Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Miżuri interim u kawtelatorji - Franza

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

  • Il-miżuri provviżorji dejjem jistgħu jiġu ordnati mill-imħallef f'każ ta' urġenza (proċedura b’urġenza, ħlas ta’ provvediment, espulsjoni, interdizzjoni taħt piena ta’ pagament biex issir xi ħaġa, konservazzjoni ta’ xi tip ta’ provi).

Ma jeżistix inventarju tal-miżuri provviżorji: wieħed jista’ jikseb  bi proċedura sommarja l-miżuri urġenti kollha li ma jkunux soġġetti għal oppożizzjoni serja, jew li jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ differenza (il-ħlas ta’ provvediment, it-tkeċċija ta’ okkupant mingħajr titlu, opinjoni esperta jew dikjarazzjoni ta’ ħsara...). Barra minn hekk l-imħallef għal miżuri provviżorji jista’ jordna f’kull ħin il-miżuri kollha meħtieġa kemm biex tiġi evitata ħsara imminenti (l-aktar fix-xogħol ta’ konsolidazzjoni) kif ukoll biex tieqaf problema ċarament illegali.

  • Hemm reġim speċjali għall-miżuri kawtelatorji (mandat ta’ qbid kawtelatorju u ipoteki ġudizzjarji) li huma miżuri li jippermettu lill-kreditur, ħafna drabi bl-awtorizzazzjoni tal-imħallef, li jaqbad l-assi kollha tad-debitur jew uħud minnhom jew li jirreġistra dritt speċjali ipotekarju fuq dawn l-assi, sabiex jiggarantixxi l-ħlas tad-dejn li għadu ma ġiex rikonoxxut permezz ta’ sentenza, iżda li l-irkupru tiegħu mhux garantit.

Il-miżuri kawtelatorji jistgħu jkunu ta’ żewġ tipi:

  • il-mandat ta’ qbid u sekwestru kawtelatorju, li jippermetti l-qbid ta’ propjetà tanġibbli (għamara, vetturi..), propjetà intanġibbli (somma ta’ flus, drittijiet ta’ reġistrazzjoni jew titoli...) jew dejn (kontijiet bankarji, riċevibbli...);
  • il-garanziji ġudizzjarji fuq il-propjetà immobbli, stabbiliment tan-negozju, ishma tal-azzjonisti jew titoli (iskrizzjoni ta’ ipoteka provviżorja, rahan tal-ishma tas-sħab jew tat-titoli).

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

2.1 Il-proċedura

  • Miżuri provviżorji: dawn għandhom jitressqu quddiem l-imħallef għal miżuri provviżorji permezz ta’ notifika (sejħa quddiem il-qorti permezz ta’ att tal-marixxall). Din hija proċedura b’urġenza, kontenzjuża.
  • Miżuri kawtelatorji: Ġeneralment hija meħtieġa l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-imħallef. Madankollu, il-kreditur huwa eżentat minn din l-awtorizzazzjoni jekk ikollu titolu eżekuttiv jew deċiżjoni ġudizzjarja li għadha ma saritx eżekuttiva. L-istess jgħodd f’każ ta’ inadempjenza ta’ ħlas ta’ kambjala aċċettata, ta’ ċedola, ta’ ċekk jew tal-kera ta’ propjetà mikrija mhux imħallsa (jekk il-kuntratt ikun sar bil-miktub).

Għall-miżuri provviżorji, id-deċiżjoni tal-qorti tiddependi minn natura tat-talba. Il-ġuriżdizzjoni fid-dritt komuni hija tal-president tal-qorti distrettwali. Madankollu l-imħallef tal-qorti distrettwali, il-president tal-qorti tal-kummerċ, tat-tribunal industrijali u tat-tribunal għall-kirjiet agrikoli jista’ jiddeċiedi wkoll b’urġenza skont il-limiti tal-ġuriżdizzjoni tiegħu.

Għall-miżuri kawtelatorji, l-imħallef li għandu ġuriżdizzjoni huwa l-imħallef tal-eżekuzzjoni, li huwa mħallef tal-qorti distrettwali. L-imħallef b’ġuriżdizzjoni huwa l-imħallef tal-post fejn jgħix id-debitur.

