Insolvenza/falliment

Malta
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Proċedimenti ta’ Insolvenza (Kumpaniji) u Proċedimenti ta’ falliment (Soċjetajiet u kummerċjanti)

Skont il-liġi Nazzjonali wieħed jista’ jidentifika żewġ tipi ta’ persuni li għalihom jistgħu japplikaw proċedimenti ta’ insolvenza, dawn huma s-soċjetajiet kummerċjali, u l-kummerċjanti. Huma applikabbli reġimi differenti għal dawn it-tip ta’ persuni. Is-soċjetajiet kummerċjali jistgħu jiġu suddiviżi f'soċjetajiet en nom collectif, soċjetajiet en commandite u kumpaniji b’responsabbiltà limitata.

Proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jitressqu kontra l-persuni kollha msemmija qabel (fiżiċi u ġuridiċi) madankollu japplikaw proċeduri, regoli u legiżlazzjonijiet differenti. Fil-fatt, proċedimenti ta’ falliment (il-Kapitolu 13 tal-Liġijiet ta’ Malta) jistgħu jitressqu kontra soċjetajiet en nom collectif, soċjetajiet en commandite, u kontra kummerċjanti. Is-soċjetajiet en nom collectif u s-soċjetajiet en commandite huma għall-intenzjonijiet u l-finijiet kollha kkunsidrati bħala kummerċjanti f'dak li għandu x'jaqsam ma' proċedimenti ta’ falliment. It-terminu “kummerċjant” huwa definit fil-Kapitolu 13 bħala kwalunkwe persuna li, bħala professjoni, tagħmel atti ta’ negozjar f’isimha stess, u jinkludi kwalunkwe soċjetà kummerċjali.

Proċedimenti ta’ Riorganizzazzjoni (Irkupru ta' Kumpanija)

Proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni jistgħu jitressqu kontra kumpaniji skont l-Artikoli 327 sa 329B tal-Kapitolu 386 - L-Att dwar il-Kumpaniji 1995.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Proċedimenti ta’ Insolvenza (Kumpaniji)

Wara deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali ta' kumpanija, il-bord tad-diretturi tagħha, kwalunkwe detentur ta’ passiv, kreditur jew kredituri, jew kwalunkwe kontributur jew kontributuri jistgħu jippreżentaw proċedimenti fil-Qorti sabiex il-kumpanija tiġi xolta u konsegwentamet tiġi stralċjata jekk il-kumpanija ma tkunx tista’ tħallas id-djun tagħha. It-test li għandu jiġi applikat skont l-Artikolu 214(2)(a)(ii) tal-Kapitolu 386 huwa dan:

Il-kumpanija għandha titqies li ma tistax tħallas id-djun tagħha -

(a) jekk id-dejn dovut mill-kumpanija jkun baqa’ ma tħallasx għal kollox jew f’parti wara erbgħa u għoxrin ġimgħa mill-eżekuzzjoni ta’ titolu eżekuttiv kontra l-kumpannija b’xi wieħed mill-atti eżekuttivi msemmijin fl-Artikolu 273 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili; jew

(b) jekk ikun ippruvat għas-sodisfazzjon tal-qorti li l-kumpannija ma tkunx tista’ tħallas id-djun tagħha, meta din tqis ukoll il-passiv kontinġenti u prospettiv tal-kumpannija.

Il-qorti ser tagħti lill-partijiet l-opportunità juru li dak li qed jgħidu huwa minnu u eventwalment tiddeċiedi jekk jeżistux ir-rekwiżiti għall-insolvenza, f’liema każ il-qorti tordna x-xoljiment u d-data ta’ insolvenza preżunta tkun id-data li fiha saret l-appliklazzjoni lill-qorti skont l-Artikolu 223 tal-Kapitolu 386.

Fil-perjodu bejn l-ordni għax-xoljiment fil-każ ta’ insolvenza u l-preżentazzjoni tar-rikors għall-insolvenza lill-qorti, il-qorti tista’ fi kwalunkwe mument taħtar amministratur provviżorju, u tagħtih il-karigu jamministra l-proprjetà jew in-negozju tal-kumpanija skont kif tista’ tispeċifika l-qorti fl-ordni tal-ħatra. L-amministratur provviżorju jżomm il-kariga sakemm issir l-ordni tal-istralċ jew sakemm ir-rikors tal-istralċ jiġi miċħud diment li ma jirriżenjax qabel dan iż-żmien, jew ma jitneħħiex mill-qorti jekk tingħata raġuni valida.

Insolvenza - Stralċ Volontarju ta’ Kredituri

Minbarra dan ta’ hawn fuq, kumpanija tista’ tiġi xolta b’mod volontarju u jekk id-diretturi jkunu tal-opinjoni li l-assi tal-kumpanija mhumiex suffiċjenti sabiex ikopru l-passiv, tissejjaħ laqgħa tal-kredituri sabiex jinħatar stralċjarju (u/jew kumitat għal-likwidazzjoni) li jkun igawdi l-fiduċja tal-kredituri u jkun inkarigati bl-istralċ tal-kumpanija mingħajr il-bżonn ta’ proċedimenti tal-qorti. Ir-regoli li għandhom jiġu segwiti huma stabbiliti fl-Artikoli 277 et seq tal-Kapitolu 386.

Proċedimenti ta’ Riorganizzazzjoni (Irkupru ta' Kumpanija)

Il-kumpanija wara riżoluzzjoni straordinarja, id-diretturi wara deċiżjoni tal-bord tad-diretturi, jew il-kredituri tal-kumpanija li jirrappreżentaw aktar minn nofs il-valur tal-kredituri tal-kumpanija, jistgħu jippreżentaw proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni (Proċeduri ta’ rkupru skont l-Artikolu 329B tal-Kapitolu 386) fil-Qorti jekk il-kumpanija ma tkunx tista’ tħallas id-djun tagħha, jew jekk ikun imminentament probabbli li mhux se tkun kapaċi tħallas id-djun tagħha. Bħall-każ preċedenti, kumpanija titqies li ma tistax tħallas id-djun tagħha -

(a) jekk id-dejn dovut mill-kumpanija jkun baqa’ ma tħallasx għal kollox jew f’parti wara erbgħa u għoxrin ġimgħa mill-eżekuzzjoni ta’ titolu eżekuttiv kontra l-kumpannija b’xi wieħed mill-atti eżekuttivi msemmijin fl-Artikolu 273 tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili; jew

(b) jekk ikun ippruvat għas-sodisfazzjon tal-qorti li l-kumpannija ma tkunx tista’ tħallas id-djun tagħha, meta din tqis ukoll il-passiv kontinġenti u prospettiv tal-kumpannija.

Il-Qorti tiddeċiedi jekk tpoġġix lill-kumpanija f’riorganizzazzjoni, u b'hekk toħroġ ordni ta’ rkupru tal-kumpanija fi żmien għoxrin jum ta’ xogħol mir-rikors lill-qorti biex tamministra n-negozju tal-kumpanija għal perjodu li jiġi speċifikat mill-Qorti (attwalment perjodu ta’ sena li jista’ jiġi estiż b’perjodu sussegwenti ta’ sena). Madankollu bl-emendi li qed jitħejjew, dan il-perjodu se jitnaqqas għal perjodu ta’ erba’ xhur li jista’ jiġi estiż b’perjodi addizzjonali ta’ erba’ xhur sa perjodu massimu ta’ tnax-il xahar.

Proċedimenti ta’ Falliment (Soċjetajiet u kummerċjanti)

Proċedimenti ta’ falliment jistgħu jiġu ppreżentati minn kwalunkwe kreditur, kemm jekk id-dejn dovut lilu jkun dejn kummerċjali u kemm jekk ikun ta’ xorti oħra, u anke jekk dan id-dejn ikun għadu ma sarx dovut, sabiex jipproċedi bla telf ta' żmien quddiem il-Qorti Ċivili, Prim’Awla, kontra d-debitur jew ir-rappreżentant legali tiegħu, b’talba għal dikjarazzjoni li dan id-debitur huwa fi stat ta’ falliment.

Il-kriterju sabiex jiġi ddikjarat falliment huwa s-sospensjoni tal-ħlas tad-djun mid-debitur. Il-qorti tagħti s-sentenza tagħha li tiddikjara l-falliment, u taħtar kuratur wieħed jew aktar sabiex jeżerċitaw il-funzjonijiet assenjati lilhom skont il-Kodiċi Kummerċjali, il-Kapitolu 13.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

Proċedimenti ta’ insolvenza (Kumpaniji) (inkluż l-istralċ volontarju tal-kredituri)

L-assi kollha tal-kumpanija jiġu likwidati sabiex ikopru l-passiv tad-debitur. Ma jkunx hemm distinzjoni bejn l-assi li diġà kienu jiffurmaw parti mill-patrimonju tad-debitur, u dawk li jgħaddu għand id-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza.

Proċedimenti ta’ Falliment (Soċjetajiet u kummerċjanti)

Fi proċedimenti ta’ falliment li għandhom x’jaqsmu ma’ kummerċjanti u soċjetajiet en nom collectif u en commandite, l-assi kollha kemm jekk mobbli kif ukoll jekk immobbli jistgħu jiffurmaw parti mill-patrimonju li se jiġi likwidat. Fil-każ ta’ falliment, ladarba tkun ingħatat dikjarazzjoni ta’ falliment, il-fallut ipso jure jitneħħilu l-pussess tal-amministrazzjoni tal-proprjetà kollha tiegħu, kemm jekk din il-proprjeta għandha x’taqsam man-negozju tiegħu kif ukoll jekk le, ħlief għad-dritt tiegħu għall-manutenzjoni ta’ kuljum sabiex jibqa’ jeżisti.

L-assi tiegħu għandhom jibqħu fil-pussess tal-kuratur li mbagħad għandu jkollu d-dritt li jbigħ u jittrasferixxi l-proprjetà bl-approvazzjoni tal-Qorti. Il-proprjetà tal-fallut li tista' tiħżien għandha tinbigħ permezz ta’ rkantatur liċenzjat wara li tkun inkisbet l-awtorizzazzjoni tal-Qorti.

Fil-każ ta’ merkanzija u proprjetà oħra li għandhom ħajja twila dawn ukoll jeħtieġu l-awtorizzazzjoni tal-Qorti.

F’ċirkostanzi bħal dawn, l-Imħallef għandu jagħti struzzjonijiet li huwa jqis bħala l-aktar vantaġġjużi fl-interess tal-fallut u tal-kredituri, anke jekk jinqalgħu ċirkustanzi, li jippermettu lill-kuratur jirristabbilixxi l-affarijiet tal-fallut jew iżid l-assi tiegħu, diment li dan ikun ta’ benefiċċju għall-kredituri wkoll.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

Proċedimenti ta’ Insolvenza (Kumpaniji)

Malli l-qorti tordna x-xoljiment ta’ kumpanija minħabba l-fatt li tkun insolventi, il-qorti taħtar stralċjarju.

