Il-professjonijiet legali - Franza

Stabilixxi mill-ġdid Issejvja bħala PDF

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Franċiż diġà ġew tradotti.

F’din it‑taqsima għandek issib ħarsa ġenerali tal‑professjonijiet legali differenti.


Il-professjonijiet legali

Il-professjonijiet legali – introduzzjoni

L-imħallfin

Organizzazzjoni

Hemm żewġ tipi ta' mħallfin professjonali fi Franza: l-imħallfin ġudikanti u uffiċjali ġudizzjarji li jirrappreżentaw l-Istat. Il-ġudikanti spiss issir referenza għalihom bħala "imħallfin ġudikanti" (magistrats du siège) filwaqt li l-prosekutur pubbliku huwa rrappreżentat mill-"uffiċjali ġudizzjarji" (magistrats du parquet).

Tal-ewwel jiġġudikaw il-litiġji li jitressqu quddiemhom, filwaqt li tal-aħħar jirrappreżentaw lis-soċjetà u jeżigu l-applikazzjoni korretta tal-liġi. L-istatus tal-imħallfin huwa rregolat mill-Ordni Nru 58-1270 tat-22 ta’ Diċembru 1958 dwar il-liġi organika fuq l-istatus tal-ġudikatura. Għaldaqstant, kull imħallef jista’ jinħatar għall-karigi ta' mħallef ġudikant jew ta' uffiċjal ġudizzjarju li jirrappreżenta lill-Istat matul il-karriera tiegħu. Dan huwa l-prinċipju tal-unità tal-ġudikatura (Artikolu 1), li kien rikonfermat mill-Kunsill Kostituzzjonali, b'mod partikolari fid-Deċiżjoni tiegħu tal-11 ta’ Awwissu 1993. L-imħallfin huma membri tal-awtorità ġudizzjarja li jipproteġu l-libertajiet individwali, b'applikazzjoni tal-Artikolu 66 tal-Kostituzzjoni. Madankollu, hemm ċerti differenzi fl-istatus tagħhom, minħabba li l-imħallfin ġudikanti mhumiex soġġetti għas-setgħa ġerarkika tal-awtorità superjuri, u huma jgawdu minn garanzija tas-sikurezza tal-mandat, fis-sens li huma ma jistgħux jingħataw kariga ġdida mingħajr il-kunsens tagħhom.

Il-biċċa l-kbira tal-imħallfin jiġu rreklutati abbażi ta' kompetizzjoni (concours).. Biex ikunu jistgħu jagħmlu l-“ewwel kompetizzjoni”, li hija miftuħa għall-istudenti, il-kandidati jrid ikollhom diploma li tiċċertifika li huma rċevew edukazzjoni superjuri ta' mill-inqas erba’ snin minn wara l-kisba tal-Master. Il-kandidati li jgħaddu mill-kompetizzjoni jinħatru bħala reġistraturi u b'hekk ikunu jistgħu jgawdu mill-istess taħriġ mogħti mill-iskola nazzjonali Franċiża tal-ġudikatura (ENM). Hemm ukoll possibbiltajiet kif persuna tidħol fil-ġudikatura b’ingaġġ dirett. Fi tmiem it-taħriġ tagħhom fl-ENM, ir-reġistraturi jinħatru b’digriet, għal ġuriżdizzjoni fejn jiġu stazzjonati.

Barra minn hekk, il-kapijiet tal-ġuriżdizzjoni (il-President u l-prosekutur) u l-kapijiet tal-qorti (l-ewwel President u l-prosekutur ġenerali) apparti li għandhom funzjonijiet ġuriżdizzjonali, għandhom ukoll funzjonijiet amministrattivi (pereż. distribuzzjoni tas-seduti tas-smigħ).

