Schließen

DIE BETAVERSION DES PORTALS IST JETZT ONLINE!

Besuchen Sie die Betaversion des Europäischen Justizportals und lassen Sie uns wissen, was Sie darüber denken!

 
 

Navigationsleiste

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Miżuri interim u kawtelatorji - Belġju

Hinweis: Die ursprüngliche Sprachfassung dieser Seite Französisch wurde unlängst geändert. Die Sprachfassung, die Sie ausgewählt haben, wird gerade von unserer Übersetzungsabteilung erstellt.
Die folgenden Sprachen wurden bereits übersetzt: Englisch.

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

L-iskop tal-miżuri kawtelatorji huwa li jiżguraw li d-drittijiet jiġu mħarsa. Fil-prattika, il-kredituri jistgħu jużaw dawn il-miżuri biex jipproteġu lilhom infushom mir-riskju li ma jirċevux il-ħlas mid-debituri tagħhom.

Jekk il-miżuri purament kawtelatorji ma jkunux biżżejjed, il-qorti tista' tordna li jittieħdu miżuri interim, li għandhom konsegwenzi komparabbli għal dawk tad-deċiżjoni mistennija fil-proċedimenti dwar il-merti tal-każ. Is-sentenza finali tista' tikkonferma dawn il-miżuri interim jew inkella tħassarhom.

L-imħallef jista' jimponi miżuri interim jew kawtelatorji fir-rigward tal-beni materjali tad-debitur. Għall-irkupru tad-dejn, japplika l-prinċipju li debitur huwa responsabbli li jaqdi l-obbligi tiegħu tad-dejn billi juża l-assi mobbli kollha tiegħu (flus, għamara, ġojjelli, ishma) kif ukoll dawk immobbli (artijiet, binjiet, djar residenzjali). Il-kreditur jista' jirrikorri wkoll għad-drittijiet miżmuma mid-debitur (il-bilanċi fil-bank, is-salarji).

1.1. Miżuri kawtelatorji

A. Il-mandat ta' deskrizzjoni

F'każijiet urġenti, kwalunkwe kreditur jista' jitlob lill-qorti għall-permess biex jimponi mandat ta' deskrizzjoni fuq xi assi tad-debitur tiegħu li jkunu adatti (l-Artikolu 1413 tal-Kodiċi Ġudizzjarju Belġjan). Id-debitur ma jkunx jista' jibqa' jiddisponi mill-beni li jkunu sottomessi għall-mandat ta' deskrizzjoni. Dan ifisser li hu ma jkunx jista' jbigħhom, jagħtihom, jew jirreġistra ipoteka fuqhom. L-effett ta' din it-tneħħija ta' setgħat ta' disponiment huwa wieħed relattiv - japplika biss favur il-kreditur li jkun ta bidu għall-mandat ta' deskrizzjoni. Id-debitur xorta waħda jibqa' s-sid ta' dawn il-beni u jżomm id-dritt li jgawdi minnhom.

B. Is-sekwestru

Is-sekwestru jieħu l-għamla tal-għoti ta' sigurtà ta' assi li jkunu s-suġġett ta' tilwima u li jkunu jridu jiġu ppreżervati sakemm tittieħed id-deċiżjoni finali (l-Artikolu 1955 ff. tal-Kodiċi Ċivili). Is-sekwestru jista' jsir bi ftehim bejn il-partijiet (sekwestru bi ftehim), jew inkella jiġi ordnat mill-qorti (sekwestru ġudizzjarju). B'kuntrast mas-sigurtà ordinarja, is-sekwestru jista' jiġi applikat ukoll għall-assi immobbli (l-Artikolu 1959 tal-Kodiċi Ċivili).

C. L-inventarju

L-iskop li jitħejja inventarju huwa li jiġi determinat il-valur ta' legat, ta' proprjetà konġunta ta' koppja miżżewġa jew ta' proprjetà mhux kondiviża, miżmuma minn diversi partijiet (l-Artikolu 1175 tal-Kodiċi Ġudizzjarju) fuq it-talba ta' kreditur, ta' konjuġi jew ta' werriet. Il-persuni li jitolbu li jitħejja inventarju għandhom id-dritt jagħżlu n-nutar li jistabbilixxi l-lista tal-assi f'att notarili. F'każ li ma jirnexxilhomx jilħqu ftehim dwar dan, in-nutar jinħatar mill-maġistrat (l-Artikolu 1178 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). F'każ li jinqala' xi tilwim, il-maġistrat ikollu l-ġuriżdizzjoni sabiex isolvih.

