Insolvenza - Franza

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Franċiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.

LISTA TAL- KONTENUT

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Kull persuna li teżerċita xi attività kummerċjali jew sengħa, kull bidwi, kull persuna fiżika oħra li teżerċita attività professjonali indipendenti, inkluża professjoni libera soġġetta għal statut legali jew regolatorju jew b’titlu protett, u kull persuna ġuridika irregolata bid-dritt privat, tista’ tkun soġġetta għal proċedimenti ta’ salvagwardja, ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jew ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja.

Imprenditur li jaħdem għal rasu jista’ jibbenefika mill-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment.

Persuna attiva biss tista’ tibbenefika mill-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jew likwidazzjoni ġudizzjarja, il-persuna tista’ tkun diġà temmet l-attività tagħha meta jiftħu l-proċedimenti.

Il-persuni ġuridiċi irregolati mid-dritt privat li jistgħu jkunu soġġetti għal proċedimenti ta’ falliment huma l-kumpaniji kummerċjali, is-soċjetajiet ċivili, il-gruppi ta’ interess ekonomiku, l-assoċjazzjonijiet, it-trade unions kif ukoll il-kunsilli tax-xogħol.

Il-gruppi irregolati bid-dritt privat li ma jkollhomx personalità ġuridika, bħall-impriżi konġunti jew kumpaniji li jkunu għadhom qed jiġu ffurmati, ma jistgħux jibbenefikaw mill-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment.

Il-persuni ġuridiċi kollha irregolati bid-dritt pubbliku wkoll huma esklużi.

Salvagwardja aċċelerata u salvagwardja finanzjarja aċċelerata:

Debitur jista’ jirrikorri għal proċedimenti ta’ salvagwardja aċċelerata jew għal proċedimenti ta’ salvagwardja finanzjarja aċċelerata, jekk il-kontijiet tiegħu jkunu ġew iċċertifikati minn awditur jew imħejjija minn espert tal-kontabilità u jekk ikollu aktar minn 20 impjegat jew dħul ta’ aktar minn tliet miljun euro wara t-taxxa jew karta tal-bilanċ totali ta’ aktar minn EUR 1,5 miljun. Il-proċedimenti ta’ salvagwardja aċċelerata u ta’ salvagwardja finanzjarja aċċelerata huma miftuħin ukoll għal debitur li jkun ħejja kontijiet konsolidati.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Il-proċedimenti ta’ salvagwardja jinfetħu meta d-debitur ikollu diffikultajiet li ma jistgħux jiġu megħluba u fin-nuqqas ta’ waqfien tal-ħlasijiet.

Ir-riorganizzazzjoni ġudizzjarja tinbeda meta d-debitur, minħabba li ma jkunx jista’ jlaħħaq mal-obbligazzjonijiet kurrenti tiegħu bl-assi disponibbli tiegħu, jieqaf iħallas.

Ir-riorganizzazzjoni ġudizzjarja hija maħsuba biex tippermetti l-issuktar tal-attività ta’ impriża, iż-żamma tal-impjiegi u l-ikklerjar tal-obbligazzjonijiet. L-imprenditur irid jitlob li tinfetaħ din il-proċedura fi żmien 45 jum mill-waqfien tal-ħlasijiet.

Il-likwidazzjoni ġudizzjarja tinfetaħ meta l-impriża tieqaf tħallas u meta r-riorganizzazzjoni ġudizzjarja tkun evidentement impossibbli.

Id-debitur biss jista’ jitlob il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ salvagwardja.

Iżda t-talba għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jew ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja tista’ ssir, apparti mid-debitur, minn kreditur jew mill-prosekutur pubbliku, diment li ma jkunux għaddejjin xi proċedimenti ta’ konċilazzjoni (proċedimenti ta’ qabel il-falliment).

Is-sentenza tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment tidħol fis-seħħ mid-data tagħha. Għaldaqstant tkun effettiva f’nofsillejl tal-jum li fih tingħata.

Is-sentenza tal-ftuħ tiġi nnotifikata lid-debitur fi żmien tmint ijiem mid-data tagħha, u tiġi kkomunikata lill-prattikanti tal-insolvenza u lill-prosekutur pubbliku, anki fl-Istati Membri l-oħrajn fejn id-debitur ikollu stabbiliment.

Is-sentenza tipproduċi minnufih l-effetti tagħha fil-konfront ta’ kulħadd.

Fi żmien ħmistax-il jum mid-data tas-sentenza, tiddaħħal referenza għas-sentenza tal-ftuħ fir-reġistru tal-kummerċ u tal-kumpaniji, fir-reġistru tas-snajja’ jew f’reġistru speċjali miżmum fir-reġistru tal-Qorti Reġjonali.

Silta mis-sentenza tiddaħħal fil-Bodacc (Gazzetta uffiċjali tal-Avviżi Ċivili u Kummerċjali) u fil-gazzetta tal-avviżi legali tal-post tas-sit jew tal-indirizz tan-negozju tad-debitur.

Il-proċedimenti ta’ salvagwardja aċċelerati u salvagwardja finanzjarja aċċelerati

Jeżistu wkoll proċedimenti ta’ salvagwardja aċċelerati u proċedimenti ta’ salvagwardja finanzjarja aċċelerati.

Il-proċedimenti ta’ salvagwardja aċċelerati jistgħu jinfetħu fuq talba ta’ debitur involut fi proċedimenti ta’ konċiljazzjoni u li jiġġustifika li ħejja abbozz ta’ pjan immirat li jiżgura s-sostenibbiltà tal-kumpanija.

Il-fatt li d-debitur ikun waqqaf il-ħlasijiet ma jostakolax il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ salvagwardja aċċelerati jekk dik is-sitwazzjoni ma tiġix aktar minn 45 jum qabel id-data tat-talba għall-ftuħ tal-proċedimenti ta’ konċilazzjoni.

Il-proċedimenti ta’ salvagwardja finanzjarja aċċelerati jistgħu jinfetħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk tal-proċedimenti ta’ salvagwardja aċċelerati u meta l-kontijiet tad-debitur juru li d-dejn tiegħu jista’ jagħti lok għall-adozzjoni ta’ pjan mill-kredituri li huma membri tal-kumitat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu biss.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

L-assi kollha tad-debitur huma soġġetti għall-proċedimenti ta’ falliment.

Jekk id-debitur ikun imprenditur individwali, il-ġid personali tiegħu wkoll ikun inkluż.