Il-Kapitolu 386 jimponi l-obbligu li dan l-istralċjarju jrid ikun persuna fiżika, li tkun ikkwalifikata bħala avukat jew kontabilista pubbliku ċċertifikat u/jew awditur, jew li hi rreġistrata mar-Reġistratur tal-Kumpaniji bħala kompetenti u idonea sabiex teżerċita l-funzjoni ta’ stralċjarju.

Restrizzjoni oħra hi li stralċjarju ma jistax ikun stralċjarju ta’ kumpanija partikolari jekk kellu kariga ta’ direttur jew segretarju tal-kumpanija jew kellu kwalunkwe ħatra oħra ma’ jew f’konnessjoni ma’ dik il-kumpanija partikolari fi kwalunkwe żmien matul l-erba’ snin ta' qabel id-data tax-xoljiment tal-kumpanija.

Il-qorti għandha diskrezzjoni wiesgħa fid-determinazzjoni ta’ min għandu jħallas għar-remunerazzjoni tal-istralċjarju. B’mod awtomatiku, l-istralċjarju għandu jiġi renumerat mill-assi tal-kumpanija. Madankollu, jekk dawn ma jkunux biżżejjed, il-Qorti tista’ tordna li l-pagament isir minn persuni (konnessi) oħra u abbażi ta’ dak li l-Qorti tista’ tordna.

Skont l-Artikolu 296 tal-Kapitolu 386, is-setgħat tal-uffiċjali tal-kumpanija (diretturi u segretarju tal-kumpanija) jintemmu mal-ħatra tal-istralċjarju, u għalhekk la d-diretturi, inkluż kwalunkwe delegat, u lanqas is-segretarju tal-kumpanija ma jkollhom l-awtorità li jinnegozjaw f’isem u għan-nom tal-imsemmija kumpanija f’likwidazzjoni. L-istralċjarju jieħu taħt il-kustodja jew il-kontroll tiegħu l-proprjetà u d-drittijiet kollha li huwa jkollu raġuni valida biżżejjed biex jemmen li l-kumpanija hi intitolata għalihom.

Skont l-Artikolu 238 tal-Kapitolu 386, l-istralċjarju fi stralċ mill-qorti, bis-sanzjoni jew tal-qorti jew tal-kumitat għal-likwidazzjoni għandu jkollu s-setgħa:

(a) li jagħmel jew jiddefendi kull azzjoni jew proċediment legali ieħor fl-isem u għan-nom tal-kumpannija;

(b) li jmexxi n-negozju tal-kumpannija safejn dan ikun meħtieġ għall-benefiċċju tal-istralċ tagħha;

(ċ) li jħallas lill-kredituri skont il-gradwazzjoni tagħhom bil-liġi;

(d) li jagħmel kull kompromess jew ftehim mal-kredituri jew persuni li jgħidu li huma kredituri, jew li jkollhom jew li jallegaw li jkollhom xi talba, preżenti jew futura, ċerta jew kontinġenti, aċċertata jew li tista’ tkun dovuta bħala danni kontra l-kumpannija jew li biha l-kumpannija tista’ tinżamm responsabbli u li jirreferi xi kwistjoni bħal din għall-arbitraġġ;

(e) li jagħmel sejħiet lill-kontributorji jew allegati kontributorji u li jagħmel kompromess jew ftehim fuq djun, obbligi u talbiet tal-kumpannija preżenti jew futuri, ċerti jew kontinġenti, aċċertati jew li jistgħu jkunu dovuti bħala danni, li jkunu jeżistu jew meqjusa li jeżistu bejn il-kumpannija u kontributorju jew allegat kontributorju jew debitur ieħor jew allegat debitur u kull kwistjonijiet li b’xi mod għandhom x’jaqsmu ma’, jew jolqtu, l-attiv jew l-istralċ tal-kumpannija, b’dawk il-kondizzjonijiet li jkunu miftiehma, u li jieħu kull sigurtà għas-sodisfazzjon ta’ kull sejħa, dejn, obbligu jew talba u li jagħti jew jikkompleta sodisfazzjon dwarhom; u

(f) li jirrappreżenta lill-kumpannija f’kull ħaġa u li jagħmel dawk il-ħwejjeġ li jkunu meħtieġa biex jiġi stralċjat in-negozju tal-kumpannija u sabiex jitqassam l-attiv tagħha.

Barra minn hekk, il-Qorti tista’ tipprevedi li l-istralċjarju jista’, fejn mhemmx kumitat għal-likwidazzjoni, jeżerċita kwalunkwe setgħa msemmija fil-paragrafi (a) jew (b) t’hawn fuq mingħajr is-sanzjoni tal-Qorti.

B’mod ġenerali, l-istralċjarju fi stralċ mill-qorti għandu jkollu s-setgħa li -

(a) li jbiegħ beni mobbli u immobbli, magħdud kull jedd, tal-kumpannija b’irkant pubbliku jew bi ftehim privat bis-setgħa li jittrasferixxi l-intier jew parti minnu;

(b) li jagħmel kull azzjoni u li jesegwixxi, fl-isem jew

(ċ) li jiġbor fuq is-sigurtà tal-attiv tal-kumpannija kull flus li jkunu meħtieġa; u

(d) li jaħtar mandatarju biex jaġixxi għalih fl-kariga tiegħu ta’ stralċjarju għal għanijiet partikolari.

L-eżerċitar mill-istralċjarju fi stralċ mill-qorti tas-setgħat mogħtija minn dan l-artikolu għandu jkun soġġett għall-kontroll tal-qorti, u kwalunkwe kreditur jew kontributur jista’ jagħmel talba lill-qorti fir-rigward ta’ kwalunkwe eżerċizzju jew eżerċizzju propost ta’ kwalunkwe wieħed minn dawk is-setgħat.

Fil-perjodu interim bejn l-ordni għax-xoljiment fil-każ ta’ insolvenza u l-preżentazzjoni tar-rikors tal-insolvenza lill-qorti, fejn il-qorti taħtar amministratur provviżorju, is-setgħat tal-uffiċjali tal-kumpanija jintemmu wkoll sal-punt li l-qorti tinkariga lill-amministratur bl-amministrazzjoni tal-patrimonju jew in-negozju tal-kumpanija kif tista’ tispeċfika l-qorti fl-ordni li taħtru.

Proċedimenti ta’ Riorganizzazzjoni (Irkupru ta' Kumpanija)

Skont l-Artikolu 329B(6)(a) tal-Kapitolu 386, waqt il-perjodu li fih ordni ta’ rkupru (riorganizzazzjoni) tkun fis-seħħ, il-kumpanija għandha tkompli bl-attivitajiet normali tagħha taħt it-tmexxija tal-kontrollur speċjali.

Il-kontrollur speċjali jrid ikun individwu li l-Qorti aċċertat għas-sodisfazzjon tagħha li għandu kompetenza u esperjenza mixhuda bi prova fil-ġestjoni ta’ intrapriżi ta’ negozju, huwa kkwalifikat u lest li jaċċetta l-ħatra, u ma għandux kunflitt ta’ interess fir-rigward tal-ħatra tiegħu.

Ir-remunerazzjoni tal-kontrollur speċjali hi koperta mill-kumpanija. Fil-fatt, fil-ħatra tagħha, il-qorti tiddetermina perjodu, li ma jaqbiżx għaxart ijiem ta’ xogħol minn meta ssir l-ordni ta’ rkupru tal-kumpanija, li fih il-kumpanija għandha tiddepożita somma ta’ flus fil-Qorti jew toffri garanzija xierqa oħra jew arranġament adegwat ieħor, li, skont l-opinjoni tal-Qorti huma biżżejjed sabiex ikopru r-remunerazzjoni u l-ispejjeż tal-kontrollur speċjali konnessi mal-ħatra tiegħu.

Mal-ħatra tal-kontrollur speċjali, kwalunkwe setgħa mogħtija lill-kumpanija skont kwalunkwe liġi jew permezz tal-Memorandum u Statut ta’ Assoċjazzjoni għandha tiġi sospiża sakemm ma jkunx inkiseb il-kunsens tal-kontrollur speċjali sabiex teżerċita din is-setgħa, liema kunsens jista’ jingħata b’mod ġenerali jew fir-rigward ta’ każ jew każijiet partikolari. Fin-nuqqas ta' dan, kwalunkwe setgħa ta’ dan it-tip għandha tkun vestita fil-kontrollur speċjali.

B’mod ġenerali, il-kontrollur speċjali ser ikollu l-awtorità li:

(a) jieħu taħt il-kustodja jew il-kontroll tiegħu, il-proprjetà kollha tal-kumpanija u minn hemm 'l quddiem għandu jkun responsabbli għall-ġestjoni u s-superviżjoni tal-attivitajiet, in-negozju u l-proprjetà tagħha.

(b) wara li jinforma lill-Qorti, ineħħi lid-diretturi tal-kumpanija u jaħtar individwu sabiex jagħmilha ta' maniġer;

(ċ) jinvolvi persuni għall-għoti ta’ servizzi professjonali jew amministrattivi, u jimpenja lill-kumpanija fil-ħlas tat-tariffi u l-ispejjeż rispettivi tagħhom; kif ukoll

(d) li jsejjaħ kwalunkwe laqgħa tal-membri jew tal-kredituri tal-kumpanija.

Barra minn hekk, il-kontrollur speċjali għandu jkollu s-setgħa, bl-awtorizzazzjoni espliċita minn qabel tal-Qorti, li:

(i) jinvolvi lill-kumpanija fi kwalunkwe impenn b'terminu ta’ aktar minn sitt xhur;

(ii) itemm l-impjieg ta’ impjegati tal-kumpanija skont kif iqis li huwa meħtieġ għall-iżgurar tal-kontinwazzjoni tal-kumpanija bħala negozju avvjat vijabbli kompletament jew parzjalment;

Proċedimenti ta’ Falliment (Soċjetajiet u kummerċjanti)

Kif spjegat hawn fuq, fir-rigward ta’ kummerċjanti li jwettqu n-negozju tagħhom f’isimhom personalment u bħala soċjetà, il-liġi applikabbli hija l-Kodiċi tal-Kummerċ taħt it-Titolu ta’ Falliment.

Fir-rigward tas-setgħat tal-istralċjarju f’falliment, dan l-istralċjarju huma msejjaħ “kuratur”, u l-“kuratur” huwa persuna jew persuni li l-Qorti tqis bħala xierqa sabiex b’mod leali jaqdu d-dmirijiet ta’ dan il-kariga, anke jekk dan il-“kuratur” jista’ jkollu x’jaqsam mal-fallut jew jista’ jkun kreditur tal-fallut.

