Il-professjonijiet legali - Ungerija

Din il-paġna tagħtik deskrizzjoni ġenerali tal-professjonijiet legali fl-Ungerija.

Professjonijiet legali – introduzzjoni
Prosekuturi
Imħallfin
Avukati
Nutara
Professjonijiet legali oħra


Il-professjonijiet legali

Professjonijiet legali – introduzzjoni

Il-kapitolu jipprovdi deskrizzjoni ġenerali tal-professjonijiet legali fl-Ungerija, tal-prosekuturi, l-imħallfin, l-avukati, il-konsulenti legali, in-nutara u l-marixxalli.

Fl-Ungerija, ir-rappreżentanti tal-professjonijiet legali (l-avukati, in-nutara, il-marixxalli) jaġixxu b'mod indipendenti, imma b'awtogovernanza professjonali f'sistema ta' kmamar. Is-sħubija f'kamra hija l-prerekwiżit biex jipprestaw is-servizzti tagħhom, u l-kmamar għandhom il-jedd li jeżerċitaw kontroll professjonali fuq il-membri tagħhom. Din għandha l-għan li tiżgura li l-membri tal-professjonijiet jipprovdu servizzi ta' livell xieraq.

Prosekuturi (ügyész)

Organizzazzjoni

Ir-regoli kostituzzjonali Ungeriżi jistipulaw li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (Ügyészség) jeżerċita d-drittijiet speċifikati mil-liġi b’konnessjoni mal-investigazzjonijiet, imexxi l-prosekuzzjonijiet fil-qorti, u jkun responsabbli mill-verifiki tal-legalità tal-miżuri penali.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku jgħin biex ikun żgurat li kulħadd ikun konformi mal-liġi, u jaġixxi sabiex jinforza l-liġi meta din tinkiser f’każijiet u bil-mod speċifikati mil-liġi.

Is-Servizz tal-Prosekutur Pubbliku (Ügyészség) huwa organizzazzjoni ċentralizzata diretta mill-Prosekutur Ġenerali (legfőbb ügyész), li jrid iwieġeb ta’ għemilu lill-Parlament. Il-prosekuturi jinħatru u jitneħħew mill-kariga tagħhom mill-Prosekutur Ġenerali.

Il-prosekuturi l-ewwel jinħatru għal tliet snin u wara għal perjodu ta’ żmien indefinit.

Ir-regolamenti li jikkonċernaw lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku huma ddeterminati mil-liġi.

Rwol u dmirijiet

Il-kompiti, ir-responsabbiltajiet u l-istatus legali tal-prosekuturi huma rregolati mil-liġi. Is-servizz tal-prosekuzzjoni huwa entità uniformi u l-prosekuturi kollha għandhom l-istess status legali.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur (ügyészség):

  • Jinvestiga f’każijiet li jinvolvu proċedimenti kriminali ddefiniti mil-liġi;
  • Jivverifika li l-investigazzjoni titwettaq skont id-dispożizzjonijiet legali rilevanti;
  • Jeżerċita komptenzi oħrajn b’konnessjoni mal-investigazzjonijiet;
  • Jipprepara u jressaq akkużi, imexxi prosekuzzjoni fi proċedimenti kriminali u jeżerċita d-drittijiet ta’ appell iddefiniti mil-liġi;
  • Jivverifika li l-eżekuzzjoni tal-pieni titwettaq skont id-dispożizzjonijiet legali rilevanti;
  • Jipparteċipa fi proċedimenti ċivili, tal-impjiegi, amministrattivi u kummerċjali oħrajn: il-prosekutur jipparteċipa fi proċedimenti rregolati mill-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili (polgári perrendtartás) jekk għal xi raġuni, tkun xi tkun, id-detentur tad-drittijiet ma jkunx kapaċi jiddefendi lilu nnifsu;
  • Fil-qafas tal-istħarriġ ġenerali tal-legalità (általános törvényességi felügyelet), jiżgura ruħu li l-liġi tiġi obduta;
  • Fil-qafas tal-istħarriġ ġenerali tal-legalità (általános törvényességi felügyelet), jiżgura ruħu li l-liġi tiġi obduta;
  • Jagħti bidu għall-miżuri meħtieġa ta’ protezzjoni tat-tfal b’relazzjoni għad-delitti mwettqa fil-konfront ta’ minorenni;
  • Iwettaq kompiti li jirriżultaw minn obbligi internazzjonali, partikolarment l-għajnuna legali;
  • Iwettaq kompiti b’relazzjoni għall-Eurojust - Jagħti l-kontribut tiegħu biex ikun żgurat li l-organizzazzjonijiet soċjali, l-entitajiet tal-gvern u ċ-ċittadini kollha josservaw il-liġi, u fejn jinkisru l-liġijiet jaġixxi biex jiddefendi l-istat tad-dritt.

