Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Il-professjonijiet legali - Irlanda

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: l-Ingliż diġà ġew tradotti.

Din il-paġna tagħtik ħarsa ġenerali lejn il-professjonijiet ġuridiċi fl-Irlanda.


Il-professjonijiet legali

Il-Professjonijiet Ġuridiċi - Daħla

Il-fergħa ġudizzjarja tal-Istat hija eżerċitata mill-ġudikatura skont l-Artikolu 34 tal-Kostituzzjoni u ċertu leġiżlazzjoni: primarjament l-Att tal-1961 dwar il-Qrati (twaqqif u Kostituzzjoni) u l-Att dwar il-Qrati (Dispożizzjonijiet Supplimentali) tal-1961, kif emendat. L-imħallfin huma maħtura minn fost l-applikanti mill-professjonijiet ġuridiċi. Huma kompletament indipendenti fit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. Din l-indipendenza hija mħarsa fil-Kostituzzjoni. Il-professjoni ġuridika hija maqsuma bejn l-avukati (solicitors, li jikkonċentraw fuq xogħol dirett mal-klijent) u l-konsulenti legali (barristers, li jispeċjalizzaw fl-avukatura u fil-litigazzjoni).

1. L-imħallfin

Il-Bord Konsultattiv tal-Ħatriet Ġudizzjarji jidentifika l-adegwatezza ta’ persuni biex jinħatru għal kariga ġudizzjarja u jinforma lill-Gvern dwar dan. Il-Bord Konsultattiv tal-Ħatriet Ġudizzjarji (Judicial Appointments Advisory Board - JAAB) ġie stabbilit skont l-Att tal-1995 dwar il-Qrati u l-Uffiċjali tal-Qrati. Il-Bord jikkonsisti mill-Prim Imħallef, mill-Presidenti tal-High Court, tas-Circuit Court u tal-Qorti tad-Distrett (District Court), mill-Avukat Ġenerali, minn rappreżentanti maħtura tal-Kamra tal-Avukati u tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati (Law Society) u minn tliet persuni maħtura mill-Ministru tal-Ġustizzja u tar-Riforma tal-Liġi. L-imħallfin huma appuntati mill-President fuq il-parir tal-Gvern. Il-ġudikatura hija indipendenti u hija soġġetta biss għall-Kostituzzjoni u għal-liġi. F'konformità mal-Kostituzzjoni, l-għadd ta' mħallfin huwa stabbilit minn żmien għal żmien permezz tal-leġiżlazzjoni.

Il-Qorti Suprema tikkonsisti mill-Prim Imħallef, li jippresjedi fuq il-Qorti, u minn seba’ mħallfin ta' ġuriżdizzjoni ordinarja magħrufa bħala l-"Imħallfin tal-Qorti Suprema". Il-President tal-High Court huwa wkoll membru ex officio tal-Qorti Suprema. Il-High Court tikkonsisti mill-President tal-High Court li hu responsabbli għall-organizzazzjoni ġenerali tax-xogħol tal-High Court u mill-imħallfin ta' ġuriżdizzjoni ordinarja magħrufa bħala l-"Imħallfin tal-High Court". Il-Prim Imħallef u l-President tas-Circuit Court huma membri ex officio tal-High Court. Il-High Court hija magħmula minn President u 35 imħallef. Is-Circuit Court tikkonsisti mill-President tas-Circuit Court u l-imħallfin ta' ġuriżdizzjoni ordinarja magħrufa bħala l-"Imħallfin tas-Circuit Court". Il-President tal-Qorti tad-Distrett huwa wkoll membru ex officio tas-Circuit Court. Il-Qorti tad-Distrett tikkonsisti mill-President tal-Qorti tad-Distrett kif ukoll minn imħallfin oħra magħrufa bħala l-"Imħallfin tal-Qorti tad-Distrett".  Is-salarji tal-imħallfin huma stabbiliti mil-leġiżlazzjoni li tiġi ppromulgata minn żmien għal żmien.