Mal-assunzjoni tad-dmirijiet ta’ din il-kariga, il-kuratur għandu jieħu pussess tal-proprjetà kollha u tad-drittijiet ta’ kwalunkwe xorta li jappartjenu għall-fallut. Barra minn hekk, il-fallut għandu jieħu l-passi neċessarji kollha sabiex iħares id-drittijiet tal-fallut fil-konfront tad-debituri tiegħu kif ukoll jirreġistra fir-Reġistru Pubbliku kwalunkwe ipoteka li taffetwa l-proprjetà tad-debituri tal-fallut. Il-kuratur huwa responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu lejn il-fallut.

Il-kuratur għandu wkoll id-dmir li jħarrek għall-ħlas tad-djun li huma dovuti lill-fallut, iżda ma għandux ikun legali għall-kuraturi li jagħmlu kwalunkwe kompromess jew jirreferu kwalunkwe tilwim għal arbitraġġ mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-maġġoranza tal-kredituri tal-fallut u l-awtorità tal-Imħallef.

Fi żmien xahar mill-għoti tas-sentenza ta’ falliment, il-kuratur għandu joħloq inventarju tal-proprjetà tal-fallut.

Kull kreditur għandu d-dritt jara din il-lista u l-kreditur u l-fallut huma obbligati li jassistu fil-ħolqien tal-inventarju.

Dan l-inventarju għandu jikkonsisti f’lista vera b’deskrizzjoni u stima tal-proprjetà kollha tal-fallut.

Il-kuratur ma jistax jiddisponi minn proprjetà mingħajr il-kunsens tal-Qorti u l-proċedura kollha hi miftuħa għall-iskrutinju pubbliku. Ir-rikavati ta’ kwalunkwe bejgħ li jsir mill-kuratur għan-nom tal-fallut jew tas-soċjetà għandhom jiġu elenkati u r-riċevuti u l-fatturi kollha għandhom jiġu ddokumentati kif suppost.

Għandu jkun fis-setgħa tal-Qorti li titlob lill-kuraturi, lill-fallut u lill-kredituri biex jagħtu taħt ġurament l-informazzjoni kollha kif din tista’ tqis neċessarju.

Fir-rigward tas-setgħat tad-debitur (f’dan il-każ nifhem il-persuna falluta jew is-soċjetà falluta), id-debitur għandu d-dritt jissorvelja li l-kuratur qed iwettaq l-affarijiet relatati mal-falliment f’konformità mal-liġi u b’mod korrett.

Id-debitur għandu d-dritt li jgħarraf lill-Qorti bħala whistle-blower jekk dawn l-azzjonijiet meħuda mill-kuratur ma jsirux f’konformità mat-termini tad-digriet tal-Qorti jew jekk l-affarijiet tiegħu jkunu qed jiġu ġestiti b’mod ħażin.

Il-kotba u d-dokument tal-fallut għandhom dejjem ikunu disponibbli għal spezzjoni, u għalhekk dan juri wkoll li d-debitur għandu d-dritt li jkun jaf, jikkontrolla u jivverifika l-azzjonijiet tal-kuratur maħtur mill-Qorti.

Id-debitur għandu wkoll dritt bil-liġi għal manutenzjoni regolari għas-sussistenza tiegħu, jiġifieri li l-Qorti tippermetti lid-debitur allokazzjoni ta’ fondi mill-proprjetà tiegħu stess, li tingħatalu mill-kuratur u tkun allowance għas-sussistenza tal-għajxien u tal-familja tiegħu, diment li ma jkunx hemm preżunzjoni li l-fallut aġixxa b’mod frodulenti.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija ?

Proċedimenti ta’ Insolvenza u Riorganizzazzjoni (Kumpaniji) / Proċedimenti ta’ Falliment (Soċjetajiet u kummerċjanti)

Skont il-Kapitolu 459 kwalunkwe dispożizzjoni ta’ nnettjar ta' għeluq jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra f’xi kuntratt li tipprevedi jew li għandha x’taqsam mat-tpaċija jew in-nettjar tal-ammonti dovuti minn kull parti lill-oħra fir-rigward ta’ krediti reċiproki, djun reċiproki jew negozjati reċiproki għandha tkun infurzabbli f’konformità mat-termini tagħha, kemm jekk qabel kif ukoll jekk wara l-falliment jew l-insolvenza, fir-rigward ta’ djun reċiproki, krediti reċiproki jew negozji reċiproki li nħolqu jew seħħew qabel il-falliment jew l-insolvenza ta’ waħda mill-partijiet, kontra:

(a) il-partijiet kontraenti,

(b) kwalunkwe garanti jew persuna li tipprovdi sigurtà għal kwalunkwe parti kontraenti,

(ċ) l-istralċjarju, ir-riċevitur, il-kuratur, il-kontrollur, il-kontrollur speċjali jew uffiċjal simili ieħor ta’ kwalunkwe waħda mill-partijiet kontraenti, u

(d) il-kredituri tal-partijiet kontraenti.

Dan t’hawn fuq ma għandux japplika fir-rigward ta’ kwalunkwe ftehim ta' nettjar ta' għeluq li wieħed ikun daħal għalih fi żmien meta l-parti l-oħra kienet taf jew suppost kienet taf li rikors għax-xoljiment u l-istralċ tal-kumpanija minħabba insolvenza kienet pendenti, jew li l-kumpanija ħadet passi formali skont kwalunkwe liġi applikabbli sabiex twassal għax-xoljiment u l-istralċ tagħha minħabba insolvenza.

M’għandux japplika wkoll meta l-parti insolventi tkun individwu (mhux kummerċjant) jew soċjetà kummerċjali u mhux kumpanija (soċjetà en nom collectif jew soċjetà en commandite) u l-parti l-oħra kienet taf jew suppost kienet taf b’avvenimenti tal-istess natura kif imfisser fil-paragrafu preċedenti fir-rigward tal-parti insolventi.

Kwalunkwe awtorità jew mandat f’kuntratt biex timplimenta kwalunkwe dispożizzjoni ta’ nnettjar ta' għeluq ma għandhiex tkun revokata bid-dikjarazzjoni ta’ falliment jew l-insolvenza ta’ kwalunkwe parti oħra kontraenti.

Huwa previst ukoll li minkejja d-dispożizzjonijiet ta’ kwalunkwe liġi nazzjonali oħra, xejn ma għandu jillimita jew jikkawża dewmien fl-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ta’ kwalunkwe kuntratt li jipprovdi għal jew għandu x’jaqsam ma’ tpaċija jew nettjar li altrimenti jkun inforzabbli u l-ebda ordni ta’ kwalunkwe qorti lanqas kwalunkwe mandat jew twissija jew ordni simili maħruġa minn qorti jew altrimenti u l-ebda proċedimenti ta’ kwalunkwe tip ma għandu jkollhom xi effett fir-rigward ta’ dan. Madankollu, minkejja dak li qed jintqal f’dan il-paragrafu, xejn ma jipprevjeni l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe liġi li tagħmel l-innettjar jew it-tpaċija mhux inforzabbli fi kwalunkwe każ partikolari għal raġunijiet ta’ frodi jew kwalunkwe raġuni simili, jew li tippermetti l-infurzabilità tal-innettjar jew it-tpaċija jekk xi dispożizzjoni ta’ kuntratt bejn il-partijiet ikkonċernati trendi l-innettjar jew it-tpaċija nulli minħabba frodi jew minħabba kwalunkwe raġuni simili.

Il-liġi tispeċifika li jkun legali għall-partijiet kontraenti:

  • li jilħqu qbil fuq kwalunkwe sistema jew mekkaniżmu li jippermetti lill-partijiet jikkonvertu obbligu mhux finanzjarju f’obbligu monetarju b’valur ekwivalenti u li jivvalorizzaw dan l-obbligu għall-iskopijiet ta’ kwalunkwe tpaċija jew innettjar;
  • li jilħqu qbil dwar ir-rata tal-kambju jew il-metodu li għandu jintuża sabiex tiġi stabbilita r-rata tal-kambju li għandha tkun applikata meta ssir kwalunkwe tpaċija jew innettjar meta l-ammonti li għandhom jiġu paċuti jew innettjati jkunu f’muniti differenti, u li jistabbilixxu l-munita li fiha għandu jsir il-pagament tas-somma netta;
  • li jilħqu qbil li kwalunkwe tranżazzjoni jew trattattiva oħra li ssir skont kwalunkwe kuntratt, jekk hux identifikati b’mod speċifiku jew b’referenza għal tip jew klassi ta’ tranżazzjonijiet jew negozji, għandha titqies bħala tranżazzjoni jew negozju uniku għall-iskopijiet tad-dispożizzjonijiet ta’ tpaċija jew nettjar fil-kuntratt u li t-tranżazzjonijiet jew negozji kollha ta’ dan it-tip għandhom jitqiesu bħala tranżazzjoni jew negozju uniku mill-partijiet jew minn kwalunkwe stralċjarju, riċevitur, kuratur, kontrollur jew kontrollur speċjali jew uffiċjal ieħor li jaġixxi f’isem il-partijiet u kwalunkwe qorti.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

Proċedimenti ta’ Insolvenza (Kumpaniji)

L-Artikolu 303 tal-Kapitolu 386 jipprevedi privileġġi, ipoteki u imposti oħra, it-trasferiment jew disponiment ieħor ta’ proprjetà jew drittijiet, u kwalunkwe pagament, eżekuzzjoni jew att ieħor li għandu x’jaqsam mal-proprjetà jew id-drittijiet maħluqa jew magħmula minn jew kontra kumpanija u kwalunkwe obbligu mġarrab mill-kumpanija fi żmien sitt xhur qabel ix-xoljiment tal-kumpanija biex jitqies bħala preferenza frodulenti kontra l-kredituri tagħha kemm jekk din it-tranżazzjoni tkun ta’ natura gratwita jew kemm jekk ta’ natura oneruża jekk tikkostitwixxi tranżazzjoni sottovalutata jew jekk tingħata preferenza. F’każijiet bħal dawn, it-tranżazzjoni (preferenza frodulenti) għandha tiġi nulla.