Bażijiet tad-dejta legali

Tista’ ssib iktar informazzjoni fis-sit elettroniku tas-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaServizz tal-Prosekuzzjoni tar-Repubblika tal-Ungerija (Magyar Köztársaság Ügyészsége).

Imħallfin

Organizzazzjoni

Il-Kostituzzjoni tistipula li l-imħallfin huma indipendenti; huma jieħdu deċiżjonijiet fuq il-bażi tal-liġi u f’armonija mal-konvinzjonijiet tagħhom, u ma jistgħux jiġu influwenzati u jingħataw struzzjonijiet meta jagħtu s-sentenzi tagħhom.

Il-President tal-Ungerija għandu d-dritt li jaħtar lill-imħallfin (köztársasági elnök).

Persuna li tixtieq tinħatar imħallef trid tissodisfa l-kriterji li ġejjin:

  • Tkun ċittadin Ungeriż;
  • Ikollha fedina penali nadifa;
  • Ikollha d-dritt li tivvota;
  • Ikollha lawrja universitarja fil-liġi;
  • Tkun għaddiet mill-Eżami tal-warrant ta' avukat fl-Ungerija (szakvizsgával rendelkezik);
  • Tiżvela l-istat tal-finanzi tagħha kif inhu speċifikat mil-liġi; u
  • Ikollha mill-inqas sena esperjenza bħala skrivan tal-qorti (bírósági titkár) jew skrivan ta’ avukat distrettwali (ügyészségi titkár), jew bħala mħallef tal-Qorti Kostituzzjonali, imħallef militari, prosekutur, nutar pubbliku, avukat jew konsulent legali jew kellha impjieg f’aġenzija amministrattiva ċentrali (központi közigazgatási szerv) li għalih kien meħtieġ li tgħaddi mill-eżami tal-warrant ta’ avukat.

Assessuri

Skont ir-regoli kostituzzjonali, fi proċedimenti ġudizzjarji jistgħu jipparteċipaw anki mħallfin popolari/assessuri (nem hivatásos bíró/ülnök).

Il-kandidati jrid ikollhom fedina penali nadifa, irid ikollhom id-dritt tal-vot, iridu jkunu ċittadini Ungeriżi u jrid ikollhom iktar minn 30 sena. Barra minn dawn ir-rekwiżiti, l-assoċjati mħallfin militari (katonai ülnök) iridu jservu fil-persunal professjonali tal-forzi armati Ungeriżi (Magyar Honvédség) jew fl-aġenziji tal-infurzar tal-liġi.

L-assessuri jiġu eletti għal mandati ta’ erba’ snin.

Fi proċedimenti kriminali, il-qrati lokali jkunu magħmula minn imħallef professjonali wieħed (hivatásos bíró) u minn żewġ imħallfin assoċjati f’ċirkustanzi meta r-reat kriminali li jkun qed jiġi kkunsidrat ikun jista’ jiġi kkastigat b’sentenza ta’ ħabs ta’ tmien snin jew aktar. Il-qorti tal-kontea (megyei bíróság) li sservi bħala qorti tal-prim’istanza tista’ tmexxi l-proċedura tagħha permezz ta’ bord (tanács) li jikkonsisti fi mħallef professjonali wieħed flimkien ma’ żewġ assessuri.