Sal-1 ta’ Jannar 2013, b'kollox hemm 8,090 imħallef, li 7,769 minnhom qed jaqdu dmirhom fil-ġuriżdizzjonijiet

Il-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura (Conseil supérieur de la magistrature - CSM)

Id-dispożizzjonijiet marbuta mal-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura (CSM) jidhru fl-Artikolu 65 tal-Kostituzzjoni. Il-Liġi Kostituzzjonali tat-23 ta’ Lulju 2008 emendat il-kompożizzjoni tiegħu u l-funzjonijiet tiegħu (fir-rigward tal-ħatriet), u għamlet dispożizzjonijiet biex il-litiganti jressqu l-kawżi quddiemu. B'dan il-mod, il-President tar-Repubblika m’għadux membru tal-CSM.

Konsegwentement, il-fergħa li għandha kompetenza fil-konfront tal-imħallfin ġudikanti hija ppreseduta mill-ewwel President tal-Qorti tal-Kassazzjoni. Hija tinkludi wkoll ħames imħallfin ġudikanti u uffiċjal ġudizzjarju li jirrappreżenta l-Istat, membru tal-Kunsill tal-Istat, maħtur mill-Kunsill tal-Istat, avukat kif ukoll sitt individwi kkwalifikati li la jagħmlu parti mill-Parlament, u lanqas ma huma membri tal-qrati ta' ġudikatura ordinarja jew tal-qrati amministrattivi. Il-President tar-Repubblika, il-President tal-Assemblea Nazzjonali u l-President tas-Senat, jaħtru żewġ individwi kkwalifikati kull wieħed.

Il-fergħa li għandha kompetenza fil-konfront tal-uffiċjali ġudizzjarji li jirrappreżentaw l-Istat hija ppreseduta mill-prosekutur ġenerali fil-Qorti tal-Kassazzjoni. Hija tinkludi wkoll ħames uffiċjali ġudizzjarji li jirrappreżentaw l-Istat u maġistrat ġudikant wieħed, kif ukoll il-membru tal-Kunsill tal-Istat, l-avukat u s-sitt individwi kkwalifikati msemmija qabel.

Il-fergħa tal-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura li għandha kompetenza fir-rigward tal-imħallfin ġudikanti tressaq proposti għall-ħatra tal-imħallfin ġudikanti fil-Qorti tal-Kassazzjoni, għall-ħatra tal-ewwel President tal-Qorti tal-Appell u għall-ħatra tal-President tal-Qrati Reġjonali (tribunal de grande instance). L-imħallfin ġudikanti l-oħrajn jinħatru bil-kunsens tiegħu.

Din il-fergħa tal-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura tiddeċiedi bħala bord dixxiplinarju tal-imħallfin ġudikanti. Minbarra l-membri li hemm referenza għalihom qabel, hi tinkludi l-imħallef ġudikant li huwa membru tal-fergħa li għandha kompetenza fir-rigward tal-uffiċjali ġudizzjarji li jirrappreżentaw l-Istat.

Il-fergħa tal-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura li għandha kompetenza fir-rigward tal-uffiċjali ġudizzjarji li jirrappreżentaw l-Istat, tagħti l-opinjoni tagħha fuq il-ħatriet li jikkonċernaw lil dawn l-uffiċjali ġudizzjarji. Din il-fergħa tal-Kunsill Suprem tal-Ġudikatura tagħti l-opinjoni tagħha fuq il-penali dixxiplinarji li jikkonċernawhom. Minbarra l-membri li hemm referenza għalihom fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 65, hi tinkludi lill-uffiċjal ġudizzjarju li jirrappreżenta l-Istat li huwa membru tal-fergħa li għandha kompetenza fir-rigward tal-imħallfin ġudikanti.

Il-prosekutur pubbliku (ministère public)

Organizzazzjoni

Il-prosekutur pubbliku huwa rrappreżentat mill-uffiċjali ġudizzjarji huma responsabbli li jħarsu l-interessi tas-soċjetà li jkunu qed jirrappreżentaw billi jeżigu l-applikazzjoni korretta tal-liġi.

