Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Miżuri interim u kawtelatorji - Olanda

1 X'inhuma t-tipi differenti ta’ miżuri?

Liema huma t-tipi differenti ta’ miżuri?

Hemm żewġ tipi ta’ miżuri: miżuri provviżorji u kawtelatorji.

Il-miżuri provviżorji huma miżuri li jiġu qabel is-sentenzi tal-qorti fil-proċedimenti dwar il-merti. Is-sentenza mogħtija mill-qorti fil-proċedimenti dwar il-merti tista’ tikkonferma l-miżura provviżorja jew twarrabha.

Il-miżuri kawtelatorji huma miżuri maħsuba li jassiguraw li d-debitur jissodisfa l-obbligi tiegħu. Dawn il-miżuri jippermettu lill-kredituri li jkopru lilhom infushom kontra r-riskju li ma jirċevux dak li huwa dovut lilhom.

Il-qorti tista’ timponi miżuri provviżorji u kawtelatorji fuq il-propjetà tad-debitur. Il-kreditur huwa intitolat bil-liġi biex jitlob ċerti miżuri qabel is-sentenza u anke qabel il-proċedimenti li għandhom l-għan li jippreservaw id-drittijiet li jistgħu jiġu eżerċitati biss wara s-sentenza. L-intenzjoni hi li jiġi evitat li l-parti l-oħra tirrendi illużorju d-dritt tal-kreditur għall-irkupru, pereżempju billi tbigħ beni, taħbihom, tagħtihom lil ħaddieħor jew li xxekkilhom b'rahan jew b’ipoteka.

1.1 Miżuri provviżorji

Il-miżuri provviżorji jistgħu jiġu imposti fi proċedimenti speċifikament maħsuba biex jinkisbu tali miżuri jew fi proċedimenti dwar il-merti pendenti quddiem il-qorti.

Regoli speċjali japplikaw għal mandati provviżorji ta' inibizzjoni fi proċedimenti ta’ divorzju.

1.2 Miżuri kawtelatorji

A. Il-qbid (conservatoir beslag)

Il-qorti tista’ tagħti permess lill-kreditur biex jaqbad il-propjetà tad-debitur bil-għan li tiġi ppreżervata l-propjetà sakemm jiġi stabbilit d-dritt allegat minn min jottjeni l-qbid.

Hemm erba’ tipi ta’ qbid:

  1. Qbid għall-irkupru ta’ krediti (conservatoire verhaalsbeslagen). Il-propjetà tinqabad wara li l-qorti tiddeċiedi li pretensjoni monetarja trid tiġi ssodisfata.
  2. Il-qbid bl-iskop ta’ ċediment ta’ propjetà mobbli jew konsenja ta’ beni (conservatoir beslag tot afgifte van roerende zaken of levering van goederen). F’dan il-każ, il-qbid jiġi impost fuq id-debitur biex tiġi żgurata l-preservazzjoni tad-drittijiet bħala sid jew benefiċjarju intitolat għall-konsenja.
  3. Il-qbid matrimonjali qabel is-sentenza (conservatoir marital beslag). Il-konjuġi li jixtieq divorzju, separazzjoni legali jew il-likwidazzjoni mill-komunjoni tal-akkwist tal-propjetà jista’ jippreżenta dan il-qbid sabiex jipprevjeni li jitneħħew beni mill-komunjoni qabel ma sseħħ id-distribuzzjoni.
  4. Il-qbid biex tiġi ppreżervata l-evidenza (conservatoir bewijsbeslag). L-għan ta’ dan il-qbid huwa li tissalvagwardja l-evidenza.

B. Konsenja

Din il-miżura tirrelata l-iktar ma’ każijiet fejn hemm riskju li l-oġġetti maqbudin jitneħħew. Fuq talba tal-persuna li qed tippreżenta dan il-qbid, il-qorti tordna li l-beni maqbudin jew li għandhom jiġu maqbudin jingħataw lil kustodju li għandu jiġi indikat mill-qorti.

Il-konsenja tista’ tiġi ordnata separatament mill-qbid.

