Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Il-professjonijiet legali - Lussemburgu

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Franċiż diġà ġew tradotti.

Hawnhekk issibu deskrizzjoni qasira tad-diversi professjonijiet legali.


Il-professjonijiet legali

Il-professjonijiet ġuridiċi- introduzzjoni

Din it-taqsima tagħti informazzjoni dwar il-professjonijiet fil-qasam ġuridiku (deskrizzjoni, kundizzjonijiet għall-aċċess għall-professjoni, eċċ.).

Ħarsa ġenerali tas-sistema ġudizzjarja

Fil-Lussemburgu, il-qrati huma maqsuma f'żewġ oqsma, jiġifieri l-qrati ordinarji u l-qrati amministrattivi. Din l-istruttura organizzattiva hija bbażata fuq il-kriterju tan-natura tal-kwistjoni.

Il-qrati ordinarji (l’ordre judiciaire) jikkonsistu fi tliet Kummissarji tal-Ġustizzja (Justices de Paix), żewġ qrati distrettwali (Tribunaux d’arrondissement), Qorti tal-Appell (Cour d’Appel) u Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de Cassation). Dawn il-qrati essenzjalment huma kompetenti biex jisimgħu kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-liġi ċivili, il-liġi kummerċjali, il-liġi kriminali kif ukoll il-liġi tax-xogħol. Fis-sistema tal-qrati ordinarji, hemm imħallfin li jaqtgħu is-sentenza (magħrufa wkoll bħala magistrats du siège, ‘sitting judges’) u prosekuturi pubbliċi (substituts u procureurs, magħrufa bħala la magistrature debout, ‘standing judges’), bit-tnejn huma meqjusa li jaqgħu taħt l-istess professjoni ta' mħallef.

Il-qrati amministrattivi (l’ordre administratif) jinkludu Qorti Amministrattiva tal-Prim'Istanza (Tribunal administratif) u Qorti Amministrattiva (Cour administratif). Dawn il-qrati jisimgħu tilwim ta' natura amministrattiva u fiskali (taxxa diretta).

Il- Qorti Kostituzzjonali (Cour constitutionnelle) hija ffurmata minn imħallfin mill-qrati ordinarji u mill-qrati amministrattivi. Dawn jiżguraw il-konformità tal-liġi mal-Kostituzzjoni li hija l-liġi suprema tal-pajjiż.

L-imħallfin

Hemm żewġ modi kif wieħed isir imħallef:

Ir-reklutaġġ permezz ta' eżami kompetittiv

L-imħallfin prospettivi, jiġifieri l-imħallfin apprendisti ((attachés de justice) jintagħżlu permezz ta' eżami kompetittiv. Sabiex jidħol għall-eżami kompetittiv, kandidat irid jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

  1. irid ikun ċittadin Lussemburgiż;
  2. igawdi bis-sħiħ id-drittijiet ċivili u politiċi tiegħu u jippreżenta l-garanzija neċessarja ta' reputazzjoni tajba;
  3. ikollu lawrija fil-liġi mill-Università tal-Lussemburgu ekwivalenti għal lawrija rikonoxxuta f'livell ta' Masters jew lawrija barranija ekwivalenti għal lawrija f'livell ta' Masters aċċettata u rikonoxxuta mill-Ministru responsabbli għall-edukazzjoni superjuri skont l-Att emendat tat-18 ta' Ġunju 1969 dwar l-edukazzjoni superjuri u r-rikonoxximent ta' lawriji u diplomas barranin;
  4. jkollu għarfien xieraq tal-lingwa Lussemburgiża, Franċiża u Ġermaniża;
  5. jkun għamel perjodu bħala apprendistat ġudizzjarju jew notarili ta' mill-inqas 12-il xahar;
  6. irid jissodisfa l-kundizzjonijiet rikjesti għall-idoneità fiżika u mentali, li jiġu vverifikati permezz ta' eżami mediku u psikoloġiku.