Bl-eċċezzjoni tal-uffiċjali ġudizzjarji fil-Qorti tal-Kassazzjoni, li jħaddnu pożizzjoni separata, il-prosekuzzjoni pubblika ta’ Franza tifforma piramida ġerarkika “taħt l-awtorità tal-Ministru tal-Ġustizzja (Garde des Sceaux)”. L-Artikolu 30 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jipprevedi li l-Ministru tal-Ġustizzja jimplimenta l-politika dwar l-azzjoni legali meħuda mill-Istat, kif determinat mill-Gvern. Il-Ministru jiżgura li din il-politika tiġi applikata b’mod konsistenti fit-territorju tar-Repubblika. Għal dan il-għan, hu jagħti struzzjonijiet ġenerali lill-uffiċjali ġudizzjarji tal-prosekuzzjoni pubblika dwar l-azzjonijiet legali meħudin mill-Istat.

F’kull Qorti Reġjonali, il-prosekutur tar-Repubblika jmexxi uffiċċju li huwa magħmul minn bosta uffiċjali ġudizzjarji li jirrappreżentaw l-Istat, li jirrapportaw lilu. Hu jorganizza l-uffiċċju ġudizzjarju tiegħu billi jqassam il-kompiti u s-servizzi fost id-deputati prosekuturi, il-viċi prosekuturi u l-assistenti. Il-prosekutur tar-Repubblika, min-naħa tiegħu, jaġixxi taħt il-monitoraġġ u d-direzzjoni tal-prosekutur ġenerali.

Minbarra din il-ġerarkija, l-uffiċċju ġudizzjarju li jirrappreżenta l-Istat huwaindiviżibbli : l-assistent m'għandux bżonn delega mingħand ta' fuqu biex jaġixxi u l-azzjonijiet kollha tiegħu jorbtu lill-uffiċċju ġudizzjarju kollu.

Rwol u kompetenzi

Il-funzjonijiet tal-uffiċċju ġudizzjarju li jirrappreżenta l-Istat huma essenzjalment kriminali fin-natura tagħhom.. Huwa jmexxi l-inkjesti u jieħu l-passi kollha meħtieġa jew jagħmel mezz li jittieħdu l-passi kollha meħtieġa għall-prosekuzzjoni tal-ksur inkwistjoni. Barra minn hekk, huwa jevalwa x’azzjoni għandha tittieħed f'kawżi kriminali f'konformità mal-prinċipju tal-opportunità (pereż. il-ftuħ ta' investigazzjoni ġudizzjarja, ir-rinviju quddiem qorti kriminali jew l-arkivjar tal-kawża mingħajr l-ebda segwitu). Huwa jintervjeni b'mod mandatorju fis-smigħ billi jiżviluppa liberament l-osservazzjonijiet verbali (fuq il-fatti, il-karattru tal-akkużat u s-sentenza) li fl-opinjoni tiegħu jkunu xierqa għall-funzjonament tajjeb tal-proċess ġudizzjarju. Barra minn hekk, huwa responsabbli mill-infurzar tas-sentenzi.

Huwa wkoll responsabbli mill-protezzjoni tal-minorenni li jkunu fil-periklu u għandu ċerti funzjonijiet ċivili li jikkonċernaw fost l-oħrajn, l-istatus tal-individwi (pereż. bidla fl-istatus ċivili ta’ individwu), funzjonijiet amministrattivi (pereż. b’rabta mal-pubs, mal-istampa perjodika, mal-kummerċjalizzazzjoni diretta eċċ.) u funzjonijiet kummerċjali (pereż. b’rabta mal-proċeduri kollettivi).

Ir-rwol u l-funzjonijiet tal-imħallfin ġudikanti huma deskritti fid-dettall fil-paġna dwar il-qrati ta' ġudikatura ordinarja.

