menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Ġurisdizzjoni - Belġju

Please note that the original language version of this page French has been amended recently. The language version you are now viewing is currently being prepared by our translators.
Please note that the following languages: English have already been translated.

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

Mhux applikabbli

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Introduzzjoni

Fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tas-sistema ġudizzjarja Belġjana, irridu nittrattaw il-mistoqsijiet 1 u 2.1 flimkien għall-finijiet ta' ċarezza.

L-ewwel għandha ssir distinzjoni bejn il-ġuriżdizzjoni sovrana (xi drabi msejħa wkoll ġuriżdizzjoni materjali) u l-ġuriżdizzjoni territorjali.

Kull pretensjoni jkollha oġġett u ħafna drabi jkollha wkoll valur monetarju. Il-leġiżlatur jiddetermina l-kamp ta' applikazzjoni tal-ġuriżdizzjoni sovrana billi jispeċifika n-natura u l-valur tal-pretensjonijiet li jistgħu jitressqu quddiem il-qorti.

Il-ġuriżdizzjoni sovrana hija deskritta f'dan il-pakkett informattiv fit-tweġiba għall-mistoqsijiet 1 u 2.1.

Il-qrati mhumiex kompetenti għall-ġuriżdizzjoni territorjali kollha tal-Belġju. Il-liġi qasmet lill-pajjiżna f'ġuriżdizzjonijiet territorjali (sottodistretti, distretti, eċċ.). Kull qorti hija kompetenti għat-territorju tagħha biss. Din tissejjaħ il-ġuriżdizzjoni territorjali u hija deskritta fit-tweġiba għall-mistoqsija 2.2.

Ġuriżdizzjoni sħiħa: il-Qorti tal-Prim'Istanza (rechtbank van eerste aanleg).

Il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha l-hekk imsejħa "ġuriżdizzjoni sħiħa". Dan ifisser li l-Qorti tal-Prim'Istanza, b'kuntrast mal-qrati l-oħrajn, tista' tisma' l-kawżi kollha, inklużi dawk li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta' qrati oħrajn.

It-Taqsima 568 tal-Kodiċi Ġudizzjarju (Gerechtelijk Wetboek) tistipula li l-Qorti tal-Prim'Istanza tisma' l-pretensjonijiet kollha, minbarra dawk li jitressqu direttament quddiem il-qorti tal-appell u l-Qorti tal-Kassazzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha ġuriżdizzjoni sħiħa kondizzjonali. Il-ġuriżdizzjoni sħiħa tkun kondizzjonali sakemm il-konvenut jista' jinvoka n-nuqqas ta' ġuriżdizzjoni abbażi tal-ġuriżdizzjoni partikolari ta' qorti oħra. Il-Qorti tal-Prim'Istanza għandha wkoll għadd ta' kompetenzi esklussivi. Diversi tipi ta' tilwimiet jistgħu jitressqu quddiem din il-qorti, anke meta l-valur tal-pretensjoni jkun ta' anqas minn EUR 2 500, bħal pereżempju, pretensjonijiet relatati mal-istatus personali.

Il-qrati l-oħra.

Hawn taħt għandek issib lista tal-qrati l-oħra, flimkien ma' deskrizzjoni qasira tal-ġuriżdizzjoni sovrana tagħhom.

a) Il-Kummissarju tal-Ġustizzja (Vrederechter)

Skont it-Taqsima 590 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, il-ġuriżdizzjoni ġenerali tal-kummissarju tal-ġustizzja tinkludi l-pretensjonijiet kollha ta' valur anqas minn EUR 2 500, minbarra dawk li jkunu ġew speċifikament assenjati lil xi qorti oħra. Apparti din il-ġuriżdizzjoni ġenerali, il-kummissarju tal-ġustizzja jiġi assenjat ukoll għadd ta' setgħat speċjali (ara t-Taqsimiet 591, 593 u 594 tal-Kodiċi Ġudizzjarju) u ta' setgħat esklussivi (it-Taqsimiet 595 u 597 tal-Kodiċi Ġudizzjarju), irrispettivament mill-ammont tal-pretensjoni. Dawn is-setgħat speċjali jintużaw pereżempju f'tilwimiet marbuta mal-lokazzjoni, is-sjieda konġunta, is-servitù u l-ħlas tal-manteniment. Il-kummissarju tal-ġustizzja huwa kompetenti wkoll fit-tfassil taċ-ċertifikati tal-adozzjoni u tal-affidavits. L-esproprjazzjonijiet urġenti u t-tqegħid ta' siġilli jiffurmaw parti wkoll mis-setgħat esklussivi tal-kummissarju tal-ġustizzja.