L-eżami kompetittiv għar-reklutaġġ tal-imħallfin jiġi organizzat mill-kummissjoni għar-reklutaġġ u t-taħriġ tal-imħallfin apprendisti ("il-kummissjoni"). Dan l-eżami kompetittiv jikkonsisti fi tliet provi bil-miktub dwar il-liġi ċivili u l-proċedura ċivili, il-liġi kriminali u l-proċedura kriminali, il-liġi amministrattiva u t-tilwim amministrattiv. Il-provi bażikament jinvolvu t-tfassil ta' sentenza jew deċiżjoni. Il-kandidati li jgħaddu jridu jġibu mill-inqas tlieta minn kull ħamsa tal-punti disponibbli għat-tliet provi u mill-inqas nofs il-punti disponibbli għal kull prova. Il-kandidati jiġu kklassifikati mill-kummissjoni skont il-marki finali tagħhom. Il-kandidati jiġu mpjegati skont l-ordni fil-klassifika.

Reklutaġġ mingħajr kompetizzjoni

Din hija proċedura sussidjarja ta' reklutaġġ li tiġi organizzata biss jekk mill-eżami kompetittiv ma jgħaddix in-numru ta' mħallfin apprendisti stabbilit kull sena mill-Ministru għall-Ġustizzja.

Biex ikun jista' japplika, kandidat irid:

  1. jissodisfa ċerti kundizzjonijiet meħtieġa għall-ammissjoni għall-eżami kompetittiv, jiġifieri dawk imsemmija fil-punti 1, 4 u 6;
  2. ikollu d-diploma li juri li lesta l-perjodu ta' apprendistat;
  3. ikun ipprattika bħala avukat għal total minimu ta' ħames snin.

Il-kummissjoni tistieden lill-kandidati għal intervista individwali. Espert tal-psikoloġija jieħu sehem fl-intervista individwali u jippreżenta l-opinjoni bir-raġunijiet tiegħu fuq kull kandidat. Il-kriterji għall-għażla tal-kandidati huma r-riżultat tal-eżamijiet finali ta' korsijiet addizzjonali fil-liġi Lussemburgiża u l-eżami finali wara l-apprendistat, l-esperjenza professjonali, xi kwalifiki addizzjonali u pubblikazzjonijiet. Il-kandidati jiġu magħżula mill-kummissjoni.

Il-Kostituzzjoni tiggarantixxi l-indipendenza politika tal-imħallfin ġudikanti. Il-ħatra tagħhom hija permanenti. L-ebda mħallef ġudikanti ma jista' jitneħħa mill-kariga tiegħu jew jiġi sospiż ħlief b'sentenza tal-qorti. Barra minn hekk, it-tneħħija tiegħu ma tistax isseħħ ħlief bin-nomina għal kariga ġdida u bil-kunsens tiegħu biss. Madanakollu, f'każ ta' mard jew kondotta ħażina, l-imħallfin ġudikanti jistgħu jiġu sospiżi, imneħħija jew mogħtija kariga oħra, skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mil-liġi.

Il-kariga ta' mħallef hija inkompatibbli ma' dik ta' membru tal-Gvern, membru parlamentari, ta' sindku, membru tal-kunsill eżekuttiv jew kunsillier komunali, ma' kull kariga pubblika jew privata bi ħlas, mal-kariga ta' nutar jew bailiff, kariga militari jew ekkleżjastika kif ukoll il-professjoni ta' avukat. L-imħallfin huma imparzjali u huma marbuta bis-sigriet professjonali. Il-ħlas tagħhom huwa stabbilit mil-liġi.

Għal aktar informazzjoni, ara l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidapaġna fuq il-professjoni ta' mħallef fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

L-avukati

Il-professjoni ta' avukat (avocat) hija regolata mill-Att emendat tal-10 ta' Awwissu 1991 dwar il-professjoni ta' avukat.

L-avukati huma membri ta' professjoni indipendenti b'membri li jaħdmu għal rashom. L-avukati jistgħu jipprattikaw fuq bażi individwali jew jiffurmaw ditti b'personalità ġuridika. L-avukati biss jistgħu jassistu jew jidhru għall-partijiet, iressqu t-talbiet tagħhom f'isimhom quddiem il-qrati tkun xi tkun in-natura tagħhom, jirċievu d-dokumenti u ċ-ċertifikati tagħhom biex iressquhom quddiem il-qorti, jiktbu u jiffirmaw l-istrumenti neċessarji għall-finijiet tal-proċedura u jippreparaw il-każijiet għall-qorti.

L-avukati biss jistgħu jagħtu, fuq bażi regolari u bi ħlas, pariri legali, jew ifasslu għal ħaddieħor atti privati f'isem ħaddieħor. L-avukati jirrapreżentaw u jassistu wkoll lill-klijenti tagħhom quddiem il-qrati internazzjonali, bħall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. L-avukati huma marbuta bis-sigriet professjonali, li hija kwistjoni ta' ordni pubbliku u li l-ksur tiegħu huwa reat kriminali.