Sottovalutazzjoni hi definita kif ġej:

(a) kumpannija tagħmel operazzjoni taħt il-valur jekk:

(i) il-kumpannija tagħti rigal jew xort’oħra tagħmel operazzjoni b’kondizzjonijiet li jipprovdu li l-kumpannija ma tirċievi ebda konsiderazzjoni; jew

(ii) il-kumpannija tagħmel operazzjoni għal konsiderazzjoni li l-valur tagħha, fi flus jew valur ta’ flus, ikunu b’mod sinifikanti inqas mill-valur fi flus jew mill-valur ta’ flus tal-konsiderazzjoni provduta mill-kumpannija;

Preferenza hi definita kif ġej:

(b) kumpannija tagħti preferenza lil persuna jekk:

(i) dik il-persuna tkun waħda mill-kredituri jew garanti ta’ xi dejn jew passiv ieħor tal-kumpannija; u

(ii) il-kumpannija tagħmel xi ħaġa jew tħalli li ssir xi ħaġa li, f’kull każ, ikollha l-effett li tqiegħed lil dik il-persuna f’qagħda li, fil-każ li l-kumpannija tmur għal stralċ ta’ insolvenza, tkun f’qagħda aħjar milli kienet tkun kieku dak l-egħmil jew nuqqas ma jkunx sar.

Issir eċċezzjoni għal dan t’hawn fuq jekk il-persuna, li favuriha ssir jew tiġġarrab it-tranżazzjoni, tagħti prova li ma kinitx taf u ma kellhiex raġuni biex temmen li l-kumpanija x’aktarx kienet se tiġi xolta minħabba insolvenza.

Minbarra dan t’hawn fuq, ma hemm l-ebda dispożizzjoni oħra li għandha xi effett dirett fuq il-kuntratti.

Proċedimenti ta’ Riorganizzazzjoni (Irkupru ta' Kumpanija)

L-ebda mogħdija ta’ liġi ad-hoc ma tittratta l-effett ta’ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni fuq il-kuntratti.

Proċedimenti ta’ Falliment (Soċjetajiet u kummerċjanti)

Skont il-Kodiċi tal-Kummerċ u b’mod aktar preċiż skont l-Artikolu 485, kull att li jagħmel trasferiment ta’ proprjetà jew kwalunkwe obbligu li wieħed jidħol fih, jew kwalunkwe rinunzja għal wirt li ssir mill-fallut taħt titolu gratwit jew oneruż, bil-għan li jiffroda lill-kredituri tiegħu, tista’ tiġi annullata.

Għall-kuntrarju tal-Att dwar il-Kumpaniji, il-Kodiċi tal-Kummerċ ma jispeċifikax terminu bħal fl-Artikolu 303 tal-Kapitolu 386 tal-Liġijiet ta’ Malta.

F’każijiet bħal dawn t’hawn fuq, jekk tingħata prova li l-fallut kien jaf biċ-ċirkustanzi li wasslu għal dikjarazzjoni ta’ falliment, f’każ bħal dan, dawn l-azzjonijiet jistgħu jiġu annullati.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Proċedimenti ta’ Insolvenza (Kumpaniji)

Malli jinfetaħ proċediment ta’ insolvenza (il-kumpanija tiġi xolta b’ordni mill-qorti għal raġunijiet ta’ insolvenza) ma għandha tinbeda l-ebda azzjoni jew proċediment (projbizzjoni li jinbdew azzjonijiet) kontra l-kumpanija jew il-proprjetà tagħha ħlief bl-awtorizzazzjoni tal-qorti u skont it-termini li tista’ timponi l-qorti. Il-liġi ma tispeċifikax f’liema każijiet il-qorti tippermetti li proċediment tal-qorti minn kreditur jinbeda jew jitkompla, iżda b’mod ġenerali l-prinċipju huwa li waqt proċediment ta’ insolvenza l-assi tal-kumpanija jiġu amministrati b’mod ordnat għall-benefiċċju tal-kredituri kollha u li kredituri partikolari m’għandhomx ikunu jistgħu jiksbu vantaġġ billi jressqu proċedimenti kontra l-kumpanija.

Proċedimenti ta’ Riorganizzazzjoni (Irkupru ta' Kumpanija)

Il-Liġi Nazzjonali tipprevedi għal sospensjoni tal-proċedimenti waqt proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni (irkupru ta' kumpanija). Fil-fatt, l-Artikolu 329B(4) tal-Kapitolu 386 jiddikjara li mal-preżentazzjoni ta’ rikors għar-riorganizzazzjoni (irkupru ta' kumpanija), u sakemm ma tiġix miċħuda, jew waqt il-perjodu li fih il-proċedura ta’ rkupru tal-kumpanija tkun fis-seħħ:

(a) kull rikors għall-stralċ jew pendenti għandu jieqaf;

(b) ebda riżoluzzjoni għax-xoljiment u stralċ konsegwenzjali ma tkun tista’ tgħaddi jew tingħata effett;

(ċ) l-eżekuzzjoni ta’ talbiet ta’ xorta monetarja kontra l-kumpannija u kull imgħax li xort’oħra jista’ jakkumula fuqu għandhom jieqfu;

(d) matul it-titolu ta’ kirja, ebda sid il-kera jew persuna oħra li lilha jkollha titħallas il-kera ma tista’ teżerċita xi jedd għat-terminazzjoni ta’ kirja dwar post li jkun mikri lill-kumpannija minħabba n-nuqqas ta’ tħaris ta’ xi patt jew kondizzjoni tal-kirja tagħha dwar dak il-post, ħlief bil-permess tal-Qorti u b’dawk il-kondizzjonijiet li l-Qorti jidhrilha xierqa li timponi;

(e) ebda passi oħra ma jistgħu jittieħdu biex tiġi infurzata xi sigurtà fuq il-proprjetà tal-kumpannija, jew biex jittieħed pussess lura ta’ xi oġġetti li jkunu fil-pussess tal-kumpannija taħt xi ftehim ta’ hire-purchase, ħlief bil-permess tal-Qorti u taħt dawk il-kondizzjonijiet li l-Qorti jidhrilha xierqa li timponi;

(f) ebda att jew mandat kawzjonarju jew eżekuttiv imsemmi fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili ma jista’ jsir kontra l-kumpannija jew xi proprjetà tal-kumpannija mingħajr il-permess tal-Qorti u taħt dawk il-kondizzjonijiet li l-Qorti jidhrilha xierqa li timponi; u

(g) ebda proċedimenti ġudizzjarji ma għandhom jinbdew jew jitkomplew kontra l-kumpannija jew il-proprjetà tagħha ħlief bil-permess tal-Qorti u suġġetti għal dawk il-kondizzjonijiet li l-Qorti jidhrilha xieraq li timponi

Proċedimenti ta’ Falliment (Soċjetajiet u kummerċjanti)

Fi proċedimenti ta’ falliment kontra kummerċjant jew soċjetà, ladarba jiġi maħtur kuratur mill-Qorti, allura l-azzjonijiet kollha kontra l-persuna u l-proprjetà tal-fallut jistgħu jitressqu biss kontra l-kuratur/i u mhux kontra l-fallut jew is-soċjetà tal-fallut, u dan f’konformità mal-Artikolu 500 tal-Kapitolu 13.

Il-kreditur għandu dritt li jkun jaf, jiskrutinizza u jivverifika kif il-kuratur qed jamministra l-affarijiet tal-fallut, u jitlob rikors lill-Qorti jekk id-drittijiet tiegħu jkunu qed jiġu ppreġudikati mill-kuratur/i.

Fi proċedimenti ta’ rkupru, il-Qorti għandha d-diskrezzjoni li tistabbilixxi digriet temporanju sabiex tipprovdi ftit taż-żmien għall-irkupru tal-affarijiet tal-fallut/soċjetà.

Madankollu, għall-kuntrarju ta’ rkupru ta’ kumpanija, xorta jistgħu jitressqu azzjonijiet minn kredituri kontra l-kuratur li jirrappreżenta lill-kummerċjant fallut jew lis-soċjetà falluta.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Proċedimenti ta’ Insolvenza (Kumpaniji)

Malli jinfetaħ proċediment ta’ insolvenza (il-kumpanija tiġi xolta b’ordni mill-qorti għal raġunijiet ta’ insolvenza) l-ebda azzjoni jew proċediment m’għandu jitkompla (jibqa’) kontra l-kumpanija jew il-proprjetà tagħha ħlief bl-awtorizzazzjoni tal-qorti u skont it-termini li tista’ timponi l-qorti. Il-liġi ma tispeċifikax f’liema każijiet il-qorti tippermetti li jinbeda jew jitkompla proċediment tal-qorti minn kreditur, iżda b’mod ġenerali l-prinċipju huwa li waqt proċediment ta’ insolvenza l-assi tal-kumpanija jiġu amministrati b’mod ordnat għall-benefiċċju tal-kredituri kollha u li kredituri partikolari m’għandhomx ikunu jistgħu jiksbu vantaġġ billi jressqu proċedimenti kontra l-kumpanija.

Proċedimenti ta’ Riorganizzazzjoni (Irkupru ta' Kumpanija)

Il-Liġi nazzjonali tipprevedi għal sospensjoni tal-proċedimenti waqt proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni (irkupru ta' kumpanija). Fil-fatt, l-Artikolu 329B(4) tal-Kapitolu 386 jiddikjara li mal-preżentazzjoni ta’ rikors għar-riorganizzazzjoni (irkupru tal-kumpanija), u sakemm ma tiġix miċħuda, jew waqt il-perjodu li fih il-proċedura ta’ rkupru tal-kumpanija tkun fis-seħħ:

(a) kull rikors għall-stralċ jew pendenti għandu jieqaf;

(b) ebda riżoluzzjoni għax-xoljiment u stralċ konsegwenzjali ma tkun tista’ tgħaddi jew tingħata effett;

(ċ) l-eżekuzzjoni ta’ talbiet ta’ xorta monetarja kontra l-kumpannija u kull imgħax li xort’oħra jista’ jakkumula fuqu għandhom jieqfu;

(d) matul it-titolu ta’ kirja, ebda sid il-kera jew persuna oħra li lilha jkollha titħallas il-kera ma tista’ teżerċita xi jedd għat-terminazzjoni ta’ kirja dwar post li jkun mikri lill-kumpannija minħabba n-nuqqas ta’ tħaris ta’ xi patt jew kondizzjoni tal-kirja tagħha dwar dak il-post, ħlief bil-permess tal-Qorti u b’dawk il-kondizzjonijiet li l-Qorti jidhrilha xierqa li timponi;

(e) ebda passi oħra ma jistgħu jittieħdu biex tiġi infurzata xi sigurtà fuq il-proprjetà tal-kumpannija, jew biex jittieħed pussess lura ta’ xi oġġetti li jkunu fil-pussess tal-kumpannija taħt xi ftehim ta’ hire-purchase, ħlief bil-permess tal-Qorti u taħt dawk il-kondizzjonijiet li l-Qorti jidhrilha xierqa li timponi;

(f) ebda att jew mandat kawzjonarju jew eżekuttiv imsemmi fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili ma jista’ jsir kontra l-kumpannija jew xi proprjetà tal-kumpannija mingħajr il-permess tal-Qorti u taħt dawk il-kondizzjonijiet li l-Qorti jidhrilha xierqa li timponi; u

(g) ebda proċedimenti ġudizzjarji ma għandhom jinbdew jew jitkomplew kontra l-kumpannija jew il-proprjetà tagħha ħlief bil-permess tal-Qorti u suġġetti għal dawk il-kondizzjonijiet li l-Qorti jidhrilha xieraq li timponi.

