Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Insolvenza/falliment

Skozja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 Kontra min jistgħu jinfetħu proċedimenti ta' insolvenza?

L-Artikolu 1 tal-Att (tal-Iskozja) tal-2016 dwar il-Falliment (Bankruptcy (Scotland) Act 2016 - “l-Att tal-2016”) jistipula li “l-patrimonju ta’ debitur jista’ jiġi sekwestrat”. Dan ifisser li l-proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu kontra diversi entitajiet definiti bħala “debitur” fl-Att tal-2016. Dawn jinkludu debitur ħaj, debitur deċedut jew l-eżekutur tiegħu jew persuna intitolata li tinħatar bħala eżekutur għal debitur deċedut, trust, soċjetà (inkluża soċjetà xolta), soċjetà limitata (inkluża soċjetà xolta) fis-sens tal-Att tal-1907 dwar is-Soċjetajiet Limitati (Limited Partnerships Act 1907), korp korporattiv jew korp mhux inkorporat.

Proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu wkoll kontra kumpaniji (inkorporati jew mhux inkorporati), f’konformità mal-Att tal-1986 dwar l-Insolvenza (Insolvency Act 1986 - “l-Att tal-1986”).

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet għall-ftuħ ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Proċedimenti personali ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu jew permezz ta’ rikors tad-debitur (inkluż taħt il-proċess tal-assi minimi (minimal asset process)), jew permezz ta’ petizzjoni mill-kreditur quddiem il-qorti tax-xeriff (sheriff court). Debitur jista’ wkoll jidħol f’att fiduċjarju (trust deed), li huwa forma volontarja ta’ proċediment ta’ insolvenza bejn individwu u l-kredituri tiegħu

Il-proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu kontra debitur ħaj, b'rikors tiegħu stess, f’ċirkostanzi li fihom:

  • l-ammont totali tad-djun tagħhom (inkluż l-imgħax) fid-data ta’ meta jsir ir-rikors tiegħu ma jkunx anqas minn £3,000;
  • ma tkunx ingħatat deċiżjoni ta' insolvenza (insolvency award) kontra d-debitur fil-perjodu ta’ 5 snin li jintemm fil-jum ta’ qabel id-data ta’ meta jkun sar ir-rikors tad-debitur;
  • id-debitur ikun kiseb il-parir ta’ konsulent finanzjarju;
  • id-debitur ikun ta dikjarazzjoni tal-impenji (inkluż impenn li jħallas lill-fiduċjarju wara l-aġġudikazzjoni ammont determinat bl-użu tal-għodda finanzjarja komuni);
  • id-debitur ikun “apparentement insolventi” jew, fil-perjodu stipulat, ikun ingħata ċertifikat għall-insolvenza tal-patrimonju tiegħu jew ikun ta att fiduċjarju (trust deed) li mhuwiex att fiduċjarju (trust deed) protett minħabba li l-kredituri jkunu oġġezzjonaw jew ma jaqblux,

u għall-finijiet tar-rikors d-debitur ma għandux ikun “apparentement insolventi” sempliċiment għaliex ikun ta att fiduċjarju (trust deed) jew ikun ta ċertu avviż lill-kredituri tiegħu.

Il-proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu wkoll kontra debitur ħaj b'rikors tiegħu stess, iżda taħt il-“proċess tal-assi minimi (minimal asset process)”, fejn japplikaw ċerti kriterji. Il-kriterji huma:

  • id-debitur ikun ġie vvalutat permezz tal-għodda finanzjarja komuni bħala li ma jeħtieġx li jagħmel kontribuzzjoni għall-insolvenza tiegħu, jew ikun irċieva ħlas prestabbilit għal perjodu ta’ mill-inqas 6 xhur li jintemm fil-jum meta jsir ir-rikors;
  • l-ammont totali tad-djun tad-debitur (inkluż l-imgħax) fid-data tar-rikors ma jkunx anqas minn £1,500, iżda mhux aktar minn £17,000;
  • il-valur totali tal-assi tad-debitur fid-data tar-rikors ma jaqbiżx l-£2,000;
  • il-valur ta’ assi wieħed tad-debitur ma jaqbiżx l-£1,000;
  • id-debitur ma jkunx is-sid ta’ art;
  • id-debitur ikun ingħata ċertifikat għall-insolvenza tal-patrimonju tiegħu;
  • fil-perjodu ta’ 10 snin li jintemm fil-jum ta’ qabel il-jum meta jsir ir-rikors tad-debitur ma tkun ittieħdet ebda deċiżjoni ta’ insolvenza kontra d-debitur b'rikors ippreżentat mid-debitur permezz tal-proċess tal-assi minimi (minimal asset process), u;
  • fil-perjodu ta’ 5 snin li jintemm fil-jum ta’ qabel il-jum meta jsir ir-rikors tad-debitur ma tkun ittieħdet ebda deċiżjoni ta’ insolvenza kontra d-debitur b'rikors ippreżentat mid-debitur għajr permezz tal-proċess tal-assi minimi (minimal asset process), jew petizzjoni għall-insolvenza tiegħu.

Proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu wkoll kontra debitur ħaj b’petizzjoni ta’ kreditur ikkwalifikat (jew kredituri kkwalifikati) jekk id-debitur ikun “apparentement insolventi”, u l-kreditur ikkwalifikat ikun ipprovda lid-debitur b’pakkett ta’ pariri u ta’ informazzjoni dwar id-dejn (“DAIP” - Debt Advice and Information Package) mhux aktar minn 12-il ġimgħa qabel il-preżentata tal-petizzjoni. DAIP tfisser id-DAIP imsemmi fl-Artikolu 10(5) tal-Att (tal-Iskozja) tal-2002 dwar l-Arranġament ta’ Dejn u l-Qbid (Debt Arrangement and Attachment (Scotland) Act 2002 - “l-Att tal-2002”).

Kreditur ikkwalifikat (kif imsemmi aktar ’il fuq) huwa kreditur li, fid-data tal-preżentata tal-petizzjoni (jew, skont il-każ, id-data ta’ meta jsir ir-rikors tad-debitur), ikun kreditur tad-debitur fir-rigward ta’ djun likwidi jew mhux likwidi għajr djun kontinġenti jew futuri jew ammonti pagabbli taħt ordni ta’ konfiska (confiscation order), sew jekk garantiti u sew jekk mhux garantiti, li jammontaw (jew ta’ dejn bħal dan li jammonta) għal mhux anqas minn £3,000. Kredituri kkwalifikati tfisser kredituri li, fid-data msemmija, ikunu kredituri tad-debitur fir-rigward ta’ tali djun kif imsemmija qabel li jammontaw b’mod aggregat għal mhux anqas minn £3,000.

Peress li t-terminu “apparentement insolventi” jifforma parti mill-kriterji li jridu jiġu ssodisfati sabiex debitur jippreżenta rikors għall-insolvenza tiegħu stess, jew sabiex kreditur jippreżenta petizzjoni għall-insolvenza ta’ debitur, huwa importanti li wieħed jifhem din xi tfisser. L-insolvenza apparenti fl-Iskozja tkun ikkostitwita kull meta:

