Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Il-professjonijiet legali - Malta


Il-professjonijiet legali

Professjonijiet legali – introduzzjoni

Il-professjonijiet legali f’Malta huma dawk ta’ avukat, nutar pubbliku u prokuratur legali.

  • L-avukati għandhom id-dritt li jinstemgħu quddiem il-qrati kollha.
  • In-nutara pubbliċi jiġu kkunsidrati bħala uffiċjali pubbliċi u jabbozzaw u jippubblikaw l-atti pubbliċi.
  • Il-prokuraturi legali għandhom id-dritt li jinstemgħu quddiem il-qrati inferjuri u, fil-prattika, il-parti l-kbira ta’ xogħolhom jikkonsisti filli jsegwu l-atti ġudizzjarji, kemm jekk dawn ikunu relatati ma’ kawżi fil-qrati kif ukoll jekk ikunu relatati ma’ talbiet oħrajn fir-reġistru tal-qorti.

Il-professjoni legali f’Malta hija organizzata f’sistema unitarja u l-prosekuturi pubbliċi jinħatru minn fost l-avukati prattikanti.

Il-prosekuturi

Organizzazzjoni

Skont l-Artikolu 91 tal-Kostituzzjoni, l-Avukat Ġenerali għandu funzjonijiet kostituzzjonali u l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huwa stabbilit bħala entità governattiva skont il-Kapitolu 90 tal-Liġijiet ta’ Malta, jiġifieri l-Ordinanza dwar il-Kostituzzjoni tal-Kariga ta' Avukat Ġenerali u dik ta' Avukat tar-Repubblika.

Skont it-termini tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, l-Avukat Ġenerali għandu l-istess sigurtà tal-kariga bħal imħallef u jeżerċita ġudizzju indipendenti fi kwistjonjiet li jikkonċernaw il-prosekuzzjonijiet kriminali, minbarra li jwettaq il-funzjonijiet preskritti mill-Kodiċi Kriminali rigward il-prosekuzzjonijiet kriminali.

L-Avukat Ġenerali huwa assistit mid-Deputat Avukat Ġenerali, mill-Assistent Avukat Ġenerali u minn uffiċjali legali oħrajn.

Rwol u dmirijiet

Quddiem il-Qorti Kriminali u l-Qorti Kriminali tal-Appell, l-Avukat Ġenerali huwa l-prosekutur pubbliku. Ċerti prosekuzzjonijiet li jinbdew mill-pulizija jeħtieġu l-kunsens minn qabel tal-Avukat Ġenerali.

Meta jeżerċita s-setgħat biex jibda, iwettaq jew iwaqqaf proċedimenti kriminali kif ġew konferiti lilu minn kwalunkwe liġi li tawtorizza l-eżerċizzju ta’ tali setgħa, l-Avukat Ġenerali mhux soġġett għad-direzzjoni jew għall-kontroll tal-ebda persuna jew tal-ebda awtorità oħra.

L-Avukat Ġenerali jagħmilha wkoll ta’ konsulent legali għall-Gvern u l-uffiċjali legali mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali anke jirrappreżentaw lill-Gvern quddiem il-qrati ċivili u kostituzzjonali.

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali huwa wkoll l-awtorità kompetenti fil-parti l-kbira tal-kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kooperazzjoni legali fl-oqsma tal-liġi ċivili, kummerċjali u kriminali.

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jirrappreżenta lir-Repubblika ta’ Malta quddiem il-qrati internazzjonali u jirrappreżenta lill-Gvern waqt laqgħat internazzjonali dwar il-kooperazzjoni legali u ġudizzjarji.

Barra minn hekk, l-Uffiċċju jabbozza l-leġislazzjoni u jassisti fil-passaġġ tagħha mill-Parlament.

L-imħallfin

Organizzazzjoni

L-Imħallfin u l-Maġistrati jinħatru mill-President tar-Repubblika, fuq il-parir tal-Prim Ministru. Huma indipendenti mill-eżekuttiv u jgawdu minn ċerta sigurtà tal-kariga. Biex persuna tkun tista’ tinħatar maġistrat, trid tkun ipprattikat bħala avukat f’Malta għal perjodu ta’ mhux inqas minn 7 snin, filwaqt li biex tinħatar imħallef trid tkun ipprattikat bħala avukat f’Malta għal 12-il sena. Dawn jistgħu jitneħħew mill-kariga tagħhom mill-President fil-każ li jiġi pprovat li ma jistgħux jaqdu iktar il-funzjonijiet tal-kariga tagħhom (irrispettivament minn jekk dan ikunx minħabba mard fiżiku jew mentali jew minħabba kwalunkwe kawża oħra) jew li tiġi pprovata kondotta ħażina, wara indirizz mill-Kamra tar-Rappreżentanti appoġġjat mill-voti ta’ mhux inqas minn żewġ terzi tal-membri tal-Kamra.