Sabiex ikunu jistgħu jipprattikaw fil-Lussemburgu, l-avukati jridu jkunu membri ta' Kamra tal-Avukati stabbilita fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu. Dan jgħodd ukoll għall-avukati Ewropej li jixtiequ jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fil-Lussemburgu bit-titolu professjonali tal-oriġini tagħhom.

Ir-reġistru tal-Kamra tal-Avukati jinkludi sitt Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidalisti:

lista I: avukati li jidhru l-Qorti (avocats à la Cour)

lista II: avukati (avocats)

lista III: avukati onorarji (avocats honoraires)

lista IV: avukati mill-Unjoni Ewropea li jeżerċitaw il-professjoni bit-titolu tal-oriġini tagħhom

lista V: ditti ta' avukati li jistgħu jipprattikaw quddiem il-Qorti

lista VI: ditti oħra ta' avukati

Għall-finijiet ta' iskrizzjoni fil-Kamra tal-Avukati ġewwa l-Lussemburgu, l-avukati jridu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

  • jippreżentaw il-garanzija neċessarja ta' kondotta nadifa,
  • juru illi ssodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-aċċess għall-apprentistat ġudizzjarju jew li jkunu għaddew b'suċċess mill-eżami ta' ħila għall-avukati ġejjin minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea mill-Att emendat tal-10 ta' Awwissu 1991 li jistabbilixxi, għall-professjoni ġudizzjarja, is-sistema ġenerali ta' rikonoxximent ta' diplomi ta' studju superjuri li tirrikonoxxi taħriġ professjonali ta' minimu ta' tliet snin, jew li ssodisfaw il-kundizzjonijiet biex wieħed isir avukat li jeżerċita l-professjoni fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu bit-titolu professjonali tal-oriġini tiegħu, b'applikazzjoni tal-Att emendat tat-13 ta' Novembru 2002 li jittrasponi fil-liġi Lussemburgiża d-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata' l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni; u juru ħakma tajba ħafna tal-lingwa tal-liġi u tal-lingwi tal-amministrazzjoni u l-qrati skont it-tifsira tal-Att tal-24 ta' Frar 1984 dwar ir-reġim tal-lingwi;
  • jrid ikollhom in-nazzjonalità Lussemburgiża jew ikunu ċittadini ta' Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea;
  • ikollhom għarfien tajjeb ħafna tal-lingwa tal-liġijiet u tal-lingwi tal-amministrazzjoni u tal-qrati skont l-Att tal-24 ta' Frar 1984 dwar ir-reġim tal-lingwi mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31-1 tal-Att emendat tal-10 ta' Awwissu 1991. Il-livell ta' għarfien meħtieġ għal-lingwa Lussemburgiża u Ġermaniża huwa dak ta' B2 skont il-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għall-komprensjoni orali, il-livell B1 għall-espressjoni orali u għal-lingwa Ġermaniża biss, il-livell B2 għall-komprensjoni bil-miktub. Għal-lingwa Franċiża huwa meħtieġ il-livell B2 kemm għall-komprensjoni orali kif ukoll għall-espressjoni orali u bil-miktub.

B'deroga għas-subparagrafu ta' qabel, fil-mument tal-ammissjoni tagħhom fil-lista 1 tal-Kamra tal-Avukati, l-avukati Ewropej msemmija fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 98/5/KE iridu juru biss li għandhom ħakma tajba tal-lingwa tal-leġiżlazzjoni skont l-Att tal-24 ta' Frar 1984 dwar l-użu tal-lingwi, jekk jillimitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom għal dawk li ma jeħtiġux il-ħakma tal-lingwi l-oħra msemmija fl-Att. Il-livell mitlub ta' għarfien tal-lingwi huwa dak indikat fis-subparagrafu msemmi hawn qabel.

Xi kjarifiki ulterjuri rigward l-esiġenzi lingwistiċi:

L-avukati rreġistrati fuq bażi individwali jrid ikollhom ħakma tajba tal-lingwa tal-leġiżlazzjoni skont it-tifsira tal-Att tal-24 ta' Frar 1984 dwar ir-reġim tal-lingwi u ta' kull lingwa oħra meħtieġa fl-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali tagħhom, mingħajr preġudizzju għal dak li ntqal qabel.

