Din it-taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza – ir-Reġistru Rumen tal-Insolvenza, stabbilit mill-Ministeru tal-Ġustizzja – l-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kummerċ Nazzjonali.
X’informazzjoni jipprovdi r-Reġistru Rumen tal-Insolvenza?
Il-proċedimenti ta' insolvenza fir-Rumanija
Il-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza (BPI), ippubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tar-Reġistru tan-Negozju, iħarrek il-partijiet, joħroġ avviżi u konvokazzjonijiet, u jipprovdi notifiki tal-atti proċedurali maħruġa mill-qrati u l-amministraturi tal-insolvenza/likwidaturi waqt il-proċedimenti tal-insolvenza skont il-Liġi Nru 85/2014 dwar il-prevenzjoni tal-insolvenza u l-proċedimenti tal-insolvenza.
Il-proċedura ġenerali tal-insolvenza tapplika:
1. għall-professjonisti (dawk kollha li joperaw impriża), bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jipprattikaw il-professjonijiet liberi u dawk li hemm dispożizzjonijiet speċjali relatati mar-reġim tal-insolvenza għalihom.
Il-proċedura ssimplifikata tal-insolvenza tapplika:
1. għall-professjonisti;
- il-kummerċjanti waħdiena;
- il-kumpaniji b’membru wieħed u għan-negozji tal-familja.
2. għad-debituri li jissodisfaw għadd ta’ kriterji speċifiċi, jiġifieri:
- ma jkollhomx assi;
- id-dokumenti kostituttivi jew tal-kontijiet ma jkunux jistgħu jinstabu;
- l-amministratur ma jkunx jista’ jinstab;
- l-uffiċċju rreġistrat ma jkunx għadu jeżisti jew ma jkunx għadu l-istess wieħed li hemm irreġistrat fir-reġistru kummerċjali; ma jkunux ppreżentaw id-dokumenti rikjesti mil-liġi;
- ikunu s-suġġett ta’ xoljiment qabel ma jiġi ppreżentat ir-rikors;
- ikunu ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jfallu jew ma jkunux intitolati għal riorganizzazzjoni ġudizzjarja.
Mill-aħħar ta’ Ġunju 2014 ’l hawn, il-proċedimenti tal-insolvenza huma rregolata mil-Liġi Nru 85/2014 dwar il-prevenzjoni tal-insolvenza u il-proċedimenti tal-insolvenza, li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-proċessi legali mibdija wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Il-proċessi legali mibdija qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 85/2014 għadhom soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 85/2006 dwar il-proċedimenti tal-insolvenza.
Il-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza
X’informazzjoni jinkludi?
Il-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza fih l-atti proċedurali kollha maħruġa mill-qrati u mill-amministraturi tal-insolvenza/likwidaturi matul il-proċedimenti tal-insolvenza, jiġifieri:
- taħrikiet;
- avviżi;
- notifiki;
- konvokazzjonijiet;
- deċiżjonijiet tal-qorti;
- atti proċedurali oħrajn meħtieġa mil-liġi (rapporti maħruġa mill-amministratur tal-insolvenza/likwidatur, pjanijiet ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, tħabbir).
kif inhu strutturat is-sit web tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza?
Is-sit tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza jinkludi aċċess għal dan li ġej:
- informazzjoni bla ħlas;
- informazzjoni rigward l-istruttura tal-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kummerċ Nazzjonali, id-Direttorat għall-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza;
- leġiżlazzjoni, forom u atti proċedurali speċifiċi.
Is-sit tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza (BPI) tinkludi t-taqsimiet li ġejjin:
- informazzjoni rigward l-istabbiliment tal-BPI;
- atti leġiżlattivi;
- organigramma tal-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kummerċ Nazzjonali, l-uffiċċji tar-reġistri tal-kummerċ marbutin mal-qrati u l-BPI;
- dizzjunarju ġuridiku (insolvenza);
- data statistika mill-BPI;
- relazzjonijiet interistituzzjonali;
- informazzjoni ta’ kuntatt.
Il-formoli tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza jistgħu jiġu aċċessati mill-portal tas-servizzi elettroniċi tal-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kummerċ Nazzjonali fit-taqsima ddedikata għall-Bulettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza, li hija strutturata kif ġej:
1. Servizzi BPI:
- “Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza online” (bi ħlas);
- “Taqsira tal-ħarġa tal-BPI” (informazzjoni bla ħlas);
- “Persuni ppubblikati fil-BPI” (informazzjoni bla ħlas).
2. Formoli relatati mal-attivitajiet ta’ pubblikazzjoni tal-BPI:
- Formoli online għall-pubblikazzjoni fil-BPI;
- Formoli offline għall-BPI.
3. Formoli relatati mal-attivitajiet ta’ disseminazzjoni tal-informazzjoni tal-BPI.
- Formoli online biex tingħata informazzjoni tal-BPI;
- Formoli offline għall-BPI.
4. Statistika
L-aċċess għar-Reġistru tal-Insolvenza tar-Rumanija huwa bla ħlas?
Il-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza jiġi ppubblikat f’format elettroniku. Il-verżjoni elettronika tal-Bullettin tinsab online:
- fit-taqsima tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza
tal-portal tas-servizzi elettroniċi tal-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kummerċ Nazzjonali
L-aċċess għas-servizzi pprovduti mill-BPI huwa divrenzjat:
- l-utenti jistgħu jidħlu fis-sit web uffiċjali tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza bla ħlas u mingħajr ma jirreġistraw;
- l-aċċess għall-portal tas-servizzi elettroniċi tal-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kummerċ Nazzjonali jirrikjedi li wieħed jirreġistra bħala utent;
- l-aċċess għall-“Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza online” jingħata malli wieħed jirreġistra bħala utent u jħallas l-abbonament;
- l-aċċess għat-“taqsira tal-ħarġa tal-BPI” u l-“Persuni ppubblikati fil-BPI” huwa bla ħlas u jirrikjedi biss li wieħed jirreġistra bħala utent.