L-imħallfin mhux professjonali

L-imħallfin tal-Qorti għal Talbiet Żgħar u għal Offiżi Żgħar (juges de proximité)

Maħluqa permezz tal-liġi dwar il-gwida u l-ipprogrammar għall-ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 2002, li ġiet issupplimentata bil-Liġi Nru 2005-47 tas-26 ta’ Jannar 2005, l-imħallfin jinħatru b’digriet wara li jingħata l-kunsens mill-CSM, għal perjodu ta’ seba’ snin, li ma jistax jiġġedded. Dawn l-imħallfin huma soġġetti, ħlief għal ċerti riżervi, għall-istatus li rriżulta mill-Ordni Nru. 58-1270 tat-22 ta’ Diċembru 1958, imsemmija hawn fuq.

Huma jeżerċitaw ċerti funzjonijiet tal-imħallfin tal-qrati ta' ġudikatura ordinarja. Fi kwistjonijiet ċivili, huma għandhom kompetenza fir-rigward tal-azzjonijiet personali jew mobbli, sal-valur ta’ EUR 4,000, minbarra għal kwistjonijiet li hija inkarigata minnhom il-Qorti Distrettwali. Fi kwistjonijiet kriminali, huma għandhom ukoll il-kompetenza li jgħaddu l-ġudizzju dwar il-kontravenzjonijiet tal-ewwel erba’ klassijiet, li jiġġudikaw bħala assessuri fil-Qorti Korrettiva u li japprovaw penali mingħajr arrest.

Fl-1 ta' Jannar 2013, kien hemm 452 minn dawn l-imħallfin.

Membri tat-Tribunali għall-Impjiegi

L-elezzjoni tal-membri tat-tribunali għall-impjiegi ssir kull ħames snin. L-elezzjoni tal-membri ssir permezz ta’ kulleġġi, magħmula minn impjegati u ħaddiema, u setturi (agrikultura, industrija, kummerċ, amministrazzjoni u attivitajiet diversi), fejn ir-rappreżentazzjoni hija proporzjonali mingħajr taħlit ta’ voti jew voti preferenzjali. Il-kandidati jridu jkunu ċittadini Franċiżi ta’ 21 sena jew iktar u ma għandu jkollhom l-ebda kundanna kriminali li hemm referenza għaliha taħt L.6 tal-Kodiċi Elettorali.

L-impjegati u l-ħaddiema kollha ta’ aktar minn 16-il sena, li huma involuti f’negozju jew apprendistat, jew li huma involontarjament bla xogħol, huma intitolati li jivvutaw.

Assessuri fit-Tribunal għas-Sigurtà Soċjali

Dawn jinħatru għal tliet snin mill-Ewwel President tal-Qorti tal-Appell minn lista ppreżentata għal dak it-tribunal partikolari, mid-Direttur Reġjonali taż-Żgħażagħ, tal-Isport u tal-Koeżjoni Soċjali fuq proposta tal-organizzazzjonijiet professjonali l-aktar rappreżentattivi.

Assessuri tat-Tribunal għad-Diżabilità

Dawn jinħatru għal tliet snin mill-Ewwel President tal-Qorti tal-Appell fil-ġuriżdizzjoni fejn ipoġġi t-tribunal, mid-Direttur Reġjonali taż-Żgħażagħ, tal-Isport u tal-Koeżjoni Soċjali minn listi ppreżentati fuq proposta tal-iktar organizzazzjonijiet professjonali rappreżentattivi.

Assessuri tat-Tribunali tat-Tfal

Dawn jinħatru għal erba' snin mill-Ministru tal-Ġustizzja. Dawn għandhom ikunu ddistingwew ruħhom għall-interess u l-kompetenza tagħhom fil-qasam tat-tfal; huma jintgħażlu għal kull tribunal tat-tfal minn lista ta' kandidati ppreżentati mill-ewwel president tal-qorti tal-appell.