D. Is-siġillar

Is-siġillar tal-assi jwassal biex dawn ma jkunux jistgħu jibqgħu jintużaw fil-prattika. F'każijiet fejn ikun hemm interess sinifikanti x'jiġi mħares, il-kredituri, il-konjuġi jew il-werrieta jistgħu jitolbu li jiġu siġillati l-assi li jiffurmaw parti mill-komunità tal-akkwisti ta' koppja miżżewġa, minn legat, jew minn proprjetà miżmuma mhux diviża (l-Artikolu 1148 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Il-maġistrat huwa dak li jordna s-siġillar tal-assi. Il-maġistrat jista' jordna li jitneħħew is-siġilli, fuq talba mingħand il-persuna li tkun riedet li l-assi jiġu ssiġillati, jew mingħand il-kredituri, il-konjuġi jew il-werrieta. F'każ li t-tneħħija tas-siġilli tiġi kkontestata, id-deċiżjoni taqa' f'idejn il-maġistrat.

1.2. Miżuri interim

Il-miżuri interim jew il-miżuri eżegwibbli provviżorjament, huma miżuri li jistgħu jiġu revokati u li huma riversibbli. Jistgħu jiġu imposti fi proċedimenti speċifikament maħsuba biex jinkisbu tali miżuri jew fi proċedimenti dwar il-merti tal-każ.

1.3. Eżekuzzjoni provviżorja

L-eżekuzzjoni provviżorja jew l-eżekuzzjoni antiċipatorja hija possibbli, soġġetta għal kundizzjonijiet stretti, wara li tingħata sentenza li tkun għadha mhix finali. Fi kliem ieħor: sakemm ikun għad hemm il-possibbiltà li jitressaq appell jew li ssir oġġezzjoni kontra sentenza, is-sentenza tkun biss evidenza ta' dak li ntwera u fil-prinċipju, ma tkunx tista' tiġi eżegwita f'dan l-istadju. Dan jista' jkollu konsegwenzi negattivi fuq il-parti li tkun qed tfittex li tinvoka obbligu tal-parti l-oħra. F'ċerti każijiet, ir-rikorrent jista' jipprova jikseb ordni tal-qorti li tippermetti l-eżekuzzjoni provviżorja tas-sentenza. Wieħed mill-modi ta' eżekuzzjoni provviżorja huwa l-mandat ta' deskrizzjoni tal-beni li jkunu jappartjenu lid-debitur.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

2.1 Il-proċedura

A. Il-mandat ta' deskrizzjoni

Persuna li tkun kisbet deċiżjoni ġudizzjarja, anke jekk din tkun toriġina minn pajjiż ieħor, għandha d-dritt tinkariga lill-bailiff biex jeżegwixxi mandat ta' deskrizzjoni tal-assi tad-debitur ikkonċernat. F'każ li persuna ma tkunx kisbet deċiżjoni ġudizzjarja, hemm bżonn tal-ordni tal-qorti biex ikun jista' jsir il-mandat ta' deskrizzjoni. Il-mandat ta' deskrizzjoni ma jistax jiġi ordnat minn arbitru (l-Artikolu 1696 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Il-pretensjonijiet jitressqu quddiem l-imħallef fi proċedimenti għal mandat ta' deskrizzjoni u jiġu ttrattati l-istess bħal fi proċedimenti ta' rimedju interim (l-Artikolu 1395 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Il-perjodu mill-ħruġ taċ-ċitazzjoni sad-dehra fil-qorti jrid ikun minn tal-inqas ta' jumejn, iżda f'każijiet urġenti dan jista' jkun iqsar.

Rikors ex parte li jeżiġi li jsir mandat ta' deskrizzjoni jiġi ppreżentat mill-avukat lill-imħallef fi proċedimenti ta' mandat ta' deskrizzjoni, li jista' jawtorizza l-impożizzjoni ta' mandat ta' deskrizzjoni. L-imħallef fi proċedimenti ta' mandat ta' deskrizzjoni jrid jieħu deċiżjoni fi żmien tmint ijiem. Id-deċiżjoni, flimkien mal-mandat ta' deskrizzjoni, trid tiġi nnotifikata lid-debitur mill-bailiff, sabiex jiġi żgurat li d-debitur ikun infurmat bil-mandat ta' deskrizzjoni.

