Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Bejgħ fl-irkant bil-qorti - Slovenja

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna is-Sloven ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.


1. L-ippubblikar u l-iffissar tal-prezzijiet għall-bejgħ tal-assi maqbuda

Il-proprjetà mobbli u immobbli tinbiegħ f’subbasti pubbliċi. Fis-Slovenja mhuwiex possibbli li jsiru subbasti ġudizzjarji online għaliex il-liġijiet tal-eżekuzzjoni fis-Slovenja (għalissa) ma jippermettux subbasti online.

Proprjetà mobbli

L-eżekuzzjoni fil-konfront ta’ proprjetà mobbli ssir permezz tal-qbid u l-evalwazzjoni tal-proprjetà, il-bejgħ tagħha, u l-pagament tar-rikavat mill-bejgħ lill-kreditur (l-Artikolu 81(1) tal-Att dwar l-Eżekuzzjoni tal-Pretensjonijiet u s-Sigurtà (Zakon o izvršbi in zavarovanju), minn hawn ’il quddiem: ZIZ).

Il-proprjetà li tista’ tkun suġġetta għal qbid tinkludi proprjetà fil-pussess tad-debitur kif ukoll proprjetà tad-debitur fil-pussess tal-kreditur. Il-proprjetà tad-debitur fil-pussess ta’ partijiet terzi tista’ tiġi ssekwestrata bil-kunsens tal-parti terza (l-Artikolu 83 taz-ZIZ).

Meta jseħħ il-qbid jew is-sekwestru, il-kreditur jikseb rahan fuq il-proprjetà maqbuda jew issekwestrata (l-Artikolu 87 taz-ZIZ).

Evalwazzjoni tal-esperti tal-assi maqbuda. Il-proprjetà maqbuda tiġi evalwata hekk kif iseħħ il-qbid, ħlief jekk din l-evalwazzjoni ma tkunx tista’ ssir mill-ewwel minħabba l-valur speċjali tal-proprjetà. L-evalwazzjoni ssir mill-aġent ta’ eżekuzzjoni li jkun eżegwixxa l-qbid. Jekk issir talba u jekk l-ispejjeż jitħallsu minn waħda mil-partijiet, l-evalwazzjoni tista’ ssir minn espert tal-qorti magħżul minn dik il-parti (l-Artikolu 89 taz-ZIZ). Il-bejgħ tal-proprjetà maqbuda jista’ jsir biss wara li d-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni ssir finali, sakemm id-debitur ma jkunx ikkonsenta qabel għall-bejgħ tal-proprjetà jew il-proprjetà tkun ta’ xorta li tista’ titħassar jew jekk ikun hemm riskju li l-valur tal-proprjetà maqbuda jonqos b’mod sinifikanti (l-Artikolu 92 taz-ZIZ).

Il-proprjetà maqbuda tinbiegħ f’subbasta pubblika jew b’kuntratt dirett bejn l-akkwirent u aġent ta’ eżekuzzjoni jew individwu involut fi tranżazzjonijiet b’kummissjoni. Il-mod u d-data tal-bejgħ tal-proprjetà jiġu ddeterminati u tittieħed nota tagħhom mill-aġent ta’ eżekuzzjoni fir-reġistru tal-qbid immedjatament wara l-qbid, filwaqt li jitqies il-prinċipju li jinkiseb l-aqwa prezz possibbli (l-Artikolu 93 taz-ZIZ). Jekk aġent ta’ eżekuzzjoni jieħu deċiżjoni rigward subbasta pubblika, id-data u l-post tas-subbasta pubblika jitniżżlu fir-reġistru. Aġent ta’ eżekuzzjoni jinforma lill-partijiet dwar il-mod u d-data tal-bejgħ tal-proprjetà permezz ta’ notifika speċjali nnotifikata lill-kreditur u lid-debitur (l-Artikolu 82 tar-Regoli dwar it-twettiq tas-servizzi tal-marixxalli tal-qorti (Pravilnik o opravljanju službe izvršitelj)).