  • patrimonju ta’ debitur isir insolventi, jew jiġi aġġudikat fallut fl-Ingilterra jew Wales jew fl-Irlanda ta’ Fuq; jew
  • il-persuna ma tkunx dik li l-proprjetà tagħha tkun f’dak iż-żmien affettwata minn ordni ta’ sekwestru (restraint order), miżmuma taħt jew bis-saħħa ta’ poter ta’ detenzjoni rilevanti jew soġġetta għal ordni ta’ konfiska (confiscation order) jew ordni li toħloq piż (charging order), u tkun tat notifika bil-miktub lill-kredituri tagħha li hija waqfet tħallas id-djun tagħha fil-perkors normali tan-negozju; jew
  • tkun saret soġġetta għal proċedimenti prinċipali fi Stat Membru ieħor għajr ir-Renju Unit;
  • id-debitur jagħti att fiduċjarju (trust deed);
  • wara n-notifika lid-debitur ta’ ordni debitament eżegwita għall-ħlas ta’ dejn, il-jiem tal-ordni jiskadu mingħajr ma jsir il-ħlas (sakemm fiż-żmien tal-okkorrenza d-debitur ma kienx kapaċi u lest li jħallas id-djun tiegħu meta saru dovuti, jew li kieku l-proprjetà tad-debitur ma kinitx affettwata minn ordni ta’ sekwestru (restraint order) jew ma kinitx soġġetta għal ordni ta’ konfiska (confiscation order) jew għal ordni li toħloq piż (charging order), dak iż-żmien id-debitur kien ikun jista’ jħallas dawk id-djun malli saru dovuti);
  • digriet ta’ aġġudikazzjoni ta’ kwalunkwe parti mill-patrimonju tad-debitur jingħata jew għall-ħlas jew bħala titolu (sakemm fiż-żmien tal-okkorrenza d-debitur ma kienx kapaċi u lest li jħallas id-djun tiegħu meta saru dovuti, jew li kieku l-proprjetà tad-debitur ma kinitx affettwata minn ordni ta’ sekwestru (restraint order) jew ma kinitx soġġetta għal ordni ta’ konfiska (confiscation order) jew għal ordni li toħloq piż (charging order), dak iż-żmien id-debitur kien ikun jista’ jħallas dawk id-djun malli saru dovuti);
  • dejn kostitwit b’digriet jew b’dokument ta’ dejn (kif definit fl-Artikolu 10 tal-Att tal-2002) qed jitħallas mid-debitur taħt programm ta’ ħlas tad-dejn skont il-Parti 1 ta’ dak l-Att u l-programm jiġi rrevokat (sakemm fiż-żmien tal-okkorrenza d-debitur ma kienx kapaċi u lest li jħallas id-djun tad-debitur meta saru dovuti, jew li kieku l-proprjetà tad-debitur ma kinitx affettwata minn ordni ta’ sekwestru (restraint order) jew ma kinitx soġġetta għal ordni ta’ konfiska (confiscation order) jew għal ordni li toħloq piż (charging order), dak iż-żmien id-debitur kien ikun jista’ jħallas dawk id-djun malli saru dovuti);
  • kreditur tad-debitur, fir-rigward ta’ dejn likwidu li jammonta (jew djun likwidi li b’mod aggregat jammontaw) għal mhux anqas minn £1,500, ikun innotifika lid-debitur, permezz ta’ notifika personali minn uffiċjal tal-qorti, talba fil-forma prestabbilita li teħtieġu jħallas id-dejn (jew id-djun) jew isib titolu għall-ħlas tiegħu (jew tagħhom), u fi żmien 3 ġimgħat wara d-data tan-notifika tat-talba, id-debitur ma jkunx irrispetta d-domanda jew għarraf lill-kreditur, permezz ta’ konsenja rreġistrata, li huwa jiċħad li hemm dejn jew li s-somma mitluba mill-kreditur bħala d-dejn tkun pagabbli minnufih.

Il-proċedimenti ta’ insolvenza kontra debitur ħaj jistgħu jinfetħu wkoll minn amministratur temporanju jew minn likwidatur ta’ Stat Membru maħtur fil-proċedimenti prinċipali.

Il-fiduċjarju li jaġixxi skont att fiduċjarju (trust deed) jista’ jiftaħ proċedimenti ta’ insolvenza kontra debitur ħaj jekk, u biss jekk, id-debitur ikun naqas milli jikkonforma ma’ kwalunkwe obbligu impost fuqu skont l-att fiduċjarju (trust deed) li seta’ raġonevolment jikkonforma miegħu, jew ma’ kwalunkwe struzzjoni jew rekwiżit mogħtija jew magħmula b’mod raġonevoli lilhom mill-fiduċjarju għall-finijiet tal-att fiduċjarju (trust deed), jew jekk il-fiduċjarju jiddikjara fil-petizzjoni tiegħu li jkun fl-aħjar interessi tal-kredituri li tingħata deċiżjoni ta' insolvenza (insolvency award).

Proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu wkoll kontra debitur deċedut b'petizzjoni ta’ kreditur kwalifikat (jew kredituri kwalifikati) tad-debitur deċedut, ta’ amministratur temporanju, ta’ likwidatur ta’ Stat Membru maħtur fi proċedimenti prinċipali, jew ta’ fiduċjarju li jaġixxi taħt att fiduċjarju (trust deed). Proċedimenti ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu wkoll kontra debitur deċedut permezz ta’ rikors tad-debitur ippreżentat mill-eżekutur, jew minn persuna intitolata li tinħatar bħala eżekutur tal-patrimonju.

Sabiex debitur jidħol f’att fiduċjarju (trust deed), il-perjodu minimu ta’ ripagament irid ikun ta’ 48 xahar, sakemm ma jkunx miftiehem arranġament alternattiv. L-atti fiduċjarji jeħtieġu wkoll li individwu jħallas ammont stabbilit kull xahar għall-perjodu tal-att. Madankollu, att fiduċjarju (trust deed) volontarju ma jorbot lill-ebda kreditur li ma jagħtix il-kunsens tiegħu għat-termini tiegħu, u sabiex ikun jista’ jiġi protett id-dejn minimu jrid ikun ta’ £5,000.

L-insolvenza korporattiva fl-Iskozja tista’ tkun permezz ta’ likwidazzjoni (volontarja jew permezz ta’ inġunzjoni) jew riorganizzazzjoni (arranġament volontarju tal-kumpanija (“CVA” - “Company Voluntary Arrangement”) jew amministrazzjoni) jew riċevitura. L-amministrazzjoni tista’ tintuża wkoll bħala proċedura ta’ stralċ; mhux strettament proċess ta’ riorganizzazzjoni.

Kwalunkwe kreditur (privat jew tal-gvern) jista’ jippreżenta rikors quddiem il-qorti li bih jitlob l-istralċ ta’ kumpanija (likwidazzjoni obbligatorja), jew li din titqiegħed taħt amministrazzjoni, filwaqt li l-kumpanija nnifisha tista’ tiddeċiedi li tiġi stralċata hija stess (likwidazzjoni volontarja, li tista’ tkun solventi jew insolventi, bis-solvenza li tiġi ġġudikata fuq il-kapaċità li tħallas id-djun kollha fi żmien 12-il xahar). Il-kumpanija tista’ wkoll tippreżenta petizzjoni quddiem il-qorti sabiex tiġi stralċata. Barra minn hekk, is-Segretarju tal-Istat (Secretary of State) jista’ jippreżenta rikors quddiem il-qorti biex kumpanija tiġi stralċata, jekk ikun fl-interess pubbliku li jsir hekk. Kumpaniji bħal dawn ma għandhomx għalfejn ikunu insolventi.

Il-likwidazzjoni obbligatorja tista’ tkun fuq il-bażi li l-kumpanija ma tistax tħallas id-djun tagħha (insolvenza), b’dik l-inkapaċità pprovata permezz ta’ talba statutorja mhux sodisfatta għall-ħlas jew sentenza mhux rispettata. Il-qorti tista’ titlob ukoll li kumpanija tiġi likwidata minħabba li jkun ġust u ekwitabbli li jsir hekk. Fi kwalunkwe waqt wara li petizzjoni (minn kwalunkwe parti) tkun ġiet ippreżentata quddiem il-qorti għal-likwidazzjoni obbligatorja, il-qorti tista’ taħtar likwidatur proviżorju. Dawn il-ħatriet ġeneralment isiru sabiex jipproteġu l-assi tal-kumpanija qabel is-seduta ta’ stralċ. Is-setgħat tal-likwidatur proviżorju jkunu stabbiliti fl-ordni tal-qorti li taħtru.

Sabiex kumpanija tidħol taħt amministrazzjoni, trid tkun insolventi jew ikollha probabbiltà li ssir insolventi. Il-ġurisprudenza sabet li “probabbiltà” f’dan is-sens tfisser aktar iva milli le. Il-kumpanija jew id-diretturi tagħha, kif ukoll detentur ta’ garanzija varjabbli (floating chargeholder), jistgħu jaħtru amministratur (dawn il-ħatriet isiru barra mill-qorti).

Il-kumpanija tista’ tipproponi CVA (Company Voluntary Arrangement - arranġament volontarju tal-kumpanija). Ma hemmx għalfejn tkun insolventi sabiex tagħmel dan. CVA jista’ jiġi propost ukoll mid-detentur ta’ kariga f’likwidazzjoni jew taħt amministrazzjoni (jekk xi waħda minn dawk il-proċeduri tkun diġà bdiet).

Hekk kif jibdew il-proċedimenti (jew ir-riżoluzzjoni tal-kumpanija għall-istralċ; l-ordni tal-qorti għall-amministrazzjoni jew għal-likwidazzjoni jew il-preżentata ta’ avviż ta’ ħatra ta’ amministratur għall-qorti (għal dawk il-ħatriet li ma jsirux permezz ta’ inġunzjoni), id-detentur ta’ kariga jista’ jieħu azzjoni.

3 Liema huma l-assi li jiffurmaw parti mill-patrimonju tal-insolvenza? Kif jiġu ttrattati l-assi li huma miksuba minn, jew li jiddevolvu lid-debitur wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza?