Bil-liġi, id-deċiżjoni tkun eżegwibbli provviżorjament, u l-finalità tagħha u n-nuqqas ta' possibbiltà biex tiġi appellata huma biss relattivi. L-imħallef fi proċedimenti ta' mandat ta' deskrizzjoni jista' jemenda jew jirtira d-deċiżjoni fi kwalunkwe ħin, minħabba bidla fiċ-ċirkostanzi. It-tariffi imposti mill-bailiff huma determinati mid-Digriet Irjali tat-30 ta' Novembru 1976 (Moniteur belge/Belgisch Staatsblad, it-8 ta' Frar 1977).

B. Is-sekwestru

Għal sekwestru bi ftehim, ikun biżżejjed li jiġi ppreżentat ftehim validu bejn il-partijiet, mingħajr ma jkun hemm għalfejn tinkiseb ordni tal-qorti. Madankollu, is-sekwestru ġudizzjarju jrid jiġi ordnat mill-qorti.

Fiż-żewġ każijiet, jinħatar sekwestratarju, bi ftehim jew inkella mill-qorti. Dan is-sekwestratarju jrid jaġixxi b'attenzjoni kbira biex jiżgura li l-assi fdati lilu jkunu ppreżervati. Fl-istess ħin, huwa obbligat jirritorna dawn l-assi hekk kif jintemm is-sekwestru. Is-sekwestratarju huwa intitolat jirċievi remunerazzjoni, hekk kif stabbilit mil-liġi (l-Artikolu 1962(3) tal-Kodiċi Ċivili).

C. Miżuri interim

Il-miżuri interim iridu dejjem jintalbu min-naħa tal-qrati, jew fl-għamla ta' proċedimenti interlokutorji jew inkella ta' proċedimenti dwar il-merti tal-każ. Il-miżuri interim jistgħu jiġu ordnati wkoll minn arbitru (l-Artikolu 1696 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

F'każijiet urġenti, l-imħallef li jippresjiedi fil-qorti tal-prim'istanza jista' jagħti deċiżjoni eżegwibbli provviżorjament fil-kwistjonijiet kollha li bil-liġi ma jkunux jaqgħu barra mill-ġuriżdizzjoni tal-qrati (l-Artikolu 584(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju). "Eżegwibbli provviżorjament" tfisser li s-sentenza tkun biss provviżorja u tista' ma tagħtix lok għal effetti finali u irrevokabbli. L-imħallfin li jippresjiedu fil-Qorti tal-Kummerċ u fit-Tribunal Industrijali wkoll jistgħu joħorġu sentenzi eżegwibbli provviżorjament fi kwistjonijiet urġenti, sakemm dawn ikunu jaqgħu fil-kompetenzi rispettivi tagħhom.

Sentenza mogħtija fi proċedimenti ta' rimedju interim tista' ma tkunx ta' detriment għall-każ innifsu (il-kawża ewlenija), u dan ifisser li l-finalità tas-sentenza u n-nuqqas ta' possibbiltà biex din tiġi appellata huma biss relattivi. L-imħallef fil-kawża ewlenija mhuwa marbut biha bl-ebda mod, jiġifieri l-imħallef fi proċedimenti ta' rimedju interim jista' jimponi biss miżuri interim.

Fi proċedimenti ta' divorzju pereżempju, l-imħallef li jippresjiedi fil-Qorti tal-Prim'Istanza, huwa awtorizzat jimponi miżuri interim li jirrigwardaw lill-persuna, lill-assi u lill-manteniment tal-konjuġi kif ukoll ta' wliedhom (l-Artikolu 1280(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

Il-bailiff jinnotifika formalment lill-parti l-oħra bil-miżuri li jkunu ġew ordnati u jistedinha tirrispettahom, jekk ikun meħtieġ anki b'theddida ta' azzjoni min-naħa tal-pulizija u/jew ta' piena ġudizzjarja. It-tariffi imposti mill-bailiff huma determinati mid-Digriet Irjali tat-30 ta' Novembru 1976 (Moniteur belge/Belgisch Staatsblad, it-8 ta' Frar 1977).