L-imħallfin jinħatru minn fost il-professjonijiet ġuridiċi ta’ avukati jew ta' konsulenti legali kkwalifikati li jkollhom ċertu ammont ta' snin ta’ esperjenza ta' prattika (mhux ta' riċerka). Fir-rigward tal-Qorti tad-Distrett, l-Artikolu 29(2) tal-Att dwar il-Qrati (Dispożizzjonijiet Supplimentali) tal-1961 jistipula li persuna li tkun ilha tipprattika l-professjoni tagħha bħala konsulent legali jew avukat għal mhux inqas minn għaxar snin, hi kkwalifikata biex tinħatar bħala mħallef tal-Qorti tad-Distrett. L-Artikolu 30 tal-Att tal-1995 dwar il-Qrati u l-Uffiċjali tal-Qrati jistipula li avukat jew konsulent legali b'esperjenza ta' għaxar snin huwa kkwalifikat biex jinħatar bħala mħallef tas-Circuit Court. L-Att tal-2002 dwar il-Qrati u l-Uffiċjali tal-Qrati jistipula li persuna li tkun ilha tipprattika l-professjoni tagħha bħala konsulent legali jew avukat għal mhux inqas minn 12-il sena, hi kkwalifikata biex tinħatar bħala mħallef tal-High Court jew tal-Qorti Suprema. Kif intqal qabel, il-ġudikatura hija indipendenti għall-fatt li hija soġġetta biss għall-Kostituzzjoni u għal-liġi. Il-membri tal-ġudikatura, meta jieħdu l-kariga tagħhom, jagħmlu d-dikjarazzjoni segwenti skont l-Artikolu 34.5.1 tal-Kostituzzjoni:

“Fil-preżenza ta’ Alla li jista' kollox, solennement inwiegħed u niddikjara li se naqdi fedelment il-kariga ta’ Prim Imħallef (jew skont xi jkun il-każ), bl-aħjar ħila tiegħi u skont is-setgħa li tingħatali, mingħajr biża’ jew favur, affezzjoni jew ħsara fil-konfront ta' kwalunkwe persuna, u li se nirrispetta l-Kostituzzjoni u l-liġijiet. Hekk Alla jgħini.”

Skont il-Kostituzzjoni, l-Imħallfin tal-High Court u tal-Qorti Suprema jistgħu jitneħħew biss mill-kariga għal mġiba ħażina ddikjarata jew għal inkapaċità wara li r-riżoluzzjonijiet ikunu għaddew miż-żewġt Ikmamar tal-Oireachtas (il-Parlament bl-Irlandiż). L-Att tal-1924 dwar il-Qrati tal-Ġustizzja u l-Att tal-1946 dwar il-Qrati tal-Ġustizzja (Qorti tad-Distrett) jistipulaw dispożizzjonijiet statutorji simili għall-imħallfin tas-Circuit Court u għal dawk tal-Qrati tad-Distrett.

2. L-Avukat Ġenerali u d-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi

L-Avukat Ġenerali huwa "l-konsulent tal-Gvern fi kwistjonijiet ta’ opinjoni legali u ta' liġi", kif stipulat fl-Artikolu 30 tal-Kostituzzjoni. L-Avukat Ġenerali jiġi maħtur mill-President fuq in-nomina tat-Taoiseach (il-Prim Ministru bl-Irlandiż) u huwa obbligat li jirtira mill-kariga tiegħu meta jagħmel dan it-Taoiseach. L-Avukat Ġenerali ġeneralment huwa konsulent legali li jkun jipprattika l-professjoni tiegħu bħala tali u Konsulent Anzjan. Ma hemm l-ebda regola li timponi fuq l-Avukat Ġenerali biex ma jkomplix bil-prattika privata tiegħu iżda hekk kien qed jiġri f’dawn l-aħħar snin.

Bħala l-konsulent legali tal-gvern, l-Avukat Ġenerali jeżamina bir-reqqa l-abbozzi ta’ leġiżlazzjoni kollha li l-Gvern ikun beħsiebu jressaq quddiem iż-żewġ Oireachtas (il-kmamar tal-Parlament) sabiex jiġu trasferiti f’liġi. Barra minn hekk, l-Avukat Ġenerali jagħti pariri lill-gvern dwar kwistjonijiet internazzjonali bħalma huma r-ratifikazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali. Funzjoni oħra tal-Avukat Ġenerali hija li jirrappreżenta lill-pubbliku fl-affermazzjoni tad-drittijiet pubbliċi. Dan isir billi jingħata bidu għall-proċeduri legali jew billi jiġu kkuntrarjati. Għalkemm maħtur mit-Taoiseach, l-Avukat Ġenerali huwa indipendenti mill-Gvern. F’dak li jirrigwarda l-Kostituzzjoni, l-Avukat Ġenerali jkun dejjem il-konvenut ewlieni f'każ li l-kostituzzjonalità tal-leġiżlazzjoni tiġi kkontestata.