Quddiem l-imħallef tal-eżekuzzjoni jew l-imħallef tal-urġenza, il-partijiet jiddefendu lilhom infushom. Huma jistgħu madankollu jiġu assistiti jew rappreżentati minn avukat.

Il-mandati ta’ qbid u sekwestru kawtelatorji jridu jiġu notifikati minn marixxall tal-qorti. Għall-iskrizzjoni tal-ipoteki ġudizzjarji, mhux previst l-istess obbligu. Madankollu, minħabba l-kumplessità ġuridika tal-iskrizzjoni ta’ ipoteka, il-kredituri jiġu assistiti dejjem minn professjonist fil-kamp legali.

L-ispejjeż għall-miżuri kawtelatorji, jaqgħu b’mod definittiv fuq id-debitur, anke jekk il-kreditur jista’ jkollu jħallas xi ħaġa bil-quddiem. L-ispejjeż tal-eżekuzzjoni huma soġġetti għal tariffa li tistabbilixxi l-ħlas dovut lill-marixxalli tal-qorti għal kull att ta’ eżekuzzjoni u kull miżura kawtelatorja.

Skont id-Digriet Nru 96-1080 tat-12 ta’ Diċembru 1996, it-tariffi tal-marixxalli jinkludu somma ta’ darba magħmula minn, kumulattivament jew alternattivament skont il-każ, tariffi fissi jew proporzjonali, akkumpanjati fejn xieraq bi dritt għal ftuħ ta’ kawża.

Fir-rigward tal-miżuri kawtelatorji, id-drittijiet proporzjonali ta’ rkupru, ikkalkulati fuq l-ammont irkuprat, ma jiġux mitluba ħlief jekk il-marixxall jirċievi ordni biex jirkupra l-ammont dovut. Barra minn hekk, in-nomenklatura mehmuża mad-digriet imsemmi hawn qabel teskludi l-possibbiltà ta’ tariffi supplimentari negozjati b’mod liberu, minbarra madankollu il-mandati ta’ qbid kawtelatorji fuq l-ishma tas-sħab u t-titoli.

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Il-qorti ma teħux miżuri iżda tagħti l-awtorizzazzjoni tagħha. Il-miżura tiġi eżegwita mill-marixxall tal-qorti, fuq talba tal-benefiċjarju tal-awtorizzazzjoni.

Jekk tkun tenħtieġ l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-imħallef, il-kreditur fil-prinċipju jrid juri li t-talba tiegħi tkun fondata (“fondée en son principe”).

Għall-miżuri kawtelatorji, ma hemmx rekwiżit ċar ta’ urġenza.

Il-kreditur irid juri illi jeżistu “ċirkostanzi li jistgħu jkunu ta’ preġudizzju għall-irkupru” tad-dejn (pereżempju il-mala fede tad-debitur li jaħbi l-assi tiegħu, żieda fil-kredituri...).

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

Il-beni kollha tad-debitur illi l-liġi ma tiddikjarax li ma jistgħux “jiġu maqbuda” (pereżempju: il-beni meħtieġa għall-ħajja ta’ kuljum jew għall-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu) jistgħu jkunu soġġetti għal mandat kawtelatorju. L-istess għandu jkun japplika għad-dejn: Madankollu il-pagi ma jistgħu qatt ikunu soġġetti għal miżuri kawtelatorji (anke jekk jistgħu jiġu maqbuda skont deċiżjoni ġudizzjarja jew b’titolu eżekuttiv ieħor, skont il-proċedura tal-qbid tar-rimunerazzjoni).

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

Il-beni maqbuda b’mod kawtelatorju ma jistgħux jintmissu. Id-debitur jista’ jżommhom, b’responsabbiltà tiegħu, iżda ma jistax jeħles minnhom. Jekk huwa jagħmel dan, huwa jkun ikkommetta reat li għalih jista’ jeħel multa u priġunerija.

