Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Il-professjonijiet legali - Latvja

Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Jekk jogħġbok innota li dawn il-lingwi li ġejjin: il-Latvjan diġà ġew tradotti.

Din il-paġna tagħtik deskrizzjoni ġenerali tal-professjonijiet legali fil-Latvja.


Il-professjonijiet legali

Il-prosekuturi

Organizzazzjoni

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku (Prokuratūra) huwa awtorità ġudizzjarja ċentrali u unifikat f'sistema maqsuma fi tliet livelli. L-Uffiċċju jitmexxa mill- Prosekutur-Ġenerali (ģenerālprokurors). L-għan tiegħu huwa li jieħu miżuri kontra l-ksur tal-liġi u jiżgura illi l-kawżi relatati ma' dak il-ksur jiġu trattati skont il-liġi. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għandu istituzzjonijiet fil-livelli li ġejjin:

  1. L-Uffiċċju tal-Prosekutur-Ġenerali (Ģenerālprokuratūra);
  2. l-uffiċċji reġjonali tal-prosekuturi pubbliċi (tiesu apgabalu prokuratūras);
  3. l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi distrettwali jew tal-ibliet (rajona vai republikas pilsētu prokuratūras);
  4. l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi speċjalizzati (specializētas prokuratūras).

Fejn inkun meħtieġ, il-Prosekutur-Ġenerali jista' jistabbilixxi uffiċċju tal-prosekutur pubbliku settorali speċjalizzat li jkollu l-istess status ta' uffiċċju distrettwali jew reġjonali. Bħalissa hemm ħames uffiċċji speċjalizzati tal-prosekutur pubbliku fil-Latvja:

  • uffiċċju speċjalizzat tal-prosekutur pubbliku għall-kriminalità organizzata u oqsma oħra (Organizētās noziedzības un citu nozaru specializētā prokuratūra);
  • uffiċċju speċjalizzat tal-prosekutur pubbliku multisettorali (Specializētā vairāku nozaru prokuratūra);
  • L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku għat-Trasport fit-Toroq ta' Riga (Rīgas autotransporta prokuratūra);
  • uffiċċju tal-prosekutur pubbliku għall-investigazzjoni tar-reati finanzjarji u ekonomiċi (Finanšu un ekonomisko noziegumu izmeklēšanas prokuratūra); u
  • uffiċċju tal-prosekutur pubbliku għall-investigazzjoni ta' reati li jinvolvu ċ-ċirkolazzjoni illegali tad-drogi (Narkotiku nelegālas aprites noziegumu izmeklēšanas prokuratūra).

L-Uffiċċju tal-Prosekutur-Ġenerali jista' jissorvelja wkoll ix-xogħol tal-korpi pubbliċi li, minkejja li mhumiex prosekuturi, xorta jgħinu fil-kisba ta' ċerti obbligi fil-proċedimenti kriminali li jaqgħu fil-kompetenza tagħha. Dawn il-korpi jiġu stabbiliti, riorganizzati u mħollija mill-Prosekutur-Ġenerali. Il-Prosekutur-Ġenerali jiddetermina wkoll l-istruttura u n-numru ta' persunal ta' dawn il-korpi skont l-ammont ta' fondi allokati mill-Baġit tal-Istat. S'issa twaqqaf biss korp wieħed ta' din ix-xorti:Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIs-Servizz ta' Kontra l-Ħasil tal-Flus (Noziedzīgi iegūtu līdzekļu legalizācijas novēršanas dienests).

L-Uffiċċji tal-Prosekutur-Pubbliku huma parti mis-sistema tal-qrati. Dan ifisser illi huma joperaw indipendentement mill-fergħa leġiżlattiva u dik eżekuttiva. Is-Saeima (il-Parlament Latvjan), il-Kabinett u l-President jistgħu jaħtru Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku biex jivverifika l-fatti marbuta mal-ksur u jirċievi spjegazzjonijiet mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali. Madankollu ma jistgħux jindaħlu fix-xogħol tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali konċernat anke jekk ikun qed jinvestiga ksur ta' importanza kbira nazzjonali.

