Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Reġistri tal-insolvenza - Ungerija

Din it-taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali fil-qosor lejn ir-reġistru ta' insolvenza tal-Ungerija.


Reġistri tal-insolvenza

X’joffri r-reġistru ta' insolvenza tal-Ungerija?

Fl-Ungerija, il-Gvern ħatar lis-Servizz ta’ Informazzjoni dwar il-Kumpaniji u ta’ Reġistrazzjoni Elettronika tal-Kumpaniji (Céginformációs és az Elektronikus Cégeljárásban Közreműködő Szolgálat) tal-Ministeru tal-Ġustizzja bħala l-korp responsabbli għall-istabbiliment u t-tħaddim tar-reġistru ta' insolvenza.

Dan il-korp juża l-Magyar Közlöny Lap- és Könyvkiadó Kft. [l-uffiċċju tal-pubblikazzjonijiet uffiċjali Ungeriż] biex iwettaq kompiti ta’ pproċessar tad-data, żvilupp tal-IT, operazzjonijiet tekniċi u sigurtà tal-bażi tad-data teknika.

Ir-reġistru ta' insolvenza huwa disponibbli fis-sit Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://fizeteskeptelenseg.im.gov.hu/.

Ir-reġistru ta' insolvenza fih dettalji tal-operaturi ekonomiċi u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kollha li jkunu nfetħu proċedimenti ta’ insolvenza kontrihom fl-Ungerija.

Il-proċedimenti ta’ insolvenza fl-Ungerija huma regolati bl-Att XLIX tal-1991 dwar proċedimenti ta’ falliment u likwidazzjoni. L-Att CLXXV tal-2011 dwar l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili japplika għall-proċedimenti ta’ falliment u ta' likwidazzjoni kontra organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet), iżda l-aspetti l-oħra kollha huma regolati bl-Att XLIX tal-1991.

L-aċċess għar-reġistru ta' insolvenza tal-Ungerija huwa mingħajr ħlas?

Ma hija imposta l-ebda tariffa jew spiża għall-aċċess għad-data fir-reġistru ta' insolvenza. Kwalunkwe persuna li tikkonsulta r-reġistru ta' insolvenza trid tiddikjara minn qabel li d-data li tfittex fir-reġistru ma tkunx ser tintuża għal skopijiet kummerċjali jew biex tinħoloq bażi ta’ data biex tintuża għal skopijiet bħal dawn.

F’konformità mal-Artikolu 6/N tal-Att XLIX tal-1991, ir-reġistru jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

  • id-data tal-ftuħ tal-proċedimenti ta’ insolvenza;
  • il-qorti li tiftaħ il-proċedimenti ta’ insolvenza u n-numru ta’ referenza tal-każ;
  • is-sottotip ta’ proċedimenti ta’ insolvenza miftuħa – fl-Ungerija, proċedimenti ta’ falliment jew likwidazzjoni;
  • ir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni li jippermettu l-ftuħ tal-proċedimenti (proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza jew proċedimenti sekondarji ta’ insolvenza);
  • jekk id-debitur ikun kumpanija jew persuna ġuridika, l-isem tad-debitur, in-numru tar-reġistrazzjoni, l-uffiċċju reġistrat jew, jekk ikun differenti, l-indirizz postali;
  • l-isem, l-indirizz postali jew l-indirizz elettroniku tal-prattikant fl-insolvenza (riċevitur jew likwidatur) maħtur fil-proċedimenti;
  • il-limitu taż-żmien għall-preżentazzjoni tat-talbiet, jekk ikun hemm, jew referenza għall-kriterji biex jiġi kkalkulat dak il-limitu taż-żmien;
  • id-data tal-għeluq tal-proċedimenti prinċipali ta’ insolvenza, jekk ikun hemm;
  • il-qorti li quddiemha u, fejn applikabbli, il-limitu taż-żmien sa meta għandha tiġi ppreżentata kontestazzjoni tad-deċiżjoni li tiftaħ proċedimenti ta’ insolvenza skont l-Artikolu 5, jew referenza għall-kriterji biex jiġi kkalkulat dak il-limitu taż-żmien;
  • il-ftuħ u l-għeluq ta’ azzjonijiet revokatorji li jikkonċernaw l-assi tad-debitur, l-isem tal-qorti rilevanti u n-numru tal-każ;
  • il-ftuħ u l-għeluq ta’ azzjonijiet biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tad-diretturi, tad-diretturi preċedenti, tal-membri jew tas-sidien tal-persuna ġuridika ta’ debitur għal attivitajiet min-naħa tagħhom li għamlu ħsara lill-interessi tal-kredituri, l-isem tal-qorti rilevanti u n-numru tal-każ;
  • jekk il-proċedimenti twettqux bħala proċedimenti ta’ likwidazzjoni simplifikati.

Kif tfittex fir-reġistru ta' insolvenza tal-Ungerija

Il-kriterju tat-tfittxija jista’ jintgħażel minn menu li jinżel. Bl-użu tal-menu li jinżel, huwa possibbli li wieħed ifittex fir-reġistru ta' insolvenza billi jdaħħal wieħed minn dawn li ġejjin:

  • isem id-debitur;
  • in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija/in-numru tar-reġistrazzjoni tal-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili;
  • in-numru tal-każ tal-proċedimenti.

Informazzjoni dettaljata dwar it-tiftix tista’ tinstab fis-sit Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://fizeteskeptelenseg.im.gov.hu/#/help.

Skont il-leġiżlazzjoni attwali, mhuwiex possibbli tiftix dirett ta’ data bil-massa jew tniżżil ta’ data mir-reġistru ta' insolvenza.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-Istati Membri responsabbli għall-ġestjoni tal-paġni tal-kontenut nazzjonali huma fil-proċess li jaġġornaw xi ftit mill-kontenut fuq dan is-sit web fid-dawl tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk is-sit ikun fih kontenut li għadu ma jirriflettix il-ħruġ tar-Renju Unit, dan mhux intenzjonat u se jiġi indirizzat.

L-aħħar aġġornament: 09/07/2020