L-avukati mniżżla fil-lista II irid ikollhom ukoll ħakma tajba tal-lingwi amministrattivi u ġudizzjarji tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu li jistgħu jiġu mitluba sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom mill-apprentistat ġudizzjarju.

L-avukat li jaċċetta l-inkarigu ta' kawża jrid ikollu l-ħiliet professjonali u lingwistiċi meħtieġa jew jirriskja miżuri dixxiplinarji.

Il-kunsill tal-kamra tal-avukati, wara konsultazzjoni mal-Ministru tal-Ġustizzja, jista', fuq prova tar-reċiproċità min-naħa ta' pajjiż mhux membru tal-Unjoni Ewropea li l-kandidat huwa ċittadin tiegħu, jagħti d-dispensa mill-kundizzjoni tan-nazzjonalità. Dan jgħodd ukoll għall-kandidati li għandhom l-istatus ta' refuġjat politiku u li jgawdu mid-dritt ta' ażil fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu.

L-avukati mniżżla fil-lista I biss għandhom dritt jużaw it- titolu avocat de la Cour (avukat li jista' jidher il-Qorti). Biex jiġu ammessi fil-lista I iridu:

  • bħala avukati mniżżla fil-lista II, jkunu lestew perjodu ta' apprentistat ġudizzjarju ta' sentejn u għaddew mill-eżami finali tal-apprentistat ġudizzjarju,
  • jew ikunu għaddew mill-eżami ta' ħila maħsub għall-avukati ta' Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea mill-Att emendat tal-10 ta' Awwissu 1991 li jistabbilixxi, għall-professjoni ġudizzjarja, is-sistema ġenerali ta' rikonoxximent tad-diplomi ta' studju superjuri li jikkonfermaw it-tlestija ta' taħriġ professjonali ta' perjodu minimu ta' tliet snin,
  • jew, għall-avukati Ewropej li jistgħu jeżerċitaw il-professjoni bit-titolu professjonali tal-oriġini tagħhom, juru attività effettiva u regolari ta' mill-inqas tliet snin fil-Lussemburgu u fil-liġi Lussemburgiża, kif ukoll id-dritt tal-Unjoni Ewropea, jew isiru soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9(2) tal-Att emendat tat-13 ta' Novembru 2002 li jittrasponi fil-liġi Lussemburgiża d-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata' l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni.

L-avukati li jidhru l-qorti biss jistgħu jagħmlu dawk l-atti li għalihom il-liġijiet u r-regolamenti jitolbu l-preżenza ta' avukat quddiem il-Qorti, jiġifieri li jirrappreżentaw lill-partijiet quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, il-qrati amministrattivi, il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja u quddiem il-qrati distrettwali fil-qasam ċivili, biex iressqu talbiet għal ħaddieħor, jirċievu d-dokumenti u l-provi biex iressquhom quddiem il-Qorti, u biex jiżguraw il-firma xierqa tal-atti neċessarji għall-finijiet tal-proċedura korretta u biex imexxu l-proċedimenti sabiex tingħata sentenza.

L-avukati fuq il-lista II u l-avukati Ewropej li għandhom dritt jipprattikaw bit-titolu professjonali tal-pajjiż tal-oriġini tagħhom fuq il-lista IV ma jistgħux iwettqu dawn il-kompiti jekk ma jkunux assistiti minn avukat inkluż fil-lista I. Minħabba li mhemmx restrizzjonijiet fuq ir-rappreżentazzjoni tal-partijiet quddiem il-qrati fejn mhemmx rekwiżit obbligatorju għal avukat li jista' jidher quddiem il-qorti, l-avukati fuq il-listi II jew IV jistgħu jirrapreżentaw lill-partijiet f'dawk il-qrati mingħajr l-assistenza ta' avukat fil-lista I.

L-aċċess għat-taħriġ għall-avukati, li huwa regolat mir-Regolament tal-Gran Dukat tal-10 ta Ġunju 2009 dwar l-organizzazzjoni tal-apprentistati ġudizzjarji u li jirregola l-aċċess għall-professjoni ta' nutar, jinkludi apprentistat professjonali magħmul minn perjodu ta' korsijiet kumplimentarji fil-liġi Lussemburgiża u wara, perjodu ta' prattika.