C. It-tqegħid taħt amministrazzjoni

Propjetà li hija s-suġġett ta’ kontestazzjoni dwar il-proprjetà tista’ titqiegħed taħt amministrazzjoni mill-qorti. Pereżempju: hemm kontestazzjoni dwar id-dritt għall-konsenja ta’ kumpanija. Il-qbid jew il-konsenja tal-beni tal-kumpanija jistgħu jwaqqfu l-kontinwazzjoni tal-operazzjoni kummerċjali tiegħu. L-amministratur jista’ jmexxi l-kumpanija sakemm isiru l-proċedimenti.

D. It-tqegħid tal-issiġillar u l-inventarji

Bil-permess tal-qorti tas-sottodistrett (kantonrechter), beni li jagħmlu parti minn suċċessjoni jew minn ċertu propjetà ta’ sjieda konġunta jistgħu jitqiegħdu taħt issiġillar min-nutar. Ma hemmx bżonn ta’ avukat. Din il-miżura rari tintuża. Din il-miżura, pereżempju, tista’ tintalab mill-eredi, mill-konjuġi superstiti jew minn soċju reġistrat, eżekutur u partijiet li għandhom dritt (limitat) għal sehem tal-propjetà bi sjieda konġunta.

Talba għat-tneħħija tal-issiġillar għandha tiġi sottomessa wkoll fil-qorti tas-sottodistrett.

Fuq talba tal-persuni hawn qabel imsemmija, l-imħallef tal-qorti tas-sottodistrett jista’ jordna inventarju tal-beni magħmul minn nutar. Ma hemmx bżonn ta’ avukat. L-iskop tal-miżura hu li jiġi determinat id-daqs (u l-valur) tal-beni. Ir-rikors jista’ jsir flimkien ma’ talba għall-issiġillar jew għat-tneħħija tal-issiġillar. Il-miżura tinvolvi deskrizzjoni qasira tal-attivi u l-passivi kompriżi fil-beni u, fuq talba ta’ parti, stima tal-valur tal-proprjetà mobbli.   Jekk il-partijiet ma jaslux fi ftehim dwar il-ħatra ta’ valutatur(i) (i)ċċertifikat(i), il-valutatur(i) jinħatar/ru min-nutar.

1.3 L-eżekuzzjoni provviżorja

Jekk inhu meħtieġ, il-qorti tista’ tiddikjara li s-sentenza tagħha għandha tkun provviżorjament eżekutorja fil-każijiet kollha li jinqalgħu, sakemm mhux determinat mod ieħor mil-liġi jew min-natura tal-każ. Jekk ma tippermettix il-liġi, l-ordni ta’ eżekuzzjoni provviżorja għandu jintalab mir-rikorrent. Il-qorti ma tistax tordna dan minn jeddha.

Sentenza ddikjarata bħala provviżorjament eżekutorja tista’ tiġi eżegwita immedjatament anki jekk tiġi ppreżentata oġġezzjoni jew jiġi ppreżentat appell jew appell fil-kassazzjoni kontra s-sentenza. L-ordni ta’ eżekuzzjoni jista’ jkopri s-sentenza kollha jew parti minnha. Is-sentenza tista’ tiġi eżegwita wkoll mingħajr ma din tkun iddikjarata provviżorjament eżekutorja, iżda l-eżekuzzjoni tagħha tkun sospiża bil-preżentazzjoni ta’ appell. Jekk sentenza tiġi ddikjarata bħala provviżorjament eżekutorja, l-eżekuzzjoni tagħha tista’ titkompla jew anke tinbeda wara li jiddaħħal appell kontra s-sentenza.

2 X'inhuma l-kundizzjonijiet biex jittieħdu dawn il-miżuri?

2.1 Il-proċedura

A. Il-qbid

Il-qbid jinħareġ bil-permess tal-imħallef tal-qorti distrettwali li jisma’ t-talbiet għal miżuri provviżorji. Applikazzjoni għall-permess issir minn avukat. Fil-prinċipju l-imħallef jista’ jistrieħ fuq l-allegazzjonijiet tar-rikorrent. Fil-prinċipju d-debitur ma jinstemax. L-ordni tal-qorti s-soltu tingħata proprju fl-istess ġurnata. F’każ ta’ talba monetarja, l-imħallef jistabbilixxi l-ammont kopert mill-awtorizzazzjoni. L-imħallef jista’ jordna li tingħata garanzija biex tkopri d-danni possibbli kaġunati mill-qbid.

Il-qbid jiġi eżegwit b’taħrika notifikata minn bailiff. Il-persuna li tottjeni l-qbid illi sussegwentament tinstab li aġixxiet ħażin tista’ tiġi ordnata li tħallas id-danni.