Madankollu, ir-residenza prinċipali ta’ imprenditur individwali involut f’attività kummerċjali, industrijali, artiġjanali, agrikola jew libera ma tistax tinqabad mill-kredituri professjonali.

Tista’ ssir dikjarazzjoni biex ma jinqabdux artijiet oħrajn żviluppati jew mhux żviluppati li ma jkunux allokati għall-użu professjonali. Din id-dikjarazzjoni, li trid issir permezz ta’ dikjarazzjoni notarili ppubblikata, hija effettiva biss fir-rigward tal-kredituri professjonali li d-drittijiet tagħhom jinħolqu wara l-pubblikazzjoni.

Il-fatt li r-residenza prinċipali tad-debitur ma tistax tinqabad mill-kredituri professjonali huwa maħsub biex jipproteġi lid-debitur u lill-familja tiegħu.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

L-iżvestiment tas-setgħa tad-debitur li jiddisponi mill-proprjetà tiegħu

Salvagwardja u riorganizzazzjoni ġudizzjarja

F’każ li jinfetħu proċedimenti ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, id-debitur ma jiġix żvestit u jkompli jmexxi l-impriża tiegħu.

Abbażi tal-proċedimenti ta’ salvagwardja, amministratur ġudizzjarju jissorvelja jew jassisti lid-debitur fil-ġestjoni tal-impriża tiegħu skont il-missjoni stabbilita mill-qorti.

Fir-riorganizzazzjoni ġudizzjarja, l-amministratur ġudizjarju jassisti lid-debitur fil-ġestjoni tiegħu jew jieħu f’idejh parti minnha jew kollha kemm hi huwa stess, minflok id-debitur.

Il-likwidazzjoni ġudizzjarja

F’każ li jinfetħu proċedimenti ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja, id-debitur jiġi żvestit mill-ġestjoni u mid-dispożizzjoni tal-proprjetà tiegħu. Id-drittijiet u l-azzjonijiet tiegħu relatati mal-assi tan-negozju tiegħu jiġu eżerċitati mil-likwidatur. Għaldaqstant il-likwidatur jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-proprjetà tiegħu.

Il-prattikanti fl-insolvenza

Il-prattikanti fl-insolvenza huma aġenti tal-ġustizzja taħt is-superviżjoni tal-prosekutur pubblikuli jappartjenu għal professjonijiet irregolati.

Dawn il-professjonisti liberi speċjalizzati jridu jkunu rreġistrati f’listi nazzjonali u jissodisfaw kundizzjonijiet stretti ta’ kapaċità u moralità.

Jistgħu jinħatru wkoll persuni li mhumiex irreġistrati fil-listi iżda li għandhom esperjenza jew kwalifika partikolari fir-rigward tal-każ.

Il-prattikanti fl-insolvenza jinħatru mill-qorti li tkun fetħet il-proċedimenti.

Il-prattikanti fl-insolvenza huma soġġetti għal responsabbiltà ċivili taħt il-kundizzjonijiet tad-dritt komuni.

Il-ħlas lill-prattikanti huwa stabbilit skont rati ffissati b’digriet; l-imħallef imbagħad jimponi dan l-ammont ta’ remunerazzjoni fuq id-debitur.

Is-setgħat tal-prattikanti fl-insolvenza u tad-debitur

L-amministratur maħtur mill-qorti

Fil-prinċipju, il-qorti li tiftaħ il-proċedimenti ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja taħtar amministratur, li jista’ jkun propost mid-debitur fil-proċedimenti ta’ salvagwardja, jew mill-prosekutur pubbliku.

Mhux bilfors jinħatar amministratur jekk id-debitur ikollu inqas minn għoxrin impjegat u jekk il-fatturat tiegħu jkun ta’ inqas minn tliet miljun euro esklużi t-taxxi.

F’każ ta’ proċedimenti ta’ salvagwardja aċċelerata u ta’ salvagwardja finanzjarja aċċelerata, il-ħatra ta’ amministratur hija dejjem obbligatorja.

Fis-salvagwardja, l-amministratur maħtur mill-qorti jissorvelja jew jassisti lid-debitur fil-ġestjoni tal-impriża tiegħu skont il-missjoni stabbilita mill-qorti.

Fir-riorganizzazzjoni ġudizzjarja, l-amministratur maħtur mill-qorti jassisti lid-debitur fil-ġestjoni tiegħu jew jieħu f’idejh parti minnha jew kollha kemm hi huwa stess, minflok id-debitur.

L-amministratur maħtur mill-qorti jrid jagħmel l-atti meħtieġa biex jippreżerva d-drittijiet tal-impriża kontra d-debituri tagħha u l-atti meħtieġa biex jippreżerva l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni, jew iqabbad lid-debitur jagħmilhom.

L-amministratur maħtur mill-qorti għandu setgħat speċifiċi bħal dik li jattiva l-kontijiet bankarji tad-debitur bil-firma tiegħu meta dan tal-aħħar ma jistax joħroġ ċekkijiet, li jiżgura l-kontinwazzjoni tal-kuntratti kurrenti, u li jagħti s-sensji meħtieġa.

Ir-riċevitur uffiċjali

Ir-riċevitur uffiċjali jinħatar bilfors mill-qorti fi kwalunkwe proċediment kollettiv.

Huwa għandu l-kompitu li jirrappreżenta lill-kredituri u l-interess kollettiv tagħhom.

Dan jagħmel lista ta’ pretensjonijiet iddikjarati, inklużi pagi, bil-proposti tiegħu ta’ ammissjoni, ta’ rifjut jew ta’ rinviju quddiem il-qorti kompetenti, u jibgħat il-lista lill-imħallef tal-falliment.

Il-likwidatur

Fis-sentenza ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja, il-qorti taħtar likwidatur.

Il-likwidatur irid jivverifika l-pretensjonijiet u jwettaq l-operazzjonijiet ta’ tisrif tal-assi tad-debitur sabiex iqassam l-assi li jkun fadal bejn il-kredituri.

Huwa jieħu ħsieb jagħti s-sensji u jista’ jagħżel li jkompli l-kuntratti kurrenti.

Huwa jirrappreżenta lid-debitur żvestit u b’hekk jeżerċita l-parti l-kbira tad-drittijiet u tal-azzjonijiet ekonomiċi tiegħu waqt il-proċedimenti ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja. Madankollu, ma jistax jeżerċita d-drittijiet mhux ekonomiċi tad-debitur.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija?

It-tpaċija hija mod ta’ kumpens għall-obbligi reċiproċi sal-inqas waħda.

Tista’ taħdem biss bejn żewġ persuni simetrikament kredituri u debituri ta’ xulxin.