Il-prosekuturi pubbliċi jistgħu jippreżentaw oġġezzjonijiet kontra l-leġiżlazzjoni adottata mill-Kabinett u l-awtoritajiet pubbliċi li ma tkunx skont il-liġi. Il-Prosekutur Ġenerali u l-Kapijiet Prosekuturi tad-dipartimenti tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali jistgħu jattendu għal-laqgħat tal-Kabinett u jesprimu l-opinjoni tagħhom fuq il-kwistjonijiet li jkunu qed jiġu diskussi.

Rwol u dmirijiet

Id-dmirijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku f'investigazzjoni ta' qabel il-proċess jinsabu fl-Artikolu 2 tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaLiġi dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku:

  1. jissorvelja l-ħidma investigattiva fuq il-post tal-awtoritajiet ta' investigazzjoni u korpi oħra;
  2. jorganizza, jmexxi u jwettaq l-investigazzjonijiet ta' qabel il-proċess u jagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet ta' investigazzjoni dwar kif għandhom imexxu l-investigazzjonijiet kriminali tagħhom;
  3. jibda u jwettaq il-prosekuzzjonijiet kriminali;
  4. iħares id-drittijiet u l-interessi leġittmi tal-persuni u tal-istat;
  5. f'każijiet deskritti mil-liġi, jissottometti dokument li bih jinbdew il-proċedimenti jew rikors il-qorti.

Skont l-Artikolu 36(1) tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaLiġi dwar il-Proċedura Kriminali, prosekutur pubbliku jissorvelja u jwettaq l-investigazzjonijiet, imexxi l-prosekuzzjoni,  jippreżenta l-akkużi f'isem l-Istat u jwettaq funzjonijiet oħra matul proċedimenti kriminali.

Il-prosekutur ta' superviżjoni

Il-prosekutur ta' superviżjoni jissorvelja l-investigazzjoni ta' każ kriminali partikolari u jista':

  1. jiċħad id-deċiżjonijiet ta' uffiċjal li jkun qed imexxi l-proċedimenti jew ta' membri ta' tim ta' investigazzjoni;
  2. jitlob illi s-superjur immedjat ta' investigatur jissostitwixxi lill-uffiċjal li jkun qed imexxi l-proċedimenti jew jagħmel tibdil fil-kompożizzjoni tat-tim ta' investigazzjoni f'każ ta' nuqqas ta' konformità mal-istruzzjonijiet jew ksur ta' proċedura li tista' xxekkel il-progress tal-proċedimenti kriminali;
  3. jikkunsidra lmenti kontra l-azzjonijiet jew id-deċiżjonijiet ta' uffiċjal li jressaq proċedimenti jew ta' membru ta' tim ta' investigazzjoni, superjur immedjat ta' investigatur jew ta' persuna bi dmirijiet marbuta mal-proċedimenti;
  4. jieħu deċiżjonijiet biex jibda l-proċedimenti kriminali jew jittrasferixxi l-kwistjoni lil awtorità oħra tal-investigazzjoni;
  5. iwettaq azzjonijiet marbuta mal-proċedimenti wara li jkun avża lill-uffiċjal li jkun qed imexxi propju dawk il-proċedimenti.

L-uffiċjal li jmexxi l-proċedimenti

Il-prosekutur ta' superviżjoni (jew prosekutur ieħor, fuq struzzjonijiet ta' prosekutur anzjan) jista' jsir l-uffiċjal li jmexxi l-proċedimenti (procesa virzītājs). Dan jinvolvi li jieħu f'idejh it-tmexxija tal-proċedimenti kriminali u t-teħid ta' deċiżjoni dwar jekk tinbediex il-prosekuzzjoni kriminali. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, il-Prosekutur Ġenerali, id-Dipartiment tal-Liġi Kriminali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali jew il-Prosekutur Ewlieni ta’ qorti ġudizzjarja jista’ jaħtar prosekutur pubbliku biex imexxi l-proċeduri fl-istadju tal-investigazzjoni.

