Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Tneħħija legali tal-minuri - il-Kroazja

1 Taħt liema ċirkostanzi jista' ġenitur jitrasferixxi legalment lill-minuri lejn Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor?

Is-sitwazzjonijiet li ġejjin iridu jiġu differenzjati f’termini taċ-ċirkostanzi li taħthom ġenitur jista’ legalment jieħu l-wild fi Stat ieħor mingħajr il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor;

a) meta l-ġenitur li miegħu jkun qed jgħix il-wild ikun irid li legalment jieħu l-wild fi Stat ieħor, u

b) meta l-ġenitur li miegħu ma jkunx qed jgħix il-wild iżda li miegħu l-wild ikollu relazzjoni personali, ikun irid li legalment jieħu l-wild fi Stat ieħor.

a) Il-ġenitur li miegħu jkun qed jgħix wild jista’, wara d-divorzju, bħala parti mill-kura ta’ kuljum tal-wild fir-responsabbiltà tiegħu ta’ ġenitur, legalment jieħu l-wild fi Stat ieħor (eż. fuq eskursjoni ta’ ġurnata), bil-kundizzjoni li dan ma jipperikolax id-dritt tal-ġenitur l-ieħor li jistabbilixxi relazzjoni personali mal-wild, kif previst fl-Artikoli 95 u 119 tal-Att dwar il-Proċeduri tal-Familja (Obiteljski zakon) (Narodne Novine (NN; Il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja), Nru 103/15, minn hawn ’il quddiem: ObZ 2015). Dan ifisser li, irrispettivament minn jekk il-ġenituri humiex responsabbli b’mod individwali jew konġunt għall-kura u t-trobbija tat-tfal, it-tnejn li huma għandhom id-dritt li, b’mod indipendenti minn xulxin, jieħdu deċiżjonijiet relatati mal-ħajja ta’ kuljum tat-tfal meta dawn ikunu fil-kura tagħhom (l-Artikolu 110 tal-ObZ 2015). Jekk, wara d-divorzju, il-ġenituri jkunu responsabbli b’mod konġunt għall-kura u t-trobbija tat-tfal (l-Artikolu 104 tal-ObZ 2015), mela d-deċiżjonijiet li huma importanti għat-tfal iridu jittieħdu b’mod kunsenswali (l-Artikolu 108 tal-ObZ 2015). Meta wieħed iqis li vjaġġ okkażjonali lejn pajjiż ieħor (pereżempju, eskursjoni ta’ ġurnata) ma jinvolvix intenzjoni li tinbidel ir-residenza temporanja jew permanenti tat-tfal u, għalhekk, mhuwiex fost il-lista eżawrjenti ta’ drittijiet individwali sinifikanti tat-tfal kif imsemmi fl-Artikolu 100 tal-ObZ 2015, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 99(2) tal-ObZ 2015, kif xieraq. L-istess japplika għal każ fejn il-ġenitur li miegħu jkun qed jgħix il-wild wara d-divorzju jkollu responsabbiltà individwali parzjali għall-kura tal-wild bħala ġenitur (l-Artikolu 105 tal-ObZ 2015). Madankollu, jekk il-ġenitur li miegħu jkun qed jgħix il-wild wara d-divorzju jkollu, abbażi ta’ ordni tal-qorti, responsabbiltà individwali unika għall-kura tal-wild bħala ġenitur, mela tali ġenitur ma jkunx jeħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor sabiex jieħu l-wild temporanjament fi Stat ieħor (l-Artikolu 105(5) tal-ObZ 2015).