Fi proċedimenti ċivili, bord li jikkonsisti fi mħallef professjonali wieħed u f’żewġ imħallfin assoċjati jistgħu jisimgħu l-kawżi ddefiniti mil-liġi.

Skrivana tal-qorti, assistenti tal-qorti

Il-gradwati fil-liġi jiġu impjegati fil-qrati bħala skrivana tal-qorti jew assistenti tal-qorti biex jiksbu għarfien u esperjenza għal karriera futura bħala mħallfin. Huma jistgħu jagħmluha ta’ mħallfin biss fi proċeduri u f’kundizzjonijiet iddefiniti mil-liġi.

Tista' ssib l-iskedi ta' informazzjoni dwar il-persunal ġudizzjarju fil-ħoloq li ġejjin:

  1. uffiċjaliPDF(407 Kb)en
  2. skrivana tal-qortiPDF(382 Kb)en
  3. assistenti tal-qortiPDF(286 Kb)hu
  4. ħaddiema manwaliPDF(280 Kb)hu

Ġuristi

Avukati (ügyvéd)

Meta jkunu qed jipprattikaw il-professjoni tagħhom, l-avukati (ügyvéd) jgħinu lill-klijenti tagħhom jaqbżu għal drittijiethom u jwettqu l-obbligi tagħhom. L-avukati (ügyvéd) jistgħu jipprovdu rappreżentazzjoni legali fil-kawżi kollha u quddiem l-awtoritajiet kollha. Waqt li jiżvolġu l-ħidma professjonali tagħhom l-avukati jkunu indipendenti, li jfisser li ma jistgħux jiġu influwenzati u ma jistgħux jidħlu għal responsabbiltajiet tali li jipperikolaw din l-indipendenza.

L-attivitajiet bi ħlas li jistgħu jwettqu l-avukati biss jinkludu:

  • Rappreżentazzjoni u difiża f’kawżi kriminali;
  • Konsultazzjoni legali;
  • Il-preparazzjoni u l-varjazzjoni ta’ dokumenti legali;
  • Il-ġestjoni ta’ flus u ta’ oġġetti ta’ valur iddepożitati b’relazzjoni mal-attivitaijiet imsemmija iktar ’il fuq.

Għalkemm dawn ma jaqgħux esklużivament fl-ambitu tal-attivitajiet tal-avukat, minħabba r-rekwiżiti tal-ħajja ekonomika tal-lum, l-avukati jistgħu anki jipprovdu servizzi bħal pariri dwar taxxi, operazzjonijiet ta’ aġenziji tal-proprjetà u medjazzjoni barra mill-qrati (peren kívüli közvetítés).

L-attivitajiet tal-avukati jistgħu jitwettqu minn kwalunkwe persuna li tkun ġiet ammessa għall-avukatura (kamara) u li tkun ħadet il-ġurament ta’ avukat (ügyvédi eskü).

Sabiex persuna tkun tista’ tiġi ammessa għall-avukatura:

  • Irid ikollha ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea (Európai Gazdasági Térség);
  • Irid ikollha fedina penali nadifa;
  • Irid ikollha lawrja universitarja u tkun għaddiet mill-eżami professjonali Ungeriż fil-liġi (jogi szakvizsga);
  • Irid ikollha assigurazzjoni ta’ responsabbiltà u spazju adattat għal uffiċċju.

Fl-Ungerija l-avukati mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jistgħu jwettqu attivitajiet ta’ avukati fi tliet forom bażiċi: bħala fornituri ta’ servizzi ad hoc, fuq bażi regolari u bħala membri ammessi għall-avukatura. Il-fornituri ta’ servizzi ad hoc huma obbligati jinnotifikaw is-servizzi tagħhom lill-kamra tal-avukati (ügyvédi kamara) li jkollha l-ġuriżdizzjoni fil-post fejn ikunu pprovduti s-servizzi, filwaqt li dawk li jixtiequ jipprovdu servizzi regolari ta’ avukat iridu jirreġistraw ruħhom mal-kamra tal-avukati kompetenti.