Bħala l-uffiċjal li jkun qed imexxi l-proċedimenti, il-prosekutur jista':

  1. jasal għal ftehim mal-akkużat rigward ammissjoni ta' ħtija;
  2. jieħu deċiżjoni biex jirreferi każ kriminali l-qorti;
  3. jissottometti każ għall-prosekuzzjoni bi proċedura speċjali;
  4. itemm il-proċedimenti kriminali minħabba raġunijiet leġittimi sodi.

L-uffiċjal li jmexxi l-proċedimenti jista' jieħu deċiżjoni proċedurali u jwettaq kull azzjoni proċedurali, jew jirreferihom lil membru tat-tim ta' investigazzjoni jew persuna li twettaq dmirijiet oħra marbuta mal-proċedimenti.

Prosekutur anzjan

Skont il-liġi, prosekutur anzjan jivverifika jekk prosekutur pubbliku jkunx wettaq id-dmirijiet li jkunu ġew mogħtija lilu u jiddeċiedi dwar ilmenti u avviżi fir-rigward tad-deċiżjonijiet u l-miżuri tal-prosekutur ta' superviżjoni u l-prosekutur/uffiċjal li jmexxi l-proċedimenti.  Prosekutur anzjan jista', pereżempju, jieħu deċiżjoni dwar proposta mill-prosekutur ta' superviżjoni biex jinbidel is-superjur immedjat tal-investigatur jew tal-korp investigattiv, jew dwar iċ-ċaħda ta' akkuża hix ġustifikata u leġittima.

Il-prosekutur anzjan jista’:

  1. jiċħad id-deċiżjonijiet ta’ investigatur, membru ta’ grupp investigattiv jew prosekutur anqas anzjan;
  2. jaħtar jew jissostitwixxi prosekutur ta' superviżjoni jew prosekutur/uffiċjal li jmexxi l-proċedimenti, jekk is-superviżjoni u l-prosekuzzjoni ma jkunux garantiti għalkollox, jew jieħu r-responsabbiltà fuqu stess;
  3. jistabbilixxi grupp investigattiv jekk l-ammont ta’ xogħol iqiegħed fil-periklu t-tlestija tal-proċedimenti kriminali fi żmien raġonevoli;
  4. jitlob illi jinħatar superjur immedjat ieħor miflok l-investigatur, jew li l-investigazzjoni kriminali tiġi assenjata lil korp investigattiv differenti.

B'deċiżjoni tal-prosekutur anzjan, prosekutur jista' jiġi inkluż f'tim investigattiv; l-uffiċjal li jmexxi l-proċedimenti jista' jitlob illi l-prosekutur iwettaq dmir wieħed jew aktar marbuta mal-proċedimenti.

L-imħallfin

Organizzazzjoni

Il-bażi kostituzzjonali għall-ġudikatura huma l-Artikoli 82 sa 86 tal- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKostituzzjoni, li jgħidu illi l-ġustizzja ssir biss mill-qrati. L-imħallfin huma indipendenti u huma responsabbli biss lejn il-liġi. Il-ġudikatura hija rregolata mil-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaLiġi dwar is-Setgħa Ġudizzjarja.. Skont il-liġijiet u r-regolamenti Latvjani, l-imħallfin huma impjegati nazzjonali tal-gvern.

L-awtoritajiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet soċjali u politiċi u persuni fiżiċi u oħrajn għandhom id-dmir li jirrispettaw u josservaw l-indipendenza tal-qrati u l-immunità tal-imħallfin. Ħadd ma għandu d-dritt jitlob lil imħallef biex jispjega jew jagħti rendikont ta' kif ittratta każ partikolari, jew jindaħal fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, irrispettivament mir-raġuni għalfejn qed jistaqsi. Meta jkun qed jaqdi dmirijietu u jħares l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, imħallef huwa invjolabbli. Il-kariga ta’ mħallef hija inkompatibbli ma’ affiljazzjoni ma’ partit politiku jew kull organizzazzjoni politika oħra.