Assessuri fit-Tribunali tal-Art Agrikola

Dawn huma sidien li ma jaħdmux l-art u bdiewa li jaħdmu l-art li mhumiex sidien, eletti minn sħabhom f'numri ugwali minn listi elettorali stabbiliti mill-prefett fuq proposta tal-kummissjoni tat-tħejjija tal-listi elettorali.

Imħallfin tat-Tribunal Kummerċjali (= l-imħallfin konsolari)

Dawn huma negozjanti volontarji eletti minn negozjanti oħra.

Dawn jintgħażlu b'elezzjoni f'żewġ stadji stabbilita fl-Artikoli L. 723-1 to L. 723-14 and R. 723-1 to R. 723-31 tal-Kodiċi Kummerċjali.

Il-votanti huma l-imħallfin u l-eks-imħallfin u d-delegati konsolari. Dawn tal-aħħar huma stess huma negozjanti li jiġu eletti għal ħames snin, u għandhom biss il-mandat li jeliġġu l-imħallfin tal-qrati kummerċjali.

L-imħallfin tat-Tribunali Kummerċjali huma eletti għal mandat inizjali ta' sentejn, u mbagħad għal mandati ta' erba' snin. In-numru ta' mandati suċċessivi huwa limitat għal erbgħa. Wara r-raba' mandat, l-imħallfin konsolari ma jkunux eliġibbli għal sena.

L-elezzjoni tal-imħallfin tat-Tribunali Kummerċjali ssir kull ħames snin, matul l-ewwel nofs ta' Ottubru fil-ġuriżdizzjonijiet kollha fejn ikun hemm postijiet x'jimtlew.

L-Iskrivan tal-Qorti (greffier)

L-Iskrivan tal-Qorti huwa speċjalist tal-proċedura. Huwa jgħin lill-imħallef fl-atti tal-ġuriżdizzjoni tiegħu u huwa responsabbli li jawtentika u jiċċertifika l-atti ġuridiċi fejn il-liġi tistipula dan, u jekk ma jagħmilx dan, dawn ikunu nulli u bla effett.

Huwa jaħdem id f'id mal-imħallef, u jgħin li dan fit-tħejjija tal-fajls u tar-riċerki dokumentarji. Jista' wkoll jilqa' u jinforma lill-pubbliku, u jagħti taħriġ professjonali fl-Iskola Nazzjonali tal-Iskravani tal-Qorti.

Il-biċċa l-kbira tal-funzjonijiet tal-iskrivan iseħħu l-aktar fis-servizzi differenti tal-ġuriżdizzjonijiet. Skont l-importanza tal-ġuriżdizzjoni u l-organizzazzjoni tagħha, l-iskrivan jista' jkollu responsabbiltajiet ta' ġestjoni bħala kap jew deputat kap tar-reġistru, jew ta' kap ta' dipartiment.

L-Avukati

L-avukati huma awżiljarji tal-ġustizzja u l-professjoni ta' avukat hija professjoni liberali u indipendenti. L-istatut tal-avukati jirriżulta prinċipalment mil-liġi Nru 71-1130 tal-31 ta' Diċembru 1971 li tirriforma ċerti professjonijiet ġudizzjarji u ġuridiċi,u d-Digriet Nru 91-1197 tas-27 ta' Novembru 1991 li jorganizza l-professjoni ta' avukat. Il-Liġi Nru 90-1259 tal-31 ta' Diċembru 1990, li mmodifikat il-liġi tal-1971, u d-digrieti ta' applikazzjoni tagħha, ħolqu l-professjoni l-ġdida ta' avukat billi għaqqdu flimkien l-avukat u l-kunsillier ġuridiku.

Fl-eżerċiżżju ta' kuljum tal-attività tiegħu, l-avukat iwettaq żewġ missjonijiet: jagħti pariri u jiddefendi.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi tal-31 ta' Diċembru 1971, l-avukati rċevew kważi monopolju fil-qasam tal-assistenza u r-rappreżentazzjoni tal-partijiet, u biex jaġixxu u jippreżentaw il-każ quddiem il-ġuriżdizzjonijiet u l-organiżmi ta' ġuriżdizzjoni jew dixxiplinari ta' liema natura jkunu.

