba tiegħi?

Il-vittma mhix meħtieġa tkun preżenti.

Kemm tieħu żmien (bejn wieħed u ieħor) biex l-awtorità tiddeċiedi dwar talba għal kumpens?

Il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka jrid jiddeċiedi dwar it-talba ta' kumpens fi żmien sitt xhur.

Jekk ma nkunx sodisfatt bid-deċiżjoni tal-awtorità, kif nista’ nikkontestaha?

Jekk il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka ma jaċċettax it-talba jew jaċċettaha parzjalment biss, il-vittma ta’ reat vjolenti għandha d-dritt titlob il-protezzjoni tad-drittijiet soġġettivi tagħha permezz ta’ denunzja amministrattiva taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Att Nru 162/2015 (il-Kodiċi ta' Proċedura tal-Qorti Amministrattiva). Fejn nista’ nikseb il-formoli meħtieġa u informazzjoni oħra dwar kif nagħmel it-talba?

Fis-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidasit tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka.

Matul il-proċedimenti kriminali l-vittmi jinżammu infurmati mill-awtoritajiet investigattivi dwar il-possibbiltajiet u l-kundizzjonijiet biex jiksbu kumpens mir-Repubblika Slovakka.

Hemm xi linja telefonika speċjali għall-għajnuna jew sit web li nista’ nuża?

L-informazzjoni dwar il-kumpens għall-vittmi ta’ reati tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Għall-ħolqa kklikkja Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahawnhekk. Barra minn hekk, vittma li tiġi interrogata fi proċedimenti kriminali tirċievi informazzjoni (inklużi d-dettalji ta’ kuntatt) dwar organizzazzjonijiet li joffru għajnuna u appoġġ lill-vittmi.

Nista’ ningħata għajnuna legali (għajnuna minn avukat) meta nkun qed inħejji t-talba?

Ma hemm ebda għajnuna legali speċifikament biex titlob kumpens. Tista' tuża l-għajnuna legali ġenerali pprovduta mill-Istat permezz taċ-Ċentru tal-Għajnuna Legali. Barra minn hekk, il-Ministeru tal-Ġustizzja stess jipprovdi gwida bażika dwar kif jintalab kumpens.

Hemm xi organizzazzjonijiet ta' appoġġ lill-vittmi li jistgħu jgħinuni nitlob kumpens?

Iva, hemm organizzazzjonijiet li jipprovdu assistenza u appoġġ lill-vittmi ta’ reati vjolenti, iżda attwalment dawn joperaw b’mod indipendenti mill-Istat.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 31/12/2020