Proċedimenti ta’ Falliment (Soċjetajiet u kummerċjanti)

Il-Liġi nazzjonali taħt il-Kodiċi tal-Kummerċ ma tipprevedi l-ebda sospensjoni ta’ proċedimenti. Madankolu, fuq talba tal-kuratur, ikun possibbli li jiġi mitlub li dan ir-rikors imressaq quddiem il-Qrati, jinstema’ mill-istess Imħallef li jkun qed imexxi l-falliment, sabiex l-Imħallef ikun jista’ jirregola u jmexxi l-affarijiet tal-falliment b’ħarsien għad-drittijiet u l-obbligi tal-fallut u filwaqt li jaċċerta li d-drittijiet f’konformità mar-rikors ippreżentat mill-kreditur jinstemgħu u jiġu deċiżi.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Proċedimenti ta’ Insolvenza (Kumpaniji)

Il-kredituri jistgħu jintervjenu fi proċedimenti ta’ insolvenza jekk jagħtu prova li għandhom interess ġudizzjarju u għalhekk ikunu jistgħu jagħmlu preżentazzjonijiet waqt il-proċedimenti quddiem il-qorti.

Il-kredituri jiġu informati dwar il-proċess li jkun għaddej mill-istralċjarju, li jorganizza wkoll laqgħat li fihom il-kredituri jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom.

Proċedimenti ta’ Riorganizzazzjoni (Irkupru ta' Kumpanija)

L-Artikolu 329B tal-Kapitolu 329B jiddikjara b’mod speċifiku li kemm il-qorti kif ukoll il-kontrollur speċjali għandhom jaġixxu inter alia fl-aħjar interess tal-kredituri.

Il-kontrollur speċjali huwa obbligat ukoll li jsejjaħ laqgħat tal-kredituri, bl-ewwel waħda ssir sa mhux aktar tard minn xahar wara l-ħatra tiegħu.

Waqt laqgħa/t ta’ dan it-tip, il-kontrollur speċjali jrid jaħtar kumitat konġunt ta' kredituri u membri sabiex jagħti pariri u assistenza skont l-eżiġenzi li l-kontrollur speċjali jista’ jkollu fil-ġestjoni tal-affarijiet, in-negozju u l-proprjetà tal-kumpanija u l-irkupru tagħha bħala negozju avvjat vijabbli.

Proċedimenti ta’ Falliment (Soċjetajiet u kummerċjanti)

Il-kredituri jistgħu jintervjenu u jipparteċipaw fi proċedimenti ta’ falliment jekk jagħtu prova li għandhom interess ġudizzjarju u għalhekk ikunu jistgħu jagħmlu preżentazzjonijiet waqt il-proċedimenti quddiem il-qorti.

Il-kredituri jiġu informati dwar il-proċess li jkun għaddej mill-istralċjarju, li jorganizza wkoll laqgħat li fihom il-kredituri jistgħu jagħtu l-opinjoni tagħhom.

Il-kredituri għandhom ukoll id-dritt li jagħtu l-vot u l-qbil finali tagħhom dwar l-iskema ta’ arranġament kif proposta, u jeħtieġu l-kunsens ta’ tliet kwarti f’valur tal-kredituri li taw prova tal-pretensjoni tagħhom.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

Proċedimenti ta’ Insolvenza (Kumpaniji)

L-istralċjarju jkun jista’ jbigħ il-proprjetà billi jikseb l-iktar offerta vantaġġjuża għall-assi tal-kumpanija.

Proċedimenti ta’ Riorganizzazzjoni (Irkupru ta' Kumpanija)

Il-kontrollur speċjali ma jkunx jista’ jiddisponi mill-proprjetà tal-kumpanija mingħajr awtorizzazzjoni speċifika mill-qorti, jew kif issuġġerit fil-pjan ta’ rkupru li jkun sussegwentement approvat, b'emendi mill-qorti, jew mingħajrhom. Fi kwalunkwe każ hija l-qorti li tidderiġi jew tapprova l-metodu ta’ disponiment tal-assi tal-kumpanija

Proċedimenti ta’ Falliment (Soċjetajiet u kummerċjanti)

Fi proċedimenti ta’ falliment, il-kuratur għandu jiddisponi mill-proprjetà billi jikseb l-iktar offerta vantaġġjuża għall-assi tal-kumpanija, u dan billi jikseb l-awtorizzazzjoni tal-Qorti biex jagħmel dan.

Fl-irkupru ta’ soċjetà jew ta' fallut, l-Artikolu 498 tal-Kapitolu 13, il-kuratur għandu jimxi mal-pjan ta’ rkupru, madankollu hemm diskrezzjoni kbira min-naħa tal-Imħallef sabiex jagħti dawk id-direzzjonijiet li huwa jikkunsidra li huma l-aktar vantaġġjużi fl-interess tal-fallut u tal-kredituri

Madankollu, kreditur jista’ jopponi din l-awtorità tal-Imħallef jekk il-kreditur għal raġuni valida juri li din mhix fl-interess tal-kredituri.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

Proċedimenti ta’ Insolvenza (Kumpaniji)

Ma ssir l-ebda distinzjoni bejn pretensjonijiet li jsiru wara l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza jew dawk li kienu jeżistu qabel. Madankollu, fi proċedimenti ta’ insolvenza, f’każ li l-assi ma jkunux biżżejjed sabiex jissodisfaw l-passiv, il-qorti tista’ tagħmel ordni biex il-kostijiet, l-imposti u l-ispejjeż imġarrba fix-xoljiment u fl-istralċ jitħallsu mill-assi, f’ordni ta’ prijorità hekk kif il-qorti tqies xieraq, u l-qorti għandha tqis l-ordni ta’ prijorità ġenerali li ġejja:

(a) spejjeż li għandhom jitħallsu lil, jew li jkunu saru mir-riċevitur uffiċjali jew mill-istralċjarju fil-konservazzjoni, realizzazzjoni jew ġbir ta’ xi attiv tal-kumpannija;

(b) kull spejjeż oħra li jkunu saru jew inħarġu mir-riċevitur uffiċjali jew taħt l-awtorità tiegħu, magħduda dawk li jkunu saru fit-tmexxija tan-negozju tal-kumpannija;

(ċ) ir-rimunerazzjoni tal-amministratur provviżorju, jekk il-każ;

(d) l-ispejjeż tar-rikorrent, u ta’ kull persuna oħra li tidher fuq ir-rikors liema spejjeż ikunu milqugħa mill-qorti;

(e) ir-rimunerazzjoni tal-manager speċjali, jekk ikun hemm;

(f) kull ammont li jkollu jitħallas lil persuna impjegata jew awtorizzata li tgħin fit-tħejjija tad-dikjarazzjoni tal-qagħda finanzjarja jew tal-kontijiet;

(g) kull allowance magħmula b’ordni tal-qorti, għal spejjeż ta’ rikors għal ħelsien mill-obbligu li tingħata dikjarazzjoni tal-qagħda finanzjarja, jew għal estensjoni taż-żmien sabiex tingħata dikjarazzjoni bħal dik;

(h) kull infiq meħtieġ magħmul mill-istralċjarju waqt l-amministrazzjoni tiegħu, magħduda kull spejjeż magħmula minn membri tal-kumitat ta’ stralċ jew tarrappreżentanti tagħhom u aċċettati mill-istralċjarju;

(i) ir-rimunerazzjoni ta’ kull persuna impjegata mill-istralċjarju biex taqdi xi servizzi tal-kumpannija, kif meħtieġ jew awtorizzat bid-disposizzjonijiet tal-Kapitolu 386;

(j) ir-rimunerazzjoni tar-riċevitur uffiċjali u tal-istralċjarju.

Proċedimenti ta’ Riorganizzazzjoni (Irkupru ta' Kumpanija)

M/A

Proċedimenti ta’ Falliment (Soċjetajiet u kummerċjanti)

Ma ssir l-ebda distinzjoni bejn pretensjonijiet li jsiru wara l-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza jew dawk li kienu jeżistu qabel. Fi proċedimenti ta’ falliment, f’każ li l-assi ma jkunux biżżejjed sabiex jissodisfaw il-passiv, il-qorti tista’ tagħmel ordni biex il-kostijiet, l-imposti u l-ispejjeż mġarrba fix-xoljiment u fl-istralċ jitħallsu mill-assi, f’ordni ta’ prijorità, hekk kif il-qorti tqis xierqa, u l-qorti għandha tqis l-ordni ta’ prijorità ġenerali li ġejja

(a) spejjeż debidati kif suppost lill-kuratur jew imġarrba minnu għall-preżervazzjoni, ir-realizzazzjoni jew il-ġbir ta’ kwalunkwe attiv tal-kumpanija;

(b) kwalunkwe spiża oħra mġarrba jew żborżamenti li jsiru mill-kuratur jew taħt l-awtorità tiegħu, inkluż dawk imġarrba jew maħluqa fit-twettiq tan-negozju tal-kumpanija;

(ċ) ir-remunerazzjoni tal-kuratur, jekk ikun hemm;

(d) l-ispejjeż tal-applikant u ta’ kwalunkwe persuna li tidher fir-rikors, li l-ispejjeż tagħhom huma permessi mill-qorti;

(e) ir-remunerazzjoni tal-maniġer speċjali u tar-reġistratur, jekk ikun hemm;

(f) kwalunkwe ammont pagabbli lil persuna impjegata jew awtorizzata sabiex tassisti fil-preparazzjoni tad-dikjarazzjoni tal-affarijiet jew tal-kont;

(g) kwalunkwe gratifika magħmula b’ordni tal-qorti, fuq l-ispejjeż tar-rikors għall-ħelsien mill-obbligu li tiġi preżentata dikjarazzjoni tal-affarijiet, jew għal estensjoni ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ din id-dikjarazzjoni;

(h) kwalunkwe żborżament neċessarju mill-kuratur matul l-amministrazzjoni tiegħu, inkluż kwalunkwe spiża mġarrba mill-membri tal-kumitat jekk ikun hemm, jew mir-rappreżentanti tagħhom u li huma permessi mill-kuratur;

Ladarba dawn jitħallsu, imbagħad jitħallsu l-kredituri ipotekarji f’konformità mad-data ta’ reġistrazzjoni tal-pretensjoni tagħhom u wara dawn il-kredituri ipotekarji, jitħallsu l-kredituri l-oħra kollha skont meta kienu rreġistrati. Jekk għall-pretensjonijiet ta’ dawn tal-aħħar (il-kredituri bla garanzija) ma jkunx hemm biżżejjed fondi, dawn jikklassifikaw pari passu.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Proċedimenti ta’ Insolvenza (Kumpaniji)