L-ippubblikar tal-bejgħ. Jekk aġent ta’ eżekuzzjoni jiddeċiedi li l-proprjetà għandha tinbiegħ f’subbasta pubblika, is-subbasta pubblika titħabbar fuq l-avviżiera u fuq is-sit web tal-awtorità kompetenti li tkun ħarġet id-deċiżjoni dwar il-qbid, L-aġent ta’ eżekuzzjoni jrid jitlob li l-avviż ta’ subbasta pubblika jiġi ppubblikat ukoll f’reġistru uffiċjali jekk ikun jeżisti reġistru bħal dan. Jekk ikun propost minn kreditur jew debitur, aġent ta’ eżekuzzjoni jista’ wkoll iħabbar subbasta pubblika fil-midja malli jitħallsu l-ispejjeż mill-parti li tkun qed titlob għal subbasta pubblika. Avviż ta’ subbasta pubblika jrid jispeċifika l-post, id-data u l-ħin tas-subbasta, jindika u jiddeskrivi l-proprjetà li għandha tinbiegħ u jindika fejn wieħed jista’ jmur jara l-proprjetà qabel is-subbasta (l-Artikolu 89 tar-Regoli dwar it-twettiq tas-servizzi tal-marixxalli tal-qorti).

Fakultà li wieħed imur jara l-assi li qed jinbiegħu. Aġent ta’ eżekuzzjoni jrid juża l-avviż ta’ subbasta pubblika biex jispeċifika l-post, id-data u l-ħin tas-subbasta, jiddeskrivi l-proprjetà li għandha tinbiegħ u jindika fejn wieħed jista’ jmur jara l-proprjetà qabel is-subbasta (l-Artikolu 89 tar-Regoli dwar it-twettiq tas-servizzi tal-marixxalli tal-qorti).

Depożitu. Qabel ma tibda subbasta pubblika, aġent ta’ eżekuzzjoni jrid jiddetermina jekk in-natura u l-valur tal-proprjetà jkunux tali li jirrikjedu li l-parteċipanti fis-subbasta jħallsu depożitu, li ma jridx ikun ogħla minn 10 % tal-prezz inizjali tal-proprjetà.

Persuna jew kumpanija li qed tamministra l-bejgħ. Subbasta pubblika titwettaq minn aġent ta’ eżekuzzjoni li jista’, a spejjeż tiegħu, jawtorizza rkantatur biex jagħmel l-offerti, jekk l-ammont u l-kwalità tal-proprjetà jkunu jirrikjedu dan. Is-subbasta hija miftuħa għall-pubbliku (l-Artikolu 92 tar-Regoli dwar it-twettiq tas-servizzi tal-marixxalli tal-qorti).

Il-prezz inizjali. Fl-ewwel subbasta, il-proprjetà maqbuda ma tistax tinbiegħ bi prezz inqas minn dak tal-valur stmat tagħha. Jekk il-valur stmat ma jintlaħaqx fl-ewwel subbasta, aġent ta’ eżekuzzjoni jagħmel it-tieni subbasta jekk dan ikun propost minn waħda mill-partijiet, u fit-tieni subbasta, il-proprjetà tista’ tinbiegħ bi prezz aktar baxx minn dak tal-valur stmat tagħha iżda mhux anqas minn terz ta’ dak il-valur (l-Artikolu 94 taz-ZIZ).

L-allokazzjoni. Minn tal-anqas 15-il minuta wara li jingħata bidu għal subbasta, aġent ta’ eżekuzzjoni jistieden lill-parteċipanti fis-subbasta biex jagħmlu l-offerti (il-proċess ta’ offerti). Is-subbasta tibqa’ għaddejja sakemm il-parteċipanti kollha interessati jkunu għamlu l-offerta tagħhom. L-aġent ta’ eżekuzzjoni jagħti l-proprjetà lill-offerent bl-ogħla offerta jekk ma jkun hemm l-ebda offerta ogħla wara li jsejjaħ darbtejn għal offerta ogħla min-naħa tal-parteċipanti. Jekk l-akkwirent ma jħallasx il-prezz tal-akkwist sa tmiem is-subbasta, l-aġent ta’ eżekuzzjoni jista’ jbigħ il-proprjetà lill-offerent bl-ogħla offerta li jkun imiss, jekk il-kreditur jaqbel billi jiffirma r-Reġistru tas-Subbasta. Jekk il-kreditur ma jkunx preżenti għas-subbasta, l-aġent ta’ eżekuzzjoni jista’ jbigħ il-proprjetà dak il-ħin stess lill-offerent bl-ogħla offerta li jkun imiss, jekk l-offerta tiegħu tkun minn tal-anqas 50 % tal-aqwa offerta iżda ogħla mill-prezz inizjali; inkella, l-aġent ta’ eżekuzzjoni jerġa’ jqiegħed il-proprjetà għall-offerti matul l-istess subbasta. Dak l-offerent ta’ qabel bl-ogħla offerta ma jistax jerġa’ jipparteċipa fil-proċess ta’ offerti.