Il-proprjetà kollha ta’ debitur, b’xi eċċezzjonijiet, tiġi vestita fil-fiduċjarju mid-data tal-insolvenza sabiex tifforma parti mill-patrimonju insolventi. Il-fiduċjarju jiġi vestit fil-patrimonju u d-debitur jiġi divestit. Il-fiduċjarju jikseb ukoll id-dritt għall-patrimonju vestit fid-debitur wara d-data tas-sekwestru, iżda qabel ir-rilaxx tad-debitur. Il-patrimonju sħiħ tad-debitur ma jinkludi l-ebda interess bħala inkwilin f’kirja li tkun kirja assigurata skont it-tifsira tal-Parti II tal-Att (tal-Iskozja) tal-1988 dwar l-Abitazzjoni (Housing (Scotland) Act 1988), jew kirja protetta fis-sens tal-Att (tal-Iskozja) tal-1984 dwar il-Kera, li fir-rigward tagħha, bis-saħħa ta’ kwalunkwe dispożizzjoni tal-Parti VIII ta’ dak l-Att, l-ebda primjum ma jista’ jkun legalment meħtieġ bħala kundizzjoni taċ-ċessjoni, jew kera garantita tal-Iskozja skont it-tifsira tal-Att (tal-Iskozja) tal-2001 dwar l-Abitazzjoni (Housing (Scotland) Act 2001).

Proprjetà li ma tkunx vestita f’fiduċjarju tinkludi proprjetà li tinżamm barra minn abitazzjoni li fir-rigward tagħha s-sekwestru huwa, skont l-Artikolu 11(1) tal-Att tal-2002, inkompetenti, jew kwalunkwe proprjetà miżmuma f’abitazzjoni li mhijiex assi mhux essenzjali għall-finijiet tal-Parti 3 tal-Att tal-2002. Proprjetà miżmuma fuq bażi fiduċjarja mid-debitur għal kwalunkwe persuna oħra hija eskluża wkoll. Barra minn hekk, jekk id-debitur skont il-proċess minimu tal-assi raġonevolment jeħtieġ l-użu ta’ vettura, kwalunkwe vettura li tkun il-proprjetà tad-debitur li l-valur tagħha ma jaqbiżx it-£3000, ma għandhiex titqies bħala assi.

Il-vestiment tal-patrimonju ta’ debitur f’fiduċjarju ma għandux jaffettwa d-dritt ta’ ipoteka ta’ sid il-proprjetà.

Ta’ min ifakkar li d-dispożizzjonijiet dwar il-vestiment huma mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kwalunkwe kreditur garantit, li huwa preferibbli għad-drittijiet tal-fiduċjarju.

F’att fiduċjarju (trust deed), l-assi tad-debitur jiġu ttrasferiti sabiex jiġu amministrati għall-benefiċċju tal-kredituri u għall-ħlas tad-djun, għalkemm huma biss l-assi li jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod volontarju li jistgħu jiġu ttrasferiti mid-debitur. Jekk att fiduċjarju (trust deed) jsir protett, l-Att tal-2016 fih dispożizzjonijiet fir-rigward tal-ilħuq ta’ ftehim fir-rigward tal-proprjetà li tista’ tintiret ta’ debitur.

F’insolvenza korporattiva, il-proprjetà kollha tal-kumpanija, tkun fejn tkun fid-dinja, tkun soġġetta għall-proċedura ta’ insolvenza. It-terminu “proprjetà” huwa ddefinit b’mod wiesa’ fil-liġi.

4 X’setgħat għandhom id-debitur u l-prattikant tal-insolvenza, rispettivament?

Il-fiduċjarju f’insolvenza personali jew f’att fiduċjarju (trust deed) (jew kwalunkwe detentur ta’ kariga) irid ikun prattikant kwalifikat fl-insolvenza. It-tifsira ta’ prattikant tal-insolvenza, f’termini tal-Att tal-1986, hija l-istess fl-Iskozja bħal dik fl-Ingilterra u f’Wales. Huwa reat għal persuna, minbarra l-Kontabilist f’Falliment (Accountant in Bankruptcy), li taġixxi bħala fiduċjarju fl-Iskozja mingħajr ma tkun prattikant kwalifikat fl-insolvenza.

Prattikant tal-insolvenza jrid ikun persuna fiżika. Il-liċenzji għall-prattikanti tal-insolvenza jistgħu jinħarġu biss minn korp professjonali li s-Segretarju tal-Istat jawtorizzah jagħmel hekk. Sabiex jikseb liċenzja, l-applikant irid jgħaddi minn eżamijiet u jkollu ċertu numru ta’ sigħat ta’ esperjenza prattika fl-insolvenza.

F’kull insolvenza personali hemm fiduċjarju, li l-funzjonijiet ġenerali tiegħu huma:

  • li jirkupra, jimmaniġġja u jwettaq il-patrimonju tad-debitur, kemm jekk jinsab l-Iskozja jew inkella xi mkien ieħor;
  • li jqassam il-patrimonju fost il-kredituri tad-debitur skont l-intitolamenti rispettivi tagħhom;
  • li jaċċerta r-raġunijiet għall-insolvenza tad-debitur u ċ-ċirkostanzi relatati magħha;
  • li jaċċerta l-istat tal-obbligazzjonijiet u tal-assi tad-debitur;
  • li jżomm ktieb sederunt matul il-mandat tiegħu bl-għan li jiġi pprovdut rekord preċiż tal-proċess ta’ sekwestru;
  • li jżomm kontijiet regolari tal-intromissjonijiet tiegħu mal-patrimonju tad-debitur, bit-tali kontijiet ikunu disponibbli għall-ispezzjoni f’kull ħin raġonevoli mill-kummissarji (jekk ikun hemm), mill-kredituri u mid-debitur, u;
  • jekk il-fiduċjarju jkun għadu qed jaġixxi f’insolvenza kif ukoll jekk le, li jipprovdi lil Kontabilist f’Falliment (Accountant in Bankruptcy) b’tali informazzjoni li jqis neċessarja sabiex ikun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu skont l-Att tal-2016.

Fiduċjarju, fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, għandu jikkunsidra wkoll il-parir offrut lilu mill-kummissarji (jekk ikun hemm).

Jekk il-fiduċjarju jkollu raġunijiet validi sabiex jissuspetta li twettaq reat fir-rigward ta’ insolvenza mid-debitur fir-rigward tal-assi tagħhom, tan-negozju tiegħu magħhom, jew tal-imġiba tiegħu fir-rigward tan-negozju jew tal-affarijiet finanzjarji tagħhom, jew minn persuna oħra għajr id-debitur fin-negozjati ta’ dik il-persuna mad-debitur, mal-fiduċjarju interim jew mal-fiduċjarju fir-rigward tal-assi, tan-negozju jew tal-affarijiet finanzjarji tad-debitur, il-fiduċjarju għandu jirrapporta l-kwistjoni lill-Kontabilist f’Falliment (Accountant in Bankruptcy). Barra minn hekk, jekk il-fiduċjarju jkollu raġunijiet validi biex jemmen li kwalunkwe mġiba min-naħa tad-debitur tkun ta’ tip li jirriżulta biex xeriff (sheriff) jilqa’ rikors għal ordni ta’ restrizzjonijiet ta’ falliment, il-fiduċjarju għandu jirrapporta l-kwistjoni lill-Kontabilist f’Falliment (Accountant in Bankruptcy). Ir-rapporti għandhom ikunu assolutament privileġġati.

Meta l-Kontabilist f’Falliment (Accountant in Bankruptcy) ikun il-fiduċjarju, huwa jista’ jirrikorri għax-xeriff (sheriff) għal struzzjonijiet b’rabta ma’ kwalunkwe kwistjoni partikolari li tinqala’ fl-insolvenza.

Meta d-debitur, kreditur jew kwalunkwe persuna oħra li jkollha interess ma jkunux sodisfatti b’xi att, ommissjoni jew deċiżjoni tal-fiduċjarju, huma jistgħu jippreżentaw rikors quddiem il-qorti tax-xeriff (sheriff court), u wara li jiġi ppreżentat dan ir-rikors, ix-xeriff (sheriff) jista’ jikkonferma, jannulla jew jimmodifika kwalunkwe att jew deċiżjoni tal-fiduċjarju jew jista’ jagħti struzzjonijiet lill-fiduċjarju jew jagħmel tali ordni skont kif jidhirlu xieraq.

Ir-rimunerazzjoni ta’ prattikant tal-insolvenza li jaġixxi bħala detentur ta’ kariga f’insolvenza korporattiva hija stabbilita mill-kredituri. Il-prattikant tal-insolvenza jista’ jippreżenta talba quddiem il-Qorti jekk jaħseb li l-bażi tar-rimunerazzjoni stabbilita mill-kredituri mhijiex biżżejjed. Il-kredituri jistgħu jippreżentaw talba quddiem il-qorti jekk iqisu li r-rimunerazzjoni tkun eċċessiva.

5 Taħt liema kundizzjonijiet tiġi invokata t-tpaċija?

Dejn li jinħoloq qabel l-insolvenza jista’ jiġi paċut b’talba kontra l-kreditur li tkun ġiet ippreżentata qabel l-insolvenza. Dejn li jinħoloq wara l-insolvenza jista’ jiġi paċut b’talba li tiġi ppreżentata wara l-insolvenza.