Kif tfittex fir-Reġistru tal-Insolvenza Rumen
Fil-“Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza online”, it-tiftix jista’ jsir: bl-użu tan-numru u s-sena tal-pubblikazzjoni ta’ ħarġa tal-BPI, b’isem id-debitur, bin-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa, bin-numru tar-reġistrazzjoni tar-Reġistru tal-Kummerċ, bin-numru ta’ referenza tal-kawża l-qorti jew bl-intervall tal-pubblikazzjoni tal-BPI. B’abbonament bil-ħlas, l-abbonati jistgħu jaċċessaw ħarġiet antiki li jkun fihom atti proċedurali fis-sħiħ.
Wieħed jista’ jfittex it-“taqsira ta’ ħarġa tal-BPI” bin-numru u d-data tal-ħarġa tal-BPI. L-informazzjoni li ġejja tista’ tiġi aċċessata bla ħlas:
- it-tip ta’ att proċedurali ppubblikat fil-Bullettin (pereżempju: taħrika, deċiżjoni għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, notifika tal-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, konvokazzjoni għal laqgħa tal-kredituri, rapport ta’ attività, pjan ta’ riorganizzazzjoni, deċiżjoni għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment, notifika ta’ ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment, pjan ta’ distribuzzjoni, rapport finali, deċiżjoni biex jingħalqu proċedimenti ta’ insolvenza, eċċ.);
- l-ismijiet tal-persuni msemmija fl-atti proċedurali;
- il-kontea fejn dik il-persuna jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha;
- in-numru ta’ referenza tat-taxxa;
- in-numru tal-entrata fir-reġistru.
Tista’ tfittex “il-Persuni ppubblikati fil-BPI” bl-użu tan-numru u s-sena tal-pubblikazzjoni ta’ ħarġa tal-BPI, b’isem id-debitur, bin-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa, bin-numru tar-reġistrazzjoni tar-Reġistru tal-Kummerċ, bin-numru ta’ referenza tal-kawża l-qorti jew bl-intervall tal-pubblikazzjoni tal-BPI. L-informazzjoni li ġejja tista’ tiġi aċċessata bla ħlas:
- isem;
- in-numru ta’ referenza tat-taxxa;
- in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-persuni msemmija fl-atti proċedurali;
- il-kontea fejn dik il-persuna jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha;
- in-numru tal-kawża tal-insolvenza u isem il-qorti li l-kawża tkun irreġistrata għandha;
- in-numri tal-ħarġiet tal-bullettini li jinkludu l-atti proċedurali li jirreferu għal dawk il-persuni;
- it-tip ta’ proċedimenti;
- id-data tal-ewwel seduta stabbilita wara li jinfetħu l-proċedimenti, meta tkun applikabbli.
L-istorja tar-Reġistru tal-Insolvenza Rumen
Il-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza ġie stabbilit fl-2006, skont il-Liġi Nru 86/2006 dwar il-proċedimenti tal-insolvenza.
L-għan prinċipali tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza Rumen huwa l-ottimizzazzjoni kontinwa tas-sistema elettronika tat-taħrikiet, l-avviżi, il-konvokazzjonijiet u n-notifiki tal-atti proċedurali ppubblikati.
Il-benefiċċji tar-Reġistru tal-Insolvenza Rumen
Il-pubblikazzjoni tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza għandha benefiċċji ċari:
- taċċellera l-proċedimenti tal-insolvenza u tissimplifika l-komunikazzjoni tat-taħrikiet, il-konvokazzjonijiet, in-notifiki, id-deċiżjonijiet tal-qorti u atti proċedurali oħrajn maħruġa mill-qrati u l-amministraturi tal-insolvenza/likwidaturi, u b’hekk tistabbilixxi proċedura ta’ komunikazzjoni elettronika;
- tgħaqqad u tistandardizza l-atti proċedurali maħruġa mill-qrati u l-amministraturi tal-insolvenza/likwidaturi;
- tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ bażi ta’ data nazzjonali ta’ atti proċedurali maħruġin mill-qrati u l-amministraturi tal-insolvenza/likwidaturi (jiġifieri taħrikiet, avviżi, deċiżjonijiet tal-qorti, konvokazzjonijiet, notifiki, rapporti, pjanijiet ta’ riorganizzazzjoni);
- tiffaċilita d-dħul malajr fir-Reġistru tal-Kummerċ/reġistri oħrajn tan-notifiki maħruġa skont il-Liġi Nru 85/2014 dwar il-prevenzjoni tal-insolvenza u l-proċedimenti tal-insolvenza;
- tagħti aċċess lill-persuni interessati għall-atti proċedurali maħruġa mill-qrati u l-amministraturi tal-insolvenza/likwidaturi.
Ħoloq rilevanti
Is-sit web uffiċjali tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza tar-Rumanija
Is-sit uffiċjali tar-Reġistru tal-Kummerċ tar-Rumanija
Il-portal tas-servizzi elettroniċi tal-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kummerċ Nazzjonali Rumen.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.
L-aħħar aġġornament: 24/02/2020