Il-pretensjonijiet jiġu aċċettati skont id-diskrezzjoni tal-stralċjarju. Ma hemmx regoli speċifiċi li jirregolaw il-mod ta' kif isiru l-pretensjonijiet. Tajjeb li wieħed jinnota li kull meta r-Riċevent Uffiċjali jinħatar bħala stralċjarju, tintuża l-formola għall-pretensjonijiet li ġejja:

RIĊEVENT UFFIĊJALI

c/o MFSA

Triq Notabile

Ħ'Attard, BKR3000

Dettalji tal-kumpanija xolta

1

Isem u numru tar-reġistrazzjoni

2

Data effettiva tax-xoljiment

Dettalji tal-kreditur

3

Isem u kunjom/ numru tar-reġistrazzjoni

4

Indirizz

5

Indirizz tal-posta elettronika

6

Numru tat-telephone/mowbajl

/

Dettalji tad-Dejn

7

Ammont totali tal-pretensjoni, inkluż kwalunkwe imgħax mhux kapitalizzat dovut fid-data tax-xoljiment

8

Ammont totali ta’ imgħax mhux kapitalizzat fid-data tax-xoljiment

9

Iddeskrivi minn fejn oriġina d-dejn u inkludi kwalunkwe data relevanti

(Jekk neċessarju, ehmeż aktar paġni)

10

Dettalji ta’ dokumenti u/jew evidenza oħra b'appoġġ għall-pretensjoni (ehmeż kopja oriġinali ċċertifikata u nnumera kull dokument b'mod suċċessiv)

(Jekk neċessarju, ehmeż aktar paġni)

Dettalji tas-Sigurtà (jekk hemm)

11

Iddeskrivi t-tip ta’ sigurtà mogħtija/miksuba

(Jekk neċessarju, ehmeż aktar paġni)

12

Data/i meta s-sigurtà ġiet mogħtija/miksuba

13

Ammont ta’ dejn garantit

Dikjarazzjoni mill-Kreditur

14

Jien, hawn taħt iffirmat, b’dan niddikjara li l-informazzjoni mogħtija f’din il-formola hi vera, korretta u kompleta fl-aħjar għarfien tiegħi:

Firma tal-Kreditur

Isem u kunjom b’ittri kbar

Numru tal-Karta tal-Identità

15

Jekk qed tiffirma f’isem persuna ġuridika, imla hawn taħt:

F’isem u għan-nom ta’ ____________________________________________________

Nru tar-Reġ. _________________________ fil-kapaċità tiegħi bħala _____________________________.

Fir-rigward tal-perjodu ta’ żmien li fih jistgħu jsiru dawn il-pretensjonijiet, l-Artikolu 255 tal-Kapitolu 386 jagħti l-awtorità lill-qorti sabiex tistabbilixxi perjodu jew perjodi li fihom il-kredituri jridu jagħtu prova tad-djun jew il-pretensjonijiet tagħhom jew biex jiġu esklużi mill-benefiċċju ta’ kwalunkwe distribuzzjoni li ssir qabel ma dawk id-djun jiġu pprovati.

Proċedimenti ta’ Riorganizzazzjoni (Irkupru ta' Kumpanija)

L-ebda mogħdija ta’ liġi ad-hoc ma tittratta l-effett tal-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni fir-rigward tal-preżentazzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tal-pretensjonijiet.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Proċedimenti ta’ Insolvenza (Kumpaniji)

Tajjeb li wieħed jinnota li fir-rigward tal-insolvenza taħt il-leġiżlazzjoni Maltija, ma hemm l-ebda lista definita tal-klassifikazzjoni tal-kredituri, peress li l-klassifikazzjoni ma tinsabx f’leġiżlazzjoni speċifika iżda f’leġiżlazzjonijiet varji. Il-leġiżlazzjoni li titratta l-klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet tista’ ssibha hawn taħt:

L-Artikolu 302 tal-Kapitolu 386 jistipula li fl-istralċ ta’ kumpanija, li l-assi tagħha mhumiex biżżejjed sabiex jissodisfaw l-passiv, id-drittijiet tal-kredituri garantiti u mhux garantiti u l-prijorità u l-klassifikazzjoni tad-djun tagħhom għandhom jiġu rregolati bil-liġi li tkun fis-seħħ f’dak iż-żmien.

L-Artikolu 535 tal-Kapitolu 13 ukoll jistipula li l-kredituri li għandhom rahan, privileġġi jew ipoteki għandhom jiġu kklassifikati skont il-liġi li tkun fis-seħħ f’dak iż-żmien.

Kemm fl-Artikolu 535 tal-Kapitolu 13 kif ukoll fl-Artikolu 302 tal-Kapitolu 386, hemm stipulat li l-klassifikazzjoni tad-dejn għandha tkun regolata bil-liġi li tkun fis-seħħ f’dak iż-żmien.

Fil-liġi Maltija, il-prinċipju pari passu jinsab b’mod indirett fl-Artikolu 1996 tal-Kodiċi Ċivili, il-Kapitolu 16, li jistipula li l-kawżi legali ta’ preferenza huma l-privileġġi, l-ipoteki u l-benefiċċju tas-separazzjoni tal-patrimonji. Jistipula wkoll li għandu jkun legali li kreditur jissubordina, jipposponi, jirrinunzja jew jimmodifika b’mod ieħor id-drittijiet eżistenti jew futuri tiegħu ta’ ħlas, infurzar, klassifikazzjoni u drittijiet oħra simili eżistenti jew futuri favur persuna oħra. Subordinazzjoni, posponiment, rinunzja, modifika jew azzjoni simili ta’ dan it-tip jistgħu jsiru bi ftehim ma’ jew b’dikjarazzjoni unilaterali lil kwalunkwe persuna, inkluż kreditur ieħor, kemm jekk iddeterminat jew għad irid jiġi ddeterminat fiż-żmien tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-ftehim jew meta ssir din id-dikjarazzjoni.

Għaldaqstant, id-differenzi fil-klassifikazzjoni jsiru bi ftehim. Konsegwentament, jekk ma jkunx hemm privileġġ, ipoteka, jew il-benefiċċju tas-separazzjoni tal-patrimonji, id-debituri jikklassifikaw b’mod ugwali.

Għal dan t’hawn fuq, wieħed ikun irid jagħti ħarsa lejn il-liġijiet speċifiċi varji li jagħtu prijoritajiet lil ċertu pretensjonijiet, bħal mhuwa l-każ tal-Att dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud, il-Kapitolu 406, l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, il-Kapitolu 452 u l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, il-Kapitolu 318.

L-Artikolu 62 tal-Att dwar il-VAT jistipula li:

“Il-Kummissarju jkollu privileġġ speċjali fuq l-attiv li jagħmel sehem mill-attività ekonomika ta’ persuna dwar kull taxxa dovuta minn dik il-persuna taħt dan l-Att u t-taxxa msemmija għandha titħallas, minkejja kull ma jista’ jinsab f’xi liġi oħra, bi preferenza fuq dejn li jkollu xi privileġġ ieħor, ħlief dejn li jkollu privileġġ ġenerali u dejn imsemmi fl-artikolu 2009(a) jew(b) tal-Kodiċi Ċivili.”

L-Artikolu 20 tal-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali jistipula li:

“Minkejja d-disposizzjonijiet ta’ kull liġi oħra, l-jedd ta’ kull impjegat għal massimu ta’ tliet xhur paga skont il-paga kurrenti pagabbli mill-prinċipal lill-impjegat, u l-kumpens għal-leave li l-impjegat jista’ jkollu jedd għalih, flimkien ma’ kull kumpens li jkun dovut lill-impjegat għat-temm tal-impieg, jew kull avviż dwaru, ikun jedd bi privileġġ fuq l-attiv tal-prinċipal u għandu jitħallas bi preferenza fuq kull jedd ieħor sew jekk bi privileġġ jew ipotekarju:

Iżda, f’kull każ, l-ammont massimu tal-jedd bi privileġġ ma għandux ikun aktar mill-ekwivalenti tal-paga minima nazzjonali li titħallas fil-waqt meta ssir it-talba fuq perjodu ta’ sitt xhur.”

L-Artikolu 116(3) tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali jistipula li:

“Minkejja d-disposizzjonijiet ta’ kull liġi oħra, it-talba tad-Direttur għal xi ammont dovut bħala kontribuzzjoni tal-Ewwel Klassi jew tat-Tieni Klassi taħt dan l-artikolu tikkostitwixxi talba privileġġata, fil-każ ta’ kontribuzzjoni tal-Ewwel Klassi, fl-istess grad bħall-pagi ta’ impjegati fuq l-attiv tal-prinċipal u, fil-każ ta’ kontribuzzjoni tat-Tieni Klassi, fuq l-assi tal-persuna li timpjega lilha nnifisha jew persuna li taħdem għaliha nnifisha konċernata u għandha titħallas bi preferenza fuq it-talbiet l-oħra kollha (minbarra l-pagi) sew jekk privileġġati jew ipotekarji”

Barra minn hekk, l-Artikoli 2088 sa 2095 tal-Kodiċi Ċivili jindirizzaw speċifikament l-ordni ta’ prijorità tal-privileġġi. Huwa stipulat, fost affarijiet oħra, li d-djun għandhom jitħallsu skont l-ordni ta’ reġistrazzjoni. Dawk l-ipoteki li jiġu rreġistrati fl-istess ġurnata mbagħad jirriżultaw fi klassifikazzjoni ugwali.