6 X’effett għandhom il-proċedimenti ta’ falliment fuq kuntratti kurrenti li d-debitur huwa parti tagħhom?

Filwaqt li l-fiduċjarju fi proċedimenti ta’ insolvenza personali jirrappreżenta kemm lill-kredituri kif ukoll lid-debitur, il-fiduċjarju ma jirrappreżentax lid-debitur fl-obbligazzjonijiet tiegħu. Għalhekk, meta jaċċetta l-kariga u jieħu pussess tal-patrimonju, il-fiduċjarju ma jkunx marbut mal-kredituri tad-debitur fi kwalunkwe obbligu jew kuntratt kontinwu li jkompli wara li tkun bdiet l-insolvenza. Madankollu, huwa possibbli li l-fiduċjarju, bl-awtorità tal-kredituri, jadotta kuntratt. Meta jagħmel dan, il-fiduċjarju jorbot lill-kredituri (jew lil dawk li taw l-awtorità) direttament, jew inkella l-fiduċjarju jkun marbut personalment b’ħelsien kontra l-kredituri. Fiduċjarju li jadotta kuntratt mingħajr l-awtorità tal-kredituri jkun personalment responsabbli għall-obbligi.

Il-fiduċjarju jista’ jidħol fi kwalunkwe kuntratt meta jitqies li dan ikun ta’ benefiċċju għall-amministrazzjoni tal-patrimonju tad-debitur, ħlief meta l-adozzjoni tkun prekluża mit-termini espliċiti jew impliċiti tal-kuntratt.

F’xi kuntratti l-fiduċjarju jista’ ma jkollux għalfejn iwettaq xi eżekuzzjoni u jista’ sempliċiment jitlob il-benefiċċju tal-kuntratt; bħall-ġbir ta’ ħlas. F’kuntratti oħrajn, il-fiduċjarju jista’ jonora l-obbligi u jwettaq l-eżekuzzjoni tiegħu minħabba li jiġi prodott benefiċċju għall-patrimonju.

Jekk il-fiduċjarju ma jadottax kuntratt, il-parti l-oħra tista’ tippreżenta talba għad-danni bħala kreditur ordinarju fl-insolvenza, iżda, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni speċjali fil-kuntratt, ma tkunx tista’ tagħmel hekk jekk il-parti l-oħra tkun temmet il-kuntratt jew tkun tat il-kunsens tagħha għall-istess, wara l-insolvenza.

Is-setgħat kuntrattwali tal-fiduċjarju f’insolvenza personali huma stabbiliti fl-Artikolu 110 tal-Att tal-2016. Fi żmien 28 jum minn meta jirċievi talba bil-miktub mingħand kwalunkwe parti għal kuntratt li jkun daħal għalih id-debitur, il-fiduċjarju jrid jadotta jew jiċħad li jadotta l-kuntratt. Il-perjodu ta’ 28 jum jista’ jiġi estiż b'rikors ippreżentat quddiem il-qorti tax-xeriff (sheriff court) jekk il-Kontabilist f’Falliment (Accountant in Bankruptcy) ikun fiduċjarju, jew b’rikors ippreżentat lill-Kontabilist f’Falliment jekk ma jkunx il-fiduċjarju. Kwalunkwe deċiżjoni bħal din sabiex jiġi estiż il-perjodu hija soġġetta għal stħarriġ jew għal appell. Huwa possibbli wkoll li l-Kontabilist f’Falliment (Accountant in Bankruptcy) jirreferi kawża lix-xeriff (sheriff) għal struzzjoni qabel ma jieħu deċiżjoni jew jagħmel kwalunkwe stħarriġ. Jekk il-fiduċjarju ma jweġibx bil-miktub għal talba minn kwalunkwe parti għal kuntratt fil-perjodu ta’ 28 jum (jew fi kwalunkwe perjodu itwal, skont il-każ), il-fiduċjarju għandu jitqies li rrifjuta li jadotta l-kuntratt.

Il-provvista ssoktata ta’ ċerti provvisti (utilitajiet, komunikazzjonijiet u servizzi tal-IT meqjusa “essenzjali”) tista’ titkompla fl-insolvenza mingħajr il-ħtieġa li jitħallas kwalunkwe arretrat pendenti mad-dħul f’insolvenza.

F’insolvenza korporattiva, detentur ta’ kariga tal-insolvenza ma jkollu l-ebda obbligu li jeżegwixxi kuntratti li tkun daħlet fihom il-kumpanija debitriċi. Likwidatur jista’ jirrinunzja talba għal kuntratt mhux profittabbli, u jtemm l-interess/ir-responsabbiltà tal-insolventi fih (il-kontroparti tista’ titlob l-insolvenza għal telf/danni bħala riżultat tal-insolvenza) Minbarra l-provvisti essenzjali, il-fornituri jistgħu jtemmu l-kuntratti malli tibda l-insolvenza (jekk il-kuntratt tagħhom jipprovdi li jsir hekk). Kwalunkwe oġġett/servizz mhux imħallas ikun talba fl-insolvenza.

7 X'effetti għandhom il-proċedimenti ta' insolvenza fuq il-proċedimenti miġjuba minn kredituri individwali (bl-eċċezzjoni ta' kawżi pendenti)?

F’insolvenzi personali, l-Artikolu 109(5) tal-Att tal-2016 jippermetti lill-fiduċjarju jippreżenta, jiddefendi jew ikompli kwalunkwe proċediment legali relatat mal-patrimonju tad-debitur.

Ġeneralment, jekk xi ħadd ikollu talba kontra debitur fid-data tal-insolvenza, huwa jippreżenta t-talba fl-insolvenza. Għalkemm l-azzjoni legali kontra d-debitur tista’ tkun l-aktar mod xieraq sabiex jiġi kostitwit dejn ikkontestat.

Il-proċessi ta’ likwidazzjoni u ta’ amministrazzjoni jaġixxu sabiex joħolqu moratorju. Ma tistax tittieħed azzjoni legali kontra l-kumpanija wara l-bidu mingħajr il-kunsens tad-detentur ta’ kariga, jew il-permess tal-qorti.

F’CVA, kwalunkwe kreditur marbut bil-ftehim ma jistax jieħu azzjoni legali sabiex jitlob il-ħlas tad-dejn (peress li jkun marbut bil-ftehim aċċettat). Kreditur ta’ wara l-approvazzjoni jista’ jieħu azzjoni bħal din jekk ma jitħallasx.

8 X’inhu l-effett ta' proċediment ta’ insolvenza fuq il-kontinwazzjoni ta’ kawżi pendenti fil-mument tal-ftuħ ta’ proċediment ta’ insolvenza?

Debitur ma jistax jippreżenta jew ikompli azzjoni legali li l-fiduċjarju jkun lest li jsegwi. L-intimazzjoni tal-azzjoni legali għandha tiġi notifikata lill-fiduċjarju, b’mod li dan jingħata l-opportunità li jippreżenta ruħu fl-azzjoni legali jew li jiddefendiha. Madankollu, l-azzjoni legali tista’ titkompla, tkun xi tkun il-pożizzjoni tal-fiduċjarju.

Proċedimenti li jaffettwaw l-istatus; bħal divorzju, jistgħu jitmexxew minn debitur minkejja d-dħul tiegħu fi proċedimenti ta’ insolvenza. Azzjoni għal rimedju għad-danni hija personali għall-parti u għalhekk fiduċjarju ma jkollu l-ebda titolu li jiftaħ il-proċedimenti, għalkemm fiduċjarju jista’ jieħu passi legali għat-telf patrimonjali jew jista’ jidħol f’azzjoni li fiha jintalab rimedju, jew debitur jista’ jkollu jagħti rendikont lill-fiduċjarju għar-rikavat minn kwalunkwe azzjoni.

Hemm dispożizzjoni fl-Iskozja li tippermetti lil debitur jinnotifika l-intenzjoni tiegħu li japplika għal insolvenza jew għal att fiduċjarju (trust deed), billi jagħmel rikors għal moratorju. Karatteristika tal-moratorju hija li jipprovdi lid-debitur bi protezzjoni ta’ 6 ġimgħat mid-diliġenza. Għalhekk, azzjoni legali tkun tista’ tkompli matul dan il-perjodu qabel ma jibdew il-proċedimenti ta’ insolvenza, madankollu ma tkunx permessa d-diliġenza dwar kwalunkwe sentenza mogħtija.

Il-proċessi ta’ likwidazzjoni u ta’ amministrazzjoni joħolqu moratorju. L-azzjonijiet pendenti fid-data tal-insolvenza ma jistgħux jitkomplew mingħajr il-kunsens tad-detentur ta’ kariga jew, il-permess tal-qorti.

Kreditur f’azzjoni pendenti bl-approvazzjoni ta’ CVA ma jistax ikompli tali azzjoni, peress li jkun marbut bit-termini tas-CVA (kemm jekk ikun ivvota sabiex japprovah kif ukoll jekk le).