Meta jkun qed jiddeċiedi fil-Qorti tal-Prim'Istanza, il-maġistrat għandu l-kompetenza li, f'każijiet fejn ir-relazzjoni tkun tkissret, jimponi miżuri interim għall-perjodu ta' żmien li fih il-konjuġi jew il-koabitanti rikonoxxuti legalment, ikomplu jgħixu flimkien. Miżuri bħal dawn jistgħu jirrigwardaw, pereżempju, id-dar matrimonjali, it-tfal jew il-proprjetà tat-tfal. Tali miżuri huma biss ta' natura provviżorja u ma jkomplux japplikaw ladarba tispiċċa l-koabitazzjoni. Madankollu, il-koppji miżżewġa ma jistgħux jipproċedu għall-proċediment tad-divorzju b'dan il-mod. Huwa r-rwol tal-Qorti tal-Prim'Istanza li tiddeċiedi dwar soluzzjoni definittiva eventwali tad-divorzju.

D. Eżekuzzjoni provviżorja

Sentenza tikkostitwixxi ordni ta' eżekuzzjoni. Sakemm is-sentenza tkun għadha mhux finali, din ma tkunx tista' tiġi eżegwita. Fil-fatt, il-possibbiltà li jitressaq appell jew li ssir oġġezzjoni twassal biex l-eżekuzzjoni tiġi sospiża, iżda l-possibbiltà li jitressaq appell fuq punt ta' liġi quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni ma jirriżultax f'sospensjoni tal-eżekuzzjoni (l-Artikolu 1397 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

L-imħallef li jkun ta s-sentenza finali jista' jippermetti l-eżekuzzjoni provviżorja ta' dik is-sentenza, minbarra f'każijiet fejn dan ikun ipprojbit mil-liġi (l-Artikolu 1398 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). It-tip ta' każijiet involuti huma dawk relatati mad-divorzju, is-separazzjoni ġudizzjarja, l-oppożizzjoni għaż-żwieġ u l-annullament taż-żwieġ. Barra minn hekk, deċiżjoni li tilqa' pretensjoni għal somma fissa ta' inqas minn EUR 2 500 ukoll mhijiex eliġibbli għall-eżekuzzjoni provviżorja (l-Artikolu 1399 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

F'każ li l-eżekuzzjoni provviżorja tkun tista' effettivament titwettaq, dan isir għar-riskju tar-rikorrent. F'każijiet bħal dawn, il-qorti tista' tissottometti fakultattivament l-eżegwibbiltà ta' deċiżjoni, għall-għoti ta' garanzija (avall) mir-rikorrent (l-Artikolu 1400(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Ir-rikorrent jista' jagħti bidu għall-eżekuzzjoni, iżda huwa obbligat jiddepożita ammont ta' flus jew jipprovdi garanzija bankarja lill-"Caisse des dépôts et consignations". Ovvjament huwa possibbli li s-sentenza tiġi emendata fl-appell u li l-parti li tkun trid tikseb rimedju tkun intitolata tirċievi kumpens għad-danni.

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

A. Il-mandat ta' deskrizzjoni

Il-mandat ta' deskrizzjoni jista' jiġi ordnat biss f'każijiet urġenti u meta d-dejn dovut ikun ċert, likwidu u eliġibbli li jkun dovut.

L-element ta' urġenza jimplika li s-solvenza tad-debitur tkun kompromessa b'tali mod li d-drittijiet tal-kreditur fuq l-assi tad-debitur ikunu mhedda. Il-mandat ta' deskrizzjoni mhux biss jista' jintuża bħala mezz ta' pressjoni, iżda huwa permess ukoll f'każ li l-pożizzjoni finanzjarja tad-debitur tkun ipperikolata. L-urġenza trid tkun preżenti kemm meta jiġi impost il-mandat ta' deskrizzjoni kif ukoll fil-mument li fih l-imħallef ikun irid jiddeċiedi dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta' deskrizzjoni.