Dan il-kumpens b’hekk joħloq pagament doppju abbrevjat bejn pretensjonijiet reċiproċi.

Fil-prinċipju huwa pprojbit li d-debitur iħallas il-pretensjonijiet kollha li joriġinaw qabel is-sentenza tal-ftuħ tas-salvagwardja jew tar-riorganizzazzjoni ġudizzjarja.

Madankollu, il-projbizzjoni tal-pagament ta’ pretensjonijiet preċedenti ma tapplikax għall-ħlas bi tpaċija għal pretensjonijiet relatati. Huma meqjusa bħala relatati l-pretensjonijiet reċiproċi li ġew jew ġejjin mit-twettiq jew in-nuqqas ta’ twettiq tal-istess kuntratt.

Jekk pretensjoni relatata ma’ pretensjoni preċedenti tinħoloq wara s-sentenza tal-ftuħ, din tista’ titħallas, bi tpaċija għall-pretensjoni preċedenti, diment li din tal-aħħar tkun ġiet iddikjarata.

Il-pretensjonijiet reċiproċi huma meqjusa relatati meta jkunu rriżultaw jew ikunu ġejjin mit-twettiq jew min-nuqqas ta’ twettiq tal-istess kuntratt jew ta’ grupp ta’ kuntratti.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

Il-proċedura ta’ kontinwazzjoni tal-kuntratti kurrenti

Il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment ma għandux jaffettwa l-eżistenza ta’ kuntratti bejn id-debitur u l-imsieħba tiegħu (fornituri, klijenti) validi fil-jum tal-ftuħ.

Il-kuntratt kurrenti huwa kuntratt li jeżisti u li qed jitwettaq meta jinfetħu l-proċedimenti, kuntratt b’eżekuzzjoni suċċessiva li ma ntemmx f’dik id-data jew kuntratt b’eżekuzzjoni immedjata li għadha ma seħħitx iżda li hija diġà konkluża.

Il-parti l-oħra għall-kuntratt kurrenti tista’ tkun privileġġata u titħallas qabel il-kredituri l-oħrajn.

Salvagwardja u riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Il-kuntratt jitkompla awtomatikament a priori; il-prattikant fl-insolvenza għandu l-għażla pubblika li jista’ jitlob li jissokta l-kuntratt ta’ ħlas ta’ servizzi li jiġu pprovduti lilu.

Fin-nuqqas ta’ prattikant fl-insolvenza, id-debitur jista’ jitlob l-eżekuzzjoni tal-kuntratti kurrenti, wara l-approvazzjoni tar-riċevitur uffiċjali.

Il-kuntratt li jissokta jiġi eżegwit b’mod normali, skont id-dispożizzjonijiet kuntrattwali.

Il-prattikant fl-insolvenza jista’ jittermina l-kuntratt għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni antiċipata tad-debitur, meta jsib li dan ma għandux biżżejjed fondi biex jissodisfa l-obbligi tiegħu.

Il-kuntratt kurrenti jiġi tterminat awtomatikament jekk sa xahar wara, il-prattikant fl-insolvenza ma jkunx talab b’mod espliċitu l-eżekuzzjoni tal-kuntratt kurrenti.

L-istess japplika jekk ma jsirx ħlas u jekk il-parti l-oħra għall-kuntratt ma tkunx trid tkompli r-relazzjoni kuntrattwali.

Il-prattikant fl-insolvenza jista’ wkoll jitlob lill-imħallef jordna t-terminazzjoni tal-kuntratt kurrenti, jekk it-terminazzjoni tkun meħtieġa għas-salvagwardja jew għar-riorganizzazzjoni ġudizzjarja tad-debitur, u diment li ma tippreġudikax b’mod eċċessiv l-interessi tal-parti l-oħra għall-kuntratt.

Il-likwidazzjoni ġudizzjarja

Fil-prinċipju l-kuntratti kurrenti kollha jibqgħu jinżammu.

Huwa biss il-likwidatur li għandu d-dritt li jitlob l-eżekuzzjoni tal-kuntratti kurrenti billi jingħata s-servizz imwiegħed lid-debitur.

Il-kuntratt kurrenti jiġi tterminat awtomatikament jekk sa xahar wara, il-likwidatur ma jkunx talab b’mod espliċitu l-eżekuzzjoni tal-kuntratt kurrenti.

L-istess japplika meta l-prestazzjoni tad-debitur tinvolvi l-ħlas ta’ somma flus, fil-jum li l-parti l-oħra għall-kuntratt tkun informata bid-deċiżjoni tal-likwidatur li jwaqqaf il-kuntratt, kif ukoll jekk ma jsirx ħlas.

Il-likwidatur jista’ wkoll jittermina l-kuntratt għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni antiċipata tad-debitur, meta jsib li dan ma għandux biżżejjed fondi biex jissodisfa l-obbligi tiegħu.

Jekk il-prestazzjoni tkun xi ħaġa oħra minbarra l-ħlas ta’ somma flus, il-likwidatur jista’ wkoll jitlob lill-qorti tordna t-terminazzjoni tal-kuntratt jekk tkun meħtieġa għall-operazzjonijiet ta’ likwidazzjoni u ma tippreġudikax eċċessivament l-interessi tal-parti kontraenti l-oħra.

It-trasferiment tal-kuntratti kurrenti

F’każ ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, jekk il-pjan ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jipprovdi għat-trasferiment tal-impriża lil parti terza, il-qorti tista’ tordna t-trasferiment tal-kuntratti li huma utli għall-impriża (kera, kuntratt ta’ provvista, konċessjoni, lokazzjoni, liċenzja).

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Fil-każ ta’ proċedimenti ta’ falliment, il-kredituri huma mitluba li jasserixxu d-drittijiet tagħhom kontra d-debitur esklussivament fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ falliment u ma jistgħux jaġixxu b’mod individwali bi ħlas kontra d-debitur.

Is-sentenza tal-għeluq tal-proċedimenti ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja minħabba insuffiċjenza ta’ assi ma tagħtix id-dritt lill-kredituri li jieħdu azzjonijiet individwali kontra d-debitur.

Hemm eċċezzjoni għal din ir-regola:

- Fil-każ ta’ azzjonijiet li jinvolvu proprjetà akkwistata taħt suċċessjoni miftuħa matul il-proċedimenti ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja;

- Meta l-pretensjoni toriġina minn ksur li għalih id-debitur ikun instab ħati jew meta tinvolvi drittijiet marbuta mal-persuna tal-kreditur;

- Meta l-pretensjoni toriġina minn prattiċi frodulenti mwettqa kontra l-awtoritajiet tas-sigurtà soċjali. L-oriġini frodulenti tal-pretensjoni tiġi stabbilita jew b’deċiżjoni tal-qorti, jew minn piena imposta minn awtorità tas-sigurtà soċjali.