Wara l-kisba taċ-ċertifikat ta' taħriġ kumplimentari fil-liġi Lussemburgiża, l-apprendisti jiġu mniżżla fil-lista II ta' waħda mill-Kmamar tal-Avukati tal-Lussemburgu.

L-għan tal-apprendistat ġudizzjarju huwa li tiġi mgħallma l-professjoni ta' avukat. Permezz tal-istudji universitarji l-apprendist ikun akkwista għarfien profond tal-liġi u l-korsijiet addizzjonali fil-liġi Lussemburgiża (CCDL) jikkumplimentaw dan l-għarfien permezz ta' tagħlim fuq il-karatteristiċi speċifiċi dwar il-liġi Lussemburgiża. Matul l-apprendistat ġudizzjarju, essenzjalment l-enfasi jkun fuq it-tagħlim tal-professjoni ta' avukat kemm bil-prattika tal-professjoni taħt id-direzzjoni ta' avukat anzjan u bil-korsijiet imfassla speċifikament biex jgħallmu lill-apprentist dwar il-professjoni.

Il-prattika legali ta' minimu ta' sentejn tiġi konkluża permezz ta' eżami fl-aħħar tal-apprentistat. Wara li jgħaddi mill-eżami, l-apprentist isir avukat tal-qorti u jitniżżel fil-lista I.

Fuq talba motivata u ġġustifikata, l-apprentist jista' jiġi awtorizzat mill-kumitat ta' tmexxija biex iqatta' perjodu minimu ta' tliet xhur u massimu ta' sitt xhur mill-apprentistat ġudizzjarju tiegħu f'ditta tal-avukati ġewwa Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea. Dan il-perjodu ta' apprentistat awtorizzat barra l-pajjiż jgħodd mal-perjodu ta' apprentistat ġudizzjarju.

L-avukati huma membri ta' Kamra tal-Avukati (ordre des avocats), li hija korp indipendenti mis-setgħat pubbliċi u mill-ġudikatura. Hemm Kamra tal-Avukati fil-Lussemburgu u Kamra tal-Avukati f'Diekirch. Kull Kamra għandha personalità ġuridika. Il-Kamra tal-Avukati hija ffurmata mill-korpi li ġejjin: l-assemblea, il-kunsill tal-kamra, il-President, u, għall-professjoni kollha, il-kunsill dixxiplinarju u amministrattiv.

Għal aktar informazzjoni, ara l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidapaġna fuq il-professjoni ta' avukat fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

In-Nutara

In-numru ta' nutara huwa ffissat mir-regolament tal-Gran Dukat skont l-Artikolu 13 tal-Att emendat tad-9 ta' Diċembru 1976 dwar l-organizzazzjoni tal-professjoni nutarili (notaire). Attwalment in-numru tan-nutara huwa ta' 36 nutar għall-pajjiż kollu.

In-nutara huma uffiċjali pubbliċi li jistgħu jirċievu l-atti u l-kuntratti kollha li l-partijiet għandhom jew iridu jagħtu l-awtentiċità assoċjata mal-istrumenti tal-awtorità pubblika u biex jawtentikaw id-data tagħhom, iżommuhom f'post sikur, joħorġu l-kopji awtentiċi u kopji addizzjonali.

In-nutara ma jistgħux la huma nfushom, sew direttament u sew indirettament, u l-anqas permezz ta' persuna mqabbda minnhom: ikollhom negozju; ikunu maniġers, imexxu negozju, diretturi ta' ġestjoni jew stralċjarji ta' kumpanija kummerċjali jew ta' stabbiliment industrijali jew kummerċjali; ikunu involuti fl-amministrazzjoni u s-sorveljanza ta' kumpaniji, intrapriżi jew aġenziji li bħala attività tan-negozju għandhom ix-xiri, il-bejgħ, l-iżvilupp jew il-kostruzzjoni tal-bini, jew li jkollhom kwalunkwe interess; ma jistgħux, ma' dawn il-kumpaniji, intrapriżi jew aġenziji, ikollhom rabtiet li jfixklu l-għażla ħielsa tan-nutar mill-partijiet; jiddedikaw lilhom infushom ta' spiss f'operazzjonijiet bankarji, tranżazzjonijiet ta' skontijiet jew senserija jew spekulazzjonijiet fil-borża, minbarra l-operazzjonijiet ta' skont li jagħmlu matul il-ħidma tagħhom; jirċievu depożiti ta' fondi, minbarra d-depożiti li jsiru matul il-ħidma tagħhom jew fl-okkażjoni tal-likwidazzjoni tal-patrimonji; joffru s-servizzi tagħhom f'xi kwistjoni li fiha jkollhom interess; jużaw prestanome għal atti li ma jistgħux jagħmlu direttament; ikollhom għas-servizz tagħhom aġenti tan-negozju jew aġenti immobiljari f'xi kapaċità.