Rwol u dmirijiet

Ir-rwol ta’ mħallef huwa li jamministra l-ġustizzja fi kwistjonijiet ċivili, amministrattivi u kriminali skont il-liġi.

F'kawżi ċivili, l-imħallfin jisimgħu u jiddeċiedu kawżi marbuta mal-protezzjoni tal-interessi leġittimi u drittijiet ċivili, tax-xogħol, tal-familja tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi.

Fil-kawżi kriminali, l-imħallfin jisimgħu l-akkużi miġjuba kontra persuni u jiddeċiedu dwar il-validità ta' dawk l-akkużi. L-imħallfin jistgħu jilliberaw persuni innoċenti jew jiddikjaraw persuna ħatja ta' reat kriminali u jimponu piena fuqha.

Fil-kawżi amministrattivi, l-imħallfin iwettqu stħarriġ ġudizzjarju dwar il-legalità tal-azzjonijiet tal-eżekuttiv (l-atti amministrattivi li joħorġu jew l-imġiba li jadottaw) u jitrattaw it-tilwim minħabba relazzjoni rregolata mil-liġi pubblika. L-imħallfin jikkjarifikaw ukoll id-drittijiet u l-obbligi legali tal-individwi privati skont il-liġi pubblika. Fil-kawżi ta' ksur tal-liġi amministrattiva, l-imħallfin jisimgħu u jiddeċiedu l-kwistjonijiet marbuta mal-ksur amministrattiv.

L-obbligi professjonali tal-imħallfin ikopru l-obbligi kollha tal-imħallfin u l-qrati skont il-liġi proċedurali.

Bażijiet tad-dejta legali

Il-ġudikatura għandha Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaPortal tal-Qrati Nazzjonali tagħha stess, il-kontenut għalissa huwa disponibbli biss bil-Latvjan. Il-Portal fih informazzjoni dwar is-sistema tal-qrati Latvjana, lista tal-qrati u l-imħallfin Latvjani, statistika tal-qrati, deskrizzjoni qasira tal-proċeduri li japplikaw f'diversi proċedimenti tal-qorti, fejn tispjega l-karatteristiċi u d-differenzi prinċipali tagħhom, kif ukoll informazzjoni dwar kif għandu jinġieb każ quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji. Il-Portal jagħti wkoll aċċess għal firxa tal-aħħar sentenzi tal-qorti, skeda tas-seduti tal-qorti u informazzjoni oħra.

Meta ddaħħal in-numru ta' referenza ta' każ jew tar-rikors fit-taqsima "servizzi elettroniċi" (epakalpojumi) tal-portal, tista' tikseb informazzjoni dwar il-progress tal-proċediment, quddiem liema qorti u f'liema istanza qed tinstema' l-kawża, skeda tas-seduti tal-qorti li jmiss, kull deċiżjoni li ngħatat u l-oġġezzjonijiet sottomessi fil-każ, u r-riżultati tal-proċedimenti.

Ir-rapporti tal-Qorti jiġu ppubblikati wkoll fis-sit elettroniku tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaUffiċċju tal-Qrati.

Tiġi ppubblikata wkoll informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' politika reċenti marbuta mas-sistema tal-qrati fuq is-sit elettroniku tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaMinisteru tal-Ġustizzja.

L-informazzjoni elettronika dwar il-Qorti Suprema u l-attivitajiet tagħha hija disponibbli fis-sit elettroniku tal- Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaQorti Suprema .

Dawn il-portali huma kollha disponibbli bl-Ingliż.

Organizzazzjoni tal-professjoni legali: l-avukati

L-Avukati

L-avukati huma meqjusa bħala uffiċjali tas-sistema tal-qorti; huma professjonisti legali indipendenti li:

  • jidhru quddiem kull qorti u fl-istadju investigattiv ta' qabel il-proċess jekk jinħatru għal dan il-għan mill-partijiet f'tilwima, minn persuni akkużati, jew minn partijiet interessati oħra (il-klijenti tagħhom) u f'isimhom, u f'ċerti każijiet previsti Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidamil-liġi, f'isem il-Prim Imħallef ta' qorti, il-kap ta' korp investigattiv ta' qabel il-proċess jew il-Kunsill Latvjan ta' Avukati Ċertifikati (Latvijas zvērinātu advokātu padome);
  • jagħtu pariri legali;
  • ifasslu dokumenti legali;
  • jipprovdu għajnuna legali b'modi oħra.