Il-kredituri jirkupraw ukoll id-dritt tagħhom ta’ proċedimenti individwali fil-każijiet li ġejjin:

- Jiġi ddikjarat il-falliment personali tad-debitur;

- Id-debitur kien rikonoxxut ħati ta’ falliment;

- Id-debitur, abbażi ta’ kwalunkwe mill-patrimonji tiegħu, jew persuna ġuridika mmexxija minnu bħala direttur, kien soġġett għal proċedimenti ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja preċedenti magħluqa għal nuqqas ta’ assi inqas minn ħames snin qabel il-ftuħ ta’ dawk li għalihom huwa soġġett, kif ukoll id-debitur li, matul il-ħames snin qabel din id-data, ibbenefika minn kanċellazzjoni ta’ dejn;

- Il-proċedimenti nfetħu bħala proċedimenti territorjali fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar il-proċedimenti ta’ falliment.

Barra minn hekk, f’każ ta’ frodi fir-rigward ta’ kreditur jew diversi kredituri, il-qorti tawtorizza l-issoktar tal-azzjonijiet individwali ta’ kwalunkwe kreditur kontra d-debitur. Il-qorti tiddeċiedi waqt l-għeluq tal-proċedimenti wara li tkun semgħet jew debitament ħarrket lid-debitur, lil-likwidatur u lill-kontrolluri. Din tista’ tiddeċiedi wara l-għeluq, fuq talba ta’ kwalunkwe parti interessata taħt l-istess kundizzjonijiet.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Is-sentenza tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ falliment tinterrompi jew tipprojbixxi l-proċedimenti mibdija kontra d-debitur għall-ħlas ta’ somma flus jew it-terminazzjoni ta’ kuntratt għal inadempjenza fil-ħlas ta’ somom ta’ flus.

Il-proċeduri ta’ implimentazzjoni u l-miżuri ta’ preżervazzjoni huma wkoll sospiżi.

L-azzjoni tal-kredituri li aġixxew qabel il-ftuħ tal-proċedimenti kollettivi tiġi interrotta jew sospiża.

Għaldaqstant il-kredituri kollha preċedenti huma kkonċernati, kemm jekk jibbenefikaw jew le minn garanziji.

L-interruzzjoni u l-projbizzjoni tal-proċedimenti japplikaw għall-proċedimenti kollha ta’ falliment.

Il-kawżi pendenti jiġu interrotti sakemm il-kreditur li jkun qed jipproċedi jkun iddikjara l-pretensjoni tiegħu.

Dawn imbagħad jissoktaw iżda biss għall-konstatazzjoni tal-pretensjoni u għall-iffissar tal-ammont tagħha, u mhux biex tingħata kundanna lid-debitur.

L-azzjonijiet u l-proċediment ta’ infurzar apparti minn dawk imsemmija hawn fuq jipproċedu matul il-perjodu ta’ osservazzjoni tad-debitur, wara n-notifika lil partijiet terzi mir-riċevitur uffiċjali, u mill-prattikant fl-insolvenza meta jkollu missjoni ta’ assistenza jew ta’ rappreżentanza tad-debitur, jew wara t-tkomplija ta’ kawża fuq inizjattiva tar-riċevitur uffiċjali jew tal-prattikant fl-insolvenza.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Salvagwardja u riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Fid-dawl tal-adozzjoni tal-pjan ta’ salvagwardja, il-kredituri jiġu kkonsultati dwar it-termini tal-ħlas jew il-kanċellazzjoni tad-dejn.

Il-proposti jintbagħtu mill-prattikant fl-insolvenza lir-riċevitur uffiċjali, li jirrappreżenta lill-kredituri.

Ir-riċevitur uffiċjali jiġbor individwalment jew kollettivament il-kunsens ta’ kull kreditur li ddikjara l-pretensjoni tiegħu.

Ir-riċevitur uffiċjali mhuwiex obbligat li jikkonsulta lill-kredituri li t-termini tal-ħlas tagħhom mhumiex ser ikunu affettwati mill-pjan propost jew li l-pjan jipprovdilhom ħlas sħiħ fi flus kontanti malli jiġi ordnat il-pjan jew jiġu ammessi l-pretensjonijiet.

Il-kumitati tal-kredituri

Meta debitur ikollu aktar minn 150 ħaddiem u l-fatturat tiegħu ikun ta’ aktar minn EUR 20 miljun, jiġu maħluqa kumitati ta’ kredituri li jiddeċiedu dwar l-abbozz tal-pjan ta’ approvazzjoni tal-obbligazzjonijiet.

Il-kumitati tal-kredituri jiġbru f’laqgħat separati diversi kategoriji ta’ kredituri li jiġu ppreżentati bi proposti li jkunu jistgħu jiddiskutu dwarhom u li fuqhom jiddeċiedu b’mod kollettiv, jiġifieri l-minoranzi jkollhom joqogħdu għad-deċiżjoni tal-maġġoranza.

Jeżisti kumitat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, magħmul mill-kumpaniji ta’ finanzjament u minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u simili, u kumitat magħmul mill-fornituri ewlenin ta’ oġġetti jew servizzi. Meta jkun hemm detenturi ta’ bonds, jitlaqqa’ grupp ġenerali magħmul mill-kredituri kollha li jkollhom bonds maħruġa fi Franza jew f’pajjiż barrani biex jiddeliberaw dwar l-abbozz tal-pjan adottat mill-kumitati tal-kredituri.

Il-kumitati tal-kredituri jridu jkunu kkonsultati mill-prattikant fl-insolvenza dwar l-abbozz tal-pjan u jivvutaw favur pjan qabel il-qorti tieħu d-deċiżjoni tagħha.

Fil-preżenza tal-kumitati tal-kredituri, kwalunkwe kreditur membru ta’ kumitat jista’ jagħmel proposti alternattivi għall-abbozz tal-pjan ippreżentat mid-debitur.

L-abbozz ta’ pjan jista’ b’hekk jiġi mid-debitur jew, f’riorganizzazzjoni ġudizzjarja, mill-prattikant flimkien mad-debitur, iżda jista’ wkoll jiġi minn inizjattiva tal-kredituri membri ta’ dawn il-kumitati. Il-pjan adottat mill-kumitati u, jekk ikun differenti, dak imfassal mid-debitur jew mill-prattikant fl-insolvenza, jistgħu mbagħad jiġu ppreżentati lill-qorti fl-istess ħin.