L-avukati tal-Unjoni Ewropea (európai közösségi ügyvéd) imniżżla fir-reġistru jistgħu jitolbu li jiġu ammessi fil-kamra tal-avukati jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti preskritti mil-liġi [eż. il-perjodu ta’ prattika preskritt mil-liġi jkun għadda, jipprovaw il-kompetenza tagħhom fil-liġi Ungeriża (kif ukoll fil-liġi tal-Unjoni Ewropea), ikollhom għarfien xieraq tal-ilsien Ungeriż biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom, eċċ.].

Avukat tal-Unjoni Ewropea li jiġi ammess fil-kamra tal-avukati għandu d-dritt li juża t-titolu professjonali ta’ avukat (ügyvédi cím) u huwa suġġett għall-istess regoli bħall-avukati Ungeriżi.

L-avukati għandhom obbligu ta’ kunfidenzjalità rigward il-fatti u l-informazzjoni kollha li jiġu pprovduti lihom waqt li jwettqu l-attivitajiet professjonali tagħhom.

Bħala regola ġenerali, il-kumpens tal-avukati jkun suġġett għal ftehim liberu bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom. It-tariffi tal-avukati jiġu rregolati biss jekk jagħmluha ta’ difensuri pubbliċi (kirendelt védő) fi proċedimenti tal-qorti.

Bażijiet tad-dejta legali

Tista’ ssib iktar informazzjoni fis-sit elettroniku tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKamra tal-Avukati Ungeriża (Magyar Ügyvédi Kamara).

Konsulenti legali (jogtanácsos)

Il-kompitu fundamentali tal-konsulenti legali huwa li jiffaċilitaw ħidmet l-organizzazzjoni li jkunu impjegati magħha. Il-konsulenti legali jagħmlu rappreżentazzjoni legali fi ħdan l-organizzazzjoni li timpjegahom u jagħtu pariri u informazzjoni legali; jippreparaw rikorsi, kuntratti u dokumenti oħrajn; u jipparteċipaw fl-organizzazzjoni tax-xogħol legali. Bħala regola ġenerali, il-konsulenti legali – b’differenza għall-avukati l-oħra – iwettqu dmirijiethom (li ma jkunux daqshekk estensivi daqs dawk tal-avukati l-oħra) bħala impjegati. Il-kumpens tal-konsulenti legali huwa bbażat fuq ir-regolamenti dwar l-impjiegi.

Kwalunkwe persuna mniżżla fir-reġistru li jinżamm aġġornat mill-qorti tal-kontea – f’Budapest (jiġifieri, mill-Qorti Metropolitana ta’ Budapest) ) (Fővárosi Bíróság)– tista’ ssir konsulent legali. L-applikanti:

  • Irid ikollhom iċ-ċittadinanza ta’ wieħed mill-Istati Membri parteċipanti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (az Európai Gazdasági Térségről szóló megállapodás);
  • Irid ikollhom fedina penali nadifa;
  • Irid ikollhom lawrja universitarja;
  • Iridu jkunu għaddew mill-eżami professjonali Ungeriż fil-liġi; u
  • Iridu jkunu mniżżla fir-reġistru.

F’ċerti każijiet, il-Ministru tal-Ġustizzja (az igazságügyért felelős miniszter) jista’ jagħti eżenzjoni mill-kundizzjoni taċ-ċittadinanza.

Nutara (közjegyző)

Filwaqt li jaġixxi fi ħdan is-setgħat iddefiniti mil-liġi, in-nutar pubbliku (közjegyző) iwettaq l-amministrazzjoni uffiċjali tal-ġustizzja bħala parti mis-sistema ġudizzjarja tal-Istat.

L-għan tal-attivitajiet tan-nutara huwa li ma jħallux li t-tilwim legali jeskala, u huma intitolati li jaħdmu biss f’dan il-qasam jekk ikunu ammessi bħala membri tal-Kamra tan-Nutara (Közjegyzői Kamara). Fuq il-bażi tal-liġi, in-nutara jinħatru mill-Ministru tal-Ġustizzja biex jaħdmu fi kwartieri ġenerali partikolari u għal perjodu ta’ żmien indefinit.