Fil-Latvja dawn li ġejjin jistgħu jipprattikaw bħala avukati, soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet:

  1. avukati ċertifikati (zvērināti advokāti);
  2. assistenti tal-avukati ċertifikati (zvērinātu advokātu palīgi);
  3. ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea li kisbu kwalifiki biex jipprattikaw bħala avukati f'kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;
  4. avukati barranin minbarra avukati tal-Istati Membri tal-UE li jistgħu jipprattikaw fil-Latvja skont ftehimiet internazzjonali dwar assistenza legali li huma vinkolanti fuq il-Latvja.

L-avukati lawreati fil-Latvja huma membri indipendenti tal-professjoni legali li ngħaqdu flimkien biex jiffurmaw il-Kamra tal-Avukati tal-Latvja (Latvijas Zvērinātu advokātu kolēģija), korp nazzjonali professjonali indipendenti. Il-korpi li jiffurmaw il-Kamra tal-Avukati tal-Latvja huma l-assemblea ġenerali tal-avukati ċertifikati, il-Kunsill Latvjan tal-Avukati Ċertifikati, il-Kumitat tal-Awditjar u l-Kumitat tad-Dixxiplina.

Bażijiet tad-dejta legali

L-informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Kamra tal-Avukati tal-Latvja u l-Kunsill tal-Avukati Ċertifikati tal-Latvja, il-liġijiet u r-regolamenti dwar l-avukati u l-qrati li jipprattikaw quddiemhom (inkluż informazzjoni ta' kuntatt) u informazzjoni fuq kwistjonijiet oħra dwar il-professjoni legali fil-Latvja tinsab fuq is-sit elettroniku tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKunsill tal-Avukati Ċertifikati tal-Latvja.

Nutara

Organizzazzjoni

In-nutara ċertifikati (zvērināti notāri) huma responsabbli mis-superviżjoni tal-affarijiet nutarili bis-superviżjoni tal-qrati, skont il-proċeduri previsti mil-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaliġi. In-nutara ċertifikati Latvjani huma meqjusa bħala uffiċjali tas-sistema tal-qorti li jkunu ssodisfaw l-obbligi stabbiliti bil-liġi u assoċjati mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

Skont il-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaLiġi dwar in-Nutara, in-nutara huma awtorizzati:

  • ifasslu l-atti notarili
  • ifasslu ċ-ċertifikati notarili;
  • jaċċettaw flus, garanziji u dokumenti għall-preservazzjoni;
  • jaċċettaw oġġett li huwa s-suġġett ta' obbligu ta' preservazzjoni;
  • imexxu kwistjonijiet dwar l-eredità;
  • ifasslu proposti għad-diviżjoni ta' propjetà f'każijiet previsti mil-liġi;
  • imexxu kawżi tad-divorzju (bil-kundizzjoni illi ż-żewġ konjuġi jkunu ftiehmu bejniethom bil-miktub u li ma hemmx xi kwistjoni li għad trid tiġi deċiża);
  • iwettqu dmirijiet oħra previsti f'liġijiet oħra.

In-nutara ċertifikati huma membri tal-professjoni legali. Madankollu, fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom, jiġu meqjusa bħala uffiċjali pubbliċi. In-nutara ċertifikati huma uffiċjali tas-sistema tal-qorti, jipprattikaw fil-qrati reġjonali u jissodisfaw l-obbligi stabbiliti għalihom bil-liġi. Fl-eżerċizzju tal-professjoni tagħhom, in-nutara ċertifikati huma finanzjarjament indipendenti, u t-tariffi tagħhom jiġu ffissati mill-Kabinett.

