Sib informazzjoni għal kull reġjun
L-organizzazzjoni tal-ġustizzja – is-sistemi ġudizzjarji
Ir-Renju Unit għandu tliet ġuriżdizzjonijiet: L-Ingilterra u Wales, l-Iskozja u l-Irlanda ta' Fuq.
Tipi ta' qrati - deskrizzjoni qasira
Il-Qorti Suprema
Fl-2009, il-Qorti Suprema tar-Renju Unit il-ġdida ħadet il-ġuriżdizzjoni tal-Kumitat tal-Appell tal-House of Lords. Ħadet ukoll il-funzjonijiet devoluti mill-Kumitat Ġudizzjarju tal-Privy Council (l-ogħla qorti tal-appell f'diversi pajjiżi indipendenti tal-Commonwealth, territorji tar-Renju Unit extra-Ewropej u d-dipendenzi tal-Kuruna Brittanika).
Il-Qorti Suprema hija l-qorti finali tal-appell fir-Renju Unit kemm għal kawżi ċivili kif ukoll għal dawk kriminali, għalkemm il-kawżi kriminali Skoċċiżi m'għandhomx dritt ta' appell quddiem il-Qorti Suprema. Dawn il-kawżi normalment jingħataw permess iressqu appell quddiem il-Qorti Suprema biss jekk il-kawża tkun tinvolvi punti tal-liġi ta' importanza pubblika.
Il-Qorti tal-Appell
Il-Qorti tal-Appell tisma' l-appelli kriminali mill-Qorti tal-Kuruna u l-appelli ċivili mill-High Court
Il-High Court
Il-High Court tisma' kawżi ċivili, l-appelli mill-kawżi kriminali, u għandha wkoll is-setgħa li tirrevedi l-azzjonijiet ta' individwi jew organizzazzjonijiet biex tiżgura li jkunu mxew skont il-liġi u b'mod ġust. Il-High Court normalment tisma' kawżi li jkollhom valur ogħla minn £30 000. F'ċerti ċirkostanzi, kawża b'valur ta' aktar minn£30 000 tista' titressaq quddiem il-qorti tal-kontea mill-High Court u, bl-istess mod, kawża b'valur ta' inqas minn £30 000 tista' tintbagħat mill-qorti tal-kontea lill-High Court.
Il-High Court għandha tliet taqsimiet, kif ġej:
- Id-Diviżjoni tal-Familja -
tisma' kawżi kontenzjużi u kumplessi ta' divorzju, tutela, adozzjoni, vjolenza domestika eċċ. Tisma wkoll l-appelli mill-qrati tal-maġistrati u tal-kontea f'kawżi dwar iż-żwieġ, u l-kwistjonijiet ta' persuni bi problemi ta' saħħa mentali u kwistjonijiet sempliċi tal-probate. - Il-Queens Bench Division -
tisma' kawżi kbar u/jew kumplessi dwar talbiet għal kumpens. Tisma' wkoll numru limitat ta' appelli mill-qrati tal-maġistrati jew il-qrati tal-Kuruna, tirrevedi l-azzjonijiet tal-organizzazzjonijiet biex tara mxewx b'mod legali, u tisma' l-kawżi tal-libell u l-malafama. - Iċ-Chancery Division -
tisma' kawżi dwar it-trusts, it-testmenti kontestati, kumpanniji li għaddejjin minn stralċ, il-falliment, l-ipoteki, l-organizzazzjoniet ta' karità, id-dħul kontestat (normalment it-taxxa fuq id-dħul) eċċ.
Il-Qorti tal-Kuruna
Il-Qorti tal-Kuruna tisma' d-diversi tipi ta' kawżi li ġejjin:
- Reati kriminali aktar serji li jridu jiġu deċiżi minn imħallef uf'bosta każijiet minn ġurija
- Kundanni fil-qrati tal-maġistrati li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Kuruna għall-għoti ta' sentenza.
Pieni ta' ħabs u multi quddiem il-Qorti tal-Kuruna huma aktar serji minn dawk ta' quddiem il-qorti tal-maġistrati.
Il-Qorti tal-Kontea
Il-qrati tal-kontea jisimgħu il-kawżi ċivili u jitressqu quddiem imħallef jew imħallef tad-distrett. Il-qorti tal-kontea normalment tisma' kawżi b'valur ta' inqas minn £30 000 (jew £45 000 fi kwistjonijiet ta' ekwità). Il-kawżi b'valur ogħla jinstemgħu mill-High Court – ara aktar 'il fuq. It-talbiet kollha li joħorġu minn ftehimiet ta' kreditu regolati jridu jinġiebu quddiem il-qorti tal-kontea, ikun xi jkun il-valur tagħhom.