Il-pretensjoni tar-rikorrent trid tkun ċerta, li jfisser li l-pretensjoni trid tidher ġustifikata biżżejjed, u li din ma tkun tista' tiġi kkontestata għall-ebda raġuni raġonevoli. Barra minn hekk, din trid tkun likwida. L-ammont tad-dejn irid ikun ġie determinat, jew jekk le, irid ikun jista' jiġi determinat permezz ta' stima preliminari. Jekk l-ammont preċiż tad-dejn ma jkunx għadu ġie determinat, l-imħallef fi proċedimenti ta' mandat ta' deskrizzjoni joħroġ stima hu. Fl-aħħar nett, il-ħlas tad-dejn irid ikun diġà dovut; it-talba tal-kreditur għall-ħlas trid tkun ġustifikata. L-Artikolu 1415 tal-Kodiċi Ġudizzjarju tiddefinixxi dan ir-rekwiżit b'mod aktar preċiż, sabiex saħansitra l-pretensjonijiet relatati ma' introjti perjodiċi futuri (ħlas għall-manteniment, ħlas ta' renta, imgħaxijiet), kif ukoll pretensjonijiet provviżorji jew possibbli, jistgħu jkunu eliġibbli għall-mandat ta' deskrizzjoni.

B. Is-sekwestru

Il-qorti tista' tordna s-sekwestru ġudizzarju fil-każ ta' assi mobbli li għalihom ikun inħareġ ordni ta' mandat ta' deskrizzjoni, ta' assi mobbli jew immobbli li s-sjieda tagħhom tkun ikkontestata minn żewġ persuni jew aktar, jew ta' oġġetti li debitur ikun offra bħala saldu tad-dejn tiegħu (l-Artikolu 1961 tal-Kodiċi Ċivili). B'mod ġenerali, dan jirreferi għal sitwazzjoni fejn iċ-ċirkostanzi tal-każ jiġġustifikaw l-użu tas-sekwestru bħala forma ta' miżura kawtelatorja, sabiex jiġi żgurat li l-oġġetti jibqgħu fl-istat tagħhom, bla preġudizzju għas-soluzzjoni finali li eventwalment tista' tintlaħaq. L-urġenza mhijiex rilevanti. Madankollu, l-imħallef ikun irid jirrikorri għas-sekwestru b'ċertu prudenza, billi dan jikkostitwixxi miżura serja u eċċezzjonali li tiġi awtorizzata biss meta jkun hemm raġunijiet importanti biżżejjed.

C. Miżuri interim

Każ jista' jkun soġġett għal proċedimenti ta' rimedju interim biss jekk ikun ta' natura tant urġenti li, jekk ma tintlaħaq l-ebda soluzzjoni immedjata, ir-rikorrent jispiċċa jġarrab telf ta' ċertu livell jew jesperjenza żvantaġġi sostanzjali. Għalhekk l-urġenza hija rekwiżit fundamentali biex wieħed ikun jista' jagħti bidu għal proċedimenti ta' rimedju interim.

Il-miżuri interim fil-proċedimenti dwar il-merti tal-każ iridu jkunu ta' natura urġenti huma wkoll. Huwa għalhekk li dawn il-miżuri li jistgħu jintalbu lill-maġistrat, jissejħu "miżuri interim uġenti".

D. Eżekuzzjoni provviżorja

Il-kriterju użat mill-qrati meta jiġu biex jiddeċiedu jippermettux jew le l-eżekuzzjoni provviżorja, jorbot mar-riskju għar-rikorrent li l-eżekuzzjoni tas-sentenza tkun qed tiġi ttardjata jew ostakolata bla bżonn mill-parti l-oħra. Jekk il-parti l-oħra toġġezzjona jew tressaq appell bl-għan uniku li tevita s-sentenza milli tiġi eżegwita, dan ikun jikkostitwixxi motiv sinifikanti biżżejjed għall-imħallef li jkun ta s-sentenza biex jordna l-eżekuzzjoni provviżorja tagħha. Madankollu, f'ċertu tipi ta' każijiet, l-eżekuzzjoni provviżorja hija pprojbita (ara hawn fuq).

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

A. Il-mandat ta' deskrizzjoni

Kwalunkwe tip ta' assi (mobbli, immobbli, intanġibbli) huwa eliġibbli għall-mandat ta' deskrizzjoni. Madankollu, ċerti tipi ta' assi ma jistgħux jiġu sottomessi għall-mandat ta' deskrizzjoni (jew jistgħu jkunu sottomessi parzjalment biss). In-nuqqas ta' eliġibbiltà jiġi determinat mil-liġi, jew inkella min-natura tal-assi, jew mir-rabta li jkun hemm bejn l-assi u d-debitur.