b) Jekk il-ġenitur li miegħu ma jkunx qed jgħix il-wild wara d-divorzju, iżda li miegħu l-wild ikollu relazzjoni personali, jiddeċiedi li legalment jieħu l-wild fi Stat ieħor, mela tali ġenitur ikun jista’ jagħmel dan bil-kundizzjoni li dan ikun soġġorn temporanju f’pajjiż ieħor (pereżempju, eskursjoni ta’ ġurnata), li jseħħ matul iż-żmien li l-ġenitur ikollu d-dritt li jżomm relazzjoni personali diretta mal-wild (l-Artikolu 121 tal-ObZ 2015) u bil-kundizzjoni li dan id-dritt ma jkunx ġie pprojbit jew ristrett minn ordni tal-qorti (l-Artikoli 123-126 tal-ObZ 2015). Dan ifisser li, irrispettivament mill-fatt jekk il-ġenituri humiex responsabbli b’mod individwali jew konġunt għall-kura u t-trobbija tat-tfal, it-tnejn li huma għandhom id-dritt li, b’mod indipendenti minn xulxin, jieħdu deċiżjonijiet relatati mal-ħajja ta’ kuljum tat-tfal meta dawn ikunu fil-kura tagħhom (l-Artikolu 110 tal-ObZ 2015). Jekk, wara d-divorzju, il-ġenituri jkunu responsabbli b’mod konġunt għall-kura u t-trobbija tat-tfal (l-Artikolu 104 tal-ObZ 2015), mela d-deċiżjonijiet li huma importanti għat-tfal iridu jittieħdu b’mod kunsenswali (l-Artikolu 108 tal-ObZ 2015). Meta wieħed iqis li soġġorn temporanju fi Stat ieħor matul iż-żmien li l-ġenitur ikollu d-dritt li jżomm relazzjoni personali diretta mat-tfal (pereżempju, eskursjoni ta’ ġurnata) ma jinvolvix intenzjoni li tinbidel ir-residenza temporanja jew permanenti tat-tfal u, għalhekk, mhuwiex fost il-lista eżawrjenti ta’ drittijiet individwali sinifikanti tat-tfal kif imsemmi fl-Artikolu 100 tal-ObZ 2015, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 99(2) tal-ObZ 2015, kif xieraq. L-istess japplika għal każ fejn il-ġenitur li miegħu jkun qed jgħix il-wild wara d-divorzju jkollu responsabbiltà individwali parzjali għall-kura tal-wild bħala ġenitur (l-Artikolu 105 tal-ObZ 2015), minħabba li l-ġenitur li jistabbilixxi relazzjoni personali diretta mal-wild għandu l-libertà u d-dritt li jirrappreżenta lill-wild f’materji ta’ kuljum matul iż-żmien li l-wild ikun fil-kura tiegħu jew tagħha (skont l-Artikoli 110 u 112 u flimkien mal-Artikolu 105(1) tal-ObZ 2015).

F’dawn is-sitwazzjonijiet, għandha ssir enfasi fuq l-importanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 111 tal-ObZ 2015. Dan ifisser li, iż-żewġ ġenituri, irrispettivament minn jekk humiex responsabbli b’mod individwali jew konġunt għall-kura tal-wild bħala ġenituri, huma obbligati li jiskambjaw b’mod reċiproku informazzjoni dwar il-wild, li tinkludi informazzjoni dwar it-teħid possibbli tal-wild barra l-pajjiż. Minbarra li dan huwa obbligu ġuridiku tal-ġenituri, il-qsim ta’ fruntiera ta’ Stat jirrikjedi dokumenti personali u oħrajn li l-wild, jew kull wieħed mill-ġenituri, għandhom iġibu magħhom.

F’każ li wieħed mill-ġenituri jħoss li l-ġenitur l-ieħor jista’ jabbuża minn tali teħid temporanju tal-wild, tali ġenitur huwa permess li jitlob lill-qorti timponi waħda mill-azzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 418 tal-ObZ 2015 fi proċedura barra l-qorti sabiex jiġi żgurat li d-deċiżjoni dwar l-istabbiliment ta’ relazzjoni personali bejn il-ġenitur u l-wild tiġi infurzata, jew inkella timponi waħda mill-azzjonijiet tal-Artikolu 419 tal-ObZ 2015, li tiżgura r-ritorn sikur ta’ wild.

L-aktar soluzzjoni mixtieqa hija li l-ġenituri jilħqu ftehim kunsenswali dwar dawn il-kwistjonijiet u oħrajn simili, li mbagħad huma jkunu jistgħu jirregolaw fil-ftehim tagħhom dwar ir-responsabbiltà konġunta tal-ġenituri (l-Artikolu 106(3) tal-ObZ 15).

2 Taħt liema ċirkostanzi hu meħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor għat-trasferiment tal-minuri lejn stat ieħor?