Kunsinna. Akkwirent irid iħallas il-prezz tal-akkwist u jieħu f’idejh il-pussess tal-proprjetà immedjatament wara li s-subbasta titlesta. Aġent ta’ eżekuzzjoni jrid jipprovdi lill-akkwirent b’dokument b’informazzjoni dwar il-bejgħ u informazzjoni miżmuma f’reġistru, jekk ikun qed jinżamm reġistru tal-proprjetà mibjugħa. Abbażi ta’ dan id-dokument, l-aġent ta’ eżekuzzjoni jesiġi li l-awtoritajiet kompetenti kollha li jżommu reġistru jħassru kwalunkwe impediment u/jew projbizzjoni fuq il-bejgħ tal-proprjetà, u jirreġistraw is-sid il-ġdid f’każijiet li fihom ikunu ġew irreġistrati drittijiet ta’ sjieda fir-reġistru. Aġent ta’ eżekuzzjoni jista’ jittrasferixxi l-proprjetà lill-akkwirent anki qabel ma jkun tħallas il-prezz tal-akkwist jekk il-kreditur jagħtih permess li jagħmel dan, bi kwalunkwe riskju għalih, għall-ammont tal-prezz tal-akkwist li l-kreditur huwa intitolat għalih. Jekk l-akkwirent ma jħallasx il-prezz tal-akkwist u l-kreditur ma jagħtix il-kunsens tiegħu għall-kunsinna tal-proprjetà, l-aġent ta’ eżekuzzjoni jista’ jbigħ il-proprjetà lill-offerent bit-tieni l-ogħla offerta. L-akkwirent jakkwista l-proprjetà ħielsa minn kwalunkwe impediment u jieħu f’idejh is-sjieda tal-proprjetà anki meta d-debitur ma jkunx is-sid tal-proprjetà. L-akkwirent ma għandux id-dritt għal garanzija kontra d-difetti tal-proprjetà (l-Artikolu 96 taz-ZIZ).

Proprjetà immobbli

L-eżekuzzjoni vis-à-vis il-proprjetà immobbli sseħħ billi tiġi rreġistrata d-deċiżjoni tal-eżekuzzjoni fir-Reġistru tal-Artijiet, jiġi ddeterminat il-valur tal-proprjetà immobbli, il-proprjetà immobbli tinbiegħ u l-kreditur jitħallas mir-rikavat tal-bejgħ (l-Artikolu 167 taz-ZIZ).

Evalwazzjoni tal-esperti tal-assi maqbuda. Il-valur tal-proprjetà immobbli jista’ jiġi ddeterminat minn qorti anki qabel ma d-deċiżjoni dwar l-eżekuzzjoni ssir waħda finali. Il-valur tal-proprjetà immobbli jiġi ddeterminat minn qorti abbażi ta’ evalwazzjoni ta’ espert tal-qorti, f’konformità mal-valur tas-suq applikabbli dak il-ħin tal-evalwazzjoni. Fl-iddeterminar tal-valur, kwalunkwe tnaqqis possibbli tal-valur minħabba xi dritt partikolari, pereż. servitù (l-Artikolu 178 taz-ZIZ), li jista’ jirriżulta wara li jitqies il-bejgħ. Il-valur tal-proprjetà immobbli jiġi ddeterminat minn deċiżjoni tal-qorti li tista’ tiġi appellata (l-Artikolu 179 taz-ZIZ).