Il-proċedura li titlob il-qbid tiġġenera spejjeż bħal: id-dritt tar-reġistru (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.rechtspraak.nl/), spejjeż imġarrba biex jitqabbad avukat (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.advocatenorde.nl/) u t-tariffi tal-bailiff (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.kbvg.nl/).

B. Konsenja

Il-konsenja tiġi ordnata mill-imħallef tal-qorti distrettwali li jisma’ t-talbiet għal miżuri provviżorji fuq talba tal-parti li tottjeni l-qbid. Il-parti maqbuda u kwalunkwe parti interessata oħra jinstemgħu sakemm ċirkustanzi urġenti ma jipprekludux li dan isir. L-ebda appell mhu permess kontra din l-ordni. L-imħallef jista’ jordna li tingħata garanzija.

L-imħallef tal-qorti distrettwali li jisma’ t-talbiet għal miżuri provviżorji jista’ jordna l-konsenja separatament mill-qbid.

Il-proċedura li tirrekjedi l-konsenja tiġġenera spejjeż bħal: id-dritt tar-reġistru tal-qorti (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.rechtspraak.nl/), spejjeż imġarrba biex jitqabbad avukat (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.advocatenorde.nl/) u t-tariffi tal-bailiff.

C. It-tqegħid taħt amministrazzjoni

Fuq talba tal-parti interessata, l-imħallef tal-qorti distrettwali li jisma’ t-talbiet għal miżuri provviżorji jqiegħed il-propjetà kkontestata taħt amministrazzjoni. Il-miżura mhi relatata mal-ebda qbid eżegwit. Kwalunkwe qbid eżegwit fuq il-propjetà ma jirrestrinġix is-setgħat tal-amministratur. Il-miżura tista’ tkopri kwalunkwe tip ta’ beni, propjetà mobbli jew immobbli u d-drittijiet tal-propjetà. L-amministrazzjoni hija ta’ interess prinċipalment biex tiżgura l-ġestjoni kontinwa minn parti terza independenti tal-beni ta’ kumpaniji, pereżempju, waqt il-proċedimenti.

Il-proċedura li titlob it-tqegħid taħt amministrazzjoni tiġġenera spejjeż bħal: id-dritt tar-reġistru tal-qorti (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.rechtspraak.nl/), spejjeż imġarrba biex jitqabbad avukat (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.advocatenorde.nl/) u s-salarju tal-amministratur.

D. Il-miżuri provviżorji

Il-proċedimenti provviżorji jistgħu jinstemgħu b’mod kompletament separat mill-proċedimenti dwar il-merti u ma għandhomx għalfejn jiġu segwiti minnhom.

L-imħallef tal-qorti distrettwali li jisma’ t-talbiet għal miżuri provviżorji għandu l-ġuriżdizzjoni li jagħti miżuri provviżorji fil-kwistjonijiet kollha, fejn xieraq.  L-imħallef tal-qorti subdistrettwali għandu l-ġuriżdizzjoni wkoll f’każijiet fejn għandu jagħti sentenza fil-proċedimenti dwar il-merti. Barra mill-ġuriżdizzjoni territorjali normali, il-qorti li l-miżura għandha tittieħed fil-ġuriżdizzjoni tagħha, għandha ġuriżdizzjoni addizzjonali. Kull ordni jew projbizzjoni li jistgħu jintalbu fil-proċedimenti dwar il-merti jistgħu jintalbu fil-proċedimenti provviżorji. Talbiet monetarji jistgħu jkunu permessi taħt ċerti kundizzjonijiet (ara 2.2).

Fil-proċedimenti quddiem l-imħallef li jisma’ t-talbiet għal miżuri provviżorji, ir-rikorrent għandu jiġi assistit minn avukat. L-intimat jista’ jiġi assistit minn avukat. Fil-proċedimenti quddiem l-imħallef tal-qorti subdistrettwali, il-partijiet jistgħu jipproċedu mingħajr avukat. Is-smigħ huwa orali u informali. Is-sentenza normalment tingħata wara ftit ġimgħat. Il-qorti tista’ tiddikjara minn jeddha li l-miżura provviżorja hija provviżorjament eżekutorja. "Provviżorja" ifisser li s-sentenza hija legalment riversibbli. Tista’ tingħata sentenza differenti fi kwalunkwe proċediment dwar il-merti.