Organizzazzjoni tal-professjoni legali: L-avukati

Barristers / Avukati

Rwol u dmirijiet

L-avukati huma professjonisti li għandhom l-awtorizzazzjoni biex jagħtu pariri u konsulenza legali kif ukoll biex jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom quddiem il-qrati, it-tribunali jew fora legali oħrajn.

Biex persuna tkun tista’ teżerċita l-professjoni ta’ avukat f’Malta irid ikollha warrant maħruġ mill-President ta’ Malta taħt is-Siġill Pubbliku ta’ Malta. Kull min jingħata dan il-warrant għandu, qabel ma jibda l-eżerċizzju tal-professjoni, jieħu quddiem il-Qorti tal-Appell, f’seduta bil-miftuħ ta’ dik il-qorti, il-ġurament ta’ lealtà u l-ġurament tal-kariga.

Organizzazzjoni

Il-Kamra tal-Avukati ta’ Malta tirrappreżenta l-avukati li jiġu ammessi għall-avukatura f’Malta. Din hija organizzazzjoni mhux politika, mhux governattiva u volontarja li tiġi ffinanzjata mill-miżati tal-membri u mill-fondi li jinġabru mill-attivitajiet li torganizza, u hija legalment rikonoxxuta bħala l-entità konsultattiva u parteċipattiva tal-avukati fi kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-organizzazzjoni u mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

F’Malta hemm tip wieħed biss ta’ avukat, u fil-fatt jintuża terminu wieħed – “avukat” – li jirreferi għal dawk li bl-Ingliż jissejħu “lawyers” u “advocates”. Il-professjoni hija regolata mill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, li hija magħmula mill-President ta’ Malta, mill-Prim’Imħallef, mill-President tal-Kamra tal-Avukati u minn membri oħrajn tal-ġudikatura, kif ukoll minn professjonisti oħrajn fil-qasam legali. L-ilmenti kollha fil-konfront tal-avukati jiġu ttrattati minn kumitat ta’ ħames avukati li mbagħad jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja dwar l-azzjoni dixxiplinari li għandha tittieħed. Tlieta mill-ħames avukati jinħatru mill-Kamra tal-Avukati, biex b’hekk il-Kamra għandha setgħat effettivi ta’ regolamentazzjoni rigward il-professjoni.

Il-Kamra tal-Avukati żżomm aġġornat sit elettroniku informattiv iddedikat għall-professjoni, li jinkludi wkoll direttorju. Id-direttorju huwa maqsum f’żewġ partijiet: il-parti aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali, li tinkludi dettalji tal-avukati kollha li huma membri tal-Kamra tal-Avukati, filwaqt li l-parti privata maħsuba għall-membri tinkludi d-dettalji tal-avukati kollha li taf bihom il-Kamra tal-Avukati.

Tul dawn l-aħħar snin, il-Kamra organizzat numru ta’ konferenzi u ta’ seminars akkademiċi, kif ukoll sensiela ta’ lectures kull xahar sabiex tippromwovi kultura ta’ żvilupp legali kontinwu tal-avukati kollha.

Bażijiet tad-dejta legali

Is-sit elettroniku tal-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKamra tal-Avukati jagħti informazzjoni dwar il-korpi, inklużi aħbarijiet, kalendarju ta’ avvenimenti, u bażi tad-dejta dwar l-avukati. Hemm ukoll parti ristretta għall-membri li tipprovdi servizzi addizzjonali lill-avukati.

L-aċċess għal din il-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas?

Iva, l-aċċess għal din il-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas.

Nutara

Rwol u dmirijiet

In-nutara huma uffiċjali pubbliċi awtorizzati li jirċievu atti fost il-ħajjin u testmenti u li jagħtuhom fidi pubblika. Bħala konsegwenza ta’ dan l-obbligu u dover, huma wkoll responsabbli mill-kustodja ta’ dawn l-istess dokumenti u jistgħu jagħtu kopji ta’ dawn id-dokumenti. Kapitlu 55 tal-Liġijiet ta’ Malta (Att dwar il-Professjoni Nutarili u Arkivji Nutarili) jispeċifika x’setgħat u funzjonijiet oħra għandu nutar.

In-nutara jieħdu l-ġurament ta’ fedeltà u l-ġurament tal-kariga quddiem il-Qorti tal-Appell qabel ma jibdew jeżerċitaw il-professjoni tagħhom.