Madankollu, fi proċedimenti ta’ insolvenza, il-qorti tista’ (u fil-biċċa l-kbira hekk tagħmel), f’każ li l-assi ma jkunux suffiċjenti sabiex jissodisfaw il-passiv, tagħmel ordni biex il-kostijiet, l-imposti u l-ispejjeż imġarrba fix-xoljiment u fl-istralċ jitħallsu mill-assi, fl-ordni ta’ prijorità kif il-qorti tqis xierqa, u l-qorti għandha tqis l-ordni ta’ prijorità ġenerali li ġejja:

(a) spejjeż li għandhom jitħallsu lil, jew li jkunu saru mir-riċevitur uffiċjali jew mill-istralċjarju fil-konservazzjoni, realizzazzjoni jew ġbir ta’ xi attiv tal-kumpannija;

(b) kull spejjeż oħra li jkunu saru jew inħarġu mir-riċevitur uffiċjali jew taħt l-awtorità tiegħu, magħduda dawk li jkunu saru fit-tmexxija tan-negozju tal-kumpannija;

(ċ) ir-rimunerazzjoni tal-amministratur provviżorju, jekk il-każ;

(d) l-ispejjeż tar-rikorrent, u ta’ kull persuna oħra li tidher fuq ir-rikors liema spejjeż ikunu milqugħa mill-qorti;

(e) ir-rimunerazzjoni tal-manager speċjali, jekk ikun hemm;

(f) kull ammont li jkollu jitħallas lil persuna impjegata jew awtorizzata li tgħin fit-tħejjija tad-dikjarazzjoni tal-qagħda finanzjarja jew tal-kontijiet;

(g) kull allowance magħmula b’ordni tal-qorti, għal spejjeż ta’ rikors għal ħelsien mill-obbligu li tingħata dikjarazzjoni tal-qagħda finanzjarja, jew għal estensjoni taż-żmien sabiex tingħata dikjarazzjoni bħal dik;

(h) kull infiq meħtieġ magħmul mill-istralċjarju waqt l-amministrazzjoni tiegħu, magħduda kull spejjeż magħmula minn membri tal-kumitat ta’ stralċ jew tarrappreżentanti tagħhom u aċċettati mill-istralċjarju;

(i) ir-rimunerazzjoni ta’ kull persuna impjegata mill-istralċjarju biex taqdi xi servizzi tal-kumpannija, kif meħtieġ jew awtorizzat bid-disposizzjonijiet tal-Kapitolu 386;

(j) ir-rimunerazzjoni tar-riċevitur uffiċjali u tal-istralċjarju.

Waqt il-proċedimenti ta’ insolvenza, l-istralċjarju jħejji rapport li jinkludi l-klassifikazzjoni tal-kredituri u l-iskema tad-distribuzzjoni, li jiġi ppreżentat fil-qorti. Il-kredituri jistgħu jagħmlu preżentazzjonijiet jekk ma jaqblux mal-kontenut ta’ dan ir-rapport u l-qorti tista’ tordna rettifika. Eventwalment, il-qorti tapprova l-klassifikazzjoni u l-iskema msemmija u tordna lill-istralċjarju sabiex jipproċedi bil-pagament lill-kredituri.

Proċedimenti ta’ Riorganizzazzjoni (Irkupru tal-Kumpanija)

M/A

Proċedimenti ta’ Falliment (Soċjetajiet u kummerċjanti)

L-ewwel u qabel kollox, id-distribuzzjoni li tirregola d-distribuzzjoni tar-rikavati hi primarjament irregolata bl-Artikolu 531 tal-Kodiċi tal-Kummerċ u bil-liġijiet tal-Kodiċi Ċivili li jelenkaw il-klassifikazzjoni tal-kredituri bejn dawk il-kredituri li għandhom privileġġ bil-liġi u dawk il-kredituri li għandhom ipoteka garantita. Dawn huma kredituri ipotekarji li joriġinaw jew minn dispożizzjonijiet tal-liġi jew minn atti pubbliċi f’konformità mad-data ta’ meta saret ir-reġistrazzjoni, u li huma rregolati wkoll bl-Artikolu 535 tal-Kodiċi tal-Kummerċ.

Minn hemm 'il quddiem, kredituri sempliċi (li mhumiex kredituri rreġistrati) jiġu kklasifikati pari passu f’konformità mal-pretensjonijiet tagħhom.

Ladarba persuna tiġi ddikjarata falluta, tiġi organizzata laqgħa fi żmien għaxart ijiem minn din id-dikjarazzjoni fejn il-pretensjonijiet jiġu analizzati quddiem l-Imħallef, ir-Reġistratur, il-Kuratur, il-fallut u l-kredituri u jitħejja inventarju.

F’din il-laqgħa jinstema' l-fallut u huwa jipproponi t-termini tal-kompożizzjoni. Waqt din is-seduta, jiġi diskuss jekk il-każ ippreżentat għandux il-mertu li jkollu kompożizzjoni li permezz tagħha kompożizzjoni ta’ kredituri (dawk li mhumiex kredituri rreġistrati permezz ta’ privileġġ jew ipoteka jew permezz ta’ rahan) tiġi maħtura sabiex tidher minflok il-kredituri kollha, u l-kredituri, anke b’mod individwali, għandhom id-dritt jikkontestaw dan fi żmien tmint ijiem.

Issir it-tieni laqgħa, li għal darb'oħra jerġa' jippresiedi l-Imħallef, fejn biex tiġi ammessa l-kompożizzjoni tal-kredituri, din trid tirrapreżenta tliet kwarti tal-ammonti ammessi bħala dovuti mill-fallut;

Wara din il-proċedura, u ladarba l-inventarju tal-kredituri kollha jiġi stabbilit, tiġi organizzata laqgħa oħra li fiha għandu jippresiedi l-Imħallef wara li jkun ġie mxandar avviż kif xieraq f’konformità mal-liġi.

F’din il-laqgħa, kull kreditur għandu jippreżenta l-każ tiegħu, u jekk il-kuratur jopponi lil xi kreditur, il-kreditur ikollu jagħti prova tal-każ tiegħu, lill-kuratur u lill-kompożizzjoni tal-kredituri.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

Proċedimenti ta’ Insolvenza (Kumpaniji)

Waqt proċedimenti ta’ insolvenza, malli l-istralċjarju jkun irrealizza l-proprjetà kollha tal-kumpanija, jew kemm jista’ jkun minnha li fl-opinjoni tiegħu tkun tista' tiġi rrealizzata mingħajr ma l-insolvenza tittawwal bla bżonn, u jkun iddistribwixxa pagament finali, jekk ikun hemm, lill-kredituri, u jkun aġġusta d-drittijiet tal-kontributorji bejniethom, u għamel redditu finali, jekk ikun hemm, lill-kontributorji, u ppreżenta l-kontijiet għas-spejjeż għall-kumpanija, meta tkun issodisfata li l-istralċjarju kkonforma mar-rekwiżiti tal-Kapitolu 386 u rekwiżiti oħra bħal dawn, jekk ikun hemm, kif jista’ jkun stabbilit minnha u, wara kunsiderazzjoni tar-rapport u kwalunkwe oġġezzjoni li tista’ tittressaq minn xi kreditur jew kontributorju jew persuna interessata, il-qorti tipproċedi sabiex tħoll lill-istralċjarju mill-ħatra tiegħu.

Sussegwentement, il-qorti tagħmel ordni li l-isem tal-kumpanija jitneħħa mir-reġistru mid-data tal-ordni. Din l-ordni għandha tiġi nnotifikata lir-Reġistru tal-Kumpanija li għandu jwettaq it-tneħħija.

Proċedimenti ta’ Riorganizzazzjoni (Irkupru tal-Kumpanija)

L-Artikolu 329B(12) jipprevedi għal xenarji differenti li jinvolvu t-terminazzjoni tal-proċedura ta’ rkupru kif ġej:

(a) Jekk, matul xi żmien li proċedura biex kumpannija tirkupra tkun fis-seħħ, jirriżulta lill-kontrollur speċjali, wara konsultazzjoni mal-kumitat konġunt tal-kredituri u l-membri, li ma jkun se jservi ta’ xejn li l-kumpannija tkompli bl-imsemmija proċedura, il-kontrollur speċjali għandu minnufih jagħmel rikors lill-Qorti għat-terminazzjoni tal-proċedura biex kumpannija tirkupra, li jkun fih ir-raġunijiet tiegħu dettaljati u komprensivi għal hekk u l-Qorti għandha tordna li l-kumpanija tiġi stralċjata mill-Qorti.

Tapplika l-proċedura prevista fil-Kapitolu 386 dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza.

(b) Jekk, f’xi żmien li matulu proċedura biex kumpannija tirkupra tkun fis-seħħ, jirriżulta lill-kontrollur speċjali, wara konsultazzjoni mal-kumitat konġunt tal-kredituri u l-membri, li l-affarijiet tal-kumpannija jkunu tjiebu b’mod li tkun tista’ tħallas id-djun tagħha, għandu jagħmel rikors lill-Qorti, li jkun fih ir-raġunijiet dettaljati u komprensivi f’dan is-sens, u jitlob lill-Qorti biex toħroġ ordni għat-terminazzjoni tal-proċedura biex kumpannija tirkupra. Fil-każ li l-Qorti tilqa’ r-rikors, din għandha tagħmel dawk il-provvedimenti u kondizzjonijiet, li jidhrilha meħtieġa fiċ-ċirkostanzi tal-każ.

F’dan il-każ, il-kumpanija tkompli topera bħala negozju avvjat vijabbli. Il-proċedimenti ta’ sospensjoni jieqfu malli l-qorti tapprova r-rikors imsemmi qabel.

(ċ) Jekk, f’xi żmien li matulu proċedura biex kumpannija tirkupra tkun fis-seħħ, id-diretturi tal-kumpannija jew il-membri f’laqgħa ġenerali straordinarja jkunu sodisfatti li l-affarijiet tal-kumpannija jkunu tjiebu b’mod li tkun tista’ tħallas id-djun tagħha, dawn jistgħu jagħmlu rikors lill-Qorti, li jkollu miegħu ddokumentazzjoni u l-informazzjoni xierqa b’sustenn, fejn jikkonfermaw li jkunu hekk sodisfatti, u fejn jitolbu lill-Qorti biex toħroġ ordni għat-terminazzjoni tal-proċedura biex kumpannija tirkupra, u l-Qorti ma għandiex tgħaddi biex tagħmel ordni fejn tilqa’ jew tiċħad ir-rikors qabel ma tisma’ lill-kontrollur speċjali. Fil-każ li l-Qorti tilqa’ r-rikors, din għandha tagħmel dawk il-provvedimenti u kondizzjonijiet li jidhrilha xierqa fiċ-ċirkostanzi tal-każ.

Bħal fil-każ preċedenti, il-kumpanija tibqa’ topera bħala negozju avvjat vijabbli. Il-proċedimenti ta’ sospensjoni jieqfu malli l-qorti tapprova r-rikors imsemmi qabel.

(d) Fit-tmiem tal-perjodu tal-ħatra tiegħu, il-kontrollur speċjali għandu jissottometti rapport finali bil-miktub lill-Qorti li jkun fih il-fehmiet u r-raġunijiet dettaljati u komprensivi tiegħu jekk il-kumpannija jkollhiex jew le prospetti raġonevoli li tkompli bħala ażjenda vijabbli għal kollox jew f’parti u li tkun f’pożizzjoni li tħallas id-djun tagħha b’mod regolari fil-futur.