Din il-proċedura tiġġenera l-ispejjeż li ġejjin:   id-dritt tar-reġistru tal-qorti (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.rechtspraak.nl/), it-tariffi tal-bailiff (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.kbvg.nl/) u, għar-rikorrent, l-ispejjeż imġarrba biex jitqabbad avukat (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.advocatenorde.nl/).

Il-miżuri provviżorji ta’ rimedju jistgħu jingħataw ukoll fi proċeduri tal-qorti pendenti dwar il-merti, li japplikaw għat-tul tal-litigazzjoni. Il-miżuri provviżorji li għandhom jintalbu għandhom ikunu relatati mat-talba fil-proċedimenti ewlenin. Din il-proċedura rari tintuża.

F’każijiet ta’ divorzju, mandati provviżorji ta' inibizzjoni jintalbu għat-tul tal-proċedura u għal xi żmien wara. Xi eżempji jinkludu: id-dar matrimonjali, il-beni għall-użu ta’ kuljum, it-tfal u l-manteniment għal konjuġi li għandu jitħallas mill-konjuġi l-ieħor.

Dawn il-miżuri jintalbu permezz ta’ talba separata, qabel, waqt u anke wara l-proċedimenti ta’ divorzju sal-mument meta ma jibqgħux effettivi. Il-proċedimenti orali jridu jkunu bdew sa mhux iktar tard mit-tielet ġimgħa wara l-preżentazzjoni tat-talba u l-imħallef għandu jiddeċiedi kemm jista’ jkun malajr.

Din il-proċedura tiġġenera l-ispejjeż li ġejjin: id-dritt tar-reġistru tal-qorti (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.rechtspraak.nl/), u l-ispejjeż imġarrba biex jitqabbad avukat (Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.advocatenorde.nl/).

E. L-eżekuzzjoni provviżorja

Fi proċedimenti ordinarji b'ċitazzjoni, il-qorti tista’, wara talba mir-rikorrent, tiddikjara s-sentenza kollha jew parti minnha bħala provviżorjament eżekutorja, sakemm ma jkunx determinat mod ieħor mil-liġi jew min-natura tal-każ. Hija tista’ tagħmel li l-eżekutorjetà provviżorja tkun soġġetta għall-kundizzjoni tal-għoti ta’ garanzija. Id-dikjarazzjoni ta' eżekutorjetà provviżorja hija possibbli wkoll fuq l-inizjattiva tagħha stess fi proċedimenti provviżorji. L-istess japplika fi proċeduri b’talba.

2.2 Il-kundizzjonijiet ewlenin

A. Il-qbid

It-talba jrid ikun fiha ċertu informazzjoni: In-natura tal-qbid li qed jintalab u d-dritt invokat minn min jippreżenta t-talba u f’każ ta’ talba monetarja, l-ammont (massimu) mitlub ukoll. B’żieda ma’ dan, skont il-qbid li qed jintalab, trid tintwera jekk  il-biża’ ta’ miżapproprjazzjoni hix fundata. Mhux meħtieġ interess urġenti.

B. Konsenja

F’każ ta’ talba magħmula mill-parti li talbet il-qbid, l-urġenza mhix meħtieġa. Madankollu, fi proċedimenti provviżorji, ir-rikorrent jeħtieġ li jkollu interess urġenti. Mhux meħtieġ li tintwera biża’ ta’ miżapproprjazzjoni.

C. It-tqegħid taħt amministrazzjoni

Din tinvolvi proċedimenti provviżorji u għaldaqstant ir-rikorrent jeħtieġ li jkollu interess urġenti. Mhux meħtieġ li tintwera biża’ ta’ miżapproprjazzjoni.