9 Liema huma l-karatteristiċi ewlenin tal-parteċipazzjoni tal-kredituri fil-proċedimenti ta’ insolvenza?

Il-kredituri jistgħu jkunu involuti fi proċedimenti ta’ insolvenza b’diversi modi, inklużi laqgħat tal-kredituri. Fi żmien 60 jum mill-aġġudikazzjoni tal-insolvenza l-fiduċjarju jrid jiddeċiedi jekk għandux isejjaħ laqgħa statutorja tal-kredituri. Jekk issir laqgħa, il-kredituri preżenti jistgħu jivvotaw sabiex jissostitwixxu l-fiduċjarju. Jekk il-fiduċjarju jiddeċiedi li ma jsejjaħ l-ebda laqgħa, il-kredituri jistgħu jitolbu waħda u l-fiduċjarju jkun obbligat isejjaħ il-laqgħa jekk mhux anqas minn kwart tal-valur tal-kredituri (fuq il-bażi tad-dejn totali dovut) jitolbu waħda. Laqgħat oħra jistgħu jissejħu mill-kredituri fi kwalunkwe waqt. Trid issir laqgħa jekk tissejjaħ minn għaxra fil-mija tal-kredituri bħala numru jew terz tal-kredituri bħala valur (ibbażat fuq id-dejn dovut). Laqgħa tal-kredituri tista’ toħroġ struzzjonijiet għal fiduċjarju iżda l-fiduċjarju u kredituri oħra għandhom id-dritt jappellaw quddiem il-qorti tax-xeriff (sheriff court). Fi kwalunkwe laqgħa tal-kredituri, jistgħu jiġu eletti l-kummissarji. Il-Kummissarji jistgħu jiġu eletti sabiex ġeneralment jagħtu pariri u jissorveljaw l-amministrazzjoni tal-falliment, inkluż l-awditjar tal-kontijiet tal-fiduċjarju. Il-Kummissarji huma kredituri jew ir-rappreżentanti tagħhom bi prokura. Jekk ma jiġi elett l-ebda kummissarju, din il-kariga jokkupaha l-Kontabilist f’Falliment (Accountant in Bankruptcy).

Il-fiduċjarji huma meħtieġa jipproduċu kontijiet fl-aħħar tal-ewwel sena u perjodikament wara din sa tmiem l-insolvenza. Il-kontijiet iridu jiġu awditjati mill-Kontabilist f’Falliment (Accountant in Bankruptcy) jew mill-kummissarji eletti. Il-kredituri jintbagħtulhom kopji ta’ determinazzjoni tal-ispejjeż u tar-rimunerazzjoni tal-fiduċjarju. Il-kredituri jistgħu jitolbu li jaraw il-kontijiet u jistgħu jappellaw kontra d-determinazzjoni.

Fir-rigward ta’ att fiduċjarju (trust deed) ordinarju, l-att ma jkunx vinkolanti fuq il-kredituri sakemm ma jkunux qablu dwar it-termini tiegħu, u jsir protett.

Fi proċedimenti ta’ insolvenza korporattiva, il-kredituri jipparteċipaw fi proċedimenti ta’ insolvenza permezz ta’ laqgħat tal-kredituri u proċessi oħra ta’ deċiżjoni. Huma jistgħu jifformaw kumitat u jeleġġu l-membri tiegħu wkoll. Id-detenturi ta’ kariga jridu jaġġornaw lill-kredituri regolarment (kull 6 xhur jew 12-il xahar, skont il-proċedura) dwar il-progress ta’ każ.

10 B’liema mod jista’ l-prattikant tal-insolvenza juża jew jiddisponi minn assi tal-patrimonju?

Il-fiduċjarju f’insolvenza personali jamministra l-insolvenza f’isem il-kredituri, u għandu s-setgħat li jidentifika u jirkupra l-patrimonju tad-debitur vestit fil-fiduċjarju. Fil-fatt, l-Artikolu 109 tal-Att tal-2016 jistipula li, malli jista’ jkun wara l-ħatra tiegħu, u bl-għan li jirkupra l-patrimonju tad-debitur (soġġett għall-Artikolu 113 tal-Att dwar id-dar tal-familja tad-debitur), il-fiduċjarju għandu jieħu l-pussess tal-patrimonju kollu tad-debitur sa fejn il-vestiment fil-fiduċjarju u ta’ kwalunkwe dokument fil-pussess jew fil-kontroll tad-debitur dwar l-assi tiegħu jew in-negozju jew l-affarijiet finanzjarji tiegħu. Il-fiduċjarju jrid ukoll jfassal u jżomm inventarju u valutazzjoni tal-patrimonju, u wara jibgħat kopja ta’ kull inventarju u valutazzjoni bħal dawn lill-Kontabilist f’Falliment (Accountant in Bankruptcy). Il-fiduċjarju huwa intitolat ukoll li jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati mal-assi jew man-negozju jew l-affarijiet finanzjarji tad-debitur mibgħuta minn jew f’isem id-debitur lil parti terza u f’idejn dik il-parti terza, u li jagħmel kopji ta’ dawn id-dokumenti. Jekk xi persuna tostakola lil xi fiduċjarju li jkun qed jeżerċita, jew li jkun qed jipprova jeżerċita, setgħa ta’ aċċess għad-dokumenti, ix-xeriff (sheriff), fuq talba tal-fiduċjarju, jista’ jordna lil dik il-persuna sabiex tieqaf tostakola lill-fiduċjarju. Il-fiduċjarju jista’ wkoll jeħtieġ in-notifika ta’ kwalunkwe att ta’ titolu jew dokument ieħor tad-debitur, anki jekk jintalab dritt ta’ rahan fuq l-att ta’ titolu jew fuq id-dokument, iżda mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe preferenza tad-detentur tar-rahan.

Imbagħad, ladarba jkunu ġew irkuprati l-assi, il-fiduċjarju jrid jimmaniġġja u jirrealizza l-patrimonju. Skont it-termini tal-Artikolu 109 tal-Att tal-2016 il-fiduċjarju, malli jkun possibbli wara li jinħatar, għandu jikkonsulta mal-Kontabilist f’Falliment (Accountant in Bankruptcy) dwar l-eżerċitar tal-funzjonijiet tiegħu u, soġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, jikkonforma ma’ kwalunkwe struzzjoni ġenerali jew speċifika mogħtija lilu skont il-każ mill-kredituri; wara r-rikors tal-kummissarji; mix-xeriff (sheriff), jew; mill-Kontabilist f’Falliment (Accountant in Bankruptcy), fir-rigward tal-eżerċizzju mill-fiduċjarju ta’ dawn il-funzjonijiet.

Il-fiduċjarju jista’ jagħmel azzjoni minn dawn li ġejjin:

  • iwettaq jew jagħlaq kwalunkwe negozju tad-debitur;
  • jippreżenta, jiddefendi jew ikompli kwalunkwe proċediment legali relatat mal-patrimonju tad-debitur;
  • joħloq titolu fuq kwalunkwe parti tal-patrimonju;
  • meta kwalunkwe dritt, opzjoni jew setgħa oħra jifformaw parti mill-patrimonju tad-debitur, jagħmel pagamenti jew iġarrab obbligazzjonijiet bl-għan li jikseb, għall-benefiċċju tal-kredituri, kwalunkwe proprjetà li tkun is-suġġett tad-dritt, tal-opzjoni jew tas-setgħa;
  • jissellef flus sa fejn ikun meħtieġ għall-fiduċjarju li jagħmel dan sabiex jissalvagwardja l-patrimonju tad-debitur; u
  • l-effett jew iż-żamma ta’ poloz tal-assigurazzjoni fir-rigward tan-negozju jew tal-proprjetà tad-debitur.

Kwalunkwe bejgħ tal-patrimonju tad-debitur mill-fiduċjarju jista’ jsir permezz ta’ bejgħ pubbliku jew permezz ta’ negozju privat.

Ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw għall-bejgħ ta’ kwalunkwe parti tal-patrimonju li tista’ tintiret tad-debitur li fuqha jkun hemm titolu li jista’ jintiret minn kreditur jew minn kredituri jekk id-drittijiet tal-kreditur jew tal-kredituri garantiti jkunu preferibbli għal dawk tal-fiduċjarju:

  • il-fiduċjarju jista’ jbigħ dik il-parti biss bil-qbil ta’ kull kreditur bħal dan sakemm ma jiksibx prezz għoli biżżejjed sabiex jirrilaxxa kull titolu ta’ dan it-tip;
  • it-teħid ta’ passi minn kreditur sabiex jinforza t-titolu tiegħu fuq dik il-parti wara li l-fiduċjarju jkun innotifika lill-kreditur li jkun biħsiebu jbigħha, u l-ftuħ mill-fiduċjarju tal-proċedura għall-bejgħ ta’ dik il-parti wara li kreditur ikun innotifika lill-fiduċjarju li jkun beħsiebu jiftaħ il-proċedura għall-bejgħ tagħha, għandu jkun prekluż;
  • meta l-fiduċjarju jew kreditur ikun innotifika (kif imsemmi hawn fuq), iżda jkun dewwem b’mod mhux xieraq il-proċediment bil-bejgħ, allura, jekk ikun awtorizzat mix-xeriff (sheriff) fil-każ ta’ notifika taħt kwalunkwe kreditur li n-notifika tkun saret lilu, jista’ jeżegwixxi t-titolu tiegħu, jew viċi versa, il-fiduċjarju jista’ jbigħ dik il-parti.

