Assikurazzjoni tal-assi waqt klejm fil-pajjiżi tal-UE

Irlanda
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

It-tipi differenti ta’ miżuri kawtelatorji fil-qrati Irlandiżi huma l-mandati. Mandat huwa ordni tal-qorti lill-parti f’kawża biex tagħmel jew tieqaf milli tagħmel xi ħaġa partikolari. Il-ksur ta’ mandat huwa meqjus bħala disprezz tal-qorti u min jikser din l-ordni jista’ jintbagħat il-ħabs. Mandat jista’ jkun:

(i) permanenti,

(ii) għal perjodu speċifiku ta’ żmien, jew

(iii) mogħti fuq bażi temporanja qabel tibda l-kawża.

Jekk l-attur jaħseb illi l-konvenut kapaċi jneħħi jew jeqred oġġetti jew dokumenti essenzjali, huwa jista’ jitlob lill-qorti ex parte għal ordni msejħa “Anton Piller”, li hija forma ta’ mandat fejn il-konvenut irid iħalli lill-attur jidħol fi ħwejġu biex jivverifika dokumenti jew oġġetti oħra u jneħħi kulma jkun ta’ propjetà tal-attur. Jekk ir-l-attur ikun mħasseb dwar il-fatt illi l-konvenut jista’ jeħles minn xi ftit jew mill-assi kollha tiegħu u ma jkunx f’pożizzjoni li jissodisfa t-talba tal-attur jekk fl-aħħar mill-aħħar jirbaħ il-kawża, l-attur jista’ jitlob lill-qorti għal “mandat Mareva” jew ordni ta’ sekwestru, li ma jħallix lill-konvenut jeħles mill-assi tiegħu sakemm ikun fis-seħħ dak l-ordni. Ġeneralment, mandat Mareva ma jħallix lil konvenut li ma jkunx fil-ġuriżdizzjoni tal-qorti iżda li jkollu l-assi f’dik il-ġuriżdizzjoni milli jneħħi dawk l-assi “pendente lite”.

Meta t-talba tal-attur tkun għal somma ta’ flus, huwa jista’ jitlob lill-qorti biex tagħti ordni għal ħlas interim mill-konvenut ta’ parti minn jew tas-somma kollha mitluba fil-qorti. Min-naħa l-oħra, konvenut li jkun imħasseb dwar il-fatt illi jekk l-attur jitlef il-kawża ma jkunx jista’ jħallas l-ispejjeż legali tal-konvenut li bihom ikun jista' jiddefendi b’suċċess il-pożizzjoni tiegħu matul il-proċedimenti, jista’ jitlob lill-qorti biex tordna illi l-attur jagħti garanzija għall-ispejjeż tal-proċedimenti billi jiddepożita somma flus il-qorti. Jekk l-ordni għal “garanzija għall-ispejjeż” issir favur il-konvenut, l-attur ma jkunx jista’ jmexxi bit-talba tiegħu jekk ma jiddepożitax dik is-somma flus il-qorti kif stabbilit mill-ordni tal-qorti.

Il-Qorti Superjuri għandha ġuriżdizzjoni wkoll biex tagħti ordnijiet kawtelatorji b’appoġġ għal proċedimenti f’ġuriżdizzjonijiet oħra jekk ikun hemm bżonn. Hija tista’ toħroġ “mandat universali ta’ sekwestru” li japplika għall-assi f’ġuriżdizzjonijiet oħra jekk ikun hemm biża’ jew tħassib illi l-konvenut jista’ jeħles mill-assi tiegħu biex ma tingħatax sentenza kontrih.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

2.1 Il-proċedura

Bosta rikorsi għal mandat isiru quddiem is-Circuit Court jew il-Qorti Superjuri. Madankollu, ċerti tipi ta’ miżuri kawtelatorji jistgħu jintalbu biss mill-Qorti Superjuri, bħall-ordnijiet ta’ sekwestru, ordnijiet imsejħa “Anton Piller” u ordnijiet relatati ma’ proċedimenti barranin.

Il-parti li qed titlob għal ordni kawtelatorju trid tippreżenta rikors flimkien ma’ affidavit. l-attur irid jagħmel dikjarazzjoni kompluta tal-fatti rilevanti kollha, partikolarment jekk ir-rikors isir mingħajr notifika lill-parti l-oħra. Fl-affidavit għandu jiġi eżebit ukoll abbozz tal-ordni, b’dak li hu rikjest mill-qorti. Fis-sit elettroniku tas-Servizz tal-Qrati hemm iktar informazzjoni dwar il-formoli tal-qorti meħtieġa.

Jekk l-attur li jkun qed jitlob mandat jirnexxilu jiksbu, normalment ikollu jagħti dik li tissejjaħ “garanzija għad-danni” f’każ illi eventwalment jitlef il-kawża sabiex il-parti li l-mandat inħareġ kontriha tkun tista’ tirkupra l-ispejjeż imħallsa minħabba l-mandat.

Ir-rikorsi għal mandati jistgħu jsiru ex parte jew mingħajr notifika lill-parti l-oħra jekk ikun hemm raġunijiet tajba sabiex il-proċedimenti jsiru b’dan il-mod. Dawn ir-rikorsi jistgħu jsiru wkoll qabel il-ftuħ tal-proċedimenti jekk ikun hemm ċerta urġenza fis-sitwazzjoni tal-attur. [Għal miżuri interlokutorji jew kawtelatorji quddiem il-Qorti Kummerċjali, ara Ord. 63A, r. 6(3) tar- Regoli tal-Qrati Superjuri 1986].