Is-somom ta’ flus maqbuda jiġu ddepożitati f'kont.

Il-beni soġġetti għal ipoteka ġudizzjarja jistgħu jiġu mibjugħa mid-debitur, imma l-kreditur għandu dritt ta’ bejgħ mill-ġdid, u ta’ ħlas privileġġat fuq il-prezz tal-bejgħ ta’ dak l-oġġett.

Il-beni maqbuda b’titolu kawtelatorju jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tad-debitur li jsir il-"kustodju", billi l-effett tal-qbid ma għandux effett kontra partijiet terzi. Bil-maqlub tal-ipoteki ġudizzjarji, li huma soġġetti għal miżuri ta’ pubblikazzjoni (kummerċjali jew fuq il-propjetà immobbli) dawn huma effettivi fil-konfront ta’ kulħadd

Il-bankier (u b’mod ġenerali il-partijiet terzi kollha soġġetti għas-sekwestru) li jirċievi mandat ta’ sekwestru kawtelatorju fir-rigward ta’ klijent huwa obbligat jinforma lill-marixxall immedjatament bl-obbligi kollha li għandu fil-konfront tad-debitur (jiġifieri il-kontijiet kollha li hemm f’isem id-debitur kif ukoll l-ammonti depożitati f’kull kont). Jekk il-bankier ma jagħtix din l-informazzjoni, mingħajr raġuni leġittima, huwa jista’ jiġu kkundannat iħallas id-dejn minflok id-debitur.

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Il-miżura kawtelatorja trid isseħħ fi żmien tliet xhur mill-ordni tal-imħallef li ta l-awtorizzazzjoni għaliha. Jekk ma jsir xejn, l-awtorizzazzjoni ssir nulla.

Jekk il-kreditur ma jkunx għadu beda proċedura għar-rikonoxximent tal-kreditu tiegħu, huwa jrid jagħmel dan f’dak ix-xahar li tittieħed il-miżura. Jekk ma jsir xejn, il-miżura ssir nulla.

Il-miżura kawtelatorja trid tiġi notifikata lid-debitur, l-aktar tard fi żmien tmint ijiem. Id-debitur jista’ jopponi l-miżura jew l-awtorizzazzjoni tagħha quddiem l-imħallef ta’ eżekuzzjoni. L-imħallef jista’ jkun diġà stabbilixxa bil-quddiem data għas-seduta ta’ smigħ li għaliha l-partijiet jiġu msejħa biex jiddiskutu l-miżura. Fil-prinċipju, il-kontestazzjoni tad-debitur hija ammissibbli jekk il-mandat ta’ qbid u sekwestru kawtelatorju ma jkunx ġie mibdul f’mandat eżekuttiv wara li l-kreditur ikun kiseb deċiżjoni ġudizzjarja dwar il-kreditu.

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

L-ordni tista’ tiġi kontestata, mid-debitur, fl-istess ħin mal-miżura.

L-imħallef ta’ eżekuzzjoni, li għandu ġuriżdizzjoni biex jawtorizza miżuri kawtelatorji, jista’ jisma’ wkoll ir-rikorsi kontra l-ordni. Id-deċiżjonijiet tiegħu jistgħu jiġu appellati quddiem il-qorti tal-appell.

Meta d-debitur isir jaf bl-awtorizzazzjoni tal-miżura fl-istess żmien li jsir jaf bil-miżura nnifisha, il-kontestazzjoni tal-ordni tkun soġġetta għall-istess regoli bħall-kontestazzjoni tal-miżura: hija tkun ammissibbli jekk il-miżura kawtelatorja ma tinbidilx f’miżura eżekuttiva.

Ir-rikors ma jwaqqafx l-effett tal-miżura kawtelatorja li għandha effett sakemm l-imħallef ma jkunx ordna li titħassar jew ikun iddikjara n-nullità tagħha.

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIs-sit Legifrance

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIs-sit tal-Ministeru tal-Ġustizzja

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIs-sit tal-Kamra Nazzjonali tal-Marixxalli tal-Qorti


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 04/01/2018