L-assi li ma jistgħux jiġu sottomessi għal mandat ta' deskrizzjoni huma elenkati fl-Artikolu 1408 tal-Kodiċi Ġudizzjarju. Fi ftit kliem, dawn jinkludu oġġetti indispensabbli għad-debitur, oġġetti meħtieġa għat-tkomplija tal-istudji tad-debitur jew għat-taħriġ vokazzjonali tiegħu jew ta' wliedu, tagħmir essenzjali għall-professjoni tiegħu, ikel, fjuwil, u oġġetti meħtieġa għall-qima reliġjuża. L-Artikolu 1410(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju fih sommarju tal-ammonti li mhumiex eliġibbli għall-mandat ta' deskrizzjoni. Dawn jinkludu l-benefiċċji tal-familja u l-introjtu minimu għas-sussistenza.

Is-salarju tad-debitur u kwalunkwe introjtu ieħor ekwivalenti huma biss parzjalment eliġibbli għall-mandat ta' deskrizzjoni. L-ammonti kkonċernati huma stabbiliti fl-Artikolu 1409(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju, u huma aġġustati kull sena permezz ta' Digriet Irjali, li jieħu inkunsiderazzjoni l-indiċi tal-prezzijiet għall-konsumatur. L-Artikolu 1410(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju jestendi l-kamp ta' applikazzjoni tal-ammonti parzjalment eliġibbli għall-mandat ta' deskrizzjoni b'tali mod li jinkludi sorsi ta' introjtu oħra bħal ħlas għall-manteniment, pensjonijiet, benefiċċji tal-qgħad, benefiċċji għall-aċċidenti okkupazzjonali jew benefiċċji tal-invalidità.

L-assi li huma eliġibbli għall-mandat ta' deskrizzjoni jiġu indikati mill-bailiff f'dokument ġudizzjarju bil-ħsieb li eventwalment jinbigħu f'data sussegwenti, sakemm ma jilħaqx jintlaħaq ftehim dwarhom mal-kreditur, bl-intervent tal-bailiff. Id-disponiment ta' oġġetti indikati għall-mandat ta' deskrizzjoni mill-bailiff, jew il-ħabi tagħhom, huwa strettament pprojbit u jitqies bħala reat kriminali.

B. Is-sekwestru

Il-qorti tista' tordna s-sekwestru ġudizzarju fil-każ ta' assi mobbli li għalihom ikun inħareġ mandat ta' deskrizzjoni, ta' assi mobbli jew immobbli li s-sjieda tagħhom tkun ħolqot tilwima bejn żewġ persuni jew aktar, jew ta' oġġetti li debitur ikun offra bħala saldu tad-dejn tiegħu (l-Artikolu 1961 tal-Kodiċi Ċivili).

C. Miżuri interim

Kwalunkwe tip ta' każ huwa eliġibbli biex jiġi solvut permezz ta' proċedimenti ta' rimedju interim. L-imħallef li jippresjiedi fil-Qorti tal-Prim'Istanza għandu l-kompetenza li jisma' kull tip ta' tilwim privat li jaqa' taħt il-liġi ċivili. It-tilwim marbut mal-liġi dwar l-impjiegi jew mal-liġi tal-kummerċ, irid jitressaq quddiem l-imħallef li jippresjiedi fit-Tribunal Industrijali jew fil-Qorti tal-Kummerċ.

Il-maġistrat għandu l-kompetenza li, f'każijiet fejn ir-relazzjoni tkun tkissret, jimponi miżuri interim tul iż-żmien kollu ta' koabitazzjoni. Miżuri bħal dawn jistgħu jirrigwardaw, pereżempju, id-dar tal-familja, it-tfal jew il-proprjetà tat-tfal. Din id-dispożizzjoni tapplika biss għall-koppji miżżewġa (l-Artikolu 223(1) tal-Kodiċi Ċivili) u għall-koabitanti rikonoxxuti legalment (l-Artikolu 1479(1) tal-Kodiċi Ċivili), u mhux għall-koabitanti de facto.