L-ippubblikar tal-bejgħ. Wara li d-deċiżjoni li tiddetermina l-valur ta’ proprjetà immobbli ssir waħda finali, il-qorti toħroġ ordni għall-bejgħ tal-proprjetà immobbli. F’dan l-ordni, din tiddetermina l-mod u l-kundizzjonijiet tal-bejgħ, kif ukoll il-ħin u l-post tal-bejgħ jekk il-proprjetà immobbli għandha tinbiegħ f’subbasta. Il-bejgħ ta’ proprjetà immobbli jseħħ wara li d-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni u d-deċiżjoni dwar l-iddeterminar tal-valur tal-proprjetà immobbli jkunu saru deċiżjonijiet finali. L-ordni ta’ bejgħ titħabbar minn qorti fuq l-avviżiera tal-qorti u fuq is-sit web tagħha, kif ukoll permezz ta’ mezzi lokali tipiċi oħra. Ordni ta’ bejgħ ta’ art agrikola titħabbar minn qorti fuq l-avviżiera tat-taqsima amministrattiva ta’ fejn tkun tinsab il-proprjetà immobbli u tista’ wkoll titħabbar fuq is-sit web ta’ dik it-taqsima amministrattiva. Il-kreditur jista’ jippubblika l-ordni ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli fil-midja. L-ispejjeż tal-ippubblikar jiġġarrbu mill-kreditur. Minn meta titħabbar l-ordni ta’ bejgħ fuq l-avviżiera sa dakinhar tal-bejgħ, iridu jgħaddu minn tal-anqas 30 jum. Il-qorti tinnotifika l-ordni ta’ bejgħ lill-partijiet, lill-kreditur tar-rahan, lil parteċipanti oħra fil-proċedimenti li jkollhom konvenju rreġistrat jew jedd tal-fidwa, u lill-awtorità amministrattiva kompetenti (l-Artikolu 181 taz-ZIZ).

Bħala regola ġenerali, il-proprjetà immobbli tinbiegħ f’subbasta pubblika mmexxija minn qorti fil-bini tal-qorti, sakemm l-imħallef ma jiddeċidix mod ieħor. Il-kredituri, il-kredituri tar-rahan u l-kredituri tad-dejn agrikolu jistgħu, tul il-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni sakemm tinħareġ l-ordni ta’ bejgħ, jaqblu li l-proprjetà immobbli tinbiegħ permezz tal-ġbir ta’ offerti vinkolanti jew b’offerta diretta (l-Artikolu 183 taz-ZIZ).

Ordni ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli tinkludi:

  1. deskrizzjoni dettaljata tal-proprjetà immobbli, inklużi l-aċċessorji tagħhom;
  2. is-servitujiet u l-impedimenti in rem gravanti fuq il-proprjetà, li l-akkwirent irid jaċċetta;
  3. il-valur tal-proprjetà immobbli kif identifikat mill-qorti fid-deċiżjoni tagħha;
  4. il-prezz li bih jista’ tinbiegħ il-proprjetà immobbli;
  5. l-iskadenza sa meta l-akkwirent irid iħallas il-prezz tal-akkwist;
  6. il-mod ta’ bejgħ; u
  7. l-ammont ta’ depożitu li għandu jitħallas mill-offerent (l-Artikolu 184 taz-ZIZ).

Fakultà li wieħed imur jara l-assi li qed jinbiegħu. Qorti tista’ tippermetti li persuna interessata li takkwista proprjetà immobbli tmur tara l-proprjetà jekk din tressaq talba u a spejjeż tagħha. Il-metodu u l-mod biex persuna tmur tara l-proprjetà u kwalunkwe preżenza ta’ aġent ta’ eżekuzzjoni jiġu ddeterminati mill-qorti fl-ordni għall-bejgħ tal-proprjetà immobbli (l-Artikolu 176 taz-ZIZ).

Depożitu. Is-subbasti pubbliċi jistgħu jattendu għalihom dawk li jkunu ħallsu depożitu li jammonta għal wieħed fuq għaxra tal-valur iddeterminat tal-proprjetà immobbli minn tal-anqas tlett ijiem tax-xogħol qabel is-subbasta. Il-kreditur, li fuq il-proposta tiegħu, il-qorti tkun ippermettiet is-subbasta, huwa eżenti milli jħallas id-depożitu, u l-istess japplika għall-kreditur tar-rahan jew għall-kreditur tad-dejn agrikolu, jekk il-pretensjonijiet tagħhom ikunu jissuperaw il-valur tad-depożitu u jekk, fir-rigward tal-ordni ta’ prijorità tal-pagamenti tagħhom u tal-valur iddeterminat tal-proprjetà immobbli, id-depożitu jkun jista’ jiġi kopert mill-prezz tal-akkwist. Id-depożitu tal-offerenti li l-offerti tagħhom ma jkunux ġew aċċettati jerġgħu jitħallsu lill-kontijiet bankarji tagħhom fi żmien 15-il jum wara li tkun tlestiet is-subbasta jew wara li jkunu tlestew il-proċedimenti għall-ftuħ tal-offerti, sakemm il-liġi ma tipprevedix mod ieħor (l-Artikolu 185 taz-ZIZ).