Kwalunkwe teħid (permanenti) tal-wild fi Stat ieħor, li jservi sabiex tinbidel ir-residenza temporanja jew permanenti tal-wild, jeħtieġ il-kunsens taż-żewġ ġenituri. Irrispettivament minn jekk il-ġenituri humiex responsabbli b’mod konġunt għall-kura u t-trobbija tal-wild, jew jekk wieħed minnhom għandux responsabbiltà individwali parzjali, il-ġenitur li jieħu l-wild fi Stat ieħor u li, b’hekk, ibiddel ir-residenza temporanja jew permanenti tal-wild irid jikseb il-kunsens bil-miktub tal-ġenitur l-ieħor sabiex ikun jista’ jagħmel dan (l-Artikoli 100 u 108 tal-ObZ 2015). Madankollu, jekk il-ġenitur li miegħu jkun qed jgħix il-wild wara d-divorzju jkollu responsabbiltà individwali unika għall-kura tal-wild bħala ġenitur, mela tali ġenitur ma jkunx jeħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor sabiex jieħu l-wild fi Stat ieħor bl-iskop li jbiddel ir-residenza temporanja jew permanenti tal-wild (l-Artikolu 105(5) tal-ObZ 15).

3 Jekk il-ġenitur l-ieħor ma jagħtix kunsens għat-trasferiment tal-minuri lejn Stat ieħor, minkejja li jkun meħtieġ, il-minuri kif jistgħu jiġu ttrasferiti b’mod legali lejn Stat ieħor?

Jekk ġenitur, billi jieħu l-wild fi Stat ieħor, ikun irid ibiddel ir-residenza temporanja jew permanenti ta’ wild, u ma jkunx jista’ jikseb il-kunsens bil-miktub tal-ġenitur l-ieħor, il-qorti trid tiddetermina, fi proċeduri barra l-qorti, min mill-ġenituri jirrappreżenta l-aħjar interessi tal-wild f’din il-kwistjoni (l-Artikoli 100(5) u 478(1) tal-ObZ 2015). Qabel jinbdew dawn il-proċeduri barra l-qorti, trid isseħħ proċedura obbligatorja ta’ counselling barra l-qorti, bl-iskop li esperti mid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali jipprovaw jgħinu lill-ġenituri jilħqu ftehim dwar il-kwistjoni (l-Artikolu 481 tal-ObZ 2015 - proċeduri barra l-qorti ta’ counselling obbligatorju bħala rekwiżit proċedurali sabiex jinbdew il-proċedimenti tal-Artikolu 100(5) tal-ObZ 2015). Jekk matul il-counselling obbligatorju l-ġenituri ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim, il-kwistjoni tiġi deċiża minn qorti tal-ġustizzja fi proċedura barra l-qorti li tiffoka, b’mod partikolari, fuq: l-età u l-opinjoni tal-wild, id-dritt tal-wild li jistabbilixxi relazzjoni personali mal-ġenitur l-ieħor, ir-rieda u d-dispożizzjoni tal-ġenituri li jikkooperaw fl-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom bħala ġenituri, iċ-ċirkostanzi personali tal-ġenituri, id-distanza bejn il-postijiet tar-residenza temporanja jew permanenti tal-ġenituri u l-post fejn jista’ jiġi rilokat il-wild, kif ukoll il-konnessjonijiet tat-traffiku bejn dawn il-postijiet u d-dritt tal-ġenitur għal-libertà tal-moviment (l-Artikolu 484 tal-ObZ 2015).

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li jekk wieħed mill-ġenituri jkollu responsabbiltà individwali unika għall-kura tal-wild bħala ġenitur, mela tali ġenitur ma jkunx jeħtieġ il-kunsens tal-ġenitur l-ieħor sabiex jieħu l-wild fi Stat ieħor bl-iskop li jbiddel ir-residenza temporanja jew permanenti tal-wild, jiġifieri f’każ bħal dan, l-oppożizzjoni tal-ġenitur l-ieħor ma jkollha ebda effett legali (l-Artikolu 105(5) tal-ObZ 2015).

4 L-istess regoli japplikaw għat-trasferiment temporanju (eż. vaganza, il-kura tas-saħħa eċċ.) u t-trasferiment permanenti? Jekk applikabbli, jekk jogħġbok ipprovdi l-formoli ta’ kunsens rilevanti.

Kif ġie ddikjarat fir-risposti għall-mistoqsijiet 1-3, l-ObZ 2015 jirregola d-drittijiet u l-obbligi tal-ġenituri b’mod differenti, skont jekk it-teħid tal-wild fi Stat ieħor ikunx b’mod temporanju (pereżempju, eskursjoni ta’ ġurnata li ma tipperikolax id-drittijiet tal-ġenitur l-ieħor) jew inkella b’mod permanenti bl-iskop li jinbidel il-post tar-residenza temporanja jew permanenti tal-wild.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 23/08/2018