In-nutara huma obbligati jiksbu assigurazzjoni ta’ responsabbiltà u jżommuha matul il-perjodu li fih jiżvolġu l-attivitajiet professjonali tagħhom.

Il-medda esklużiva ta’ attivitajiet li jagħmlu n-nutara tinkludi r-reġistrazzjoni tat-tranżazzjonjiet legali, tad-dikjarazzjonijiet legali u tal-fatti fi strumenti pubbliċi (közokirat). Wieħed mill-kompiti tradizzjonali tan-nutar huwa li jmexxi proċedimenti probatorji u proċedimenti oħrajn li ma jirrigwardawx kawżi. Kompitu importanti ieħor li jagħmlu n-nutara huwa li jżommu reġistri tal-ipoteki fuq proprjetajiet mobbli personali kif ukoll iġestixxu d-depożiti, fejn jirċievu flus, oġġetti ta’ valur u sigurtajiet fuq il-bażi tal-awtorizzazzjoni li jkunu ngħataw mill-partijiet involuti sabiex jikkonsenjawhom lill-parti li tkun intitolata għalihom.

Għal attivitajiet li jistgħu jitqiesu bħala medji f’dak li jirrigwarda t-tul ta’ żmien li jieħdu, rekwiżit għall-eżerċizzju ta’ ġudizzju u ta’ responsabbiltà legali mwettqa fl-uffiċċji tagħhom, in-nutara huma intitolati għall-ammont ta’ ħlas iddefinit mil-liġi. F’każijiet eċċezzjonali (eż. dwar każijiet diffiċli li jeħtieġu livell ogħla ta’ ħiliet), il-ħlas jista’ jvarja mill-ammont tas-soltu. Jekk il-valur irrappreżentat mis-suġġett tal-attività tan-nutar ikun jista’ jiġi ddikjarat, it-tariffa tan-nutar tiġi ddefinita fuq din il-bażi. Jekk il-valur irrappreżentat mis-suġġett tal-attività tan-nutar ma jistax jiġi ddikjarat, it-tariffa tan-nutar trid tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-ħin li n-nutar ikun qatta’ fuq l-attività professjonali. Il-prezz tal-awtentikazzjoni tal-kopji tad-dokumenti min-naħa tan-nutara huwa wieħed fiss.

Peress li ċ-ċittadinanza Ungeriża hija rekwiżit fundamentali għall-imħallfin, għall-prosekuturi, għall-iskrivana tal-qorti, għall-marixxalli u għan-nutara, fl-Ungerija ċ-ċittadini barranin ma jistgħux jinħatru f’dawn il-karigi.

Bażijiet tad-dejta legali

Tista’ ssib iktar informazzjoni fis-sit elettroniku tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKamra Nazzjonali tan-Nutara Ungeriża (Magyar Országos Közjegyzői Kamara).

Professjonijiet legali oħra

Marixxalli

Il-miżuri ta’ eżekuzzjoni jiġu eżegwiti mill-marixxalli (marixxalli tal-qrati indipendenti (önálló bírósági végrehajtó) u marixxalli tal-qrati tal-kontej (megyei bírósági végrehajtó)).

Bħala regola ġenerali, it-talbiet inklużi fid-deċiżjonijiet tal-qrati (bírósági határozat) li jittieħdu fil-kawżi ċivili jiġu eżegwiti mill-marixxalli tal-qrati indipendenti. Il-marixxalli tal-qrati indipendenti jinħatru mill-Ministru tal-Ġustizzja biex jissieħbu f’qorti lokali partikolari (helyi bíróság) f’żona ta’ ġuriżdizzjoni partikolari.

Il-marixxalli tal-qrati indipendenti mhumiex impjegati mill-Istat; id-dħul tagħhom jitħallas mill-klijenti għax-xogħol li jkunu wettqu.