Qabel l-1976, ir-reati kriminali serji kollha tressqu l-qorti f'isem l-Avukat Ġenerali. Il-Kostituzzjoni tistipula li din il-funzjoni tista' titwettaq minn persuna oħra awtorizzata mil-liġi biex taġixxi għal dak l-iskop. Għaldaqstant, twaqqaf l-Uffiċċju tad-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi skont it-Taqsima 2 tal-Att tal-1974 dwar il-Prosekuzzjoni ta’ Reati li daħal fis-seħħ fl-1976 - bil-għan li jkun hemm uffiċjal wieħed, mingħajr l-ebda konnessjonijiet politiċi, biex iwettaq dawn il-funzjonijiet. Id-Direttur jinħatar mill-Gvern iżda huwa impjegat taċ-ċivil biex b'hekk id-Direttur ma jkollux għalfejn jirriżenja meta jaqa' l-gvern, għall-kuntrarju tal-Avukat Ġenerali. Dan jiżgura li jkun hemm kontinwità fil-prosekuzzjoni ta’ reati. L-Att tal-1974 jistipula wkoll li d-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi għandu jkun indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijietu. Id-Direttur jista’ jitneħħa mill-pożizzjoni tiegħu min-naħa tal-Gvern, iżda dan jiġri biss wara li jkun sar rapport rigward saħħtu jew imġibtu minn kumitat li jkun jinkludi lill-Prim Imħallef, lil imħallef tal-High Court u lill-Avukat Ġenerali.

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaId-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi (DPP) għalhekk jieħu d-deċiżjoni dwar jekk persuna għandhiex tiġi akkużata b’reat kriminali serju jew le u biex se tiġi akkużata. Ir-reati kollha jitressqu f’isem id-DPP iżda l-biċċa l-kbira ta’ delitti inqas serji jistgħu jitressqu l-qorti mill-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaGardaí (il-forza tal-pulizija bl-Irlandiż) mingħajr ma jintbagħat fajl lid-DPP. F’dawn il-każijiet, id-DPP għandu d-dritt li jagħti pariri lill-Gardaí dwar kif għandu jiġi indirizzat il-każ. Għalkemm id-DPP ħa f’idejh ir-rwol tal-Avukat Ġenerali fil-prosekuzzjoni tal-każijiet, l-Avukat Ġenerali jżommu f’dak li jirrigwarda każijiet ta’ natura internazzjonali bħalma hi l-estradizzjoni.

3. L-impjegati tas-Servizz tal-Qrati (Courts Service)

Ir-Reġistraturi tal-Qorti (Court Registrars) u s-Segretarji Ġuridiċi (Court Clerks) huma impjegati mis- Servizz tal-Qrati.

Is-Segretarji Ġuridiċi huma responsabbli mill-amministrazzjoni ġenerali tal-qrati. Il-funzjoni ewlenija ta' Reġistratur tal-Qorti hija li jassisti lill-imħallef matul l-andament tas-seduta u li jiżgura li l-amministrazzjoni meħtieġa għat-tmexxija tajba tal-qrati tkun ġestita b’mod effiċjenti.

Is-Servizz tal-Qrati huwa korp korporattiv indipendenti li nħoloq f’Novembru 1999 u li twaqqaf mill-Gvern skont l-Att tal-1998 dwar is-Servizz tal-Qrati. Is-Servizz tal-Qrati jirrapporta lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Ugwaljanza u, permezz tal-Ministru, huwa responsabbli ta' għemilu lejn il-Gvern.