Il-professjoni hija kkaratterizzata min-nuqqas ta' assoċjazzjoni nazzjonali, billi l-avukati jridu jżommu rappreżentazzjoni ġusta tal-assoċjazzjinijiet kollha tal-avukati. Hemm 161 assoċjazzjoni tal-avukati metropolitani u lil hinn mill-baħar marbuta mat-tribunali reġjonali (tribunal de grande instance). Kull waħda minn dawn hija ppresjeduta minn president (bâtonnier) u mmexxija minn kunsill; ir-rwol tal-kunsill huwa li jieħu ħsieb il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw l-eżerċizzju tal-professjoni u li jara li jkunu rispettati d-dmirijiet tal-avukati u wkoll li jitħarsu d-drittijiet tagħhom.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Avukati (CNB), maħluq mil-Liġi tal-31 ta' Diċembru 1990 (l-Artikolu 15), huwa korp ta' utilità pubblika mogħni f'personalità ġuridika, u li għandu d-dmir li jirrappreżenta l-professjoni tal-avukati quddiem l-awtoritajiet pubbliċi, li jaħdem favur l-armonizzazzjoni u l-unifikazzjoni tar-regoli u l-prattiki tal-professjoni.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Avukati għandu websajt li jagħti aċċess lil kulħadd u b'xejn għal informazzjoni dwar l-organizzazzjoni tal-professjoni, kwistjonijiet ta' attwalità li jirrigwardawha u wkoll direttorju tal-avukati kollha iskritti mal-assoċjazzjonijiet tal-avukati Franċiżi. Il-biċċa l-kbira tal-assoċjazzjonijiet importanti tal-avukati għandhom il-websajts tagħhom, aċċessibbli liberament u b'xejn, li l-indirizzi tagħhom jinstabu fid-direttorju tal-assoċjazzjonijiet disponibbli fuq is-sit tas-CNB.

L-avukati tal-Kunsill tal-Istat u tal-Qorti tal-Kassazzjoni huma professjoni separata: huma uffiċjali pubbliċi, maħtura fil-funzjoni tagħhom b'ordni tal-Ministru tal-Ġustizzja, li għandhom monopolju tar-rappreżentazzjoni quddiem il-qrati supremi fejn din hija obbligatorja. L-istatut tagħhom jirriżulta essenzjalment mill-Ordni tal-10 ta' Settembru 1817, li stabbiliet l-ordni tal-avukati tal-Kunsill tal-Istat u tal-Qorti tal-Kassazzjoni, id-digriet nru 91-1125 tat-28 ta' Ottubru 1991 dwar il-kundizzjonijiet tal-aċċess għal din il-professjoni u wkoll għad-digriet nru 2002-76 tal-11 ta' Jannar 2002 dwar ir-regoli dixxiplinari ta' din il-professjoni.

Skont Ordni tal-10 ta' Lulju 1814, in-numru tal-avukati tal-Kunsilli huwa stabbilit għal 60. Madankollu, id-digriet tat-22 ta' April 2009 jippermetti lill-Ministru tal-Ġustizzja biex joħloq postijiet ġodda ta' avukati fil-Kunsill tal-Istat u l-Kunsill tal-Kassazzjoni, għal raġunijiet ta' amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, b'mod partikolari fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-litigazzjoni quddiem iż-żewġ ġuriżdizzjonijiet.

L-avukati tal-Kunsilli jikkostitwixxu ordni awtonomu mmexxi minn president megħjun minn kunsill tal-Ordni li jikkonsisti fi 11-il membru. Dan il-korp huwa responsabbli mill-funzjoni dixxiplinari u wkoll mir-rappreżentazzjoni tal-professjoni.

