Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Ġurisdizzjoni - il-Kroazja

1 Fejn għandi nippreżenta rikors: quddiem qorti ċivili ordinarja jew quddiem qorti speċjalizzata (pereżempju qorti industrijali)?

Rikors jiġi ppreżentat lill-qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni territorjali jew ratione materiae biex tisma’ l-kawża inkwistjoni u, fil-każ ta’ tilwima speċifika, lil qorti speċjalizzata. Madankollu, il-Belt ta’ Zagreb (Grad Zagreb) biss għandha qorti ċivili muniċipali (Općinski građanski sud) u tribunal industrijali muniċipali (Općinski radni sud) bħala qrati speċjalizzati għal dawn il-materji, filwaqt li f’postijiet oħra l-qrati muniċipali (Općinski sudovi) ġeneralment ikollhom il-ġurisdizzjoni.

2 Meta l-qrati ċivili ordinarji jkollhom il-ġuriżdizzjoni (jiġifieri jkunu l-qrati responsabbli għal każijiet bħal dawn) kif nista’ nkun naf f’liema qorti għandi nagħmel ir-rikors?

Ir-regoli dwar liema qorti jkollha l-ġurisdizzjoni jinsabu fl-Att dwar il-Proċedura Ċivili.

Biex inkunu aktar preċiżi, rikors jiġi ppreżentat lill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni territorjali ġenerali għall-konvenut, jiġifieri ġurisdizzjoni territorjali ġenerali bbażata fuq ir-residenza temporanja jew permanenti jew l-uffiċċju rreġistrat tal-konvenut, jekk il-konvenut ikun entità legali. Jekk tiġi ppreżentata tilwima kontra kontea, il-Belt ta’ Zagreb, bliet u muniċipalitajiet, il-qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni territorjali ġenerali tiġi definita skont fejn ikun jinsab il-korp rappreżentattiv tagħhom.

Madankollu, fil-każ ta’ tilwim kontra r-Repubblika tal-Kroazja, il-qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni territorjali ġenerali tiġi definita skont fejn ir-rikorrent ikollu r-residenza permanenti jew l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fil-Kroazja. Jekk ir-rikorrent ma jkollux residenza permanenti jew uffiċċju rreġistrat fil-Kroazja, il-qorti li jkollha l-ġurisdizzjoni territorjali ġenerali f’tilwim kontra r-Repubblika tal-Kroazja tkun il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq iż-żona fejn ikun jinsab il-Parlament Kroat (Hrvatski Sabor)

2.1 Issir distinzjoni bejn il-qrati ċivili ordinarji inferjuri u superjuri (pereżempju qrati distrettwali bħala qrati inferjuri u qrati reġjonali bħala qrati superjuri) u jekk issir, liema qorti tkun kompetenti biex tisma’ l-każ tiegħi?

Hemm distinzjoni bejn qrati inferjuri u qrati superjuri. Il-qrati muniċipali (Općinski sudovi) u l-qrati kummerċjali (Trgovački sudovi) huma qrati tal-prim’istanza, u l-qrati tal-kontej (Županijski sudovi) u l-Qorti Kummerċjali Superjuri tar-Repubblika tal-Kroazja (Visoki trgovački sud RH) huma qrati tal-appell. Biex inkunu preċiżi, il-qrati tal-kontej jiddeċiedu dwar appelli kontra deċiżjonijiet meħuda mill-qrati muniċipali u l-Qorti Kummerċjali Superjuri tar-Repubblika tal-Kroazja tiddeċiedi dwar appelli kontra deċiżjonijiet meħuda mill-qrati kummerċjali.

Il-qrati tal-kontej u l-Qorti Kummerċjali Superjuri tar-Repubblika tal-Kroazja jistgħu jkunu qrati tal-prim’istanza biss f’kawżi speċifikament previsti, f’liema każ id-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jiġu appellati fil-Qorti Suprema tar-Repubblika tal-Kroazja (Vrhovni sud RH).

Għalhekk, il-qrati superjuri huma kompetenti biss għall-appelli f’każijiet eċċezzjonali, meta l-qrati inferjuri jiddikjaraw li ma għandhomx ġurisdizzjoni u jirrinvijaw il-kawża għal aktar konsiderazzjoni.

