Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Sistemi Ġudizzjarji fl-Istati Membri - Portugall

Din is-sezzjoni tagħtik ħarsa ġenerali tas-sistema tal-qrati fil-Portugall.


Qrati - Prinċipji Ġenerali

L-Artikoli 202 et seq. tal-Kostituzzjoni Portugiża jistabbilixxu l-prinċipji sottostanti l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u l-ħidma tal-qrati fil-Portugall. Il-qrati huma korpi sovrani bis-setgħa li jamministraw il-ġustizzja f'isem il-poplu. Huma responsabbli biex iħarsu d-drittijiet u l-interessi taċ-ċittadini protetti mil-liġi, jiprojbixxu l-ksur tal-istat tad-dritt demokratiku u jsolvu t-tilwim pubbliku jew privat.

Il-qrati huma indipendenti u huma soġġetti biss għal-liġi. Id-deċiżjonijiet tagħhom jorbtu lill-entitajiet pubbliċi u privati kollha u għandhom preċedenza fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet l-oħra kollha.

Is-seduti tal-qorti huma miftuħa għall-pubbliku, ħlief għal meta, sabiex tiġi mħarsa d-dinjità tal-persuna jew il-morali pubblika, jew biex tiżgura l-operat tagħha stess, il-qorti kkonċernata tiddeċiedi xort'oħra permezz ta' ordni bil-miktub li jistabbilixxi r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

Organizzazzjoni tal-ġustizzja - is-sistema ġudizzjarja

Skont l-Artikoli 209 et seq. tal-Kostituzzjoni tiegħu, il-Portugall għandu żewg tipi separati ta' qrati – il-qrati ċivili u l-qrati amministrattivi. Il-Kostituzzjoni ssemmi wkoll qrati oħra – il-Qorti Kostituzzjonali (Tribunal Constitucional), il-Qorti tal-Awdituri (Tribunal de Contas), il-qrati tal-arbitraġġ (tribunais arbitrais) u l-Kummissarji tal-Ġustizzja (julgados de paz).

Fil-qasam ċivili, il-qrati ordinarji b'ġuriżdizzjoni ċivili u kriminali huma l-qrati ġudizzjarji, li huma mqassma fi tliet istanzi. F'ordni ta' importanza li tonqos progressivament f'dak li għandu x'jaqsam mal-ġerarkija u l-kamp ta' applikazzjoni territorjali hemm: il-Qorti Suprema (Supremo Tribunal de Justiça, b'ġuriżdizzjoni fuq il-pajjiż kollu), il-qrati tal-appell (tribunais da relação, qorti għal kull distrett ġudizzjarju u tnejn fid-distrett ġudizzjarju ta' Porto) u l-qrati tad-distrett (tribunais de comarca, fil-prim'istanza).

Il-qrati ġudizzjarji tal-prim'istanza jaqgħu fi tliet kategoriji, skont il-qasam tal-proċedimenti ġuridiċi u l-ammont inkwistjoni: qrati b'ġuriżdizzjoni ġenerali, qrati b'ġuriżdizzjoni speċjali (kawżi kriminali, kwistjonijiet tal-familja, minorenni, dritt tax-xogħol, kummerċ, kwistjonijiet marittimi u l-infurzar tas-sentenzi) jew b'ġuriżdizzjoni speċifika (ċivili, kriminali jew taqsimiet imħallta; qrati ċivili jew kriminali; qrati ċivili jew kriminali li jittrattaw kwistjonijiet minuri).

Il-qrati amministrattivi jinkludu l-qrati amministrattivi u tat-taxxa tal-prim'istanza, il-qrati amministrattivi ċentrali (fit-Tramuntana u n-Nofsinhar) u l-Qorti Suprema Amministrattiva (Supremo Tribunal Administrativo, li jkopru l-pajjiż kollu).

Il-kunflitti ta' ġuriżdizzjoni bejn il-qrati jiġu solvuti minn Tribunal de Conflitos, irregolat mil-liġi.

Tipi ta' qrati - deskrizzjoni qasira

Fis-sistema ġudizzjarja Portugiża, hemm dawn il-kategoriji ta' qrati li ġejjin:

  • Il-Qorti Kostituzzjonali, li għandha d-dmir prinċipali li tevalwa l-kostituzzjonalità jew il-legalità tal-liġijiet u r-regoli, kif ukoll il-kostituzzjonalità ta' nuqqas ta' promulgazzjoni tal-liġijiet;
  • Il-Qorti tal-Awdituri, li hija l-ogħla korp bis-setgħa li jevalwa l-legalità tan-nefqa pubblika, u tirrevedi l-kontijiet li l-liġi tirrikjedi li jiġu ppreżentati lilha;
  • Il-qrati ġudizzjarji, li għandhom ġuriżdizzjoni ġenerali fi kwistjonijiet ċivili u kriminali u ġuriżdizzjoni wkoll f'kull qasam mhux assenjat lil qrati oħra. Dawn il-qrati jinkludu l-Qorti Suprema tal-Ġustizzja, il-qrati ġudizzjarji tat-tieni istanza (bħala regola ġenerali, il-qrati tal-appell) u l-qrati ġudizzjarji tal-prim'istanza (bħala regola ġenerali, il-qrati tad-distrett).
  • Il-qrati amministrattivi u tat-taxxa, li huma responsabbli biex isolvu tilwim ġej minn tranżazzjonijiet amministrattivi u dwar it-taxxa. Dawn jinkludu l-Qorti Amministrattiva Suprema, il-qrati amministrattivi ċentrali, il-qrati amministrattivi distrettwali u l-qrati dwar it-taxxa.
  • Il-Kummissarji tal-ġustizzja, li huma qrati b'karatteristiċi speċjali u b'ġuriżdizzjoni fi proċedimenti ċivili fejn il-valur tat-talba ma taqbiżx il-EUR 15 000.
  • Fi żmien ta' gwerra, jistgħu jitwaqqfu wkoll il-qrati militari (tribunais militares).

Ħoloq utli

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qorti Kostituzzjonali

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qorti tal- Awdituri

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qorti Suprema tal-Ġustizzja

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qorti tal-Appell ta' Lisbona

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qorti tal-Appell ta' Porto

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qorti tal-Appell ta'Coimbra

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qortital-Appell ta' Guimrães

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qorti SupremaAmministrattiva

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Qorti AmministrattivaĊentrali, Nofsinhar


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 23/08/2019