In-nutara Latvjani ċertifikati kollha ngħaqdu flimkien biex jiffurmaw l-Assoċjazzjoni Latvjana tan-Nutara Ċertifikati (Latvijas Zvērinātu notāru kolēģija), korp professjonali nazzjonali indipendenti tagħhom. Il-Kunsill Latvjan tan-Nutara Ċertifikati (Latvijas Zvērinātu notāru padome) huwa l-korp rappreżentattiv u superviżorju għan-nutara ċertifikati u l-korp amministrattiv u eżekuttiv għall-Assoċjazzjoni Latvjana tan-nutara ċertifikati. Id-dmirijiet tiegħu huma previsti fl-Artikolu 230 tal-Liġi dwar in-Nutara.

Bażijiet tad-dejta legali

L-informazzjoni dwar l-attivitajiet u n-numru ta' nutara ċertifikati, il-post fejn jipprattikaw u kwistjonijiet oħra marbuta mas-sistema notarili tal-Latvja tinsab fis-sit elettroniku uffiċjali tan-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidanutara fil-Latvja

Professjonijiet legali oħra

Bailiffs Ċertifikati

Il-bailiffs ċertifikati (Zvērināti tiesu izpildītāji) huma meqjusa bħala uffiċjali tas-sistema tal-qrati. Il-bailiffs ċertifikati jaħdmu fil-qrati reġjonali, jeżegwixxu d-deċiżjonijiet tal-ġudikatura u ta' istituzzjonijiet oħra u jwettqu atti previsti f'liġijiet oħra.

Il-bailiffs ċertifikati huma membri tal-professjoni legali, iżda meta jwettqu l-funzjonijiet ta' bailiff ċertifikat jiġu meqjusa ekwivalenti għal uffiċjali pubbliċi. Il-bailiffs ċertifikati jwettqu l-funzjonijiet tagħhom b'mod indipendenti u huma responsabbli biss quddiem il-liġi. Ir-rikjesti u l-ordnijiet maħruġa minn bailiffs ċertifikati fl-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-qorti u deċiżjonijiet oħra huma eżegwibbli fil-Latvja.

Il-bailiffs tal-qorti bil-ġurament iwettqu dmirijiethom fil-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti reġjonali fejn huma assenjati. In-numru ta' bailiffs ċertifikati, il-karigi tagħhom, il-qrati u l-oqsma ta' ġuriżdizzjoni jiġu stabbiliti mill-Kabinett.

Fit-twettiq tal-obbligi tagħhom, il-bailiffs ċertifikati japplikaw il-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaLiġi dwar il-proċedura ċiviliu liġijiet u regolamenti oħra, u jużaw il-metodi approvati mill-Kunsill Latvjan tal-Bailiffs Ċertifikati (Latvijas Zvērinātu tiesu izpildītāju padome, il-korp rappreżentattiv u ta' superviżjoni għall-bailiffs ċertifikati fil-Latvja) u rakkomandazzjonijiet mill-ġurisprudenza.

Bażijiet tad-dejta legali

L-informazzjoni dwar fejn jinsabu l-uffiċċji tal-bailiffs ċertifikati, il-liġijiet u r-regolamenti li jirregolaw il-professjoni ta' bailiff ċertifikat u l-liġijiet u regolamenti li jirregolaw l-attivitajiet tal-Kunsill tal-Latvja tal-Bailiffs Ċertifikati tinsab fuq Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidais-sit elettroniku tal-Kunsill tal-Latvja dwar il-Bailiffs Ċertifikati. Il-portal bħalissa huwa disponibbli biss bil-Latvjan.

L-organizzazzjoni li tipprovdi l-għajnuna legali

Ma hemmx lista ta' dawn l-organizzazzjonijet fil-Latvja.

Ħoloq

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIs-Servizz ta' Kontra l-Ħasil tal-Flus, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Portal tal-Qrati Nazzjonali, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaL-Amministrazzjoni tal-Qrati, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kunsill tal-Latvja dwar l-Avukati Ċertifikati, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIn-Nutara tal-Latvja, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Kunsill tal-Latvja tal-Bailiffs Ċertifikati, Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaIl-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika tal-Latvja


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 07/01/2016