Is-sorveljanza fuq in-Nutara kollha, l-Arkivji Nutarili u r-Reġistru Pubbliku hi mħollija f’idejn qorti speċjali magħrufa bħala l-Qorti ta’ Reviżjoni tal-Atti Nutarili. Din il-Qorti hi magħmula minn membri maħtura mill-Ministru responsabbli għall-affarijiet nutarili minn fost imħallfin u maġistrati rtirati u minn fost avukati u nutara pubbliċi.

Il-Qorti, kull meta jidhrilha meħtieġ tista’ mingħajr ma tagħti avviż iżżur u tispezzjona l-Arkivji, r-Reġistru Pubbliku jew l-uffiċċju ta’ nutar.

Kull sena, fix-xahar ta’ Jannar, fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta jiġu ppubblikati d-dettalji tan-nutara kollha li jipprattikaw f’Malta.

Organizzazzjoni

Il-Kunsill Notarili huwa l-korp ġenerali li jissuperviżjona l-professjoni Notarili, u huwa intitolat, jew fuq inizjattiva tiegħu stess jew meta jirċievi lment, li jinvestiga l-kondotta ta’ kwalunkwe nutar li jitqies li tmur kontra d-dekor tal-professjoni notarili. Il-Kunsill jista’ anki jittratta kwalunkwe akkuża ta’ negliġenza jew ta’ abbuż li ssir fil-konfront ta’ kwalunkwe nutar fir-rigward tal-kondotta professjonali tiegħu jew b’konnessjoni ma’ kwistjonjiet professjonali, sakemm is-setgħa li jagħmel dan ma tingħatax lil xi awtorità oħra kif stabbilit fl-Artikoli 85 u 94 tal-Kapitolu 55 tal-Liġijiet ta’ Malta: Att dwar il-Professjoni Nutarili u l-Arkivji Nutarili, jew skont kwalunkwe liġi oħra.

Bażijiet tad-dejta legali

Is-Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidasit elettroniku uffiċjali tal-Kunsill Nutarili (Malta) jinkludi informazzjoni dwar il-Kunsill Notarili, informazzjoni ġenerali utili kemm għall-pubbliku kif ukoll għan-nutara kif ukoll direttorju bid-dettalji tan-nutara pubbliċi li jipprattikaw f’Malta. Il-bażi tad-dejta hija aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali u hija mingħajr ħlas.

Professjonijiet legali oħra

Prokuraturi legali

Biex persuna tkun tista’ teżerċita l-professjoni ta’ prokuratur legali f’Malta irid ikollha warrant maħruġ mill-President ta’ Malta taħt is-Siġill Pubbliku ta’ Malta. Kull min jingħata dan il-warrant għandu, qabel ma jibda l-eżerċizzju tal-professjoni, jieħu quddiem il-Qorti tal-Appell, f’seduta bil-miftuħ ta’ dik il-qorti, il-ġurament ta’ lealtà u l-ġurament tal-kariga.

Id-dmir prinċipali tal-prokuratur legali huwa li jassisti lill-avukat li jirriserva s-servizzi tiegħu rigward il-proċedimenti fil-qrati. B’hekk, ikunu involuti fil-preżentazzjoni tas-sottomissjonijiet bil-miktub fir-reġistri tal-qrati f’isem il-klijenti u ġeneralment iwettqu servizzi oħrajn b’konnessjoni mal-preparazzjoni tal-kawżi mill-avukati.

Il-prokuraturi legali għandhom id-dritt li jinstemgħu quddiem il-qrati tal-maġistrati u quddiem tribunali u bordijiet speċjali, u jistgħu jagħtu l-pariri.

Il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja hija l-entità responsabbli mir-regolamentazzjoni ta’ din il-professjoni f’Malta.Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaTaqsima fis-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, hija ddedikata għall-professjoni tal-prokuraturi legali u hija aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali.

Reġistratur u staff tal-Qrati

Ir-Reġistraturi tal-Qrati huma responsabbli mir-reġistri u mill-uffiċjali assenjati lilhom, mill-preżentazzjoni u mit-taħrika tal-atti ġudizzjarji, mill-eżekuzzjoni tat-titoli eżekuttivi, bħas-sentenzi u l-mandati permezz tal-marixxalli maħtura mill-Qorti, mill-bejgħ b’subbasti, mill-ġurijiet u minn proċeduri oħrajn tal-qorti kriminali.

Deputat ReġistraturPDF(489 KB)mt

Assistent ĠudizzjarjuPDF(382 KB)mt

Skrivani tar-ReġistruPDF(390 KB)mt

Links relatati

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaKamra tal-Avukati (Malta)

Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidaSit elettroniku uffiċjali tal-Kunsill Notarili (Malta)


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 22/06/2016