L-atti tan-nutara huma awtentiċi skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili; huma titoli eżekuttivi jekk ikollhom klawżola li tagħti l-awtorizzazzjoni għall-eżekuzzjoni. In-nutara huma obbligati jużaw, għat-tfassil tal-atti, il-lingwa Franċiża jew Ġermaniża, skont ix-xewqat tal-klijent.

In-nutara jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fuq it-territorju nazzjonali kollu. Permezz tal-funzjonijiet tagħhom jipparteċipaw fl-eżerċizzju tas-setgħa pubblika.

Il-Kamra tan-Nutara (Chambre des Notaires) hija ffurmata minn seba' membri eletti minn fost in-nutara tal-pajjiż mill-Assemblea Ġenerali tan-Nutara.

Minbarra s-setgħat mogħtija lill-Kamra tan-Nutara mil-liġijiet u r-regolamenti, hija għandha wkoll fost l-oħrajn, ir-responsabbiltajiet li ġejjin:

  • li żżomm id-dixxiplina bejn in-nutara u teżerċità d-dixxiplina permezz tal-Kunsill tad-Dixxiplina tagħha; tevita jew tirrikonċilja kull kwistjoni bejn in-nutara, u, f'każ ta' nuqqas ta' ftehim, tagħti l-opinjoni tagħha;
  • tirrikonċilja l-kwistjonijiet kollha bejn in-nutara u terzi;
  • tagħti l-parir tagħha dwar id-diffikultajiet li jikkonċernaw t-tariffi professjonali, l-emolumenti, is-salarji, il-pagamenti, l-ispejjeż u r-rifużjonijiet imġarrba min-nutara kif ukoll kull differenza f'dan ir-rigward imressqa quddiem il-qrati ċivili;
  • tirċievi għall-kustodja l-arkivji tal-minuti; tikkontrolla l-kontabbiltà tan-nutara;
  • tirrappreżenta lin-nutara tal-Gran Dukat għad-difiża tad-drittijiet u l-interessi tal-professjoni.

Il-Kunsill tad-Dixxiplina huwa ffurmat mill-President tal-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu jew mill-imħallef li jissostitwixxih bħala president, u erba' membri tal-Kamra tan-Nutara eletti skont l-anzjanità tagħhom fil-professjoni.

Il-Kunsill tad-Dixxiplina jżomm id-dixxiplina fuq in-nutara kollha għal: ksur ta' dispożizzjonijiet ġuridiċi u regolamentari li jikkonċerna l-eżerċizzju tal-professjoni; aġir ħażin u negligenza professjonali; fatti kuntrarji għad-diskrezzjoni u d-dinjità professjonali kif ukoll l-unur u l-integrità; dan kollu mingħajr preġudizzju għall-azzjoni ġudizzjarja li tista' tittieħed minħabba l-istess fatti. Id-deċiżjonijet tal-Kunsill ta' Dixxiplina jistgħu jiġu appellati kemm min-nutar misjub ħati kif ukoll mill-Prokuratur Ġenerali tal-Istat. L-appell jitressaq quddiem is-sezzjoni ċivili tal-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja, li tiddeċiedi permezz ta' sentenza definittiva.

Għall-aċċess għall-professjoni ta' nutar, jeħtieġ illi l-kandidat:

  • ikollu n-nazzjonalità Lussemburgiża jew ikun ċittadin ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea,
  • igawdi mid-drittijiet ċivili u politiċi,
  • ikollu 25 sena u jkun kiseb id-diploma ta' kandidat-nutar skont il-leġiżlazzjoni Lussemburgiża (skont ir-reġim attwali), jew iċ-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaċertifikat tat-tmiem tal-apprentistat li huwa meħtieġ sabiex ikun jista' jiġi ammess għall-professjoni ta' nutar (skont ir-reġim antik).
  • ħakma tajba ħafna tal-lingwa tal-liġi u tal-lingwi amministrattivi u ġudizzjarji skont l-Att tal-24 ta' Frar 1984 dwar ir-reġim tal-lingwi.