D. Eżekuzzjoni provviżorja

Fil-prinċipju, is-sentenzi kollha huma eliġibbli għall-eżekuzzjoni provviżorja jekk jiġu ordnati minn imħallef, minbarra fil-każijiet fejn l-eżekuzzjoni provviżorja tkun ipprojbita mil-liġi (l-Artikolu 1398 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). It-tip ta' każijiet involuti huma dawk relatati mad-divorzju, is-separazzjoni ġudizzjarja, l-oppożizzjoni għaż-żwieġ u l-annullament taż-żwieġ. Barra minn hekk, deċiżjoni li tilqa' pretensjoni għal somma fissa ta' inqas minn EUR 2 500 ukoll mhijiex eliġibbli għall-eżekuzzjoni provviżorja (l-Artikolu 1399 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

A. Il-mandat ta' deskrizzjoni

Sid l-assi kkonċernati ma jitlifx id-dritt ta' sjieda jew id-dritt li jibbenefika (l-użu, il-lokazzjoni, ir-redditi, l-użufrutt) mill-beni li jkunu sottomessi għall-mandat ta' deskrizzjoni. L-unika restrizzjoni li hemm hija li ma jkunx jista' jbigħ dawn l-oġġetti, jew jirreġistra ipoteka fuqhom. Il-fatt li d-debitur ma jkollu l-ebda setgħa ta' disponiment tal-oġġetti kkonċernati jfisser li kull tranżazzjoni mwettqa mid-debitur li ma tirrispettax il-fatt li hu ma jkollux setgħat ta' disponiment, xorta waħda tkun valida, iżda ma tkunx tista' tiġi invokata kontra l-kreditur fis-sentenza. Għaldaqstant, il-kreditur ma jkunx obbligat jikkunsidra dawn it-tranżazzjonijiet u jista' jaġixxi bħallikieku qatt ma seħħu.

B. Is-sekwestru

Bħal fil-każ ta' kwalunkwe forma oħra ta' garanzija ġudizzjarja, is-sekwestru jġib miegħu t-trasferiment tal-pussess ta' oġġett lis-sekwestratarju. Is-sekwestratarju jista' jieħu azzjonijiet maħsuba biss għall-preżervazzjoni tal-istat tal-oġġetti kkonċernati.

C. Miżuri interim

Mhux applikabbli.

D. Eżekuzzjoni provviżorja

L-eżekuzzjoni provviżorja tfisser li s-sentenza tiġi eżegwita xorta, minkejja l-fatt li tista' tiġi emendata jekk tiġi appellata jew wara li titressaq oġġezzjoni. Ir-rikorrent iġarrab ir-riskju marbut mal-eżekuzzjoni (ara hawn fuq).

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

A. Il-mandat ta' deskrizzjoni

Il-mandat ta' deskrizzjoni huwa validu għal żmien limitat, li normalment ikun ta' tliet snin. Madankollu, l-imħallef fil-proċedimenti ta' sekwestru jista' jistabbilixxi perjodu ta' validità iqsar. Il-mandat ta' deskrizzjoni jista' jiġġedded, sakemm ma tkunx għaddiet l-iskadenza inizjali. It-tiġdid - li fil-verità jkun estensjoni tal-iskadenza eżistenti - huwa permess jekk ikun hemm raġunijiet validi u jekk is-sitwazzjoni tkun għadha waħda urġenti.

B. Is-sekwestru

Il-liġi ma tistipula l-ebda terminu preskrittiv f'każijiet ta' sekwestru. Jekk jiġi eliminat ir-riskju li l-oġġetti ma jkunux jistgħu jibqgħu jinżammu fl-istat tagħhom u jekk ikun jidher li se tintlaħaq soluzzjoni finali, is-sekwestru jitneħħa.

C. Miżuri interim

Il-liġi ma tispeċifikax perjodu fiss ta' validità għall-miżuri provviżorji. Is-sentenza finali mogħtija dwar it-tilwima tista' tikkonferma kwalunkwe miżura provviżorja li tkun ġiet implimentata, jew tannullaha.

Il-miżuri interim urġenti li jkunu ġew ordnati mill-maġistrat ma jibqgħux japplikaw jekk jinbdew il-proċedimenti ta' divorzju. Minn hemm 'il quddiem, il-kompetenza tgħaddi għall-Qorti tal-Prim'Istanza, u l-miżuri interim ikunu jistgħu jintalbu billi wieħed jirrikorri għall-imħallef li jippresjiedi fil-Qorti tal-Prim'Istanza.