Meta r-rapport finali ppreżentat mill-kontrollur speċjali jesprimi l-opinjoni li l-kumpanija għandha prospett raġonevoli li tkompli bħala negozju avvjat vijabbli, kompletament jew parzjalment, miegħu għandu jkun hemm ukoll pjan ta’ rkupru preċiż u ddettaljat li għandu jkollu l-proposti kollha meħtieġa sabiex il-kumpanija tkun tista’ tkompli bħala negozju avvjat vijabbli, bi spjegazzjonijiet dwar dan kif jista’ jkun meħtieġ sabiex iseħħ dan l-irkupru, inkluż proposti fir-rigward ta’ riżorsi finanzjarji, iż-żamma ta’ impjegati u l-ġestjoni futura tal-kumpanija. L-imsemmi pjan ta’ rkupru għandu jispjega wkoll il-mod propost għall-ħlas komplet jew proporzjonali tal-pretensjonijiet lill-kredituri, jekk intlaħaqx kompromess volontarju mal-kredituri kollha, jew jekk huwiex qed jiġi propost li l-Qorti tapprova kompromess li ma ġiex approvat mill-kredituri kollha.

Wara li jkun ġie riċevut ir-rapport finali u l-pjan ta’ rkupru, il-Qorti tista’ titlob xi spjegazzjonijiet u kjarifiki kif tqis xieraq li għandhom jiġu pprovduti verbalment jew bil-miktub skont kif tordna l-Qorti. Sussegwentement, il-Qorti tista’ jew tirrifjuta l-pjan ta’ rkupru propost, jew taċċettah u tapprovah kompletament jew parzjalment u tista’ titlob emendi fuqu. Fejn il-Qorti tapprova l-pjan ta’ rkupru ppreżentat mill-kontrollur speċjali, jekk hux bi jew mingħajr emendi skont kif tordna l-Qorti, il-pjan ta’ rkupru għandu jkun effettiv u vinkolanti fuq il-partijiet interessati kollha għall-finijiet kollha tal-liġi. Il-proċedimenti ta’ sospensjoni jieqfu malli l-qorti tapprova l-pjan ta’ rkupru.

(e) Jekk il-Qorti tistabbilixxi ordni għat-terminazzjoni tal-proċedura ta’ rkupru tal-kumpanija għar-raġuni li l-kumpanija ma għandhiex prospett raġonevoli li tkompli bħala negozju avvjat vijabbli, u mhux se tkun f’pożizzjoni li tħallas id-djun tagħha b’mod regolari fil-futur, il-Qorti għandha tordna li l-kumpanija tiġi stralċjata bil-Qorti.

Tapplika l-proċedura diskussa fil-Kapitolu 386 dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza.

Proċedimenti ta’ Falliment (Soċjetajiet u kummerċjanti)

Waqt proċedimenti ta’ falliment, malli l-kuratur ikun irrealizza l-proprjetà kollha tal-kumpanija, jew kemm jista’ jkun minnha li fl-opinjoni tiegħu tista' tiġi rrealizzata mingħajr ma jiġi mtawwal bla bżonn il-falliment, u jkun iddistribwixxa pagament finali, jekk ikun hemm, lill-kredituri, u jkun aġġusta d-drittijiet tal-kontributorji bejniethom, u għamel redditu finali, jekk ikun hemm, lill-kontributorji, u ppreżenta l-kontijiet għas-spejjeż tal-kumpanija, meta tkun issodisfata li l-kuratur kkonforma mar-rekwiżiti tal-Kapitolu 13 u rekwiżiti oħra bħal dawn, jekk ikun hemm, kif jista’ jkun stabbilit minnha u, wara kunsiderazzjoni tar-rapport u kwalunkwe oġġezzjoni li tista’ tittressaq minn xi kreditur jew kontributorju jew persuna interessata, il-qorti tipproċedi sabiex tħoll lill-kuratur mill-ħatra tiegħu.

Sussegwentement, il-qorti tagħmel ordni li l-isem tas-soċjetà jitneħħa mir-reġistru mid-data tal-ordni. Din l-ordni għandha tiġi nnotifikata lir-Reġistru tal-Kumpanija li għandu jwettaq it-tneħħija.

Sintendi, dan t’hawn fuq japplika għas-soċjetajiet.

Fir-rigward ta’ kummerċjanti, ladarba l-kummerċjant jiġi ddikjarat fallut u r-rikavati jiġu ddistribwiti, allura l-fallut, permezz ta’ rikors għand ir-Reġistratur jista’ jitlob li jidher quddiem Imħallef u dakinhar il-Qorti għandha ssejjaħ ukoll lill-kredituri u lill-kuratur involuti fil-falliment tiegħu, sabiex tistabbilixxi jekk il-kummerċjant jistax jiġi rriabilitat sabiex jinnegozja mill-ġdid.

Jekk dan il-kummerċjant m’aġġixxiex b’mod frodulenti jew malizzjuż, jista’ jiġi rriabilitat sabiex jinnegozja. Din ir-riabilitazzjoni għandha l-effett li tagħti kwittanza lill-fallut, kemm lill-persuntu kif ukoll lill-proprjetà tiegħu akkwistata wara, mid-djun kollha li fi kwalunkwe waqt qabel id-dikjarazzjoni ta’ falliment setgħu ġew preteżi kontrih.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Proċedimenti ta’ Insolvenza (Kumpaniji)

Skont l-Artikolu 315(1) tal-Kapitolu 386, kreditur jista’ jfittex rimedju tad-drittijiet tiegħu kontra kwalunkwe parti li hi meqjusa li wettqet in-negozju tal-kumpanija bl-intenzjoni li tiffroda lill-kredituri tal-kumpanija, jew lill-kredituri ta’ kwalunkwe persuna oħra, jew għal kwalunkwe skop frodulenti. F’każijiet bħal dawn, wara rikors il-qorti, din tista’ tiddikjara li kwalunkwe persuna li tkun konxjament parti mit-tkomplija tan-negozju bil-mod imsemmi qabel, tkun personalment responsabbli, mingħajr ebda limitazzjoni tal-obbligazzjoni għad-dejn kollu jew kwalunkwe minnu jew passiv ieħor tal-kumpanija, skont kif il-qorti tista’ tordna.

Proċedimenti ta’ Riorganizzazzjoni (Irkupru ta' Kumpanija)

L-ebda mogħdija ta’ liġi ad-hoc ma tittratta d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza.

Proċedimenti ta’ Falliment (Soċjetajiet u kummerċjanti)

Ladarba l-falliment jiġi mitmum, kemm jekk ta' soċjetà jew ta' kummerċjant, il-kreditur m’għandu l-ebda dritt, sakemm il-kreditur ma jkunx jista' jagħti prova li l-kummerċjant jew is-soċjetà aġixxiet b’mod malizzjuż jew frodulenti fil-konfront tal-kredituri.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

Proċedimenti ta’ Insolvenza (Kumpaniji)

L-ispejjeż jiġġarbu jew mill-persuna li tressaq ir-rikorsd għall-insolvenza jew mill-kumpanija, skont kif tordna l-qorti.

Proċedimenti ta’ Riorganizzazzjoni (Irkupru ta' Kumpanija)

Fi proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni (rkupru ta' kumpanija), il-kumpanija tagħmel tajjeb għall-ispejjeż tal-proċedimenti.

Proċedimenti ta’ Falliment (Soċjetajiet u kummerċjanti)

L-ispejjeż tagħmel tajjeb għalihom il-persuna li tkun qed tippreżenta r-rikors jew il-persuna falluta

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

Proċedimenti ta’ Insolvenza (Kumpaniji)

L-Artikolu 303 tal-Kapitolu 386 jipprevedi li l-privileġġi, l-ipoteki u spejjeż oħra, it-trasferiment jew id-disponiment ieħor ta’ proprjetà jew drittijiet, u kwalunkwe pagament, eżekuzzjoni jew att ieħor li għandu x’jaqsam mal-proprjetà jew id-drittijiet maħluqa jew magħmula minn jew kontra kumpanija u kwalunkwe obbligu mġarrab mill-kumpanija fi żmien sitt xhur qabel ix-xoljiment tal-kumpanija għandhom jitqiesu bħala preferenza frodulenti kontra l-kredituri tagħha kemm jekk din it-tranżazzjoni tkun ta’ natura gratwita jew jekk ta’ natura oneruża, kemm jekk tikkostitwixxi tranżazzjoni sottovalutata jew jekk tingħata preferenza. F’każijiet bħal dawn, it-tranżazzjoni (preferenza frodulenti) għandha tiġi nulla.

Sottovalutazzjoni hi definita kif ġej:

(a) kumpannija tagħmel operazzjoni taħt il-valur jekk:

(i) il-kumpannija tagħti rigal jew xort’oħra tagħmel operazzjoni b’kondizzjonijiet li jipprovdu li l-kumpannija ma tirċievi ebda konsiderazzjoni; jew

(ii) il-kumpannija tagħmel operazzjoni għal konsiderazzjoni li l-valur tagħha, fi flus jew valur ta’ flus, ikunu b’mod sinifikanti inqas mill-valur fi flus jew mill-valur ta’ flus tal-konsiderazzjoni provduta mill-kumpanni;

Preferenza hi definita kif ġej:

(b) kumpannija tagħti preferenza lil persuna jekk:

(i) dik il-persuna tkun waħda mill-kredituri jew garanti ta’ xi dejn jew passiv ieħor tal-kumpannija; u

(ii) il-kumpannija tagħmel xi ħaġa jew tħalli li ssir xi ħaġa li, f’kull każ, ikollha l-effett li tqiegħed lil dik il-persuna f’qagħda li, fil-każ li l-kumpannija tmur għal stralċ ta’ insolvenza, tkun f’qagħda aħjar milli kienet tkun kieku dak l-egħmil jew nuqqas ma jkunx sar.

Issir eċċezzjoni għal dan t’hawn fuq jekk il-persuna, li favuriha ssir, tkun saret jew tiġġarrab it-tranżazzjoni, tagħti prova li ma kinitx taf u ma kellhiex raġuni biex temmen li l-kumpanija x’aktarx kienet se tiġi xolta minħabba insolvenza.

Proċedimenti ta’ Riorganizzazzjoni (Irkupru ta' Kumpanija)

L-ebda mogħdija ta’ liġi ad-hoc ma tipprevedi għan-nullità, l-annullabbiltà jew in-nuqqas ta’ eżegwibilità ta’ atti legali li huma ta’ detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri fi proċedimenti ta’ Riorganizzazzjoni (Irkupru ta' Kumpanija)

Proċedimenti ta’ Falliment (Soċjetajiet u kummerċjanti)

L-ebda mogħdija ta’ liġi ad-hoc ma tipprevedi għan-nullità, l-annullabbiltà jew in-nuqqas ta’ eżegwibilità ta’ atti legali li huma ta’ detriment għall-korp ġenerali tal-kredituri fi proċedimenti ta’ Falliment jew Irkupru

 

L-aħħar aġġornament: 15/02/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.