Il-prezz inizjali Fl-ewwel bejgħ, il-proprjetà immobbli ma tistax tinbiegħ għal anqas minn 70 % tal-valur iddeterminat tagħha. Jekk il-proprjetà immobbli ma tinbiegħx mal-ewwel bejgħ, il-qorti tħabbar it-tieni bejgħ fuq proposta tal-kreditur li fih il-proprjetà immobbli ma tistax tinbiegħ għal anqas minn nofs il-valur iddeterminat tagħha. Mill-ewwel għat-tieni bejgħ iridu jgħaddu minn tal-anqas 30 jum. Permezz ta’ dikjarazzjoni dokumentata fil-qorti li fiha qed isiru l-proċedimenti ta’ eżekuzzjoni jew fi kwalunkwe qorti oħra, il-partijiet, il-kreditur tar-rahan jew il-kredituri tad-dejn agrikolu jistgħu jaqblu li l-proprjetà immobbli tinbiegħ fis-subbasta għal anqas minn 70 % tal-valur iddeterminat tagħha fl-ewwel bejgħ jew għal anqas minn nofs il-valur iddeterminat tagħha fit-tieni bejgħ (l-Artikolu 188 taz-ZIZ).

L-allokazzjoni. Meta qorti tiddetermina li l-kundizzjonijiet tal-bejgħ ikunu ġew issodisfati, din tħabbar il-bidu tas-subbasta. Is-subbasta ddum sakemm l-offerenti jibqgħu jgħollu l-offerti tagħhom. Offerent irid jonora l-offerta tiegħu sakemm issir offerta ogħla (kontroofferta). Meta jintalab minn kreditur wieħed jew aktar, il-qorti tista’ tippermetti pawża qasira għar-riflessjoni tal-parteċipanti. Is-subbasta titlesta meta l-offerenti ma joffrux prezz ogħla wara li l-imħallef ikun sejjaħ għal darbtejn biex jagħmlu dan. Meta tintemm is-subbasta, il-qorti tidentifika liema offerent offra l-ogħla prezz u tiddikjara li l-proprjetà immobbli tkun aġġudikata lil dak l-offerent (aġġudikazzjoni tal-proprjetà immobbli). Il-qorti toħroġ deċiżjoni dwar l-aġġudikazzjoni tal-proprjetà immobbli li tinnotifikaha lill-partijiet kollha tal-ordni ta’ bejgħ u lill-parteċipanti kollha tas-subbasta. Ma jkun hemm l-ebda appell minn deċiżjoni dwar l-aġġudikazzjoni. L-irregolaritajiet fis-subbasta jistgħu jiġu indirizzati f’appell mid-deċiżjoni dwar l-aġġudikazzjoni tal-proprjetà immobbli lill-akkwirent (l-Artikolu 189 taz-ZIZ).

Il-pagament tal-prezz tal-akkwist. Wara l-aġġudikazzjoni (assenjament), l-akkwirent irid iħallas il-prezz tal-akkwist qabel l-iskadenza stabbilita fl-ordni ta’ bejgħ (l-Artikolu 191 taz-ZIZ). Din l-iskadenza ma tistax tkun aktar minn sitt xhur wara d-data tal-bejgħ, irrispettivament minn jekk il-prezz tal-akkwist jitħallasx jew le f’pagament wieħed jew f’pagamenti bin-nifs (l-Artikolu 184 taz-ZIZ).

Kunsinna. Wara li tinħareġ id-deċiżjoni dwar l-aġġudikazzjoni, jitħallas il-prezz tal-akkwist u l-qorti toħroġ deċiżjoni li permezz tagħha l-proprjetà immobbli tiġi trasferita lill-akkwirent (kunsinna). Wara li d-deċiżjoni ssir waħda finali, id-dritt ta’ sjieda tal-akkwirent jiġi rreġistrat fir-Reġistru tal-Artijiet, u l-jeddijiet u l-impedimenti jitħassru, skont id-deċiżjoni dwar l-aġġudikazzjoni. Fid-deċiżjoni, il-qorti tiddeċiedi wkoll id-data sa meta d-debitur irid jitlaq mid-dar tal-familja jew mill-appartament jew jiżvojta l-istabbiliment tan-negozju. Id-deċiżjoni dwar il-kunsinna tal-proprjetà hija wkoll titolu ta’ eżekuzzjoni għat-tluq mill-proprjetà immobbli u l-kunsinna tagħha, u din issir eżekutorja wara li ssir finali (l-Artikolu 192 taz-ZIZ).