b) It-Tribunal tal-Pulizija (Politierechtbank)

Skont it-Taqsima 601a tal-Kodiċi Ġudizzjarju, it-tribunal tal-pulizija jisma' l-pretensjonijiet kollha għall-kumpens li jirriżultaw minn xi aċċident tat-traffiku, ikun xi jkun l-ammont. Dan jikkostitwixxi setgħa esklussiva.

c) Il-Qorti tal-Kummerċ (Rechtbank van koophandel)

Skont it-Taqsima 573 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, il-Qorti tal-Kummerċ primarjament tisma' t-tilwim bejn il-kummerċjanti relatati ma' atti li f'għajnejn il-liġi jikkostitwixxu atti ta' kummerċ u li ma jaqgħux taħt il-ġuriżdizzjoni ġenerali tal-kummissarju tal-ġustizzja jew taħt il-kompetenza tat-tribunali tal-pulizija.

Nonkummerċjant tas-suq li jagħti bidu għall-proċedimenti kontra kummerċjant ikollu wkoll l-alternattiva li jagħżel li l-kawża titressaq quddiem il-Qorti tal-Kummerċ, iżda kummerċjant ma jistax jagħti bidu għall-proċedimenti kontra nonkummerċjant quddiem il-Qorti tal-Kummerċ. Il-Qorti tal-Kummerċ tisma' wkoll tilwim relatat ma' kambjali u ma' ċedoli fejn l-ammont tal-pretensjoni jkun ta' aktar minn EUR 2 500.

Apparti dawn is-setgħat ġenerali, il-Qorti tal-Kummerċ tħaddan ukoll għadd ta' setgħat speċjali u esklussivi. Is-setgħat speċjali huma elenkati fit-Taqsima 574 tal-Kodiċi Ġudizzjarju. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, it-tilwim li jirrigwarda kumpaniji kummerċjali u pretensjonijiet relatati mat-tbaħħir marittimu u mat-tbaħħir fl-ilmijiet interni. It-Taqsima 574(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju tiddeskrivi l-ġuriżdizzjoni esklussiva tal-Qorti tal-Kummerċ: il-pretensjonijiet u t-tilwim li jirriżultaw direttament minn fallimenti u minn proċedimenti ta' riorganizzazzjoni ġudizzjarja, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Fallimenti tat-8 ta' Awwissu 1997 u l-liġi tal-31 ta' Jannar 2009 dwar il-kontinwità tan-negozji, u li għalihom t-tagħrif għas-soluzzjoni jinstab fil-liġi straordinarja applikabbli għas-sistema tal-fallimenti u l-proċedimenti tar-riorganizzazzjoni ġudizzjarja.

d) It-Tribunal Industrijali (Arbeidsrechtbank)

It-Tribunal Industrijali huwa l-qorti straordinarja ewlenija u għandu setgħat speċjali predominanti. Dawn is-setgħat huma deskritti fit-Taqsimiet 578 et seq. tal-Kodiċi Ġudizzjarju:

  • tilwim relatat mal-impjieg
  • tilwim relatat ma' aċċidenti waqt ix-xogħol u mard okkupazzjonali
  • tilwim relatat mas-sigurtà soċjali

It-Tribunal Industrijali għandu ġuriżdizzjoni esklussiva f'dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi determinati fil-liġijiet u r-regolamenti msemmija fit-Taqsimiet 578 sa 582 u fil-liġi relatata ma' multi amministrattivi f'każ ta' ksur ta' xi liġijiet soċjali kif ukoll f'dak li jirrigwarda l-pretensjonijiet relatati ma' skemi tal-immaniġġjar tad-dejn.