Il-firxa tal-attivitajiet tagħhom tinkludi:

  • Eżekuzzjoni fuq il-bażi ta’ ċertifikat ta’ eżekuzzjoni (végrehajtási lap) maħruġ mill-qorti;
  • Eżekuzzjoni fuq il-bażi ta’ dokument b’mandat ta’ eżekuzzjoni (végrehajtási záradék) maħruġ mill-qorti;
  • Eżekuzzjoni fuq il-bażi ta’ ordni ġudizzjarju jew ta’ restrizzjoni ta’ eżekuzzjoni jew ta’ ordni ta’ trasferiment (végrehajtást elrendelő, letiltó, átutalási végzés), kif ukoll, digriet ta’ avviż ġudizzjarju dirett (közvetlen bírósági felhívás).

Il-marixxalli tal-qrati reġjonali huma attivi fil-qrati reġjonali u fil-Qorti Reġjonali tal-Kapitali Budapest (Fővárosi Törvényszék). Marixxall ta' qorti reġjonali għandu jiġi appuntat mill-prim imħallef tal-qorti reġjonali għal perjodu ta' żmien indefinit, sabiex jaħdem f'qorti reġjonali speċifika. Sejħa għall-uffiċċju ta' marixxall ta' qorti reġjonali għandha tiġi mħabbra mill-prim imħallef tal-qorti reġjonali. Il-marixxall tal-qorti reġjonali hu dak li jkun impjegat mill-qorti reġjonali biex jokkupa dik il-kariga uffiċjali fil-qorti u li jkun qed jirċievi benefiċċji bbażati fuq din ir-relazzjoni tax-xogħol.

Il-marixxalli tal-qrati reġjonali għandhom jeżegwixxu "talbiet ġudizzjarji” (meta l-proprjetarju leġittimu tat-talba jkun l-Istat); talbiet ġudizzjarji huma l-ispejjeż ta' proċedimenti ċivili jew kriminali mħallsa minn qabel mill-Istat. Il-ġabra tal-ispejjeż tal-proċedura kriminali, is-sekwestru tal-proprjetà u penali oħra li huma ta' natura pekunjarja huma d-dmir tal-marixxalli tal-qrati tal-kontej. L-għajnuna għat-tfal li toħroġ mill-qorti hi kwalifikata bħala talbiet ġudizzjarji u l-eżekuzzjoni tagħha hi wkoll fi ħdan il-kompetenza tal-marixxalli tal-qrati reġjonali. Barra minn hekk, il-marixxalli tal-qrati reġjonali għandhom jeżegwixxu, jekk il-proprjetarju leġittimu tat-talba jkun il-qorti, il-Kunsill Ġudizzjarju Nazzjonali, l-Uffiċċju Ġudizzjarju Nazzjonali, il-Ministeru tal-Ġustizzja, istitut ta' esperti ġudizzjarji jew l-Istat.

Iż-żona ta’ ġurizdizzjoni tal-marixxalli tikkoinċidi maż-żona ta’ ġuriżdizzjoni tal-qorti.

Bażijiet tad-dejta legali

Tista’ ssib iktar informazzjoni fis-sit elettroniku tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKamra tal-Marixxalli tal-Qrati Ungeriża (Magyar Bírósági Végrehajtói Kamara).

Organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi legali pro bono

Il-kliniċi legali joperaw fl-universitajiet u f’diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi Ungeriżi u internazzjonali attivi f’dan il-qasam.

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Paġna prinċipali tal-Kamra Nazzjonali tan-Nutara Ungeriża (A Magyar Országos Közjegyzői Kamara honlapja)

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Paġna Prinċipali tal-Kamra tal-Marixxalli tal-Qrati Ungeriża (A Magyar Bírósági Végrehajtói Kamara honlapja)

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Paġna Prinċipali tas-Servizz tal-Prosekuzzjoni tar-Repubblika tal-Ungerija (A Magyar Köztársaság Ügyészségének honlapja)

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Paġna Prinċipali tal-Kamra tal-Avukati Ungeriża (A Magyar Ügyvédi Kamara honlapja)


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 15/02/2017