Il-proċedimenti ta’ salvagwardja aċċelerati

F’każ ta’ ftuħ ta’ proċedimenti ta’ salvagwardja aċċelerati, il-kumitati tal-kredituri- il-kumitat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-kumitat tal-fornituri ta’ oġġetti u servizzi- u jekk ikun il-każ, anki l-laqgħa ġenerali tad-detenturi tal-bonds, għandhom jiġu stabbiliti b’mod obbligatorju.

Il-kredituri li mhumiex fil-kumitati wkoll jiġu kkonsultati individwalment.

Il-proċedimenti ta’ salvagwardja finanzjarja aċċelerati

F’każ ta’ ftuħ ta’ proċedimenti ta’ salvagwardja finanzjarja aċċelerati, il-kumitat tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu biss, u jekk ikun il-każ, anki l-laqgħa ġenerali tad-detenturi tal-bonds, jeħtieġu li jiġu stabbiliti.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

Il-pretensjonijiet kollha li nħolqu qabel is-sentenza tal-ftuħ tal-proċedimenti jridu jiġu ddikjarati, tkun xi tkun in-natura jew ikun xi jkun il-karattru tagħhom: kummerċjali, ċivili, amministrattiv (Teżor, istituzzjonijiet providenti u tas-sigurtà soċjali) jew kriminali (multi). Ma tagħmilx differenza jekk il-pretensjoni ma tkunx assigurata jew jekk hix superjuri, pagabbli jew limitata, indiskutibbli jew kontinġenti.

Il-pretensjonijiet li jinħolqu b’mod regolari wara s-sentenza tal-ftuħ għall-ħtiġijiet ta’ twettiq tal-proċedimenti jew bħala korrispettiv għal servizz ipprovdut lid-debitur għall-attività professjonali tiegħu, jitħallsu fid-data tal-maturità tagħhom.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Il-kredituri kollha li l-pretensjoni tagħhom tkun inħolqot qabel is-sentenza tal-ftuħ għandhom jiddikjaraw il-pretensjonijiet tagħhom lir-riċevitur uffiċjali f’każ ta’ salvagwardja jew riorganizzazzjoni ġudizzjarja, jew lil-likwidatur fil-każ ta’ likwidazzjoni.

Il-limitu ta’ żmien għad-dikjarazzjoni huwa ta’ xahrejn mill-pubblikazzjoni legali tas-sentenza tal-ftuħ.

Id-debitur jista’ wkoll jiddikjara huwa stess il-pretensjoni minn wieħed mill-kredituri tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet.

Id-dikjarazzjoni tirrigwarda wkoll ċerti pretensjonijiet li jinħolqu wara s-sentenza tal-ftuħ, dawk li ma jibbenefikawx minn preferenza ta’ ħlas bħall-pretensjonijiet meħtieġa għall-impriża jew relatati mal-bżonnijiet tal-proċedimenti.

Il-pretensjoni ddikjarata trid tindika l-ammont tas-somom dovuti u li se jimmaturaw, id-dati tal-maturità, it-tip ta’ garanzija jew sigurtà eżistenti u l-metodi tal-kalkolu tal-imgħaliexijiet.

Id-dikjarazzjoni tal-pretensjoni ma għandha ebda forma partikolari imposta. Fil-fatt id-dikjarazzjoni trid tesprimi, minnha nfisha u b’mod inekwivoku, ix-xewqa tal-kreditur li jitlob il-ħlas tal-pretensjoni tiegħu, li jidher fid-dikjarazzjoni tal-pretensjonijiet u li jipparteċipa fil-proċedimenti.

Wara li jkun ikkonsulta lid-debitur, ir-riċevitur uffiċjali jfassal il-lista ta’ pretensjonijiet iddikjarati flimkien mal-proposti tiegħu ta’ ammissjoni, rifjut jew referenza lill-qorti kompetenti.

Din il-lista tintbagħat lill-imħallef u lill-prattikant fl-insolvenza.

Qabel ma jaċċetta jew jirrifjuta pretensjoni, l-imħallef jivverifika l-eżistenza, l-ammont u t-tip tagħha, skont l-evidenza li jressaq l-awtur tad-dikjarazzjoni u possibbilment ukoll skont l-evidenza ta’ dawk li jinstemgħu u tar-riċevitur uffiċjali.

Il-kredituri li ma jkunux iddikjaraw il-pretensjonijiet tagħhom fil-ħin jiġu esklużi u għaldaqstant ma jistgħux jieħdu sehem fit-tqassim u lanqas jippretendu dividendi f’każ li jiġi adottat pjan jew jissarrfu l-assi tad-debitur jekk l-imħallef ma jħassarx l-esklużjoni tagħhom.

F’każ li titneħħa l-esklużjoni, dawn jistgħu jieħdu sehem fit-tqassim wara t-talba tagħhom.

Salvagwardja aċċelerata u salvagwardja finanzjarja aċċelerata

Id-debitur ifassal il-lista ta’ pretensjonijiet ta’ kull kreditur li ħa sehem fil-konċilazzjoni u li jridu jitniżżlu fid-dikjarazzjoni tal-pretensjonijiet. Il-lista tiġi ċċertifikata mill-awditur tad-debitur u ddepożitata fir-reġistru tal-qorti.

Ir-riċevitur uffiċjali jibgħat lil kull kreditur is-silta tal-lista li tirrigwarda l-pretensjoni tiegħu.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Kreditur privileġġat jibbenefika minn garanzija li tassiguralu l-prijorità tal-ħlas mid-debitur tiegħu fuq il-kredituri ordinarji l-oħrajn li mhumiex garantiti, f’każ li jinfetħu proċedimenti ta’ falliment fil-konfront tad-debitur.

Għalhekk kreditur jista’ jkun privileġġat:

- għaliex għandu garanzija mingħand id-debitur tiegħu jew li kiseb fil-qorti, jew

- għaliex il-liġi tagħtih il-privileġġ minħabba l-kwalità tiegħu.

Il-kredituri privileġġati mhumiex kollha l-istess. Meta jkun hemm diversi kredituri privileġġati li qed jikkompetu, dawn jitħallsu f’ordni stabbilita bil-liġi, imma dejjem qabel il-kredituri mhux garantiti.

Il-kredituri mhux garantiti jitħallsu mill-assi li jifdal tad-debitur wara li jkunu tħallsu l-kredituri privileġġati. It-tqassim isir proporzjonalment.

