Proprjetà intellettwali

Il-Kummissjoni Ewropea tixtieq tqiegħed għad-disponibbiltà materjal għat-taħriġ li jkun utli kemm għall-ġuristi għall-użu proprju kif ukoll għal min iħarreġ lill-ġuristi bħala riżorsa għall-ħidma tagħhom fil-qasam tal-liġi Ewropea dwar il-proprjetà intellettwali.

Webinars dwar il-proprjetà intellettwali (l-Akkademja tal-UASI)

Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (PI) huma d-drittijiet legali li jipproteġu l-kreazzjonijiet tal-moħħ tal-bniedem. Il-PI tinkludi firxa wiesgħa ta' oqsma kreattivi, bħal invenzjonijiet, disinji u tipi differenti ta' espressjoni artistika, u hija wkoll rilevanti f'oqsma oħra aktar kummerċjali bħall-marki kummerċjali u s-sigrieti kummerċjali.

L-Akkademja tal-UASI toffri firxa ta' webinars bl-Ingliż li jkopru l-aspetti kollha tal-proprjetà intellettwali. Il-webinars huma disponibbli b'xejn fuq il-websajt tal-Akkademja tal-UASI.

Taħriġ onlajn dwar il-liġi Ewropea dwar il-privattivi (l-Akkademja Ewropea tal-Privattivi)

L-Akkademja Ewropea tal-Privattivi żviluppat diversi korsijiet onlajn bl-Ingliż, bil-Franċiż u bil-Ġermaniż fuq il-privattivi u fuq is-sistema Ewropea tal-privattivi. Il-korsijiet huma maħsuba għall-persunal tal-uffiċċju nazzjonali tal-privattivi, il-librara tal-privattivi u kull min huwa interessat li jitgħallem dwar dan il-qasam. Is-suġġetti koperti jinkludu t-tiftix, il-klassifikazzjoni u l-oppożizzjoni.

Il-korsijiet onlajn huma disponibbli mingħajr ħlas fuq il-websajt tal-Akkademja Ewropea tal-Privattivi.

Il-Librerija u r-Rokna għat-taħriġ tal-Helpdesk Ewropew għad-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali (DPI)

Il-ġuristi li jixtiequ jestendu l-għarfien tagħhom tal-proprjetà intellettwali jew tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali (DPI) huma mistiedna jikkuntattjaw il-Helpdesk Ewropew tad-DPI. Għalkemm primarjament immirati lejn il-benefiċjarji tal-proġetti ta' riċerka ffinanzjati mill‑UE u l-SMEs tal-UE involuti fil-ftehimiet ta' sħubija transfruntiera, il-librerija u r-rokna għat-taħriġ tal-Helpdesk jistgħu joffru riżorsi ta' tagħlim li jistgħu wkoll jkunu utli għall-ġuristi, inklużi bullettini, studji ta' każijiet, skedi informattivi, tweġibiet għal mistoqsijiet frekwenti, glossarju, dokumenti utli, pakketti ta' taħriġ, eċċ. Dawn ir-riżorsi huma prinċipalment disponibbli bl-Ingliż.

Korsijiet tattagħlim b'distanza (l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali - WIPO)

Għalkemm mhumiex speċifiċi għall-liġi tal-UE, il-WIPO tipprovdi moduli utli għal taħriġ bażiku u avvanzat onlajn li jkopru l-aspetti kollha tal-proprjetà intellettwali. Il-korsijiet tat‑tagħlim b'distanza jkopru l-proprjetà intellettwali, id-drittijiet tal-awtur, il-privattivi, il-marki kummerċjali, eċċ. Dawn huma disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bl-Ispanjol u bil-Portugiż.

L-aħħar aġġornament: 19/02/2019

Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.