D. Il-miżuri provviżorji

Fi proċedimenti provviżorji, ir-rikorrent jeħtieġ li jkollu interess urġenti, il-qorti tiżen bejn l-interessi tal-partijiet u d-deċiżjoni tipprovdi rimedju provviżorju. Mhux meħtieġ li l-interess urġenti tal-attur ikun ibbażat fuq ċirkostanzi relatati mal-intimat. It-talba tista’ tiġi kkontestata jew tkun kontestabbli. Talbiet monetarji jridu jissodisfaw kriterji aktar strinġenti biex ikunu ammissibbli taħt proċedimenti provviżorji.   L-interess urġenti tar-rikorrent jirċievi skrutinju addizzjonali, filwaqt li r-riskju tal-impossibbiltà tal-ħlas lura – li jista’ jwassal biex ir-rimedju jiġi miċħud – irid ukoll jitqies meta jitwieżnu l-interessi kontropposti. Fil-qrati distrettwali kollha, proċeduri provviżorji għal ġbir ta’ dejn jistgħu jiġu istitwiti fuq talbiet mhux kontestati jew li ma jkunux raġjonevolment kontestabbli li jirriżultaw minn ftehim dwar beni konsenjati u/jew servizzi pprovduti.

Ma japplikawx rekwiżiti dwar kemm hu kontestabbli jew urġenti l-każ biex jingħata rimedju provviżorju fi proċedimenti ta’ divorzju u proċedimenti oħra fil-mertu.   Il-biża’ ta’ miżapproprijazzjoni hija irrelevanti wkoll.

E. L-eżekuzzjoni provviżorja

Ma japplikax.

3 L-għan u n-natura ta’ dawn il-miżuri?

L-iskop tal-miżuri kawtelatorji huwa li jżommu sitwazzjoni ta' de facto jew de jure sabiex jiġu salvagwardjati drittijiet (ta’ rimedju). L-iskop tal-miżuri provviżorji huwa li jżommu sitwazzjoni ta’ de facto jew de jure qabel sentenza dwar il-proċedimenti dwar il-merti.

3.1 X'tipi ta’ assi jistgħu jkunu suġġetti għal dawn il-miżuri?

A. Il-qbid

Fil-prinċipju, il-qbid huwa possibbli fuq kull tip ta’ beni, bl-eċċezzjoni ta’ assi maħsuba għas-servizzi pubbliċi u l-oġġetti mniżżla fl-Artikolu 447, 448 u 712 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (Wetboek van Burgerlijke Rechtsvordering). Parti mis-salarji u talbiet oħra għal pagamenti perjodiċi mhix eliġibbli għall-qbid. Il-qbid jista’ jiġi eżegwit ukoll fuq dritt limitat jew fuq sehem f’beni. Ir-regoli għall-qbid fuq assi ta’ dan it-tip, f’dak il-każ, japplikaw mutatis mutandis (Artikolu 707 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).

B. Konsenja

Propjetà mobbli li mhix propjetà reġistrata.

C. It-tqegħid taħt amministrazzjoni

Il-beni kollha li għandhom l-intitolament kontestat.

D. Il-miżuri provviżorji

It-tipi kollha ta’ beni jistgħu jkunu soġġetti għal talba fi proċedimenti provviżorji jew għal intitolament provviżorju fil-proċedimenti dwar il-merti.

E. L-eżekuzzjoni provviżorja

Ma japplikax.

3.2 X’inhuma l-effetti ta’ dawn il-miżuri?

A. Il-qbid

Il-konsegwenza ta’ qbid hi li l-assi maqbuda jiġu friżati. Il-parti maqbuda ma tistax iżjed tbigħ il-propjetà, tagħtiha b’donazzjoni, tagħti xi dritt fuqha jew tikriha eċċ. Din l-inkapaċità milli wieħed jiddisponi mill-propjetà hija waħda relattiva: Hija effettiva biss fil-konfront tal-parti li ottjeniet il-qbid. Fil-każ ta’ sekwestru, is-sekwestratarju jrid joqgħod lura milli jħallas xi flus jew jikkonsenja proprjetà. Madankollu t-terz akkwirent b'bona fidi huwa protett f’ċerti kundizzjonijiet. Fil-każ ta’ sekwestru, is-sekwestratarju huwa obbligat jiddikjara l-flus jew proprjetà f’idejh illi huma dovuti lill-parti li s-sekwestru sar kontra tagħha. L-irtirar ta’ beni sekwestrati huwa punibbli.

B. Konsenja

L-irtirar ta’ beni konsenjati huwa punibbli.

C. It-tqegħid taħt amministrazzjoni

L-amministrazzjoni tal-beni hija ttrasferita lill-amministratur.

D. Il-miżuri provviżorji

Il-konformità spiss tiġi eżegwita permezz ta’ ħlas perjodiku bħala penali.