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

Il-qrati għandhom diskrezzjoni meta jiddeċiedu jekk joħorġux mandat interlokutorju jew le u jilqgħu t-talba meta ċ-ċirkostanzi jkunu ġusti u xierqa. [Ord. 50 r. 6(1) tar-Regoli tal-Qrati Superjuri 1986]. Meta tkun qed tikkunsidra jekk hux xieraq li toħroġ mandat interlokutorju, il-qorti għandha tiddetermina:

(i) Jekk hemmx kwistjoni bona fide li trid tiġi deċiża.

(ii) Jekk l-għoti ta’ danni jew kumpens hux rimedju xieraq jekk l-attur ma jkunx ingħata l-mandat u mbagħad jerbaħ il-kawża.

(iii) Kemm għandha piż il-konvenjenza fit-teħid ta’ deċiżjoni tagħha.

L-ewwel rekwiżit huwa illi l-attur għandu juri illi hemm kwistjoni ġusta li trid tiġi mismugħa. Dan huwa ostaklu relattivament baxx li jrid jiġi megħlub ml-attur iżda fi snin riċenti din il-parti tat-test saret aktar diffiċli, fejn l-attur qiegħed ifittex, fl-istadju interlokutorju, mandat biex iġiegħel lill-parti l-oħra tagħmel xi ħaġa. F'dan il-każ issa huwa ċar mill-awtoritajiet illi l-attur irid juri illi għandu każ b’saħħtu li x'aktarx jirnexxi fis-seduta ta’ smigħ.

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

Il-mandati jistgħu jintalbu għal ħafna raġunijiet li jinkludu it-twaqqif ta’ parti milli tiżviluppa jew tuża biċċa art bi ksur ta’ kundizzjonijiet jew ftehimiet tal-ippjanar, biex tkun tista’ ssir tfittxija fil-propjetà u biex jitneħħew xi affarijiet, biex min iħaddem ikompli jħallas lil impjegat jew biex min iħaddem ma jkunx jista’ jimpjega nies ġodda “pendente lite”. Jekk jingħata ordni ta’ sekwestru jew ordni tat-tip “Mareva”, imbagħad il-parti li l-ordni ngħatat kontriha ma tkunx tista' tmiss l-assi tagħha bl-ebda mod li jkun inkompatibbli mal-ordni tal-qorti. Pereżempju hija tkun tista’ tiġbed biss ammont fiss ta’ flus kontanti minn kont bankarju u ma tkunx tista' tnaqqas il-valur tal-assi tagħha taħt ċertu ammont sakemm jingħalqu l-proċedimenti.

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

Jekk parti tikser ordni kawtelatorju, l-aġir tagħha jista’ jitqies bħala disprezz tal-qorti u tista’ tintbagħat il-ħabs, teħel multa jew tkun soġġetta għal sekwestru tal-assi tagħha. L-ewwel paġna tal-ordni għandu jkun fiha “avviż  ta’ responsabbiltà kriminali”  li javża lir-riċevitur tal-konsegwenzi ta’ ksur tat-termini tal-mandat. Bl-istess mod, jekk parti terza bi ħsieb li tgħin lill-attur biex jeħles mill-assi tiegħu li jkunu soġġetti għal ordni ta’ sekwestru, hija wkoll tista’ tinsab ħatja ta’ disprezz tal-qorti. B’hekk, jiġu notifikati kopji tal-ordnijiet ta’ sekwestru lil kull parti terza interessata, bħal maniġers tal-bank, kontabilisti u solicitors imqabbda mill-parti li l-ordni nħareġ kontriha jew li qed jaħdmu għaliha.

Kull kuntratt magħmul bi ksur ta’ mandat huwa illegali u ma jistax jiġi eżegwit minn dik il-parti li taf li teżisti dik l-ordni. Madankollu s-sjieda xorta tista’ tiġi trasferita b'kuntratt illegali, u għalhekk hekk kif isir kuntratt bħal dan, l-assi trasferiti ġeneralment ma jkunux jistgħu jiġu rkuprati u l-uniku rimedju għall-attur f’din is-sitwazzjoni jkun l-għoti ta’ kumpens.

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

Normalment, il-mandat jibqa’ validu sakemm jasal fi tmiemu l-proċediment (mandat interlokutorju). Jekk il-mandat kawtelatorju jsir mingħajr notifika lill-parti l-oħra, jibqa’ fis-seħħ biss għal perjodu limitat ta’ żmien li meta jiskadi jkun jenħtieġ ordni tal-qorti ieħor.

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

Iva. Il-konvenut jew kull parti oħra affettwata mill-mandat kawtelatorju jista’ jitlob lill-qorti f’kull mument biex ibiddel jew iħassar il-mandat. Il-parti li tixtieq topponi l-mandat trid tinnotifika lis-solicitor tal-parti l-oħra bir-rikors tagħha. Il-Qorti tista’ tħassar mandat fejn il-konvenut jista’ juri illi qatt ma kellu jingħata, fejn kien hemm xi tibdil sinifikanti fiċ-ċirkustanzi minn meta ngħata l-mandat jew fejn hu ġust u xieraq li jsir hekk. Kif intqal aktar 'il fuq, qorti tista’ tordna lill-parti li qed tfittex mandat biex tħallas l-hekk imsejħa “garanzija għad-danni” sabiex jekk ma tirbaħx il-kawża, il-parti li l-mandat inħareġ kontriha jkollha protezzjoni fir-rigward tal-ispejjeż imġarrba minħabba l-mandat.

L-aħħar aġġornament: 12/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.