Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna it-Taljan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Insolvenza/falliment

Italja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

Proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jitressqu kontra operaturi kummerċjali (individwi jew kumpaniji) dment li jkollhom jew:

a) assi ta’ EUR 300 000.00 jew iktar fuq perjodu ta’ tliet snin qabel ir-rikors għall-insolvenza jew il-ftehim preventiv

b) dħul gross annwali ta’ EUR 200 000.00 jew iktar fuq perjodu ta’ tliet snin qabel ir-rikors għall-insolvenza jew il-ftehim preventiv

c) djun totali (fid-data tar-rikors għall-insolvenza jew il-ftehim preventiv) ta’ EUR 500 000.00 jew iktar (irrispettivament mid-data li nħolqu fiha)

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

a) l-insolvenza teħtieġ li l-impriża tkun fi stat insolventi u tista’ jintalab minn:

- id-debitur

- kreditur

- il-Prosekutur Pubbliku

b) ftehim mal-kredituri (concordato preventivo) jeħtieġ li l-impriża tkun f’diffikultà (jiġifieri qed tesperjenza diffikultajiet finanzjarji li mhumiex kbar biżżejjed biex jikkawżaw insolvenza); jista’ jsir rikors għalih mid-debitur.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

L-assi kollha li jiffurmaw parti mill-proprjetà tal-insolvenza, ħlief għal dan li ġej:

1) proprjetà u drittijiet strettament personali;

2) allowances għall-manteniment, pagi, pensjonijiet, salarji u dak li jaqilgħu l-insolventi fil-ħidma tagħhom fil-limiti ta’ dak li huwa meħtieġ biex imantnu lilhom infushom u l-familja tagħhom;

3) introjtu mill-assi tat-tfal tal-insolventi, disponibbli għalih b’operazzjoni tal-liġi, assi f’fondi mwarrba għall-bżonnijiet tal-familja (fondo patrimoniale) u introjtu minnhom, ħlief kif previst fl-Artikolu 170 tal-Kodiċi Ċivili;

4) l-affarijiet li ma jistgħux jiġu sekwestrati bil-liġi.

Il-proprejtà tal-insolvenza tinkludi wkoll l-assi kollha akkwistati mill-insolventi wara li nfetħu l-proċedimenti, iżda ma jinkludux l-obbligazzjonijiet imġarrba biex inkisbu u jinżammu dawk l-assi.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

Il-prattikant tal-insolvenza (l-amministratur) għandu s-setgħa/id-dover li jimmaniġġja l-assi, ibigħhom, u jqassam ir-rikavat lill-kredituri.

L-insolvent jista’ jintalab mill-amministratur biex jiżvela informazzjoni u jista’ jikkontesta l-miżuri li jieħu l-amministratur u l-imħallef delegat, iżda biss jekk dawn kienu ġew adottati bi ksur tal-liġi (għaldaqstant, mhux għal sempliċi raġunijiet ta’ konvenjenza).

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija ?

Kull min għandu jħallas flus lill-prattikant tal-insolvenza jista’ jpaċi dan id-dejn ma’ pretensjoni (controcredito) fir-rigward tal-istess proċediment, iżda biss jekk kemm id-dejn kif ukoll il-pretensjoni jkunu nħolqu qabel il-ftuħ tal-proċediment.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

L-amministratur jista’ jiddeċiedi jekk il-kuntratti fis-seħħ meta nfetaħ il-proċediment tal-insolvenza għandhomx jitkomplew jew jiġu tterminati.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

Il-kredituri jistgħu jieħdu azzjoni legali wara l-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza biss jekk l-amministratur jonqos milli jaġixxi, jiġifieri li (intenzjonalment jew b’negliġenza) ma jiħux azzjoni.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Kawżi mibdija minn kreditur kontra persuna li sussegwentement tiġi ddikjarata insolventi jistgħu jitkomplew biss mill-amministratur.

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Il-kumitat tal-kredituri huwa magħmul minn tliet jew ħames kredituri u għandu s-setgħat importanti li:

- jawtorizza t-transazzjonijiet, il-kompromessi, l-abbandun ta’ kawżi, ir-rikonoxximent ta' drittijiet ta’ partijiet terzi, il-kanċellazzjoni ta’ ipoteki, ir-ritorn ta’ titoli, il-ħruġ ta’ bonds, l-aċċettazzjoni ta’ wirt u rigali, u l-atti l-oħra kollha tal-amministrazzjoni speċjali

- jirrikorri għand il-qorti biex jibdel lill-amministratur

- japprova l-pjan tal-likwidazzjoni

- jawtorizza lill-amministratur biex jieħu f’idejh il-kuntratti fis-seħħ fid-data tad-dikjarazzjoni tal-insolvenza

- jieħu sehem fl-operazzjonijiet tal-inventarju tal-assi tal-insolvent

- jaċċessa d-dokumenti kollha relatati mal-proċedimenti

- jawtorizza lill-amministratur biex jeskludi mill-assi, jew li jabbanduna l-likwidazzjoni ta’, assi wieħed jew iktar, jekk il-likwidazzjoni tkun manifestament ta’ żvantaġġ

- jirrikorri għand l-imħallef delegat għas-sospensjoni ta’ bejgħ ta’ assi.