3.3 X’inhi l-validità ta’ dawn il-miżuri?

A. Il-qbid

Il-qorti għandha dejjem tispeċifika t-terminu perentorju biex tinfetaħ il-kawża prinċipali meta tagħti permess għall-qbid. Jekk il-kawża prinċipali ma tkunx għadha nfetħet, il-qorti tispeċifika terminu perentorju għall-qbid, fi żmien tmient ijiem wara l-qbidbiex tinfetaħ il-kawża prinċipali. Jistgħu jiġu kkunsidrati biss bħala kawżi prinċipali dawk il-proċeduri għall-ksib ta’ ordni eżekutorju ta’ ħlas tat-talba li għaliha ġie eżegwit il-qbid bħala assigurazzjoni. Sadanittant, il-qbid jista’ jitneħħa mill-qorti fuq talba tal-persuna li l-beni tagħha ġew maqbuda jew fuq talba ta’ parti interessata oħra. Jekk jinqabeż it-terminu perentorju, jieqaf il-qbid.

Il-qbid isir eżekutorju malli l-persuna li qed tottjeni l-qbid tkun akkwistat titolu eżekutorju u l-parti li l-qbid sar kontriha tkun ġiet notifikata b’dan it-titolu (u fil-każ ta’ sekwestru, il-parti terza wkoll).

Jekk il-pretensjoni tat-talba fil-kawża prinċipali tiġi irrevokabbilment miċħuda, jieqaf il-qbid. Il-qbid jista’ jitneħħa fuq talba tal-parti li l-qbid sar kontriha.

B. Konsenja

Il-konsenja tista’ titneħħa mill-imħallef li jisma’ t-talbiet għal miżuri provviżorji fuq talba ta’ kull parti interessata fi proċedimenti provviżorji. L-imħallef jiddetermina, jekk meħtieġ, lil liema parti s-sekwestratarju għandu jikkonsenja l-propjetà. It-tneħħija tal-qbid li l-konsenja hija bbażata fuqu tirriżulta fit-terminazzjoni tal-konsenja.  Is-sekwestratarju mbagħad jikkonsenja l-propjetà lill-parti li l-qbid sar kontriha. Ladarba jiġi ddeterminat liema parti hija intitolata għall-proprjetà permezz ta’ sentenza finali jew sentenza li tiġi ddikjarata provviżorjament eżekutorja, is-sekwestratarju jikkonsenja l-proprjetà lil din il-persuna.

C. It-tqegħid taħt amministrazzjoni

Jekk it-talba fl-azzjoni prinċipali għadha ma ġietx ippreżentata l-qorti, din trid issir fi żmien li jiġi determinat mill-qorti. Jekk dan il-perjodu ma jiġix osservat, l-amminstrazzjoni tiġi terminata.

Ladarba jiġi ddeterminat liema parti hija intitolata għall-proprjetà permezz ta’ sentenza finali jew sentenza li tiġi ddikjarata provviżorjament eżekutorja, l-amministratur jikkonsenja l-proprjetà lil din il-persuna. L-amministrazzjoni tiġi terminata b’deċiżjoni konġunta bejn il-partijiet, jew fuq talba ta’ waħda minnhom, mill-imħallef li jisma’ t-talbiet għal miżuri provviżorji.

D. Il-miżuri provviżorji

Il-miżuri provviżorji ta’ rimedju japplikaw sa mal-qorti tgħaddi s-sentenza fil-proċeduri dwar il-merti.

L-imħallef fil-proċedimenti provviżorji jista’ wkoll jillimita l-perjodu ta’ validità tal-miżuri jew jagħmilhom soġġetti għall-kundizzjoni li l-proċeduri dwar il-merti jiġu ppreżentati fi żmien speċifiku. Mandati provviżorji ta' inibizzjoni li jinħarġu fi proċedimenti dwar il-merti jispiċċaw ukoll jekk tiġi terminata l-azzjoni prinċipali qabel iż-żmien.

Mandati provviżorji ta' inibizzjoni fi proċedimenti ta’ divorzju jistgħu jibqgħu fis-seħħ għal xi żmien wara d-divorzju. Dawn jistgħu jiġu emendati jew jitneħħew. Mandati provviżorji ta' inibizzjoni maħruġa qabel ma l-proċedimenti ta’ divorzju jieqfu jekk it-talba għad-divorzju ma ssirx fi żmien erba’ ġimgħat mid-deċiżjoni li tordna l-mandati provviżorji ta' inibizzjoni.