D. Eżekuzzjoni provviżorja

Mhux applikabbli.

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

A. Il-mandat ta' deskrizzjoni

Jekk l-imħallef fi proċedimenti ta' mandat ta' deskrizzjoni jirrifjuta li jawtorizza l-mandat ta' deskrizzjoni, il-parti li tkun talbet li jkun hemm mandat ta' deskrizzjoni jkollha d-dritt li tappella kontra dik id-deċiżjoni. Hija għandha tagħmel dan fi żmien xahar mid-data li fiha tkun ġiet notifikata d-deċiżjoni (l-Artikolu 1419(1) u l-Artikolu 1031 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Il-kawża tiġi indirizzata bl-istess mod bħalma tkun ġiet trattata mill-imħallef inizjali, u s-sentenza tinħareġ mill-awla preliminari (chambre du conseil/raadkamer). Jekk il-mandat ta' deskrizzjoni jiġi kkonfermat fl-appell, id-debitur li jkun jixtieq jopponi għall-mandat ta' deskrizzjoni jrid jirrikorri għall-att ta' oppożizzjoni minn terza persuna quddiem il-Qorti tal-Appell.

F'każ li l-imħallef fil-proċedimenti ta' mandat ta' deskrizzjoni jawtorizza l-mandat ta' deskrizzjoni, id-debitur jew il-parti interessata jkollha d-dritt li tagħti bidu għall-att ta' oppożizzjoni minn terza persuna kontra dik id-deċiżjoni (l-Artikolu 1419 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). L-att ta' oppożizzjoni minn terza persuna jrid jinbeda fi żmien xahar mid-data li fiha tkun ittieħdet id-deċiżjoni biex jiġi awtorizzat il-mandat ta' deskrizzjoni, u jrid jinstema' mill-imħallef li jkun ta d-deċiżjoni kkontestata (l-Artikolu 1125 tal-Kodiċi Ġudizzjarju). Sakemm l-imħallef fi proċedimenti ta' mandat ta' deskrizzjoni ma jippermettix is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tas-sentenza, l-att ta' oppożizzjoni minn terza persuna ma jkollu l-ebda effett sospensiv.

B. Is-sekwestru

Is-sekwestru ma japplikax f'każ li s-sekwestru jkun ġie miftiehem bejn il-partijiet.

Is-sekwestru ġudizzjarju jieħu l-għamla ta' deċiżjoni meħuda minn imħallef, li kontriha jistgħu jinbdew rimedji ġudizzjarji, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ġudizzjarju.

C. Miżuri interim

Kwalunkwe parti li tkun ġiet affettwata b'mod negattiv minn deċiżjoni meħuda fi proċedimenti ta' rimedju interim, għandha dritt li toġġezzjona jew li tappella kontriha. L-appelli kontra deċiżjoni meħuda mill-imħallef li jippresjiedi fil-Qorti tal-Prim Istanza jew fil-Qorti tal-Kummerċ jinstemgħu mill-Qorti tal-Appell. L-appelli kontra deċiżjoni meħuda mill-imħallef li jippresjiedi fit-Tribunal Industrijali jridu jitressqu quddiem it-Tribunal Industrijali.

F'każ li l-proċedimenti ġudizzjarji jkunu nbdew permezz ta' ċitazzjoni jew ta' dehra volontarja, kwalunkwe oġġezzjoni trid issir fi żmien xahar mid-data meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni; l-istess jekk jitressaq appell. Jekk id-deċiżjoni tkun ġiet innotifikata fl-għamla ta' ittra ġudizzjarja u d-deċiżjoni tkun ingħatat fuq talba ex parte, kwalunkwe oġġezzjoni trid issir fi żmien xahar mid-data tan-notifika; l-istess jekk jitressaq appell.

D. Eżekuzzjoni provviżorja

L-eżekuzzjoni provviżorja ma jistax jiġi appellat. L-imħallef tal-Qorti tal-Appell, fl-ebda ċirkostanza, ma jista' jipprojbixxi jew jissospendi l-eżekuzzjoni ta' sentenza (l-Artikolu 1402 tal-Kodiċi Ġudizzjarju).


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 14/11/2014