Il-gradi ta’ privileġġi

Il-proċedimenti ta’ salvagwardja u riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Il-likwidazzjoni tal-prezz tal-bejgħ ta’ proprjetà immobbli bejn il-kredituri ssir fl-ordni li ġejja:

  1. Pretensjonijiet “super privileġġati” tal-pagi: il-ħlas tar-rimunerazzjoni tal-aħħar sittin jum ta’ xogħol qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ;
  2. L-ispejjeż tal-qorti li nħolqu b’mod regolari wara s-sentenza tal-ftuħ għall-ħtiġijiet tat-twettiq tal-proċedimenti: spejjeż relatati mal-konservazzjoni, il-likwidazzjoni tal-assi u t-tqassim tal-prezz bejn il-kredituri (spejjeż ta’ inventarju u ta’ reklamar, kumpens għar-riċevituri uffiċjali…) ;
  3. Pretensjonijiet iggarantiti mill-privileġġ tal-konċilazzjoni: tgħodd għall-kredituri li jagħtu kontribut ġdid fi flus jew jipprovdu oġġett jew servizz ġdid, sabiex l-impriża tkompli l-attività tagħha u tibqa’ sostenibbli;
  4. Il-privileġġ tal-pretensjonijiet ta’ wara s-sentenza tal-ftuħ: pretensjonijiet li jinħolqu għall-ħtiġijiet tat-twettiq tal-proċedimenti jew biex l-impriża tkompli l-attività tagħha temporanjament, jew pretensjonijiet li jinħolqu bħala korrispettiv għal servizz ipprovdut lid-debitur waqt iż-żamma tal-attività jew it-twettiq ta’ kuntratt kurrenti li jkun żamm il-likwidatur, jew pretensjonijiet maħluqa għall-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum tad-debitur individwali;
  5. Pretensjonijiet garantiti mill-privileġġ ġenerali tal-ħaddiema: il-ħlas tar-rimunerazzjoni tal-aħħar sitt xhur ta’ xogħol qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ;
  6. Pretensjonijiet garantiti minn privileġġ speċjali jew minn ipoteka;
  7. Pretensjonijiet mhux garantiti.

Il-likwidazzjoni tal-prezz tal-bejgħ ta’ proprjetà mobbli bejn il-kredituri ssir fl-ordni li ġejja:

  1. Pretensjonijiet garantiti minn garanzija speċjali trasferibbli bi dritt ta’ rahan;
  2. Pretensjonijiet “super privileġġati” tal-pagi: il-ħlas tar-rimunerazzjoni tal-aħħar sittin jum ta’ xogħol qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ.
  3. L-ispejjeż tal-qorti li nħolqu b’mod regolari wara s-sentenza tal-ftuħ għall-ħtiġijiet tat-twettiq tal-proċedimenti: spejjeż relatati mal-konservazzjoni, il-likwidazzjoni tal-assi u t-tqassim tal-prezz bejn il-kredituri (spejjeż ta’ inventarju u ta’ reklamar, kumpens għar-riċevituri uffiċjali…) ;
  4. Pretensjonijiet iggarantiti mill-privileġġ tal-konċilazzjoni: tgħodd għall-kredituri li jagħtu kontribut ġdid fi flus jew jipprovdu oġġett jew servizz ġdid, sabiex l-impriża tkompli l-attività tagħha u tibqa’ sostenibbli;
  5. Il-privileġġ tal-pretensjonijiet ta’ wara s-sentenza tal-ftuħ: pretensjonijiet li jinħolqu għall-ħtiġijiet tat-twettiq tal-proċedimenti jew biex l-impriża tkompli l-attività tagħha temporanjament, jew pretensjonijiet li jinħolqu bħala korrispettiv għal servizz ipprovdut lid-debitur waqt iż-żamma tal-attività jew it-twettiq ta’ kuntratt kurrenti li jkun żamm il-likwidatur, jew pretensjonijiet maħluqa għall-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum tad-debitur individwali;
  6. Il-privileġġ tat-Teżor;
  7. Pretensjonijiet garantiti minn privileġġ speċjali trasferibbli mingħajr dritt ta’ rahan;
  8. Pretensjonijiet garantiti minn privileġġi ġenerali trasferibbli oħrajn;
  9. Pretensjonijiet mhux garantiti.

Il-likwidazzjoni

Il-likwidazzjoni tal-prezz tal-bejgħ ta’ proprjetà immobbli bejn il-kredituri ssir fl-ordni li ġejja:

  1. Pretensjonijiet “super privileġġati” tal-pagi: il-ħlas tar-rimunerazzjoni tal-aħħar sittin jum ta’ xogħol qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ;
  2. L-ispejjeż tal-qorti li nħolqu b’mod regolari wara s-sentenza tal-ftuħ għall-ħtiġijiet tat-twettiq tal-proċedimenti: spejjeż tal-inventarju u ta’ reklamar, rimunerazzjoni tar-riċevituri uffiċjali;
  3. Pretensjonijiet garantiti mill-privileġġ tal-konċilazzjoni: tgħodd għall-kredituri li jagħtu kontribut ġdid fi flus jew jipprovdu oġġett jew servizz ġdid, sabiex l-impriża tkompli l-attività tagħha u tibqa’ sostenibbli;
  4. Pretensjonijiet garantiti minn kollaterali immobiljari speċjali;
  5. Il-privileġġ tal-pretensjonijiet ta’ wara s-sentenza tal-ftuħ: pretensjonijiet li jinħolqu għall-ħtiġijiet tat-twettiq tal-proċedimenti jew biex l-impriża tkompli l-attività tagħha temporanjament, jew pretensjonijiet li jinħolqu bħala korrispettiv għal servizz ipprovdut lid-debitur waqt iż-żamma tal-attività jew it-twettiq ta’ kuntratt kurrenti li jkun żamm il-likwidatur, jew pretensjonijiet maħluqa għall-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum tad-debitur individwali;
  6. Pretensjonijiet mhux garantiti.