Eżempji ta' kawżi li tisma' l-qorti tal-kontea:
- It-tilwim bejn sid il-kera u l-inkwilin: pereżempju, il-pussess (l-iżgumbrament), il-kera mhux imħallsa, it-tiswijiet
- Tilwim tal-konsumatur: pereżempju, oġġetti jew servizzi difettużi
- Talbiet minħabba offiżi fuq il-persuna (offiżi minħabba n-negliġenza): pereżempju, inċidenti tat-traffiku, inċidenti minħabba ħofor fil-bankini, aċċidenti fuq il-post tax-xogħol
- Kawżi tad-divorzju kontumaċi, iżda biss f'ċerti qrati tal-kontea
- Kawżi dwar diskriminazzjoni minħabba r-razza jew is-sess
- Problemi ta' dejn: pereżempju, meta l-kreditur irid jitħallas
- Problemi ta' impjiegi: pereżempju, pagi jew salarji li għadhom iridu jitħallsu jew indenniz fil-perjodu tal-avviż
- Appelli mill-qorti tal-maġistrati li jinstemgħu minn imħallef (u mill-inqas żewġ imħallfin jekk l-akkużat huwa minorenni)
Kawżi tat-Talbiet Żgħar
Il-kawżi tat-talbiet iż-żgħar jinstemgħu wkoll mill-qorti tal-kontea. Bħala regola ġenerali, talba żgħira tikkonċerna talba b'valur ta' mhux aktar minn £3 000.
Il-Qorti tal-Maġistrati
Il-Qrati tal-Maġistrati jisimgħu kawżi kriminali u xi ftit ċivili. Il-kawżi jinstemgħu minn imħallef tad-distrett (qorti tal-Maġistrati).
- Il-Kawżi Kriminali quddiem il-Qorti tal-Maġistrati
Il-qrati tal-Maġistrati jittrattaw reati kriminali fejn l-akkużat m'għandux dritt għal proċess bil-ġurija. Dawn huma magħrufa bħala reati sommarji. Ir-reati sommarji iġibu magħhom piena massima ta' sitt xhur ħabs u/jew multa sa massimu ta' £5,000.
Il-qrati tal-Maġistrati jittrattaw ukoll reati fejn l-akkużat jista' jagħżel li l-kawża tiegħu tinstema' minn ġurija iżda jiddeċiedi li l-kawża tieġħu tinstema' mill-qorti tal-Maġistrati. Jekk l-akkużat jagħżel li jidher quddiem ġurija, il-kawża titressaq quddiem il-Qorti tal-Kuruna. - Il-Qorti tal-Minorenni
Il-qorti tal-minorenni tisma' kawżi kontra minorenni li jkunu wettqu reati kriminali, u li għandhom bejn l-10 u s-17 il-sena. Il-qorti tal-minorenni hija parti mill-qorti tal-maġistrati u l-kawżi jinstemgħu minn imħallef tad-distrett (tal-qorti tal-maġistrati) u żewġ imħallfin onorarji b'taħriġ speċjalizzat. Jekk il-minorenni jkun akkużat b'reat serju ħafna, li fil-każ ta' adult huwa punibbli b'piena ta' ħabs ta' 14-il sena jew aktar, il-qorti tal-minorenni tista' tressqu għal proċess quddiem il-Qorti tal-Kuruna. - Il-kawżi ċivili quddiem il-Qorti tal-Maġistrati
Il-qrati tal-maġistrati jittrattaw numru limitat ta’ kawżi ċivili kif ġej:- Ċertu dejn ċivili: pereżempju, arretrati tat-taxxa fuq id-dħul, kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, arretrati tal-VAT, ħlas parzjali
- Liċenzji: pereżempju, l-għoti, it-tiġdid jew il-konfiska tal-liċenzji għall-istabbilimenti tax-xorb u tad-divertiment
- Ċerti problemi matrimonjali: pereżempju, il-manteniment u t-tkeċċija ta' konjuġi mid-dar matrimonjali
- Il-benessri tat-tfal: pereżempju, care orders jew ordnijiet ta' superviżjoni mill-awtorità lokali, il-proċedimenti ta' adozzjoni u l-ordnijiet ta' residenza.
Il-Coroners' Court
Tinvestiga ċ-ċirkostanzi ta' mwiet f'daqqa, vjolenti jew mhux naturali.
Il-ġerarkija tal-qrati
Aktar dettalji u dijagramma tal-ġerarkija tal-qrati fl-Irlanda ta' Fuq jistgħu jinsabu fuq is-sit elettroniku tas- Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta' Fuq.
L-amministrazzjoni tal-Qrati
Ir-responsabbiltà għall-amministrazzjoni tal-qrati fil-ġuriżdizzjoni tal-Irlanda ta' Fuq hija f'idejn Is-Servizz tal-Qrati u t-Tribunali tal-Irlanda ta' Fuq.
Dan jinkludi:
- L-għoti ta' appoġġ amministrattiv lill-qrati u l-ġudikatura tal-Irlanda ta' Fuq
- L-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-qrati ċivili permezz ta' servizz ċentralizzat ta' eżekuzzjoni pprovdut mill-Uffiċċju tal-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi
- L-għoti ta' għajnuna amministrattiva lil diversi Tribunali.
Ħoloq relatati
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.