e) L-imħallfin li jippresjiedu fil-qrati – proċedimenti interlokutorji

It-Taqsimiet 584 sa 589 tal-Kodiċi Ġudizzjarju jistipulaw li l-imħallfin li jippresjiedu fil-qrati (il-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Qorti tal-Kummerċ u t-Tribunal Industrijali) huma kompetenti biex, fil-każijiet urġenti kollha, jieħdu deċiżjonijiet provviżorji fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni tal-qorti tagħhom. Dan jista' jiġri diment il-każijiet ikunu tabilħaqq urġenti u d-deċiżjoni tkun ta' natura esklussivament provviżorja, mingħajr preġudizzju għall-każ innifsu. Xi eżempji huma: l-ordni ta' investigazzjoni esperta, l-ordni ta' smigħ ta' xi xhud eċċ.

f) Il-Qorti li tittratta s-sekwestri (Beslagrechter) (ara t-Taqsima 1395 tal-Kodiċi Ġudizzjarju)

Il-pretensjonijiet kollha li jirrigwardaw is-sekwestri ta' qabel is-sentenza, il-mezzi ta' infurzar u l-interventi tal-Uffiċċju għat-talbiet għal manteniment, hekk kif imsemmi fil-liġi tal-21 ta' Frar 2003 li waqqfet l-Uffiċċju għat-talbiet għal manteniment fil-qafas tas-Servizz Pubbliku Federali (FPS) tal-Finanzi, jitressqu quddiem il-Qorti li tittratta s-sekwestri.

g) Il-Qorti tal-Minorenni (Jeugdrechter)

Minkejja li l-Komunitajiet (jiġifieri l-Istati Membri tal-Federazzjoni Belġjana) huma kompetenti fil-qasam tal-protezzjoni tal-minorenni, l-organizzazzjoni tal-qrati tal-minorenni għadha tikkostitwixxi kompetenza federali li tiġi rregolata mill-Att dwar il-Protezzjoni taż-Żgħażagħ (Federale Wet betreffende de Wet op de Jeugdscherming) tat-8 ta' April 1965. Il-Qorti tal-Minorenni hija taqsima tal-Qorti tal-Prim'Istanza, li tiffoka fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw il-protezzjoni tal-minorenni. Il-Qorti tal-Minorenni hija wkoll kompetenti biex tisma' xi kwistjonijiet ċivili bħalma huma l-approvazzjoni ta' adozzjonijiet, tilwim bejn il-ġenituri dwar l-eżerċitar tar-responsabbiltà tal-ġenituri u d-drittijiet tal-ġenituri li jaraw lit-tfal tagħhom, eċċ.

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Is-sistema ġudizzjarja Belġjana tissejjes fuq il-prinċipju tal-libertà tal-għażla tar-rikorrent. Ir-regola ġenerali hija stabbilita fit-Taqsima 624(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju. Normalment ir-rikorrent iressaq il-każ quddiem il-qorti li tkun tinsab fil-post ta' residenza tal-konvenut jew fil-post ta' residenza ta' wieħed mill-konvenuti.

X'jiġri jekk dan il-konvenut ikun entità ġuridika? Il-post tar-residenza ta' entità ġuridika huwa l-post fejn ikun jinsab l-uffiċċju prinċipali tiegħu, jiġifieri s-sede amministrattiva minn fejn titmexxa l-kumpanija.

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

Test ewlieni (allinjat lejn in-naħa tax-xellug)

Jekk jogħġbok niżżel it-tweġiba hawnhekk. Tibdilx l-istil u d-daqs tat-tipa.

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?

F'ċerti każijiet, ir-rikorrent ikollu l-għażla li jagħti bidu għall-proċedimenti quddiem qorti differenti. Din il-possibbiltà hija deskritta, fost l-oħrajn, fit-Taqsima 624(2) sa (4) tal-Kodiċi Ġudizzjarju. Apparti l-qorti tal-post tar-residenza tal-konvenut jew tal-post tar-residenza ta' wieħed mill-konvenuti, ir-rikorrent jista' jagħżel:

  • il-qorti tal-post minn fejn nibtu l-obbligi (jew obbligu wieħed minnhom) li jkunu s-suġġetti tat-tilwima, jew fejn dawn jiġu eżegwiti, ġew eżegwiti jew kellhom jiġu eżegwiti;
  • il-qorti fil-post tar-residenza magħżul għall-implimentazzjoni tal-mozzjoni;
  • il-qorti fil-post tar-residenza fejn il-bailiff tal-qorti jkun tkellem mal-konvenut wiċċ imb'wiċċ, jekk il-konvenut jew, fejn xieraq, wieħed mill-konvenuti, ma jkollux residenza fil-Belġju jew barra mill-pajjiż.