Il-funzjoni tal-fiduċjarju li jirrealizza l-patrimonju tad-debitur għandha tinkludi l-funzjoni tal-bejgħ, b’rikors jew mingħajr rikors għall-patrimonju u għad-djun dovuti lill-patrimonju.

Il-fiduċjarju jista’ jbigħ oġġetti li jitħassru mingħajr ma jikkonforma mal-ebda struzzjoni mogħtija, jekk il-fiduċjarju jqis li l-konformità ma’ dawn l-istruzzjonijiet tkun taffettwa l-bejgħ b’mod negattiv.

Mhuwiex fil-kompetenza tal-fiduċjarju, jew ta’ assoċjat tal-fiduċjarju, jew ta’ kwalunkwe kummissarju, li jixtri kwalunkwe parti mill-patrimonju tad-debitur skont l-Artikolu 109 tal-Att tal-2016.

Il-fiduċjarju jrid jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 109(7) tal-Att tal-2016 u jista’ jagħmel dak kollu permess mill-Artikolu 109 biss sa fejn, fil-fehma tiegħu, ikun ta’ benefiċċju finanzjarju għall-patrimonju tad-debitur u fl-interess tal-kredituri li jagħmel hekk.

11 Liema talbiet għandhom jiġu ppreżentati kontra l-patrimonju tal-insolvenza tad-debitur u kif għandhom jiġu ttrattati t-talbiet li jsiru wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta' insolvenza?

It-talbiet tal-kredituri fi proċediment ta’ insolvenza fl-Iskozja huma djun li, ġeneralment, kienu dovuti fid-data tal-insolvenza. Jekk debitur ikun ippreżenta rikors, id-data tal-insolvenza tkun id-data tal-aġġudikazzjoni. Jekk l-insolvenza tkun irriżultat permezz ta’ petizzjoni tal-kreditur, id-data tal-insolvenza tkun id-data tal-ewwel mandat ta’ taħrika tad-debitur.

L-ispejjeż u r-rimunerazzjoni tal-fiduċjarju, l-ispejjeż imġarrba minn kreditur li jippreżenta petizzjoni għall-insolvenza tad-debitur jew li daħal fil-petizzjoni, u l-imgħax fuq id-djun mid-data tal-insolvenza sal-ħlas tad-dejn, jitħallsu mill-patrimonju wkoll (sakemm ikunu nġabru biżżejjed fondi).

Ma jistgħux jiġu ppreżentati talbiet li jirriżultaw wara l-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza. Għalhekk kreditur li t-talba tiegħu tirriżulta wara s-sekwestru jkollu talba kontra d-debitur, li tista’ twassal sabiex jinfetħu proċedimenti oħra ta’ insolvenza. Tabilħaqq, huwa permess li tkun għaddejja aktar minn insolvenza waħda kontra debitur wieħed.

F’insolvenza korporattiva, id-djun u l-obbligazzjonijiet kollha dovuti mill-kumpanija qabel il-bidu tal-insolvenza jistgħu jiġu ppreżentati fl-insolvenza. Id-djun pagabbli fil-futur jistgħu jintalbu wkoll, iżda jiġu skontati skont il-valuri preżenti. L-obbligazzjonijiet li jirriżultaw minn ċerti azzjonijiet kriminali (bħat-traffikar tad-droga) mhumiex provabbli taħt amministrazzjoni jew f’likwidazzjoni. L-obbligazzjonijiet imġarrba wara l-bidu tal-proċedimenti huma meqjusa “spejjeż”. Dawn huma soġġetti għall-ġerarkija ta’ ħlas tagħhom stess iżda kollha jridu jitħallsu qabel ma l-flus ikunu jistgħu jitqassmu lill-kredituri.

12 Liema huma r-regoli li jirregolaw il-preżentata, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet?

L-Artikolu 122 tal-Att tal-2016 jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet għall-preżentata ta’ talbiet f’insolvenza personali. Sabiex jikseb aġġudikazzjoni dwar l-intitolament tal-kreditur (sa fejn il-fondi jkunu disponibbli) għal dividend mill-patrimonju tad-debitur, kreditur irid jippreżenta talba lill-fiduċjarju mhux aktar tard mill-“jum rilevanti”. Il-jum rilevanti huwa l-jum li jaħbat 120 jum wara l-jum li fih jingħata avviż lill-kreditur dwar jekk il-fiduċjarju jkollux l-intenzjoni li jsejjaħ laqgħa statutorja, jew meta ma jingħata l-ebda avviż lill-kreditur, il-jum li jaħbat 120 jum wara l-jum li fih il-fiduċjarju jagħti avviż lill-kreditur li fih jitlob il-preżentata tat-talbiet.

Jekk kreditur jippreżenta talba tard lill-fiduċjarju (wara l-jum rilevanti), il-fiduċjarju jista’, fir-rigward ta’ kwalunkwe perjodu kontabilistiku, jipprovdi aġġudikazzjoni dwar l-intitolament tal-kreditur (sakemm ikun hemm fondi disponibbli) għal dividend mill-patrimonju tad-debitur jekk it-talba tiġi ppreżentata mhux aktar tard minn 8 ġimgħat qabel it-tmiem tal-perjodu kontabilistiku, u kien hemm ċirkostanzi eċċezzjonali li ma ħallewx it-talba tiġi ppreżentata qabel il-jum rilevanti.

Il-fiduċjarju, sabiex jissodisfa l-validità jew l-ammont ta’ talba ppreżentata minn kreditur, jista’ jitlob lill-kreditur jipproduċi aktar evidenza. Inkella, il-fiduċjarju jista’ jitlob lil kwalunkwe persuna oħra li temmen tista’ tipproduċi l-evidenza rilevanti, biex tipproduċi tali evidenza. Jekk il-kreditur jew persuna oħra tiċħad jew tittardja milli tagħmel hekk, il-fiduċjarju jista’ jippreżenta rikors quddiem il-qorti tax-xeriff (sheriff court) għal ordni li teħtieġ li l-kreditur jew persuna oħra jattendu għal interrogazzjoni privata quddiem ix-xeriff (sheriff).

It-talbiet tal-kreditur għandhom jiġu ppreżentati f’forma prestabbilita, kif stipulat fir-Regolamenti (tal-Iskozja) tal-2016 dwar il-Falliment (Bankruptcy (Scotland) Regulations 2016).

Il-kredituri f’insolvenza korporattiva jistgħu jippreżentaw talba (prova tad-dejn) fi kwalunkwe mument fil-proċedimenti. Talba trid tiġi sottomessa sabiex wieħed ikun jista’ jivvota fi kwalunkwe laqgħa (jew proċedura oħra ta’ deċiżjoni) jew sabiex jirċievi distribuzzjoni. Taħt amministrazzjoni jew f’likwidazzjoni fejn ikun hemm pjan ta’ distribuzzjoni, id-detentur ta’ kariga jikteb lil dawk il-kredituri kollha li għadhom ma pprovawx it-talbiet tagħhom u jiddikjara li se ssir distribuzzjoni, filwaqt li jistedinhom jippreżentaw talbiet u jistabbilixxi l-aħħar data sabiex jagħmlu dan sabiex jiġu inklużi f’dik id-distribuzzjoni. Detentur ta’ kariga jista’ jittratta talbiet ippreżentati wara din id-data, iżda mhuwiex obbligat li jagħmel dan. Fi stralċ mill-qorti, hemm formola standard li trid tiġi ppreżentata bħala prova tad-djun. L-ebda proċedura oħra ma għandha formola standard iżda l-qafas legali għal proċeduri oħra jiddikjara xi jrid jiġi inkluż fi prova għal skopijiet ta’ distribuzzjoni. Jekk kreditur ma jagħmilx talba fil-ħin, ma jistax ifixkel id-distribuzzjoni.

13 Liema huma r-regoli li jirregolaw it-tqassim tal-assi wara tmiem il-proċedimenti? Kif jiġu kklassifikati t-talbiet u d-drittijiet tal-kredituri?

