Sistemi Ġudizzjarji fl-Istati Membri - il-Kroazja

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: Kroat diġà ġew tradotti.


Is-sistema ġudizzjarja fir-Repubblika tal-Kroazja

Il-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja tistabbilixxi illi l-awtorità fil-Kroazja hija organizzata skont il-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat, sabiex l-awtorità leġiżlattiva tiġi eżerċitata mill-Parlament Kroat, l-awtorità eżekuttiva mill-Gvern tar-Repubblika tal-Kroazja u l-awtorità ġudizzjarja mill-qrati tal-Kroazja. Bħala detenturi tal-awtorità ġudizzjarja, il-qrati jamministraw il-ġustizzja skont il-Kostituzzjoni, il-liġijiet u r-regoli u t-trattati internazzjonali li ffirmat u rratifikat il-Kroazja. L-imħallfin maħtura mill-Kunsill Ġudizzjarju tal-Istat għandhom is-setgħa ġudizzjarja. Fl-eżerċiżżju tad-dmirijiet ġudizzjarji tagħhom, l-imħallfin iridu jkunu indipendenti u awtonomi u jgawdu mill-immunità skont il-liġi. Il-kariga ġudizzjarja hija permanenti u mħallef ma jistax ikollu karigi oħra.

L-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja fil-Kroazja

Il-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Kroazja jwettaq:

  • dmirijiet legali u oħrajn relatati ma':

il-liġijiet ċivili, kriminali u tal-kummerċ u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja amministrattiva, l-istruttura, il-funzjonament u t-taħriġ professjonali tal-imħallfin, il-prosekuturi u l-persunal tal-qrati, il-korpi tal-prosekuzzjoni pubblika li jmexxu l-proċedimenti dwar aġir ħażin u l-awtoritajiet li huma responsabbli għall-eżekuzzjoni ta' sanzjonijiet kriminali, dmirijiet amministrattivi u oħrajn marbuta mal-ħidma tan-nutara u l-prosekuturi, it-tariffi tal-qrati u tan-nutara, l-għajnuna legali internazzjonali u forom oħra ta' għajnuna legali, l-eżekuzzjoni ta' sanzjonijiet kriminali, il-maħfra u l-parole, il-kompjuterizzazzjoni, l-instituzzjonalizzazzjoni u l-koordinazzjoni tas-sistema ta' appoġġ għall-vittmi u x-xhieda fi ħdan il-ġudikatura, attivitajiet marbuta mal-għoti ta' informazzjoni u għajnuna lill-vittmi u x-xhieda, kwistjonijiet marbuta mal-ħlas ta' kumpens lil persuni li ġew arrestati mingħajr ġustifikazzjoni u kkundannati inġustament u d-dmirijiet amministrattivi marbuta mal-kumpens finanzjarju għall-vittmi tar-reati,

  • is-superviżjoni tal-prestazzjoni tal-amministrazzjoni fi ħdan is-sistema ġudizzjarja, l-uffiċċju tal-prosekutur pubbliku u l-korpi li jmexxu proċedimenti dwar aġir ħażin,
  • dmirijiet amministrattivi u oħrajn marbuta ma':

id-dritt ta' sjieda, kwistjonijiet ta' propjetà marbuta mal-esproprjazzjoni u restrizzjonijiet oħra fuq is-sjieda, kwistjonijiet ta' propjetà dwar il-kostruzzjoni, l-art għall-agrikoltura u l-foresterija, il-konsolidazzjoni tal-art, il-bejgħ u x-xiri ta' art u bini u dawk l-operazzjonijiet tal-agrikoltura li ma jaqgħux taħt il-ġuriżdizzjoni ta' korpi tal-gvern oħra, il-propjetà ta' ċittadini barranin, il-kumpens għall-konfiska tal-propjetà fi żmien ir-reġim Komunist Yugoslav li ma jaqax taħt il-ġuriżdizzjoni ta' korpi tal-gvern oħra u s-suċċessjoni tal-propjetà, drittijiet u responsabbilitajiet tal-eks RFSJ,

  • dmirijiet amministrattivi u professjonali marbuta mal-kooperazzjoni tal-Gvern tar-Repubblika tal-Kroazja ma' qrati kriminali internazzjonali, ir-rappreżentazzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja u qrati internazzjonali oħra, sakemm ma jkunx provdut mod ieħor permezz ta' deċiżjoni speċifika tal-Gvern Kroat, u dmirijiet marbuta mal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-minoranzi nazzjonali,
  • dmirijiet marbuta mal-parteċipazzjoni tal-Kroazja fil-ħidma tal-korpi tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma taħt il-ġuriżdizzjoni tal-Ministeru,
  • dmirijiet oħra fil-kompetenza tal-Ministeru skont liġi speċifika.