Is-Servizz tal-Qrati għandu ħames mandati:

  • Li jimmaniġġja l-Qrati
  • Li jipprovdi servizzi ta’ sostenn lill-imħallfin
  • Li jipprovdi tagħrif lill-pubbliku dwar is-sistema tal-Qrati
  • Li jipprovdi, jiġestixxi u jieħu ħsieb il-binjiet tal-Qrati
  • Li jipprovdi l-faċilitajiet meħtieġa għal dawk li jagħmlu użu mill-Qrati

4 Ix-Xeriff

Kull kontea fl-Irlanda għandha Xeriff li huwa impjegat taċ-ċivil u parti mir-responsabbiltà tiegħu hija li jissekwestra u jbigħ oġġetti għas-saldu ta' dejn wara li tkun inkisbet sentenza tal-Qorti. Ix-xeriffs jinħatru skont l-Att tal-1945 dwar l-Uffiċjali tal-Qrati, u l-Artikolu 12(5) tal-Att jillimita l-ħatra f'din il-kariga għall-konsulenti legali jew l-avukati li jkunu ilhom ħames snin jipprattikaw il-professjoni tagħhom, jew għal dawk li jkunu ħadmu bħala segretarji maniġerjali jew bħala assistenti ewlenin ta' xeriff jew ta' deputat xeriff għal mhux inqas minn ħames snin. L-Artikolu 12(6)(g) tal-Att tiddikjara li l-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ kull Xeriff, soġġetti għall-artikoli tal-Att imsemmija hawn fuq, huma determinati minn żmien għal żmien mill-Ministru tal-Finanzi wara konsultazzjoni mal-Ministru tal-Ġustizzja u l-Ugwaljanza.

5. L-Avukati (solicitors)

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Assoċjazzjoni tal-Avukati tal-Irlanda (The Law Society of Ireland) tikkontrolla l-edukazzjoni ta’ studenti li jixtiequ jsiru avukati, u għandha setgħat dixxiplinarji fuq l-avukati kkwalifikati. Sabiex wieħed isir avukat, huwa meħtieġ li jagħmel perjodu ta’ tliet snin apprentistat u li jispiċċa l-korsijiet ta’ studju organizzati mill-Assoċjazzjoni tal-Avukati tal-Irlanda. Sabiex wieħed jiġi aċċettat għall-korsijiet ta’ studju, huwa meħtieġ li jkollu diploma universitarja jew l-ekwivalenti tagħha – dan hu magħruf bħala r-rekwiżit ta' eżami preliminari. Jekk wieħed ikun jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, imbagħad ikun meħtieġ li jagħmel l-Eżami Finali tal-Assoċjazzjoni (Society’s Final Examination), li huwa maqsum f'taqsimiet magħrufa bħala "FE-1", "FE-2" u "FE-3". L-eżami FE-1 jinkludi tmien suġġetti ewlenin: Il-Liġi tal-Kumpaniji, il-Liġi Kostituzzjonali, il-Liġi dwar il-Kuntratti, il-Liġi Kriminali, l-Ekwità, il-Liġi tal-Komunità Ewropea, il-Liġi dwar il-Proprjetà Immobbli u l-Liġi dwar id-Delitti (Tort Law). L-aħħar taqsimiet huma korsijiet ta’ natura vokazzjonali. It-taqsima FE-2 hija magħrufa bħala l-kors professjonali u tikkonsisti f’14-il ġimgħa ta’ lekċers intensivi segwiti minn eżami u fi 18-il xahar ta' taħriġ intern bħala parti mill-apprentistat ta’ student. Il-Kors FE-3 jew il-Kors Avvanzat jikkonsisti f’seba’ ġimgħat ta’ lekċers intensivi segwiti minn eżami. Ladarba l-persuna kkonċernata tlesti din it-taqsima, hi tkun intitolata biex tiġi ammessa fil-Kamra tal-Avukati. Skont l-Artikolu 51 tal-Att (ta' Emenda) tal-1994 dwar l-Avukati, il-konsulenti legali (barristers) ikkwalifikati jistgħu jiġu trasferiti biex isiru avukati (solicitors) mingħajr ma jkun hemm għalfejn li dawn jgħaddu mill-programm sћiћ ta' taћriġ għall-avukati apprentistati.