Barra mis-setgħat amministrattivi attivi t’hawn fuq, il-kumitat tal-kredituri jesprimi opinjonijiet dwar il-miżuri meħuda mill-Imħallef delegat jew mill-qorti, jiġifieri:

- jawtorizza lil kredituri garantiti jbigħu l-assi miżmuma bħala garanzija

- jawtorizza lill-Imħallef delegat ikompli jmexxi temporanjament il-kumpanija (il-kumitat tal-kredituri jrid japprova l-kontinwazzjoni)

- jawtorizza lill-Imħallef delegat jikri b’lokazzjoni l-kumpanija (il-kumitat tal-kredituri jrid japprova l-lokazzjoni)

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

L-amministratur jista’ (soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel):

- ikomplu jmexxi l-kumpanija

- jagħti l-kumpanija b’lokazzjoni

- ibigħ l-assi kollha sabiex iqassam ir-rikavat lill-kredituri

- jiddeċiedi li ma jbigħx assi ta’ ftit valur.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

Kwalunkwe kreditur jista’ jirrikorri għand il-qorti biex id-debitur jiġi ddikjarat insolventi. Il-kreditur ma hemmx għalfejn ikollu ordni ta’ infurzar; l-importanti huwa li jkun hemm prova dokumentata għall-pretensjoni.

Il-kredituri kollha (għalhekk inklużi dawk li għamlu rikors għal dikjarazzjoni ta’ insolvenza u kisbuha) iridu jitlobu li l-pretensjonijiet tagħhom jiġu ammessi wara l-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

Il-kredituri jistgħu jiddepożitaw il-pretensjonijiet tagħhom mingħajr rappreżentanza legali.

Ir-rikorsi tagħhom iridu jinkludu provi dokumentarji tal-pretensjoni u jridu jiġu ddepożitati b’mod elettroniku (permezz ta’ posta elettronika ċertifikata)

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Ir-rikavat mill-bejgħ tal-assi jiġi distribwit bejn il-kredituri kollha skont l-ordni ta’ prijorità. Il-liġi tagħti d-dritt ta’ prijorità lil ħafna pretensjonijiet (ipoteki, garanziji, pretensjonijiet preferenzjali ġenerali jew speċjali) fuq l-assi kollha jew xi wħud minnhom.

Jekk (kif kważi dejjem jiġri) ir-rikavat mid-disponiment ma jkunx biżżejjed biex jissodisfa l-pretensjonijiet kollha, dan ma jitqassamx proporzjonalment mal-ammont tal-pretensjoni iżda skont l-ordni ta’ prijorità stabbilita mill-Kodiċi Ċivili.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

Il-proċedimenti tal-insolvenza jingħalqu meta:

- ma tkun ġiet iddepożitata l-ebda pretensjoni

- jiġu ssosdisfati l-pretensjonijiet kollha

- ir-rikavat kollu mill-bejgħ tal-assi jkun tqassam

- ikun aċċertat li ma jkunx hemm aktar assi x’inbiegħu jew rikavat ieħor.

Ladarba l-proċedimenti tal-insolvenza jingħalqu, l-insolvent jerġa’ jikseb il-kapaċità li jagħti bidu u jirrispondi għal azzjoni legali, u jista’ jakkwista assi mingħajr ma jgħarraf lill-amministratur.

L-arranġamenti mal-kredituri jingħalqu meta jiġi approvat il-ftehim bejn id-debitur u l-kredituri iżda, meta l-ftehim jesiġi d-disponiment tal-assi (concordato liquidatorio), il-proċedura titkompla sal-bejgħ u, għalhekk, tiġi konkluża ladarba l-assi kollha jkunu nbiegħu u r-rikavat tqassam lill-kredituri.

Ladarba arranġament mal-kredituri jingħalaq, l-insolvent jinħeles mid-djun kollha tiegħu.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Wara li l-proċedimenti tal-insolvenza jingħalqu, il-kredituri jkunu jistgħu jieħdu azzjoni kontra d-debitur biex jirkupraw id-dejn li jifdal (jiġifieri l-parti tad-dejn li ma tħallasx lura mill-amministratur), sakemm ma tkunx saret proċedura ta’ kwittanza, f’liema każ, il-kredituri ma jistax ikollhom aktar pretensjonijiet kontra l-insolventi.

Ladarba arranġament mal-kredituri jingħalaq, il-kredituri ma jistax ikollhom aktar pretensjonijiet kontra d-debitur. Madankollu, jekk id-debitur ma jissodisfax l-obbligi tiegħu, il-kredituri jistgħu jagħmlu rikors biex l-arranġament jintemm; ir-rikors irid isir fi żmien sena.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

L-ispejjeż tal-proċedimenti tal-insolvenza jiġġarrbu mill-proċedimenti tal-insolvenza stess, u jitħallsu mir-rikavati tal-bejgħ tal-assi.

Jekk ma jkunx hemm assi, l-amministratur u l-ispejjeż imġarrba mill-amministratur jitħallsu mill-Istat.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

Atti legali mwettqa mill-insolvent qabel il-ftuħ tal-proċedimenti tal-insolvenza jistgħu jiġu revokati jekk ikun saru f’ċertu perjodu (sena jew sitt xhur) qabel il-ftuħ tal-proċedimenti.

Atti legali mwettqa mill-insolvent wara l-bidu tal-proċedimenti tal-insolvenza huma nulli.

Atti ta’ amministrazzjoni speċjali mwettqa matul l-arranġamenti mal-kredituri u mingħajr l-permess tal-qorti huma nulli.

L-aħħar aġġornament: 21/07/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.