Il-websajt ta' Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Ordni tal-Avukati tal-Kunsill tal-Istat u tal-Qorti tal-Kassazzjoni fih din l-informazzjoni.

Hemm bażi tad-dejta għal dan il-qasam?

Teżisti bażi tad-dejta miżmuma mill-Kunsill Nazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Avukati li tkopri l-lista tal-avukati mniżżla fuq l-elenki ta' kull assoċjazzjoni tal-avukati fi Franza.

L-aċċess għal din l-informazzjoni huwa b'xejn?

L-aċċess għal din il-bażi tad-dejta fuq il-websajt Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kunsill Nazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Avukati huwa b'xejn.

In-Nutara

Organizzazzjoni

In-nutara huma uffiċjali pubbliċi, appuntati b'ordni tal-Ministru tal-Ġustizzja. Madankollu, huma jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f'qafas liberali. L-istatut tagħhom jirriżulta prinċipalment mil-liġi tal-25 Ventôse Sena XI, l-Ordni Nru 45-2590 tat-2 ta' Novembru 1945 u d-Digriet Nru 45-0117 tad-19 ta' Diċembru 1945 dwar l-organizzazzjoni tal-professjoni tan-nutara, id-Digriet Nru 73-609 tal-5 ta' Lulju 1973 dwar il-formazzjoni professjonali u l-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-professjoni tan-nutara u d-Digriet Nru 78-262 tat-8 ta' Marzu 1978 li jiffissa t-tariffi tan-nutara.

Il-professjoni hija organizzata fi kmamar tan-nutara fil-livell dipartimentali u f'kunsilli reġjonali, li huma responsabbli mill-kontroll u mid-dixxiplina tan-nutara taż-żona tagħhom. L-organu rappreżentattiv tal-professjoni fil-livell nazzjonali quddiem l-awtoritajiet pubbliċi huwa l-Kunsill Superjuri tan-Nutara.

Minbarra r-rwol tiegħu ta' rappreżentazzjoni quddiem l-awtoritajiet pubbliċi, il-Kunsill Superjuri tan-Nutara jwettaq missjoni ta' prevenzjoni u ta' konċiljazzjoni tat-tilwim ta' natura professjonali bejn in-nutara li ma jappartjenux għall-istess kunsill reġjonali, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kunsill Superjuri tan-Nutara għandu websajt b'xejn li tiddeskrivi l-karatteristiċi prinċipali tal-professjoni u li fiha direttorju tan-nutara u tal-kmamar dipartimentali u reġjonali.

Rwol u kompetenzi

In-nutara għandhom il-poter li joħorġu atti awtentiċi, b'saħħa ta' eżekuzzjoni mingħajr il-ħtieġa ta' rikors għal deċiżjoni tal-qrati.

Għandhom ukoll il-kompitu li jagħtu pariri lill-individwi u lill-impriżi, kemm f'dak li jirrigwarda t-tfassil ta' atti kif ukoll f'oqsma oħra u, flimkien mal-kompiti ewlenin tagħhom, jistgħu jintervjenu wkoll fil-ġestjoni tal-patrimonji u n-negozjar tal-proprjetà.

Professjonijiet Legali Oħra

Huissiers de justice

Il-huissier de justice huwa uffiċjal ġuridiku pubbliku appuntat b'ordni tal-Ministru tal-Ġustizzja. Madankollu, huma jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f'qafas liberali. Ir-regoli li jirregolaw il-professjoni jirriżultaw prinċipalment mil-liġi tas-27 ta' Diċembru 1923, mill-Ordni Nru 45-2592 tat-2 ta' Novembru 1945, mid-Digriet Nru 56-222 tad-29 ta' Frar 1956 u mid-Digriet Nru 75-770 tal-14 ta' Awwissu 1975.