Il-likwidazzjoni tal-prezz tal-bejgħ ta’ proprjetà mobbli bejn il-kredituri ssir fl-ordni li ġejja:

  1. Pretensjonijiet garantiti minn garanzija speċjali trasferibbli bi dritt ta’ rahan;
  2. Pretensjonijiet “super privileġġati” tal-pagi: il-ħlas tar-rimunerazzjoni tal-aħħar sittin jum ta’ xogħol qabel id-deċiżjoni tal-ftuħ;
  3. L-ispejjeż tal-qorti li nħolqu b’mod regolari wara s-sentenza tal-ftuħ għall-ħtiġijiet tat-twettiq tal-proċedimenti: spejjeż tal-inventarju u ta’ reklamar, rimunerazzjoni tar-riċevituri uffiċjali;
  4. Pretensjonijiet garantiti mill-privileġġ tal-konċilazzjoni:
  5. Il-privileġġ tal-pretensjonijiet ta’ wara s-sentenza tal-ftuħ: pretensjonijiet li jinħolqu għall-ħtiġijiet tat-twettiq tal-proċedimenti jew biex l-impriża tkompli l-attività tagħha temporanjament, jew pretensjonijiet li jinħolqu bħala korrispettiv għal servizz ipprovdut lid-debitur waqt iż-żamma tal-attività jew it-twettiq ta’ kuntratt kurrenti li jkun żamm il-likwidatur, jew pretensjonijiet maħluqa għall-ħtiġijiet tal-ħajja ta’ kuljum tad-debitur individwali;
  6. Pretensjonijiet garantiti minn ipoteka trasferibbli jew pretensjonijiet garantiti permezz ta’ rahan fuq it-tagħmir jew l-għodda;
  7. Il-privileġġ tat-Teżor;
  8. Pretensjoni garantita minn garanzija speċjali trasferibbli mingħajr dritt ta’ rahan;
  9. Privileġġi trasferibbli oħrajn (l-Artikolu 2331 tal-Kodiċi Ċivili) u l-privileġġ ġenerali tal-pagi;
  10. Pretensjonijiet mhux garantiti.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

Il-proċedimenti ta’ salvagwardja u riorganizzazzjoni ġudizzjarja

Il-proċedimenti ta’ salvagwardja u ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja ġew imposti biex, permezz ta’ pjan, il-kumpanija tiġi salvagwardjata, l-attività u l-impjiegi jinżammu u d-djun jiġu kklerjati. Pjan ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jista’ jiġi deċiż biss jekk dawn il-kundizzjonijiet ikunu ssodisfati.

Id-debitur f’każ ta’ salvagwardja, jew il-prattikant fl-insolvenza, f’każ ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, ifassal l-abbozz tal-pjan jekk ikun hemm il-possibbiltà serja li l-impriża tiġi salvagwardjata. Dan jinkludi tliet komponenti:

— komponent ekonomiku u finanzjarju li jiddetermina l-prospetti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja skont il-possibbiltajiet u l-forom ta’ attivitajiet, il-kundizzjonijiet tas-suq u l-mezzi finanzjarji disponibbli;

— definizzjoni tat-termini tas-saldu tad-dejn u tal-garanziji eventwali li l-kap tal-impriża jrid jieħu biex jiżgura l-implimentazzjoni tiegħu;

— komponent soċjali, li fih huwa jiddeskrivi u jiġġustifika l-livell u l-prospetti ta’ impjiegi kif ukoll il-kundizzjonijiet soċjali previsti għall-issoktar tal-attività. Meta l-abbozz tal-pjan jinvolvi sensji għal raġunijiet ekonomiċi, għandu jfakkar il-miżuri li diġà ttieħdu u jispjega l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu biex jiffaċilitaw it-tibdil fl-impjiegi u l-kumpens lill-ħaddiema li l-impjieg tagħhom jinsab f’riskju.

Il-pjan għandu jsemmi l-impenji kollha meħuda mill-persuni responsabbli għat-twettiq tar-riorganizzazzjoni ġudizzjarja tal-impriża u li huma meħtieġa għaliha.

Il-qorti mbagħad tiddeċiedi dwar l-abbozz tal-pjan ippreżentat lilha mid-debitur jew minn kreditur.

Id-deċiżjoni tal-qorti li tistabbilixxi pjan ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jew pjan ta’ bejgħ hija deċiżjoni ġudizzjarja. Il-pjan għandu jippreżenta wkoll aspett kuntrattwali, jekk ikunu ġew iffurmati kumitati ta’ kredituri.

Pjan ma jistax idum aktar minn għaxar snin, u minn ħmistax-il sena fil-każ tal-bdiewa.

Il-qorti taħtar lill-prattikant fl-insolvenza jew lir-riċevitur uffiċjali għat-terminu tal-pjan bħala kummissarju li jissorvelja l-implimentazzjoni tal-pjan.

L-ordni tal-pjan ittemm il-perjodu ta’ osservazzjoni. Id-debitur jerġa’ jieħu l-pussess tal-proprjetà tiegħu, u jista’ jerġa’ jmexxi l-impriża tiegħu, soġġett għal miżuri li l-qorti tkun imponietlu fil-pjan.

Fil-fatt id-debitur irid jirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-pjan fl-aspetti kollha tiegħu.

Inkella, f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-impenji tiegħu jew f’każ li jieqfu l-pagamenti waqt l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, id-debitur ikun f’riskju li l-pjan jiġi kkanċellat u jerġgħu jibdew il-proċedimenti.

Konverżjoni f’likwidazzjoni

Il-likwidazzjoni tista’ tiġi deċiża waqt jew wara l-perjodu ta’ osservazzjoni mibdi permezz ta’ sentenza ta’ salvagwardja jew sentenza ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja.

Il-qorti trid tordna l-likwidazzjoni, meta jkun impossibbli li l-impriża tkompli jew meta pjan ta’ bejgħ ma jistax jiġi ordnat fil-kuntest tal-proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja.

Tmiem tal-obbligi tad-debitur individwali f’likwidazzjoni

L-iżvestiment tad-debitur jiddekorri mill-jum li fih tiġi ddikjarata l-likwidazzjoni sal-għeluq tal-likwidazzjoni. Huwa minn dakinhar li jirkupra d-drittijiet tiegħu u jista’ jeżerċita l-attività tiegħu mill-ġdid.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

It-tmiem tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja ma jippermettix lill-kredituri li ma kinux iddikjaraw il-pretensjoni tagħhom li jipproċedu kontra d-debitur.

L-issoktar eċċezzjonali tal-proċedimenti individwali huwa previst biss speċifikament meta tagħlaq il-likwidazzjoni minħabba li ma jkunx hemm biżżejjed assi.

Meta l-proċedimenti ta’ falliment jitqiesu magħluqa

Il-perjodu ta’ osservazzjoni jindika l-perjodu bejn id-data tas-sentenza tal-ftuħ sad-data tas-sentenza li tordna l-pjan ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, jew li tħabbar il-likwidazzjoni.