Kull avukat ikkwalifikat huwa soġġett għas-setgħat dixxiplinarji tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati. Skont l-Atti dwar l-Avukati tal-1954 sal-1994, it-Tribunal tad-Dixxiplina tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati għandu s-setgħa li jinvestiga allegazzjonijiet ta’ mġiba ħażina bħal pereżempju l-miżapproprjazzjoni ta’ flus, u mbagħad jista' jirreferi l-kwistjoni lill-President tal-High Court. Il-President għandu s-setgħa li jissospendi avukat mill-prattika tiegħu u li jneħħi s-sospensjoni. It-Tribunal tad-Dixxiplina għandu s-setgħa li jeżiġi r-rimborż ta' fondi lil klijenti jekk isib li avukat ikun talabhom aktar flus milli jmissu.

L-Istrument Statutorju 732 tal-2003, ir-Regolamenti dwar il-Komunitajiet Ewropej (L-Istituzzjoni tal-Avukati) tal-2003, jistipula li l-avukati ta' Stat Membru li jixtiequ jkomplu jiżvolġu l-attivitajiet professjonali tagħhom bħala konsulenti legali jew avukati fl-Irlanda, għandhom japplikaw mal-Kamra tal-Avukati jew mal-Assoċjazzjoni tal-Avukati għar-reġistrazzjoni biex jagħmlu dan. L-applikazzjoni tiġi kkunsidrata u jekk tiġi aċċettata jinħareġ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni. Appell għal ċaħda min-naħa tal-Kamra tal-Avukati jew tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati jaqa’ f’idejn il-High Court.

6. Konsulenti Legali (barristers)

L-Honorable Society of King’s Inns tipprovdi taħriġ legali postgradwali, li jwassal għall-għoti tat-titolu ta’ barrister-at-law (hekk kif inhi magħrufa kollettivament il-professjoni) għal dawk li jkunu jixtiequ jipprattikaw f'qorti. Il-King’s Inns hija soċjetà volontarja li tinsab taħt il-kontroll tal-Benchers tal-Honorable Society of King’s Inns, li huma konsulenti legali anzjani (senior barristers) u membri tal-ġudikatura. Id-dħul għall-kors ta' grad huwa bbażat fuq eżami tad-dħul għall-gradwati tad-Diploma fl-Istudji Legali tal-King’s Inns jew għall-gradwati fil-liġi. Il-kors tad-Diploma fl-Istudji Legali jieħu sentejn (fuq bażi part-time) u l-Kors tal-Barrister-at-Law huwa kors full-time ta' sena jew kors modulari ta' sentejn. Malli jlestu b'suċċess il-kors ta' grad, l-istudenti kkonċernati jiġu mistiedna mill-Prim Imħallef fil-Qorti Suprema u wara ċ-ċerimonja, il-konsulenti legali mgħajta jiffirmaw il-lista tal-membri tal-Kamra tal-Avukati. Madankollu, hemm rekwiżiti oħra x'jiġu ssodisfati qabel ma jkunu jistgħu jinvolvu ruħhom f’xogħol legali bi ħlas.

Il-konsulenti legali jridu jkunu membri tal-Librerija Ġuridika (Law Library) biex jipprattikaw. Il-Librerija Ġuridika hija l-post minn fejn jinkiseb aċċess għal testi u materjali legali u fejn tkun tista' ssir ħidma fuqhom, bil-ħlas ta' dritt annwali. Qabel ma jsir membru tal-Librerija Ġuridika, konsulent legali jrid jagħżel mentor (master) - konsulent stabbilit li jkollu minn tal-inqas ħames snin esperjenza. Sakemm ikun għadu taћt il-gwida tal-mentor, perjodu li ġeneralment jieħu xi sena, il-konsulent legali li jkun għadu kemm ingħata t-titolu jkun magħruf bħala devil (novizz). Il-mentor jintroduċi lin-novizz għax-xogħol prattiku ta’ konsulent legali u normalment jitlob lin-novizz biex jassistih fl-abbozzar tat-trattazzjonijiet tal-qorti u fir-riċerka legali, u biex jattendi s-seduti tal-qorti f’ismu.