Huma biss jistgħu jinnotifikaw dokumenti tal-Qorti u jeżegwixxu ordnijiet tal-Qorti u ordnijiet jew strumenti infurzabbli. Minbarra dan, jistgħu, jew fuq kummissjoni mill-Qrati, jew fuq talba ta' individwi, iħejju rapporti ta' sejbiet uffiċjali. Minbarra dan, għandhom il-possibilità li jeżerċitaw attivitajiet aċċessjorji ta' medjatur, ta' amministratur ta' proprjetà immobbli u ta' aġent tal-assigurazzjoni, wara li jkunu infurmaw lill-kamra reġjonali li jkunu jiffurmaw parti minnha u wkoll lill-prokuratur ġenerali tal-qorti tal-appell fejn ikun jinsab l-uffiċċju tagħhom.

Il-huissiers de justice jirċievu fil-qasam ċivili u kummerċjali, għal atti tal-professjoni tagħhom, emolumenti tariffati previsti fid-Digriet Nru 96-1080 tat-12 ta' Diċembru 1996.

Il-professjoni hija rrappreżentata minn kmamar fil-livell tad-dipartimenti u r-reġjuni fil-ġuriżdizzjoni ġeografika ta' kull qorti ta' appell. Minbarra dan, kamra nazzjonali tirrappreżenta l-professjoni kollha quddiem l-awtoritajiet pubbliċi u tirregola t-tilwim bejn il-kmamar u bejn il-huissiers de justice li ma jkunux jappartjenu għall-istess kamra reġjonali Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kamra Nazzjonali tal-Huissiers de Justice għandha websajt b'xejn li jiddeskrivi l-karatteristiċi prinċipali tal-professjoni u li fiha direttorju tal-membri tal-professjoni.

Awżiljarji oħra tal-Qorti

Fit-Tribunali Kummerċjali hemm skrivana tat-Tribunali Kummerċjali li huma uffiċċjali pubbliċi u ministerjali li l-missjonijiet prinċipali tagħhom jikkonsistu f'li jgħinu lill-membri tat-Tribunal Kummerċjali waqt is-seduti u li jgħinu lill-President tat-Tribunal fid-dmirijiet amministrattivi kollha tiegħu. Huma jamministraw ir-reġistru tat-Tribunal u jaraw li jinżammu r-reġistri kummerċjali u tal-kumpaniji, u d-direttorji u l-fajls tat-Tribunal. Huma joħorġu kopji uffiċjali, huma responsabbli għall-użu tas-siġilli u jieħdu ħsieb il-flus iddepożitati fir-reġistru, ifasslu l-atti tar-reġistru u dokumenti formali oħra fil-qasam tal-kompetenza tagħhom.

Huma l-Artikoli L.741 u dawk ta' wara R.741-1 tal-Kodiċi Kummerċjali li jirregolaw din il-professjoni.

Il-professjoni hija rrappreżentata quddiem l-awtoritajiet pubbliċi mill-Kunsill Nazzjonali tal-Iskrivani tal-Qorti tat-Tribunali Kummerċjali (CNGTC), entità ta' utilità pubblika mogħni b'personalità ġuridika, li għandu l-kompitu li jassigura d-difiża tal-interessi kollettivi tal-professjoni. Huwa jorganizza t-taħriġ inizjali u permanenti tal-iskrivani u tal-persunal tar-reġistru, l-eżamijiet professjonali, jiffaċilita l-kisba ta' apprentistati u jassigura s-segwitu tagħhom. Il-websajt tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill Nazzjonali tal-Iskrivani tat-Tribunali Kummerċjali fiha din l-informazzjoni kollha.

Kunsilliera Legali/Avukati tal-Impriżi

Il-professjoni ta' kunsillier ġuridiku ġiet magħquda ma' dik ta' avukat permezz tal-Liġi Nru 90-1259 tal-31 ta' Diċembru 1990.

L-avukati li jaħdmu f'impriża mhumiex sottomessi għal regolamentazzjoni professjonali speċifika.

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaProfessjonijiet Legali


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 27/09/2013