2. Partijiet terzi li jwettqu l-bejgħ

Proprjetà mobbli

Proprjetà mobbli tinbiegħ f’subbasta pubblika minn aġent ta’ eżekuzzjoni li jista’, a spejjeż tiegħu, jawtorizza rkantatur biex, jekk ikun meħtieġ, dan jagħmel l-offerti, abbażi tal-ammont u tal-kwalità tal-proprjetà mobbli. Il-bejgħ fis-subbasta huwa pubbliku (l-Artikolu 93 taz-ZIZ u l-Artikolu 92 tar-Regoli dwar it-twettiq tas-servizzi tal-marixxalli tal-qorti).

Il-proprjetà mobbli tista’ tinbiegħ ukoll permezz ta’ kuntratt dirett bejn l-akkwirent u aġent ta’ eżekuzzjoni jew individwu involut fi tranżazzjonijiet b’kummissjoni. Il-mod u d-data tal-bejgħ tal-proprjetà jiġu ddeterminati u tittieħed nota tagħhom minn aġent ta’ eżekuzzjoni fir-reġistru tal-qbid immedjatament wara l-qbid, filwaqt li jitqies il-prinċipju li għandu jinkiseb l-iktar prezz favorevoli f’termini ta’ valur (l-Artikolu 93 taz-ZIZ).

Proprjetà immobbli

Is-subbasti pubbliċi ta’ proprjetajiet immobbli jitmexxew mill-imħallfin.

3. Tipi ta’ subbasti li r-regoli jaf ma jkunux japplikaw għalkollox għalihom

Il-liġi tas-Slovenja ma tirrikonoxxi ebda tip ieħor ta’ subbasta. Hemm modi differenti ta’ kif jinbiegħu l-proprjetajiet mobbli u immobbli. Il-proprjetà mobbli tista’ tinbiegħ permezz ta’ kuntratt dirett bejn l-akkwirent u aġent ta’ eżekuzzjoni jew individwu involut fi tranżazzjonijiet b’kummissjoni minflok f’subbasta pubblika (l-Artikolu 93(1) taz-ZIZ). Il-proprjetà immobbli tinbiegħ f’subbasta pubblika jekk il-kredituri, il-kredituri tar-rahan u l-kredituri tad-dejn agrikolu ma jaqblux sa meta tinħareġ ordni ta’ bejgħ li:

  • l-proprjetà immobbli għandha tinbiegħ permezz tal-ġbir ta’ offerti relatati; jew
  • il-proprjetà immobbli ma tinbiegħx b’kuntratt dirett f’ċertu ammont ta’ żmien (l-Artikolu 183 taz-ZIZ).

4. Informazzjoni dwar ir-reġistri nazzjonali tal-proprjetà

Fis-Slovenja, jeżistu dawn ir-reġistri tal-proprjetà li ġejjin:

  • Ir-Reġistru tal-Artijiet għad-drittijiet tas-sjieda u drittijiet in rem oħra gravanti l-proprjetà immobbli;
  • Ir-Reġistru tal-vetturi bil-mutur;
  • Ir-Reġistru Navali Sloven;
  • Ir-Reġistru tal-Inġenji tal-Ajru;
  • Ir-Reġistru tat-titoli b’entrata fil-kotba;
  • Ir-Reġistru tal-Irhna fuq il-proprjetà mobbli;
  • Ir-Reġistru tal-kontijiet bankarji;
  • Ir-Reġistru ta’ benefiċjarji ta’ salarji u introjtu personali ieħor (pereżempju, pensjonijiet).

Dawn ir-reġistri jinżammu elettronikament. Kull wieħed minnhom għandu istituzzjoni speċifika responsabbli minnu.

Kull min juri interess legali jingħata aċċess għal dawn ir-reġistri (l-Artikolu 4(6) taz-ZIZ). Kreditur jista’ juri interess legali billi jippreżenta titlu ta’ eżekuzzjoni (pereżempju, sentenza eżekutorja), li permezz tagħha d-debitur ikun ġie ordnat iħallas il-pretensjoni tal-kreditur). F’każ bħal dan, il-kreditur jista’ jitlob informazzjoni dwar il-proprjetà tad-debitur mingħand l-operatur tar-reġistru. Il-qrati għandhom aċċess elettroniku għal ħafna minn dawn ir-reġistri.