Is-sistema ġuridika tassumi wkoll li, fi kwistjonijiet interlokutorji, l-imħallef li jippresjiedi fil-post fejn trid tiġi infurzata s-sentenza, ikollu ġuriżdizzjoni territorjali.

Fir-rigward tal-manteniment, it-Taqsima 626 tal-Kodiċi Ġudizzjarju tistipula li l-pretensjonijiet relatati mal-manteniment, kif imsemmi fit-Taqsima 591(7), jistgħu jitressqu quddiem il-qorti tal-post tar-residenza tal-konvenut (jiġifieri l-ġenitur li jkun intitolat għall-ħlas tal-manteniment).

Madankollu, id-dispożizzjonijiet tat-Taqsimiet 624 u 626 huma ta' natura supplimentari u l-partijiet jistgħu jidderogaw minnhom. Għaldaqstant, għal kwalunkwe tilwima, il-partijiet jistgħu jaslu għal ftehim dwar il-ġuriżdizzjoni, li bis-saħħa tiegħu tilwima eventwali tkun tista' titressaq biss quddiem ċerti qrati tal-prim'istanza.

Madankollu, hemm xi eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju bażiku ta' libertà tal-għażla.

Pereżempju, il-leġiżlatur jistabbilixxi għadd ta' każijiet fejn ir-rikorrent ma jkollux għażla. Dawn il-każijiet huma elenkati b'mod speċifiku fit-Taqsimiet 627 sa 629 tal-Kodiċi Ġudizzjarju. Xi ftit eżempji huma:

  • F'tilwim relatat ma' kuntratti ta' impjieg (it-Taqsima 627(9)): il-qorti kompetenti hija l-qorti tal-post fejn ikun/tkun jinsab/tinsab il-minjiera, il-fabbrika, il-post tax-xogħol, il-maħżen, l-uffiċċju, u b'mod ġenerali, il-post li jkun intiż għall-operat tal-kumpanija, għall-eżerċitar tal-professjoni jew għall-attività tas-sħubija, l-assoċjazzjoni jew l-organizzazzjoni.
  • F'dak li jirrigwarda applikazzjoni għal divorzju jew għal separazzjoni ġudizzjarja abbażi ta' ċerti fatti, jew ta' applikazzjoni biex separazzjoni ġudizzjarja tinbidel f'divorzju (it-Taqsima 628(1)): il-qorti kompetenti hija dik tal-post fejn tkun tinsab l-aħħar residenza konjugali jew fejn ikun hemm ir-residenza tal-konvenut.

Madankollu, anke f'dawn il-każijiet, il-libertà tal-għażla mhijiex kompletament limitata. Wara kollox, it-Taqsima 630 tal-Kodiċi Ġudizzjarju tistipula li, ladarba tkun inqalet tilwima, il-partijiet jistgħu jidderogaw mir-regolamenti statutorji permezz ta' ftehim. Madankollu, kwalunkwe tip ta' ftehim li jkun sar qabel ma tinqala' t-tilwima, bil-liġi jitqies bħala null u bla effett.

2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?

F'ċerti każijiet, deskritti fid-dettall fit-Taqsimiet 631 sa 633 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, qorti waħda biss għandha ġuriżdizzjoni territorjali esklussiva. Għalhekk, ir-rikorrent ma jkollux għażla, u ma jkunx jista' jikkonkludi ftehim dwar il-ġuriżdizzjoni, la qabel ma tinqala' t-tilwima u lanqas wara. Dawn il-każijiet jinkludu:

  • Fallimenti (it-Taqsima 631(1) tal-Kodiċi Ġudizzjarju): il-Qorti tal-Kummerċ kompetenti hija dik li tkun tinsab fil-ġuriżdizzjoni territorjali fejn il-kummerċjant ikollu l-uffiċċju prinċipali tiegħu jew, f'każ li jkun hemm entità ġuridika involuta, fejn ikun jinsab l-uffiċċju rreġistrat tagħha, fid-data meta jkun ġie ddikjarat il-falliment jew fid-data meta tkun tressqet il-pretensjoni. Arranġamenti mal-kredituri: il-Qorti tal-Kummerċ kompetenti hija dik li tkun tinsab fil-ġuriżdizzjoni territorjali fejn il-persuna falluta jkollha l-post tal-kummerċ ikkonċernat. F'każ li jkun hemm aktar minn post tal-kummerċ wieħed, il-qorti kompetenti tkun dik fejn tkun tressqet l-applikazzjoni l-ewwel.
  • Riorganizzazzjoni ġudizzjarja (it-Taqsima 631(2) tal-Kodiċi Ġudizzjarju): il-Qorti tal-Kummerċ kompetenti hija dik li tkun tinsab fil-ġuriżdizzjoni territorjali fejn id-debitur ikollu s-sede prinċipali tiegħu, jew f'każ li jkun hemm entità ġuridika involuta, fejn ikun jinsab l-uffiċċju rreġistrat tagħha, fid-data meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni.
  • It-tilwim relatat mal-applikazzjoni tal-Liġi tat-Taxxa (it-Taqsima 632): il-qorti kompetenti hija dik li tkun fis-sede tal-Qorti tal-Appell li fil-ġuriżdizzjoni territorjali tagħha jkun hemm l-uffiċċju minn fejn tinġabar jew tkun trid tinġabar it-taxxa jew, f'każ li t-tilwima ma tkunx tirrigwarda l-ġbir tat-taxxa, dik li fil-ġuriżdizzjoni tagħha tkun stabbilita l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana li tkun ħadet id-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, meta l-proċedimenti jsiru bil-Ġermaniż, il-Qorti tal-Prim'Istanza ta' Eupen biss ikollha l-ġuriżdizzjoni.
  • Pretensjonijiet relatati ma' sekwestri ta' qabel is-sentenza u mezzi ta' infurzar (it-Taqsima 633): il-qorti kompetenti hija dik li tkun tinsab fil-post tas-sekwestru, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi. Fil-każ ta' sekwestri ta' partijiet terzi, il-qorti kompetenti tkun dik fil-post tar-residenza tad-debitur issekwestrat. Meta l-post tar-residenza tad-debitur ssekwestrat ikun jinsab barra mill-pajjiż, jew ma jkunx magħruf, il-qorti kompetenti tkun dik fil-post fejn jitwettaq is-sekwestru (Ara wkoll: l-Artikolu 22(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali).
2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

Kif diġà ntqal aktar 'il fuq, ir-regolamenti tat-Taqsimiet 624 u 626 huma supplimentari fin-natura tagħhom, u għalhekk il-partijiet jistgħu jidderogaw minnhom. Għal kwalunkwe tilwima, il-partijiet jistgħu jaslu għal ftehim dwar il-ġuriżdizzjoni, li bis-saħħa tiegħu tilwima eventwali tkun tista' titressaq biss quddiem ċerti qrati tal-prim'istanza.

Fil-każijiet imsemmija fit-Taqsimiet 627 sa 629 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, ma jista' jsir l-ebda ftehim dwar il-ġuriżdizzjoni qabel ma tinqala' t-tilwima. Madankollu, skont it-Taqsima 630 ftehimiet ta' dan it-tip jistgħu jsiru wara li tkun inqalgħet it-tilwima.

Fil-każijiet deskritti fit-Taqsimiet 631 sa 633 tal-Kodiċi Ġudizzjarju, mhu permess li jsir l-ebda ftehim dwar il-ġuriżdizzjoni.

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tinsab fit-tweġiba għall-mistoqsijiet 1 u 2.

Ħolqiet

It-Taqsimiet rilevanti tal-Kodiċi Ġudizzjarju: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaServizz Pubbliku Federali tal-Ġustizzja

  • Agħfas fuq "Leġiżlazzjoni kkonsolidata"
  • Mill-intestatura "Natura ġuridika", agħżel "Kodiċi Ġudizzjarju"
  • Taħt l-intestatura "Kliem", daħħal iċ-ċifri: "624"
  • Agħfas fuq "Fittex"
  • Agħfas fuq "Lista"

* agħfas fuq "Il-Ġustizzja, minn A sa Ż"

* agħżel "Qrati: ġuriżdizzjoni"

Għajnuna biex issib il-qorti b'ġuriżdizzjoni territorjali: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaServizz Pubbliku Federali tal-Ġustizzja

  • Agħfas fuq "Ġuriżdizzjoni Territorjali"

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 06/11/2015