Għal aktar informazzjoni, ara l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidapaġna fuq il-professjoni ta' nutar fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Professjonijiet ġuridiċi oħra

Il-bailiffs

Il-bailiff (huissiers de justice) huwa uffiċċjal pubbliku fejn huwa biss jista':

  • jinnotifika l-atti u jeżegwixxi n-notifiki stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti meta l-metodu tan-notifika mhux stabbilit mil-liġi;
  • jgħaddi għall-eżekuzzjoni tas-sentenzi kif ukoll tal-atti jew it-titoli eżekuttivi.

Il-bailiff jista' wkoll:

  • jeżegwixxi l-irkupru bonarju jew ġudizzjarju tal-krediti kollha; din is-setgħa tinkludi wkoll id-dritt li jiffirma f'isem ir-rikorrenti talbiet għall-kisba ta' ordni ta' pagament jew ordni ta' sekwestru fil-każ ta' self perjodiku;
  • il-valutazzjoni u l-irkant pubbliku tal-mobbli, l-oġġetti tad-dar u l-oġġetti maqbuda, skont il-liġijiet u r-regolamenti kkonċernati.

Huma jistgħu jiġu mqabbda mill-qorti biex ifasslu:

  • rapporti purament materjali, mingħajr xi opinjoni dwar il-konsegwenzi ta' fatt jew ta' dritt li jistgħu jinqalgħu;
  • rapporti tal-istess natura fuq talba tal-individwi; fiż-żewġ każijiet, dawn ir-rapporti huma awtentiċi sakemm ma jiġix ippruvat xort'oħra.

It-tariffi tal-bailiffs jiġu determinati permezz ta' regolament tal-Gran Dukat.

Il-Kamra tal-Bailiffs (Chambre des huissiers de justice) tirrappreżenta l-professjoni fuq livell nazzjonali. Il-Kamra tiġi amministrata minn Bord ta' tliet membri: chairman, segretarju u teżorier. Iċ-chairman jirrappreżenta lill-Kamra tal-Baliffs ġudizzjarjament u ekstraġudizzjarjament.

Għal aktar informazzjoni, ara l-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidapaġna dwar il-professjoni ta' bailiff fuq is-sit tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Reġistraturi

Il-Kap reġistratur (greffier en chef) imexxi r-reġistru u l-persunal tal-qorti. Id-dmirijiet amministrattivi tal-Kap Reġistratur jinkludu l-ħruġ ta' kopji lill-avukati u lill-individwi (pereżempju ċertifikati ta' divorzju għat-traskrizzjoni barra l-pajjiż), il-ħruġ ta' kopji ta' dokumenti tal-proċedura, l-aċċettazzjoni tad-depożitu ta' testmenti olografiċi u dikjarazzjonijiet tas-suċċessjoni, l-għoti tal-ġurament tar-reġistraturi, it-tħejjija ta' assemblej ġenerali, l-istatistika u s-superviżjoni tal-arkivji. Ir-reġistratur jirċievi wkoll il-kontestazzjonijiet dwar l-imparzjalità tal-imħallfin.

Ir-rwol tar-reġistraturi huwa li jassistu lill-imħallfin bl-atti u arkivji rilevanti kollha, l-aktar matul is-seduti ta' smigħ, meta jitilgħu il-qorti l-partijiet, l-investigazzjonijiet, l-inkjesti fuq il-post, l-awtopsji, l-inventarji minħabba falliment, it-tfassil tas-sentenzi u s-smigħ ta' persuni taħt kurazija jew tutela. L-imħallef ma jistax jaġixxi mingħajr reġistratur.

Id-dmirijiet tar-reġistraturi huma stabbiliti fl-Artikoli 78 et seq. tal-Att emendat dwar l-organizzazzjoni tal-ġustizzja.

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaĠabra ta' liġijiet speċjali pġ. 7-40.

L-aċċess għall-professjoni huwa regolat mill-Att emendat tas-16 April 1979 li jistabbilixxi r-regolamenti ġenerali tal-persunal tal-impjegati taċ-ċivil.

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.fonction-publique.public.lu/fr/publications/Reformes/Recueils/1_Statut.pdf

Ħoloq relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaMinisteru tal-Ġustizzja


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 27/09/2016