Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Prinċipji u stadji ewlenin tal-medjazzjoni


Il-medjazzjoni hija kkaratterizzata minn ċerti prinċipji ewlenin li huma komuni għas-sistemi differenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Irrispettivament mill-mudell ta' medjazzjoni applikat, jistgħu jiġu identifikati l-istadji li ġejjin fil-proċess ta' medjazzjoni.


Il-prinċipji ewlenin

L-imparzjalità

Il-medjaturi huma newtrali u ma jistgħux iżommu ma' naħa minnhom fil-kwistjoni. Il-medjaturi mhumiex konsulenti u ma jagħtux pariri dwar pożizzjonijiet individwali, u normalment jagħtu parir illi jittieħed parir legali matul il-proċess ta' medjazzjoni.

Il-kunfidenzjalità

Ġeneralment, dak li tgħid waqt il-medjazzjoni u d-dokumenti li tipprovdi ma jistgħux jintużaw kontrik bħala provi fil-qorti fl-istess każ. Il-medjatur l-anqas jista' jixhed.

In-natura volontarja tal-medjazzjoni

Il-partijiet b'kunflitt bejniethom iridu jiġu nfurmati bil-medjazzjoni bħala mezz alternattiv għas-soluzzjoni tal-kunflitt. Il-fatt li xi ħadd ikun irrifjuta li jipprova l-medjazzjoni ma għandux impatt fuq l-eżitu tad-deċiżjoni tal-qorti.

Dan il-prinċipju ma jmurx kontra s-sessjonijiet obbligatorji ta' informazzjoni dwar il-medjazzjoni jew anke l-medjazzjoni obbligatorja, sakemm il-partijiet ma jiġux imġielgħa jsolvu l-kunflitt tagħhom bil-medjazzjoni.

L-istadji tal-medjazzjoni

1. Il-bidu: il-medjatur iħejji għall-proċess ta' medjazzjoni

Il-medjatur jibda billi jispjega l-ambitu tal-medjazzjoni, il-proċess u r-rwol tiegħu. Il-medjatur jistabbilixxi r-regoli u jsaqsi lil kull waħda mill-partijiet biex tagħti l-kunsens tagħha għal dan il-proċess speċifiku.

2. Id-dikjarazzjoni tal-problema mill-partijiet

Il-medjatur jisma lill-partijiet meta jkunu qiegħdin jirrakkontaw l-istorja tagħhom.

Huwa jirrikonoxxi s-sentimenti tagħhom, jassigura lill-partijiet meta jkun hemm bżonn u jidentifika t-tħassib tagħhom.

3.  L-identifikazzjoni tal-kwistjonijiet u d-determinazzjoni tal-aġenda għan-negozjati

Matul dan l-istadju, il-medjatur jiffissa l-aġenda għan-negozjati billi fil-qasir jiġbor l-oqsma li dwarhom hemm ftehim (tħassib komuni) u dawk li dwarhom għad mhemmx qbil. Flimkien mal-partijiet il-medjatur jiddetermina l-kwistjonijiet li jridu jiġu diskussi.

4. L-għoti ta' għażliet/soluzzjonijiet

Il-medjatur jgħin lill-partijiet jikkunsidraw firxa ta' għażliet/soluzzjonijiet għas-sitwazzjoni tagħhom meta jpoġġu flimkien madwar mejda biex isibu soluzzjoni.

5. Kunsiderazzjoni tal-għażliet u l-għażla tal-aktar għażla/soluzzjoni aċċettabbli/vijabbli

Matul dan l-istadju, il-medjatur jgħin lill-partijiet jimxu lejn ftehim billi jikkunsidraw l-għażliet ikkreati u l-għażla ta' dawk l-aktar vijabbli u aċċettabbli għal kull parti.

6. It-tmiem tal-medjazzjoni

Il-kisba ta' ftehim

Il-medjatur jassisti lill-partijiet fil-kitba ta' ftehim ċar u dettaljat.

Ir-rappreżentanti legali jistgħu jirrevedu l-ftehim milħuq bil-medjazzjoni biex jiżguraw illi dan il-ftehim ikollu effett legali fis-sistemi ġuridiċi konċernat.

In-nuqqas ta' ftehim

Jekk il-partijiet ma jilħqux ftehim, il-medjatur jiġbor fil-qosor il-kwistjonijiet identifikati u l-progress li jkun sar. Il-medjatur jirringrazzja lill-partijiet u b'hekk tintemm is-sessjoni ta' medjazzjoni. Il-partijiet huma liberi li jiftħu kawża jew ikompli bil-kawża l-qorti.


Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.

L-aħħar aġġornament: 17/11/2015