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kunsill Ġenerali tal-Kamra tal-Avukati tal-Irlanda (General Council of the Bar of Ireland), li huwa korp mhux statutorju, jissorvelja l-imġiba tal-konsulenti legali. Il-Kunsill jiġi elett kull sena mill-membri tal-Kamra tal-Avukati u joħroġ Kodiċi tal-Kondotta Professjonali, li jiġi emendat minn żmien għal żmien mill-membri tal-Kamra tal-Avukati. Dan il-Kodiċi tal-Kondotta jistabbilixxi dak li hu mistenni mill-konsulenti legali.

Allegazzjonijiet ta’ ksur tal-Kodiċi tal-Kondotta jiġu investigati mill-Kumitat tal-Kamra tal-Avukati dwar il-Prattiki Professjonali (Professional Practices Committee of the Bar Council), li jinkludi persuni li ma jkunux membri tal-Kamra tal-Avukati. Il-Kumitat għandu s-setgħa li joħroġ multi, li jagħti twissijiet u li jissospendi jew jeskludi membru mil-Librerija Ġuridika. Id-deċiżjonijiet tal-Kumitat jistgħu jiġu appellati quddiem il-Bord tal-Appelli, li jinkludi mħallef tas-Circuit Court kif ukoll membru lajk.

Tradizzjonalment il-konsulenti legali kien ikollhom jirċievu l-istruzzjonijiet mingħand avukat, u ma kienx permess l-aċċess dirett għalihom. Din il-prattika ġiet eżaminata mill-Kummissjoni tal-Kummerċ Ġust, u fir-rapport tagħha tal-1990 din stqarret li l-projbizzjoni ġenerali fuq l-aċċess dirett kienet prattika restrittiva u rrakkomandat li titħassar minn fuq il-Kodiċi tal-Kondotta. Il-Kummissjoni ma aċċettatx il-fatt li f’ċerti każijiet l-involviment kontinwu ta’ avukat kien mixtieq. Il-Kummissjoni rrakkomandat li ma għandu jkun hemm l-ebda regoli statutorji jew regoli oħra li jkunu jirrikjedu l-preżenza fiżika ta’ avukat fil-qorti biex jagħti l-istruzzjonijiet lil konsulent legali. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għadhom ma ġewx implimentati b’mod sħiħ iżda saru diversi emendi fil-Kodiċi tal-Kondotta biex il-konsulenti legali jingħataw aċċess dirett minn ċerti Korpi Professjonali Approvati.

Il-konsulenti legali huma jew konsulenti subalterni (junior counsel) jew konsulenti anzjani (senior counsel). Tradizzjonalment, il-membri tal-Kamra tal-Avukati jipprattikaw bħala konsulenti subalterni għal numru ta’ snin qabel ma jiddeċiedu jekk iridux isiru konsulenti anzjani. Dan mhuwiex każ ta’ promozzjoni awtomatika, u ċerti konsulenti subalterni jagħżlu li ma japplikaw qatt. B’mod ġenerali, il-biċċa l-kbira tal-konsulenti legali jqisu jsirux konsulenti anzjani wara li jkunu ilhom ħmistax-il sena jipprattikaw il-professjoni. Dawk li jkunu jixtiequ jsiru konsulenti anzjani japplikaw mal-Avukat Ġenerali għall-approvazzjoni, iżda fil-verità l-ħatra ssir min-naħa tal-Gvern fuq il-parir tal-Avukat Ġenerali, li min-naħa tiegħu jikkoordina wkoll mal-Prim Imħallef, mal-President tal-High Court u mal-President tal-Kamra tal-Avukati.

B’mod ġenerali, il-konsulenti subalterni jabbozzaw u jħejju t-trattazzjonijiet u jmexxu kawżi li normalment ikunu fil-qrati inferjuri, iżda ma jillimitawx ruħhom għal dawn. Il-funzjonijiet ta' konsulent anzjan jinkludu l-iskrutinju tal-abbozzi tat-trattazzjonijiet imħejjija mill-konsulenti subalterni u t-tmexxija ta' kawżi aktar diffiċli fil-High Court u fil-Qorti Suprema.

7. Ir-Reġistraturi tal-Kontea

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIr-reġistraturi tal-Kontea huma avukati kkwalifikati u huma maħtura mill-gvern. Huma jwettqu funzjonijiet kważi ġudizzjarji b'rabta mas-Circuit Court, u huma responsabbli mill-ġestjoni tal-uffiċċji tas-Circuit Court.