Sabiex tinkiseb informazzjoni minn dawn ir-reġistri, mhuwiex meħtieġ li jitħallsu t-tariffi tal-qorti, madankollu xi operaturi ta’ dawn il-bażijiet tad-data (reġistri) jistgħu jitolbu li l-kredituri jħallsu xi tariffa żgħira (pereżempju, l-Istitut tal-Assigurazzjoni Medika tas-Slovenja (Zavod za zdravstveno zavarovanje), li jamministra r-reġistru tal-benefiċjarji ta’ salarji u introjtu personali ieħor (bħall-pensjonijiet), jirrikjedi pagament ta’ EUR 4.00 biex wieħed jikseb informazzjoni dwar l-impjieg ta’ debitur). Il-pagament jista’ wkoll isir b’mod elettroniku.

5. Informazzjoni dwar bażijiet tad-data li jgħinu lill-kredituri biex isibu l-assi u d-dejn tad-debituri

Operatur ta’ bażi tad-data jrid, skont l-Artikolu 4(6) taz-ZIZ, jgħaddi l-informazzjoni dwar l-assi tad-debituri lill-kredituri, jekk dawn iressqu talba, meta l-kreditur ikun wera interess legali (pereżempju, titolu ta’ eżekuzzjoni). Dawn l-operaturi huma:

  • L-Istitut tal-Assigurazzjoni Medika tas-Slovenja jgħaddi informazzjoni dwar il-benefiċjarji ta’ salarji u introjtu personali ieħor (pereżempju l-pensjonijiet);
  • L-Aġenzija tar-Repubblika tas-Slovenja għar-Reġistri Legali Pubbliċi u s-Servizzi Relatati (Agencija Republike Slovenije za javnopravne evidence in storitve) (AJPES) tipprovdi informazzjoni mir-reġistru tal-kontijiet bankarji;
  • Il-Korporazzjoni Ċentrali tal-Ikklerjar tat-Titoli (Centralna klirinško depotna družba d.d.) (KDD) tgħaddi informazzjoni mir-reġistru tat-titoli b’entrata fil-kotba;
  • il-qorti li tamministra r-Reġistru tal-Qorti tgħaddi informazzjoni dwar ishma f’impriżi u dwar sehem ieħor f’entitajiet ġuridiċi. L-aċċess għar-reġistru tal-qorti huwa disponibbli wkoll elettronikament permezz tas-sit web tagħha;
  • il-qorti li tamministra r-Reġistru tal-Artijiet tipprovdi informazzjoni dwar il-proprjetà immobbli li d-debitur għandu jedd tal-proprjetà fuqha jew dwarha;
  • Il-Ministeru għall-Intern jipprovdi informazzjoni mir-reġistri tal-vetturi rreġistrati bil-mutur u bit-trejlers;
  • L-Amministrazzjoni Marittima Slovena tipprovdi informazzjoni mir-Reġistru tad-Dgħajjes (dgħajjes iżgħar minn 24 metru);
  • L-Aġenzija tal-Avjazzjoni Ċivili tipprovdi informazzjoni mir-reġistru tal-inġenji tal-ajru.

F’ħafna mill-każijiet, kreditur jista’ jkollu aċċess għal reġistru billi jitlob informazzjoni dwar l-assi tad-debitur mingħand l-operatur tar-reġistru. Kreditur jista’ jkollu aċċess għal ċerti reġistri (pereżempju r-Reġistru tal-Qorti) elettronikament (permezz ta’ sit web).

Sabiex jikseb informazzjoni dwar l-assi ta’ debitur, ma hemmx għalfejn li wieħed ikun rappreżentat minn avukat jew li jħallas xi taxxi lill-Istat. Ċerti operaturi ta’ bażijiet tad-data jitolbu tariffa żgħira (pereżempju, l-Istitut tal-Assigurazzjoni Medika tas-Slovenja) ta’ EUR 4.00 għall-informazzjoni dwar l-impjieg ta’ debitur. It-tariffa tista’ titħallas b’mod elettroniku.

6. Informazzjoni dwar is-subbasti fil-qorti online

Il-liġi tal-eżekuzzjoni tas-Slovenja għadha ma tirrikonoxxix is-subbasti fil-qorti online.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 25/10/2017