Il-prijorità tad-distribuzzjoni fi proċedimenti ta’ insolvenza personali hija kif ġej:

  1. L-ispejjeż u r-rimunerazzjoni tal-fiduċjarju interim fl-amministrazzjoni tal-patrimonju tad-debitur;
  2. L-ispejjeż u r-rimunerazzjoni tal-fiduċjarju fl-amministrazzjoni tal-patrimonju tad-debitur;
  3. Meta d-debitur ikun debitur deċedut, l-ispejjeż tal-funeral li jkunu ġġarrbu b’mod raġonevoli u l-ispejjeż li jkunu ġġarrbu b’mod raġonevoli sabiex jiġi amministrat il-patrimonju tad-deċedut;
  4. L-ispejjeż imġarrba b’mod raġonevoli minn kreditur li jkun petizzjonant, jew li qabel ma’ rikors għad-debitur, għall-insolvenza tad-debitur;
  5. Id-djun ordinarji ppreferuti (bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe mgħax li jkun akkumula fuqhom sad-data tal-insolvenza);
  6. Id-djun sekondarji ppreferuti (bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe mgħax li jkun akkumula fuqhom sad-data tal-insolvenza);
  7. Djun ordinarji;
  8. Imgħax statutorju fuq id-djun ordinarji ppreferuti, fuq id-djun sekondarji ppreferuti u fuq id-djun ordinarji bejn id-data tal-insolvenza u d-data tal-ħlas tad-dejn, u;
  9. Kwalunkwe dejn pospost.

Kwalunkwe surplus li jifdal, wara li d-djun kollha jkunu tħallsu bis-sħiħ, għandu jitreġġa’ lura lid-debitur jew lis-suċċessuri jew liċ-ċessjonarji tiegħu.

Xi talbiet li jirriżultaw mill-impjieg jiġu ttrattati bħala preferenzjali, u jkunu pagabbli wara li jitħallsu l-ispejjeż tal-proċedura iżda qabel it-talbiet ta’ detenturi ta’ imposti flessibbli u ta’ kredituri mhux garantiti.

14 Liema huma l-kundizzjonijiet għal, u l-effetti tal-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza (b'mod partikolari b'miżura komposta)?

Ġeneralment il-proċedimenti ta’ insolvenza jitqiesu magħluqa ladarba titlesta l-amministrazzjoni u l-fiduċjarju jkun ħallas kwalunkwe dividend lill-kredituri, ikun temm il-kontijiet kollha, u jkun ġie rilaxxat bħala fiduċjarju. Madankollu, permezz tal-ġurisprudenza fl-Iskozja ġie stabbilit li l-insolvenza tkompli minkejja r-rilaxx tad-debitur u tal-fiduċjarju. Dan għaliex il-proċess jista’ jerġa’ jitqajjem permezz ta’ rikors quddiem il-qorti, jew issa f’ċerti ċirkostanzi; il-Kontabilist f’Falliment (Accountant in Bankruptcy).

L-effett tal-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza huwa li, skont l-Artikolu 145 tal-Att tal-2016, id-debitur ikun jiġi rilaxxat fir-Renju Unit mid-djun u mill-obbligi kollha li kien responsabbli għalihom fid-data tal-insolvenza. Għaldaqstant, il-kredituri ma jistgħux jibqgħu jfittxu li jinforzaw il-ħlas ta’ dawn id-djun. Madankollu, hemm eċċezzjonijiet, bid-debitur li ma jinħelisx minn xi obbligazzjoni li jħallas multa imposta f’sentenza tal-kummissarju tal-ġustizzja (peace court) (jew ta’ qorti distrettwali, kwalunkwe obbligazzjoni skont ordni ta’ kumpens skont it-tifsira tal-Artikolu 249 tal-Att (tal-Iskozja) tal-1995 dwar il-Proċedura Kriminali (Criminal Procedure (Scotland) Act 1995) (“l-Att tal-1995”), kwalunkwe obbligazzjoni għat-telf ta’ somma ta’ flus iddepożitati l-qorti skont l-Artikolu 24(6) tal-Att tal-1995; kwalunkwe obbligazzjoni mġarrba minħabba frodi jew ksur tal-fiduċja, kwalunkwe obbligu li jitħallas manteniment jew kwalunkwe somma ta’ xorta ta’ manteniment taħt kwalunkwe promulgazzjoni jew regola tal-liġi jew kwalunkwe allowance perjodika pagabbli minħabba divorzju bis-saħħa ta’ ordni tal-qorti jew taħt obbligu, li ma tkunx manteniment jew allowance perjodika li jistgħu jkunu inklużi fl-ammont tat-talba ta’ kreditur, jew manteniment għat-tfal skont l-Att tal-1991 dwar il-Manteniment għat-Tfal (Child Support Act 1991) (“l-Att tal-1991”) li ma jkunx tħallas fir-rigward ta’ kwalunkwe perjodu qabel id-data tas-sekwestru ta’ kwalunkwe persuna li kellha tħallas jew ta’ kwalunkwe impjegatur li tnaqqas minnu, jew kellu jitnaqqas minnu, skont l-Artikolu 31(5) tal-Att tal-1991.

Fl-aħħar ta’ att fiduċjarju (trust deed) d-debitur jiġi rilaxxat mid-djun kollha tal-att fiduċjarju tiegħu sakemm il-fiduċjarju tiegħu jqis li jkun issodisfa l-obbligi tiegħu skont l-att fiduċjarju.

Fl-Iskozja tħassret id-dispożizzjoni għall-kompożizzjoni fir-rigward ta’ petizzjonijiet għal insolvenza ppreżentati wara l-1 ta’ April 2015, permezz tal-Artikolu 18 tal-Att tal-2014 (tal-Iskozja) dwar il-Falliment u l-Pariri dwar id-Dejn (Bankruptcy and Debt Advice (Scotland) Act 2014).

Hemm regoli proċedurali dettaljati dwar il-ħruġ/l-għeluq tal-proċedimenti kollha ta’ insolvenza korporattiva, kemm il-likwidazzjoni kif ukoll ir-riorganizzazzjoni.

L-approvazzjoni tal-Qorti mhijiex meħtieġa għal pjanijiet ta’ riorganizzazzjoni, iżda l-parti leża tista’ tippreżenta talba quddiem il-qorti jekk tħoss li l-interessi tagħha ġarrbu dannu bla bżonn.

Il-kredituri jaqblu dwar proposti magħmula mid-debitur (f’CVA – approvazzjoni ta’ >75%, skont il-valur) jew minn debitur ta’ kariga tal-insolvenza (amministrazzjoni, maġġoranza sempliċi, jew approvazzjoni tal-kredituri kollha garantiti u tal-kredituri ta’ maġġoranza preferenzjali f’każijiet fejn ikun maħsub li jkun improbabbli r-ritorn għal kredituri mhux garantiti).

F’CVA, ladarba jiġu approvati, il-kredituri mhux garantiti kollha fil-waqt tal-proposti jkunu marbuta bl-arranġament.

15 X'inhuma d-drittijiet tal-kredituri wara l-għeluq ta' proċedimenti ta' insolvenza?

Wara l-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza, il-kredituri jistgħu jappellaw ir-rilaxx tal-fiduċjarju, u jkollhom ukoll id-dritt li jippreżentaw rikors sabiex jerġgħu jinfetħu u jerġgħu jinbdew il-proċedimenti.

Barra minn hekk, kif diskuss aktar ’il fuq, filwaqt li l-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza u r-rilaxx tad-debitur ġeneralment ifissru li d-debitur jiġi rilaxxat fir-Renju Unit mid-djun u mill-obbligi kollha li kien responsabbli għalihom fid-data tal-insolvenza, hemm esklużjonijiet. Għalhekk, il-kredituri xorta jista’ jkollhom drittijiet li jfittxu dawn ċerti djun esklużi, minkejja l-għeluq tal-proċedimenti ta’ insolvenza.

Il-kredituri jistgħu wkoll jitolbu fondi distribwiti lilhom (iżda mhux miżmuma minnhom) wara l-għeluq tal-proċedimenti.

16 Min għandu jagħmel tajjeb għall-kostijiet u l-ispejjeż involuti fil-proċedimenti ta' insolvenza?

Il-kostijiet u l-ispejjeż involuti fi proċeduri ta’ insolvenza għandhom jitħallsu permezz tal-fondi li jkunu nġabru mill-patrimonju. Madankollu, jekk ma jkunx hemm fondi biżżejjed sabiex ikopru l-kostijiet u l-ispejjeż tal-proċedimenti, u l-Kontabilist f’Falliment (Accountant in Bankruptcy) ikun il-fiduċjarju, dawn il-kostijiet jitħallsu mill-fondi pubbliċi. Jekk il-fiduċjarju jkun prattikant tal-insolvenza u mhux il-Kontabilist f’Falliment (Accountant in Bankruptcy), il-fiduċjarju jista’ jitlob lill-kreditur petizzjonant sabiex ikopri kwalunkwe nuqqas fiċ-ċirkostanzi fejn ma jkunux inġabru biżżejjed fondi sabiex iħallsu għall-kostijiet u għall-ispejjeż tal-proċedimenti. Il-kostijiet u l-ispejjeż iridu jitħallsu (mir-realizzazzjonijiet) qabel ma l-fondi jiġu rritornati lill-kredituri.

17 X'inhuma r-regoli li għandhom x'jaqsmu man-nullità, l-annullabbiltà u n-nuqqas ta' eżekutorjetà ta' atti ġuridiċi detrimentali għall-korp ġenerali ta' kredituri?