L-Akkademja Ġudizzjarja

L-Akkademja Ġudizzjarja hija istituzzjoni pubblika indipendenti li tipprovdi taħriġ professjonali inizjali ta' kwalità għall-apprendisti fil-korpi ġudizzjarji u għall-istudenti fl-Iskola tal-Istat għall-Uffiċjali Ġudizzjarji, u torganizza u tipprovdi b'mod kontinwu tagħlim tul il-ħajja tal-uffiċjali ġudizzjarji u konsulenti fil-korpi ġudizzjarji.

Struttura

  1. Skola tal-Istat għall-Uffiċjali Ġudizzjarji
  2. Id-Direttorat għat-taħriġ professjonali tal-apprendisti, konsulenti fil-korpi ġudizzjarji u l-uffiċjali ġudizzjarji
    • Iċ-ċentri reġjonali fil-qrati tal-kontea f'Zagreb, Split, Rijeka, Osijek u Varaždin
    • l-Akkademja Ġudizzjarja hija regolata mill-imħallfin, prosekuturi, professuri tal-Università u esperti oħra

L-Akkademja Ġudizzjarja hija attivament involuta fil-kooperazzjoni internazzjonali u tipparteċipa fi proġetti tal-Unjoni Ewropea kemm bħala benefiċjarju u kemm bħala parteċipant. Dawn il-proġetti għandhom l-għan li jsaħħu l-Akkademja u l-iżvilupp professjonali ta' dawn il-gruppi fil-mira.

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Att dwar l-Akkademja Ġudizzjarja

Il-qrati fir-Repubblika tal-Kroazja

L-Att dwar il-Qrati jirregola l-organizzazzjoni, il-kompetenza u l-ġuriżdizzjoni tal-qrati.

Fir-Repubblika tal-Kroazja, l-awtorità ġudizzjarja hija eżerċitata mill-qrati bħala korpi separati tal-awtorità tal-Istat. Huma jeżerċitaw l-awtorità tagħhom b'mod awtonomu u indipendenti fi ħdan l-ambitu u l-kompetenza prevista mil-liġi.

Il-qrati jħarsu l-ordni ġuridiku tal-Kroazja kif stabbilit mill-Kostituzzjoni, mil-liġijiet u t-trattati internazzjonali u jiżguraw l-applikazzjoni uniformi tal-liġi u l-ugwaljanza ta' kulħadd quddiem il-liġi.

Il-qrati jiddeċiedu dwar każijiet ta' drittijiet u obbligi fundamentali tal-bniedem, drittijiet u l-obbligi tar-Repubblika tal-Kroazja u tal-unitajiet awtonomi lokali u reġjonali tal-gvern, u d-drittijiet u l-obbligi ta' persuni ġuridiċi oħra, jagħtu sanzjonijiet u miżuri oħra kontra l-awturi ta' reati, aġir ħażin u offiżi speċifikati mil-liġi u regolamenti oħra, jistħarrġu l-legalità ta' atti ġenerali u individwali tal-awtoritajiet amministrattivi pubbliċi, jiddeċiedu dwar tilwim fuq ir-relazzjonijiet personali taċ-ċittadini, kawżi dwar ix-xogħol, il-kummerċ, il-propjetà u kawżi ċivili oħra, u jiddeċiedu dwar każijiet legali oħra kif previsti mil-liġi.

Il-qrati jamministraw il-ġustizzja skont il-Kostituzzjoni, il-liġijiet, it-trattati internazzjonali u sorsi legali validi oħra.

L-awtorità ġudizzjarja fir-Repubblika tal-Kroazja hija eżerċitata minn qrati ordinarji u speċjalizzati u mill-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja.

Il-qrati ordinarji huma l-qrati muniċipali u l-qrati tal-kontea.