E. L-eżekuzzjoni provviżorja

Il-qorti tal-appell tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni. Is-sospensjoni tista’ tinkiseb permezz ta’ proċedimenti eżekuttivi.

4 Hemm possibilità li l-miżura tiġi appellata?

Regoli ġenerali

Oppożizzjoni, appell u appell fil-kassazzjoni jistgħu jiġu ppreżentati kontra sentenza.

Oppożizzjoni tista’ tiġi ppreżentata fil-qorti li tat sentenza fil-kontumaċja tal-konvenut mill-istess konvenut kontumaċi fi żmien erba’ ġimgħat (il-bidu tal-perjodu jvarja).

Appell (għal ammonti ta’ aktar minn EUR 1750) jista’ jiġi ppreżentat fil-qorti tal-appell mill-parti telliefa fi żmien tliet xhur mis-sentenza.

Appell fil-kassazzjoni jista’ jiġi ppreżentat fil-Qorti Suprema tan-Netherlands (Hoge Raad der Nederlanden) mill-parti telliefa fi żmien tliet xhur mis-sentenza ta’ qorti jew fl-ewwel u fl-ogħla istanza, jew fil-qorti tal-appell.

Appell u appell fil-kassazzjoni kontra ordni tal-qorti tal-Qorti Suprema tan-Netherlands huma wkoll possibbli.

Appell jiġi ppreżentat milr-rikorrent u l-partijiet interessati li dehru fil-proċeduri, fi żmien tliet xhur mis-sentenza, u fil-każ ta’ persuni interessati oħra, fi żmien tliet xhur minn meta jiġu nnotifikati bl-ordni tal-qorti.

Appell fil-kassazzjoni jista’ jiġi ppreżentat mill-partijiet li dehru f’waħda mill-qrati preċedenti fi żmien tliet xhur mis-sentenza.

L-effett ta’ dawn ir-rimedji legali huwa li tiġi sospiża l-eżekuzzjoni, sakemm is-sentenza ma tiġix iddikjarata provviżorjament eżekutorja.

A. Il-qbid

M’hemmx appell quddiem qorti superjuri kontra l-permess mogħti biex jinkiseb il-qbid (l-Artikolu 700(2) tal-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili).  Il-parti li titlob il-qbid tista’ tappella u wara tappella fil-kassazzjoni kontra deċiżjoni li tiċħad it-talba.

B. Konsenja

Jekk konsenja tingħata b’ordni mogħtija fuq talba tal-parti li titlob il-qbid, mhux permess appell quddiem qorti superjuri kontra dik l-ordni.

Ir-rikorrent jista’ jappella u wara jappella fil-kassazzjoni kontra deċiżjoni li tiċħad it-talba.

Oppożizzjoni, appell u appell fil-kassazzjoni jistgħu jiġu ppreżentati kontra ordni tal-qorti provviżorju.

C. It-tqegħid taħt amministrazzjoni

Oppożizzjoni, appell u appell fil-kassazzjoni jistgħu jiġu ppreżentati kontra ordni li tqiegħed propjetà taħt amministrazzjoni.

D. Il-miżuri provviżorji

Oppożizzjoni, appell u appell fil-kassazzjoni jistgħu jiġu ppreżentati kontra proċedimenti provviżorji mogħtija waqt proċedimenti provviżorji jew waqt proċedimenti dwar il-merti. Appell jew appell fil-kassazzjoni kontra mandati provviżorji ta' inibizzjoni mogħtija fi proċedimenti tad-divorzju mhuwiex permess.

E. L-eżekuzzjoni provviżorja

Jekk sentenza ma ġietx iddikjarata bħala provviżorjament eżekutorja, dikjarazzjoni ta’ dan it-tip xorta tista’ tinkiseb f’appell jew f’appell ta’ kassazzjoni jew permezz ta’ proċedimenti eżekuttivi. Jekk sentenza ġiet dikjarata provviżorjament eżekutorja, il-qorti tal-appell tista’ tissospendi l-eżekuzzjoni. Dan mhuwiex possibbli b’appell fil-kassazzjoni. Is-sospensjoni tista’ wkoll tinkiseb permezz ta’ proċedimenti eżekuttivi.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 12/09/2018