Huma jaġixxu wkoll bħala Xeriff tal-Kontea (County Sheriff), minbarra f’Dublin u f'Cork.

8. In-Nutara

In-Nutara Pubbliċi jinħatru mill-Prim Imħallef fil-qorti mlaqqa' f’seduta pubblika. Huma jwettqu l-funzjonijiet prinċipali li ġejjin:

  • L-awtentifikazzjoni ta' dokumenti
  • Il-konferma u l-verifika ta’ firem fuq dokumenti
  • L-eżekuzzjoni ta’ protesti notarili fir-rigward ta’ dokumenti kummerċjali bħalma huma l-kambjali u l-biljetti negozjabbli, u ta’ kwistjonijiet marittimi
  • Teħid ta’ affermazzjonijiet, dikjarazzjonijiet u (ħlief fir-rigward ta’ proċeduri quddiem il-qrati Irlandiżi) affidavits.

L-applikazzjonijiet jsiru permezz ta' petizzjoni li tkun tinkludi r-residenza u l-okkupazzjoni tal-Petizzjonant, l-għadd ta' Nutara Pubbliċi fid-distrett, il-popolazzjoni tad-distrett u ċ-ċirkostanzi li jindikaw għalfejn hemm bżonn ta' Nutar Pubbliku u/jew kif inqala' post vakanti. Il-petizzjoni trid tiġi vverifikata permezz ta’ affidavit tal-Petizzjonant li fih jintwera ċertifikat tal-idoneità. Dan iċ-ċertifikat ġeneralment jiġi ffirmat minn sitt avukati lokali u minn sitt mexxejja tal-komunità tan-negozju lokali. Il-petizzjoni titressaq quddiem il-Prim Imħallef b'Avviż ta’ Mozzjoni li jiġi nnotifikat, permezz tal-Uffiċċju tal-Qorti Suprema, lir-Reġistru tal-Fakultà tan-Nutara Pubbliċi (Registrar of the Faculty of Notaries Public) fl-Irlanda, lis-Segretarju/Segretarja tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati u lin-Nutara Pubbliċi kollha li jipprattikaw fil-kontej tal-applikant u fil-kontej ġirien.

Il-prattika ġenerali hija li l-ħatra bħala Nutara Pubbliċi joħduha l-avukati (solicitors) biss. Meta persuna, li ma tkunx avukat, tapplika biex tilħaq Nutar Pubbliku, l-Assoċjazzjoni tal-Avukati teżiġi li l-Petizzjonant jaħlef quddiem il-Prim Imħallef li mhux se jkun involut fi trasferimenti ta' proprjetà jew f’xogħol ġuridiku li normalment jitwettaq minn avukat. Sabiex petizzjonant jinħatar bħala Nutar Pubbliku, l-ewwel irid jgħaddi bilfors minn eżami stabbilit mill-Fakultà tan-Nutara Pubbliċi fl-Irlanda.

Nota:

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar ir-remunerazzjoni attwali tal-Avukat Ġenerali, tad-Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi, tas-Segretarji Ġuridiċi u tax-Xeriffs, tista' tibgħathom

  • Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidabil-posta elettronika jew
  • bil-posta f'dan l-indirizz:
    Human Resources,
    Department of Finance,
    Merrion Street,
    Dublin 2.

Il-konsulent legali jaħdmu għal rashom u l-qligħ tagħhom ivarja ħafna.

L-avukati jistgħu jew jaħdmu għal rashom (billi jkollhom il-prattika privata tagħhom) jew inkella jkunu impjegati, u l-qligħ tagħhom ivarja ħafna wkoll.

In-nutara jitolbu ħlas għal kull dokument insinwat minnhom. Ma hemm l-ebda leġiżlazzjoni li tirregola l-ħlas mitlub, iżda ġeneralment in-nutara jżommu skont il-ħin li jkunu ħadu u l-ivvjaġġar li jkunu għamlu, u abbażi tal-ammont li jkun mistenni li jitħallas professjonist għal servizz li jkun ipprovda.


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 20/11/2018