Fi proċedimenti ta’ salvagwardja bħal fi proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, l-attività tkompli matul il-perjodu ta’ osservazzjoni u d-debitur ikompli fil-prinċipju jmexxi l-impriża, b’ċerti restrizzjonijiet.

Meta jkun hemm il-possibbiltà serja li impriża tista’ tiġi salvagwardjata, il-perjodu ta’ osservazzjoni jkun maħsub li jintemm bi pjan ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja.

L-adozzjoni ta’ pjan ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja tippermetti lid-debitur jirkupra l-kontroll tan-negozju tiegħu, madankollu ma tfissirx li jintemmu l-proċedimenti.

Fil-fatt, l-għeluq tal-proċedimenti jseħħ meta r-rapport tat-tmiem tal-missjoni tal-prattikant fl-insolvenza u tar-riċevitur uffiċjali ikun approvat mill-imħallef. Il-president tal-qorti mbagħad jagħti ordni ta’ għeluq li tkun miżura ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja definittiva.

Il-proċedimenti b’hekk jingħalqu legalment meta jiġi ordnat l-għeluq.

Madankollu, l-effetti tal-proċedimenti ma jiqfux mal-ordni tal-għeluq peress li l-pjan ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja ikun għadu għaddej.

Id-debitur irid jirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-pjan fl-aspetti kollha tiegħu.

Inkella, f’każ ta’ nuqqas ta’ twettiq tal-impenji tiegħu jew f’każ li jieqfu l-pagamenti waqt l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ salvagwardja jew ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, id-debitur ikun f’riskju li l-pjan jiġi kkanċellat u jerġgħu jibdew il-proċedimenti.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

L-ispejjeż u l-ispejjeż tal-proċedimenti għandhom jitħallsu mill-impriża soġġetta għall-proċedimenti ta’ falliment.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

Meta l-qorti tiftaħ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jew ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja, id-data tal-waqfien tal-ħlasijiet tad-debitur bħala prinċipju titqies li sseħħ fid-data tas-sentenza tal-ftuħ tal-proċedimenti.

Madankollu l-qorti għandha l-possibbiltà li tiffissa d-data ta’ sospensjoni tal-ħlasijiet għal data preċedenti sa 18-il xahar mid-data tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment.

Il-perjodu ta’ bejn id-data tal-waqfien tal-ħlasijiet u d-data tal-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja jew ta’ likwidazzjoni ġudizzjarja f’dan il-każ jissejjaħ “perjodu ta’ suspett”.

Ċerti atti mwettqa mid-debitur fil-perjodu ta’ suspett li jidhru frodulenti jiġu kkanċellati.

L-azzjoni ta’ invalidità tal-atti li seħħew waqt il-perjodu ta’ suspett hija fil-kompetenza esklussiva tal-qorti responsabbli mill-proċedimenti.

Il-ftuħ tal-azzjoni huwa riżervat għall-prattikant fl-insolvenza, għar-riċevitur uffiċjali, għal-likwidatur u għall-prosekutur pubbliku.

Il-kredituri jistgħu wkoll individwalment, jew b’mod kollettiv permezz tar-riċevitur uffiċjali, jiftħu azzjoni ta’ annullament tal-atti mwettqa mid-debitur.

L-att huwa invalidu fir-rigward ta’ kulħadd u jitħassar b’mod retroattiv.

Jeżistu tnax-il każ ta’ invalidità obbligatorja għal atti mhux normali.:

  • L-atti kollha bla ħlas li jassenjaw proprjetà trasferibbli jew immobbli;
  • Kwalunkwe kuntratt kommutattiv li fih l-obbligi tad-debitur jeċċedu b’mod sinifikanti dawk tal-parti l-oħra;
  • Kwalunkwe ħlas, kien x’kien il-metodu tiegħu, għal djun mhux dovuti fil-jum tal-ħlas;
  • Kwalunkwe ħlas għal djun pendenti, magħmula b’mod ieħor għajr fi flus, kambjali ta’ negozju, trasferimenti ta’ kreditu, noti ta’ debitu ta’ bejgħ jew kwalunkwe metodu ieħor ta’ pagament normalment aċċettat fir-relazzjonijiet ta’ negozju;
  • Kull depożitu u kull kunsinna ta’ somom magħmula wara rahan ta’ proprjetà fl-assenza ta’ deċiżjoni tal-qorti li tkun saret res judicata;
  • Kull ipoteka konvenzjonali, kull ipoteka ġudizzjarja kif ukoll kull ipoteka legali tal-konjuġi u kull dritt ta’ ipotekazzjoni jew rahan magħmula fuq il-proprjetà tad-debitur għal djun ikkuntrattati qabel;
  • Kull miżura ta’ konservazzjoni, sakemm ir-reġistrazzjoni jew l-att ta’ sekwestru ma jkunx preċedenti għad-data tas-sospensjoni tal-pagament;
  • Kull awtorizzazzjoni u tneħħija ta’ għażliet mill-impjegati tal-impriża;
  • Kull trasferiment ta’ proprjetà jew ta’ drittijiet f’patrimonju fiduċjarju, sakemm dan it-trasferiment ma sarx bħala garanzija ta’ dejn ikkuntrattat fl-istess ħin;
  • Kwalunkwe emenda għal ftehim fiduċjarju li taffettwa lid-drittijiet jew lill-proprjetà diġà ttrasferiti f’patrimonju fiduċjarju għall-garanzija ta’ djun ikkuntrattati qabel din l-emenda;
  • Meta d-debitur ikun imprenditur individwali b’responsabbiltà limitata, kwalunkwe allokazzjoni jew emenda fl-allokazzjoni ta’ proprjetà, bla ħsara għall-ħlas tad-dħul mhux allokat għall-attività professjonali, li minnha rriżulta t-tnaqqis tal-patrimonju kkonċernat mill-proċedimenti għall-benefiċċju ta’ patrimonju ieħor ta’ dan l-imprenditur;
  • Id-dikjarazzjoni notarili mid-debitur ta’ nuqqas ta’ sekwestru.

Dawn l-atti għandhom jiġu annullati mill-qorti, kemm jekk il-partijiet ikunu in bona fede kif ukoll jekk ikunu in mala fede.

Barra minn hekk il-qorti tista’ tikkanċella l-atti bla ħlas li jassenjaw proprjetà trasferibbli jew immobbli u d-dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ sekwestru, magħmula fis-sitt xhur qabel id-data tas-sospensjoni tal-pagamenti. Dawn il-każijiet huma soġġetti għal invalidità fakultattiva.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 13/02/2018