Aljenazzjonijiet gratwiti, preferenzi inġusti u tranżazzjonijiet frodulenti oħra huma soġġetti għal kontestazzjoni taħt id-dritt komuni, u skont l-Artikoli 98(11) u 99(8) tal-Att tal-2016.

Aljenazzjoni gratwita minn debitur hija kontestabbli minn kwalunkwe kreditur li jkun kreditur permezz ta’ dejn imġarrab fid-data tal-insolvenza jew qabel, jew qabel l-għoti tal-att fiduċjarju (trust deed) jew il-mewt tad-debitur. Din tista’ tiġi kkontestata mill-fiduċjarju wkoll, bil-fiduċjarju li jaġixxi skont l-att fiduċjarju (trust deed), jew l-amministratur ġudizzjarju (judicial factor), skont il-każ.

Kontestazzjoni għal aljenazzjoni gratwita tapplika meta, permezz tal-aljenazzjoni, tkun ġiet ittrasferita kwalunkwe proprjetà tad-debitur jew ikunu ġew rilaxxati jew rinunzjati kwalunkwe talba jew dritt tad-debitur, u tkun seħħet kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

  • il-patrimonju tad-debitur ikun sar insolventi (ħlief, fil-każ ta’ persuna fiżika, wara l-mewt tagħha); jew
  • id-debitur ikun ta att fiduċjarju (trust deed) li jkun sar att fiduċjarju (trust deed) protett; jew
  • id-debitur ikun miet u fi żmien 12-il xahar wara mewtu, il-patrimonju tiegħu jkun sar insolventi; jew
  • id-debitur ikun miet u fit-12-il xahar imsemmija, ikun inħatar amministratur ġudizzjarju skont l-Artikolu 11A tal-Att tal-1889 tal-Iskozja dwar l-Amministraturi Ġudizzjarji (Judicial Factors (Scotland) Act 1889) sabiex jamministra l-patrimonju tiegħu u l-patrimonju kien assolutament insolventi fid-data tal-mewt; u
  • l-aljenazzjoni saret f’jum rilevanti.

Il-jum li fih seħħet l-aljenazzjoni għandu jkun il-jum li fih l-aljenazzjoni ssir kompletament effettiva, u “jum rilevanti” tfisser jekk l-aljenazzjoni jkollha l-effett li tiffavorixxi lil:

  • persuna li tkun assoċjata tad-debitur, jum li jaħbat mhux qabel 5 snin qabel id-data tal-insolvenza, tal-għoti tal-att fiduċjarju (trust deed) jew tal-mewt tad-debitur, skont il-każ; jew
  • kwalunkwe persuna oħra, jum li jaħbat mhux qabel sentejn qabel id-data msemmija.

Meta ssir kontestazzjoni, il-qorti għandha tagħti digriet ta’ tnaqqis jew għal tali restawr tal-proprjetà lill-patrimonju tad-debitur jew rimedju ieħor kif ikun xieraq, iżda l-qorti m’għandhiex tagħti tali digriet jekk il-persuna li tfittex li tiddefendi l-aljenazzjoni tistabbilixxi:

  • li immedjatament, jew fi kwalunkwe żmien ieħor, wara l-aljenazzjoni, l-assi tad-debitur kienu akbar mill-obbligazzjonijiet tiegħu; jew
  • li l-aljenazzjoni saret għal kunsiderazzjoni xierqa; jew
  • li l-aljenazzjoni -
    • kienet rigal ta’ għeluq is-snin, tal-Milied jew rigal konvenzjonali ieħor; jew
    • kienet rigal li sar, għal skop ta’ karità, lil persuna li mhijiex assoċjat tad-debitur,

li, fid-dawl taċ-ċirkostanzi kollha, kien raġonevoli li d-debitur jagħmel, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt miksub bona fide u għall-valur minn jew permezz taċ-ċessjonarju fl-aljenazzjoni.

Preferenza inġusta minn debitur hija soġġetta għal kontestazzjoni statutorja. Il-kontestazzjoni tista’ ssir minn kreditur li jkun kreditur permezz ta’ dejn imġarrab fid-data tal-insolvenza jew qabel, tal-għoti tal-att fiduċjarju (trust deed) protett jew tal-mewt tad-debitur. Kontestazzjoni tista’ ssir mill-fiduċjarju, mill-fiduċjarju li jaġixxi taħt att fiduċjarju (trust deed) protett jew minn amministratur ġudizzjarju wkoll. It-tranżazzjoni jrid ikollha l-effett li toħloq preferenza favur kreditur għall-preġudizzju tal-korp ġenerali tal-kredituri, li tkun preferenza maħluqa mhux qabel: 6 xhur qabel l-insolvenza, l-għoti mid-debitur ta’ att fiduċjarju (trust deed) li sar att fiduċjarju (trust deed) protett, jew il-mewt tad-debitur meta fi żmien 12-il xahar wara l-mewt il-patrimonju jkun sar insolventi jew ikun inħatar amministratur ġudizzjarju. Madankollu tranżazzjoni ma għandhiex tkun kontestabbli meta tkun saret fil-perkors normali tal-kummerċ jew tan-negozju, ħlas fi flus għal dejn li meta tħallas kien sar pagabbli (sakemm it-tranżazzjoni ma kinitx kollużiva bl-iskop li tippreġudika l-korp ġenerali tal-kredituri), tranżazzjoni li biha l-partijiet ħadu impenn li jwettqu obbligi reċiproċi (kemm jekk l-eżekuzzjoni mill-partijiet tal-obbligi rispettivi tagħhom isseħħ fl-istess żmien jew fi żminijiet differenti) sakemm it-tranżazzjoni ma kinitx kollużiva, jew l-għoti ta’ mandat minn debitur li jawtorizza lil persuna soġġetta għal sekwestru iħallas fuq il-fondi ssekwestrati jew parti minnhom lis-sekwestratur meta kien hemm digriet għall-ħlas jew mandat għad-diliġenza sommarja u d-digriet jew il-mandat kien ippreċedut minn sekwestru fuq id-dipendenza tal-azzjoni jew segwit minn sekwestru fl-eżekuzzjoni. Meta titressaq kontestazzjoni, il-qorti, jekk tkun sodisfatta, għandha tagħti digriet ta’ tnaqqis jew għal tali restituzzjoni tal-proprjetà lill-patrimonju tad-debitur jew rimedju ieħor skont kif ikun xieraq, sakemm dan ikun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt miksub bona fide u għall-valur minn jew permezz tal-kreditur li l-preferenza tkun inħolqot favurih.

F’insolvenza korporattiva, jekk il-kumpanija tkun ippreferiet kreditur partikolari fl-approċċ għall-insolvenza formali, jew tkun daħlet fi tranżazzjoni b’valur anqas minn dak reali, f’dak il-każ detentur ta’ kariga jista’ jieħu passi kontra r-riċevitur. b'rikors tad-detentur ta’ kariga f’likwidazzjoni jew taħt amministrazzjoni, qorti tista’ treġġa’ lura kull tip ta’ tranżazzjoni u tordna li r-riċevitur ireġġa’ lura l-pożizzjoni għal dik li kienet tkun li kieku t-tranżazzjoni ma seħħitx.

Talbiet għat-treġġigħ lura ta’ pagamenti ta’ preferenza jridu jkunu relatati ma’ tranżazzjonijiet li seħħew fis-6 xhur qabel il-ħatra tal-amministratur, il-bidu tal-istralċ, jew sentejn fil-każ ta’ pagament ta’ preferenza magħmul lil persuna assoċjata.

It-talbiet għal tranżazzjonijiet bil-maqlub b’valur anqas minn dak reali jridu jkunu relatati ma’ tranżazzjonijiet magħmula fis-sentejn ta’ qabel dawk l-avvenimenti.

Detentur ta’ kariga taħt amministrazzjoni, f’likwidazzjoni jew f’arranġament volontarju jista’ jippreżenta talba quddiem il-qorti sabiex tordna t-treġġigħ lura ta’ tranżazzjoni li ffrodat lill-kredituri. Tali rikors jista’ jsir ukoll minn vittma tat-tranżazzjoni, bil-permess tal-qorti.

Fil-proċedimenti ta’ amministrazzjoni u ta’ likwidazzjoni, id-detentur ta’ kariga jista’ wkoll jieħu azzjoni ta’ rimedju kontra kwalunkwe direttur tal-kumpanija involut f’negozjar waqt li kien jaf bl-insolvenza li kkawża aktar telf lill-kredituri, kummerċ frodulenti, jew trażgressjoni.

F’każ fejn tiġi ppreżentata petizzjoni għal stralċ quddiem il-qorti, kwalunkwe trasferiment ta’ proprjetà li jsir wara l-preżentata tal-petizzjoni jkun null sakemm il-qorti ma tordnax mod ieħor.

L-aħħar aġġornament: 14/06/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.