2.2 Ġuriżdizzjoni territorjali (liema qorti tkun kompetenti biex tisma' l-każ tiegħi, il-qorti tal-belt A jew dik tal-belt B?)

L-istabbiliment ta’ liema qorti tkun kompetenti għal kawża speċifika jiddependi minn diversi ċirkustanzi, madankollu, bħala regola, il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni territorjali ġenerali li tkopri l-konvenut tkun il-qorti kompetenti.

2.2.1 Ir-regola bażika tal-ġuriżdizzjoni territorjali

Ir-regola bażika tal-ġurisdizzjoni territorjali hija r-residenza permanenti jew temporanja tal-konvenut jew l-uffiċċju rreġistrat tal-konvenut għall-entitajiet legali.

2.2.2 Eċċezzjonijiet għar-regola bażika

2.2.2.1 Meta nkun nista’ nagħżel bejn il-qorti fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti li tiġi ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika) u qorti oħra?
2.2.2.2 Meta jkun meħtieġ li nagħżel qorti differenti minn dik fil-post fejn jgħix l-intimat (il-qorti ddeterminata skont l-applikazzjoni tar-regola bażika)?
2.2.2.3 Il-partijiet jistgħu jagħtu l-ġuriżdizzjoni lil qorti li altrimenti ma tkunx kompetenti?

B’deroga mir-regola bażika tal-ġurisdizzjoni territorjali ġenerali, l-Att dwar il-Proċedura Ċivili (fl-artikoli 50 - 66) jipprevedi każijiet ta’ ġurisdizzjoni territorjali speċjali li japplikaw għal kolitiganti, tilwim dwar il-manteniment statutorju, tilwim dwar danni, tilwim matrimonjali, tilwim dwar l-istabbiliment jew iċ-ċaħda tal-paternità jew tal-maternità, tilwim dwar proprjetà immobbli u f’tilwim dwar dħul mhux awtorizzat fil-proprjetà ta’ ħaddieħor, tilwim dwar inġenji tal-ajru u bastimenti, l-istabbiliment tal-ġurisdizzjoni fuq persuni li ma jkun hemm l-ebda ġurisdizzjoni territorjali ġenerali fir-Repubblika tal-Kroazja għalihom, ġurisdizzjoni skont il-post fejn tkun tinsab il-fergħa ta’ persuna ġuridika, ġurisdizzjoni skont il-post fejn ikun jinsab l-uffiċċju rappreżentattiv ta’ persuna barranija fir-Repubblika tal-Kroazja, ġurisdizzjoni f’tilwim li jirriżulta mir-relazzjonijiet ma’ unitajiet organizzattivi tal-forzi armati tar-Repubblika tal-Kroazja, ġurisdizzjoni f’tilwim li jirriżulta minn relazzjonijiet tal-liġi tal-wirt, ġurisdizzjoni għal tilwim fi proċeduri ta’ eżekuzzjoni u falliment, ġurisdizzjoni skont il-post tal-pagament, ġurisdizzjoni f’tilwim relatat mal-impjieg u ġurisdizzjoni reċiproka għal ilmenti kontra ċittadini barranin.

Fil-kawżi imsemmija hawn fuq, ir-rikorrent dejjem jista’, iżda qatt ma huwa meħtieġ, jagħżel qorti differenti minn dik tal-post fejn jgħix il-konvenut li tkun ġiet determinata bl-applikazzjoni tar-regola bażika.

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 70 tal-Att dwar il-Proċedura Ċivili, il-partijiet jistgħu jiftiehmu dwar il-ġurisdizzjoni territorjali ta’ qorti oħra li jkollha ġurisdizzjoni ratione materiae, iżda dan biss jekk ma tkunx qorti b’ġurisdizzjoni esklużiva.

3 Meta l-ġuriżdizzjoni tkun tal-qrati speċjalizzati, kif nagħmel biex inkun naf quddiem liema qorti għandi nippreżenta r-rikors?

Skont jekk tkunx tilwima ċivili jew kummerċjali, rikors jista’ jiġi ppreżentat quddiem qorti muniċipali (Općinski sud) jew qorti kummerċjali (Trgovački sud), u fil-Belt ta’ Zagreb jista’ jiġi ppreżentat ukoll quddiem it-tribunal industrijali muniċipali (Općinski radni sud) fil-każ ta’ tilwim industrijali.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 26/09/2018