Il-qrati speċjalizzati huma l-qrati kummerċjali, il-qrati amministrattivi, il-qrati li jittrattaw każijiet ta' aġir ħażin, il-Qorti Kummerċjali Superjuri tar-Repubblika tal-Kroazja, il-Qorti Amministrattiva Superjuri tar-Repubblika tal-Kroazja u l-Qorti Superjuri għall kawżi ta' Aġir Ħażin tar-Repubblika tal-Kroazja.
Il-qrati muniċipali u l-qrati li jittrattaw każijiet dwar aġir ħażin jiġu stabbiliti fit-territorju ta' wieħed jew aktar muniċipalitajiet, belt jew diversi bliet jew partijiet minn żona urbana, u l-qrati tal-kontea, tal-kummerċ u l-qrati amministrattivi jiġu stabbiliti għat-territorju ta' kontea waħda jew iżjed.
Il-Qorti Kummerċjali Superjuri tar-Repubblika tal-Kroazja, il-Qorti Amministrattiva Superjuri tar-Repubblika tal-Kroazja, il-Qorti Superjuri għall-Kawżi dwar Aġir Ħażim tar-Repubblika tal-Kroazja u l-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja huma stabbiliti għat-territorju tar-Repubblika tal-Kroazja.

Il-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja hija l-ogħla qorti fil-Kroazja.

Il-liġi tista' tistabbilixxi qrati ordinarji u speċjalizzati oħra b'ġuriżdizzjoni f'qasam partikolari tekniku jew legali.

Il-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja

Qrati tal-kontea (15)

Qorti Kummerċjali Superjuri (1)

Qorti Amministrativa Superjuri (1)

Qorti Superjuri għal Kawżi dwar Aġir Ħażin (1)

Qrati muniċipali (67)

Qrati Kummerċjali (7)

Qrati amministrattivi (4)

Qrati għal kawżi dwar aġir ħażin (61)

Għandu jiġi nnutat illi fl-1 ta' April 2015 twaqqaf netwerk ġdid ta' qrati muniċipali u kummerċjali, iffurmat minn 24 qorti muniċipali u tmien qrati kummerċjali. Fl-1 ta' Lulju 2015 twaqqaf netwerk ġdid ta' 22 qorti għal kawżi dwar aġir ħażin. Dawn huma regolati mill-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaAtt dwar il-Qrati (Żoni u Sede)(OG 128/14)
L-informazzjoni mogħtija hawnhekk hija aġġornata u korretta, wara li ġiet mibdula fl-1 ta' April u l-1 ta' Lulju 2015.

Il-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja għandha s-sede tagħha f'Zagreb.

  1. Hija tiżgura l-applikazzjoni uniformi tal-liġi u l-ugwaljanza fit-trattament għal kulħadd,
  2. Tiddeċiedi dwar rimedji legali ordinarji fejn previsti minn liġi speċifika,
  3. Tiddeċiedi dwar rimedji legali straordinarji minħabba deċiżjonijiet finali tal-qrati tal-Kroazja,
  4. Tiddeċiedi dwar kunflitti ta' ġurizdizzjoni fejn previsti minn liġi speċifika,
  5. Tiddiskuti kwistjonijiet legali kurrenti dwar il-prattika ġudizzjarja, tanalizza l-bżonn ta' żvilupp professjonali tal-imħallfin, konsulenti u apprendisti tal-qorti u tieħu sehem f'attivitajiet oħra previsti mil-liġi.

Il-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja
Trg Nikole Šubića Zrinskog 3
10 000 Zagreb
tel: +385 1 486 22 22, +385 1 481 00 36
faks: +385 1 481 00 35
posta elettronika: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidavsrh@vsrh.hr
Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.vsrh.hr/

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Att dwar il-Qrati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Att dwar il-Qrati (Żoni u Sede)

Dawn l-atti huma fis-seħħ.
L-Att il-ġdid dwar il-Qrati (Żoni u Sede) kien adottat u ppubblikat fil-Gazzetta Uffiċjali (NN) 128/14 u daħal fis-seħħ fl-1 ta' AprilIl-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttps://narodne-novine.nn.hr/clanci/sluzbeni/2014_10_128_2430.html 2015 jew fl-1 ta' Lulju 2015, u b'hekk issostitwixxa l-atti preċedenti.

L-Uffiċċju għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata

L-Uffiċċju għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata huwa uffiċċju speċjali tal-prosekutur pubbliku imwaqqaf għat-territorju kollu tar-Repubblika tal-Kroazja, li jwettaq id-dmirijiet ta' prosekuzzjoni pubblika f'każijiet li jinvolvu l-korruzzjoni u atti kriminali minn kriminalità organizzata.

L-Uffiċċju għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata
Gajeva 30a
10 000 Zagreb
tel: +385 4591 874
faks: + 385 1 4591 878
posta elettronika Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidatajnistvo@uskok.dorh.hr

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdida
L-Att dwar l-Uffiċċju għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 20/07/2016