Agħlaq

IL-VERŻJONI BETA TAL-PORTAL ISSA HI DISPONIBBLI!

Żur il-verżjoni BETA tal-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika u agħtina l-feedback dwar l-esperjenza tiegħek!

 
 

Mogħdija tan-navigazzjoni

menu starting dummy link

Page navigation

menu ending dummy link

Il-professjonijiet legali - Portugall

Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Portugiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.


Il-professjonijiet legali

L-imħallfin tal-qorti ġudizzjarja u l-imħallfin tal-qorti amministrattiva u fiskali

Kif stipulat fil-Kostituzzjoni Portugiża, l-imħallfin jifformaw parti minn korp sovran - il-Qrati.

L-imħallfin huma marbuta biss mil-liġi u jamministraw il-ġustizzja f'isem il-poplu.

L-imħallfin tal-qorti ġudizzjarja huma rregolati mill-Kostituzzjoni u mill-Istatut tal-Imħallfin tal-Qorti Ġudizzjarja (Estatuto dos Magistrados Judiciais). B'konformità mal-ġerarkija tal-qrati rispettivi, hemm tliet tipi ta' mħallef tal-qorti ġudizzjarja:

  • L-Imħallfin tal-Qorti Suprema tal-Ġustizzja (Supremo Tribunal de Justiça), imsejħin Conselheiros;
  • L-Imħallfin tal-Qrati tal-Appell (Tribunais das Relações), imsejħin Desembargadores;
  • L-Imħallfin tal-qrati tal-prim'istanza, imsejħin Juízes de Direito.

L-Imħallfin tal-qorti amministrattiva u fiskali huma rregolati mill-Kostituzzjoni, mill-Istatut tal-Qrati Amministrattivi u Fiskali (Estatuto dos Tribunais Administrativos e Fiscais) u fuq bażi sussidjarja mill-Istatut tal-Imħallfin tal-Qorti Ġudizzjarja (Estatuto dos Magistrados Judiciais). B'konformità mal-ġerarkija tal-qrati rispettivi, hemm tliet tipi ta' mħallef tal-qorti amministrattiva u fiskali:

  • L-Imħallfin tal-Qorti Amministrattiva Suprema (Supremo Tribunal Administrativo), imsejħin Conselheiros;
  • L-Imħallfin tal-Qrati Amministrattivi Ċentrali, imsejħin Desembargadores;
  • L-Imħallfin tal-qorti amministrattiva distrettwali u tal-qorti fiskali, imsejħin Juízes de Direito.

L-aċċess għall-professjoni ta' mħallef huwa proċess maqsum fi tliet stadji li jinkludi kompetizzjoni pubblika, kors ta' taħriġ teoretiku u prattiku li jsir fiċ-Ċentru għall-Istudji Ġudizzjarji (Centro de Estudos Judiciários), u apprendistat. Jekk itemmu u jgħaddu mit-tliet stadji, jinħatru Juízes de Direito.

L-imħallfin ikomplu jitħarrġu tul il-karriera tagħhom.

Il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura (Conselho Superior da Magistratura) iwettaq spezzjonijiet regolari fil-qrati tal-prim'istanza, u l-Kunsill Superjuri għall-Qrati Amministrattivi u Fiskali (Conselho Superior dos Tribunais Administrativos e Fiscais) jagħmel l-istess għall-imħallfin ta' dawn il-qrati. Wara kull spezzjoni, l-imħallfin ikunu kklassifikati skont il-mertu bħala tajbin ħafna, tajbin b'mod distint, tajbin, suffiċenti u medjokri. Jekk imħallef jiġi kklassifikat bħala "medjokri", huwa jiġi sospiż minn dmirijietu u ssir inkjesta biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tiegħu għal dan ix-xogħol.

Il-Kunsill Superjuri tal-Ġudikatura u l-Kunsill Superjuri għall-Qrati Amministrattivi u Fiskali huma responsabbli għall-ħatra, il-kollokament, it-trasferiment, il-promozzjoni u t-teħid ta' azzjonijiet dixxiplinari fir-rigward ta' mħallfin tal-qrati ġudizzjarji u l-qrati amministrattivi u fiskali.

Biex ikunu żgurati l-indipendenza u l-imparzjalità tal-imħallfin, il-Kostituzzjoni tistipula li l-imħallfin ma jistgħux jaqdu funzjonijiet oħrajn, la pubbliċi u lanqas privati, bl-eċċezzjoni ta' tagħlim jew riċerka xjentifika bla ħlas fil-qasam tal-liġi. L-imħallfin jistgħu jiġu trasferiti, sospiżi, irtirati jew imneħħija biss fil-każijiet stipulati fil-liġi; huma ma jinżammux responsabbli għad-deċiżjonijiet tagħhom, ħlief fejn il-liġi tistipula l-eċċezzjonijiet.

Prosekuturi fis-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika (Ministério Público)

Il-prosekuturi fis-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jirrappreżentaw l-Istat, imexxu l-prosekuzzjonijiet u jiddefendu l-istat tad-dritt demokratiku u l-interessi ddeterminati mil-liġi. Il-prosekuturi pubbliċi għandhom l-istatut u l-awtonomija tagħhom kif previst mil-liġi.

L-aċċess għall-professjoni ta' prosekutur pubbliku huwa permezz ta’ kompetizzjoni pubblika, li tikkonsisti f’testijiet tal-għarfien, valutazzjoni tas-CV u eżami psikoloġiku, li lkoll isiru fiċ-Ċentru għall-Istudji Ġudizzjarji (Centro de Estudos Judiciários).

Il-kandidati li jgħaddu jinħatru bħala apprendisti (auditores de justiça). Ladarba jlestu t-taħriġ teoretiku u prattiku fiċ-Ċentru għall-Istudji Ġudizzjarji, jinħatru deputati prosekuturi apprendisti.

Il-karriera ta’ prosekutur pubbliku tikkonsisti f’ħames livelli, elenkati f’ordni ġerarkiku:

  • Prosekutur Ġenerali (Procurador-Geral da República);
  • Viċi Prosekutur Ġenerali (Vice-Procurador-Geral da República);
  • Deputat Prosekutur Ġenerali (Procurador-Geral Adjunto);
  • Prosekutur Distrettwali (Procurador da República);
  • Deputat Prosekutur Distrettwali (Procurador da República Adjunto).

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (Procuradoria-Geral da República) huwa l-ogħla korp fis-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika u huwa presedut mill-Prosekutur Ġenerali. Dan jinkludi wkoll il-Kunsill Superjuri tas-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika (Conselho Superior do Ministério Público), il-Kunsill Konsultattiv, konsulenti legali uffiċjali u servizzi ta' appoġġ.

Il-Kunsill Superjuri tas-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika huwa responsabbli għall-ħatra, il-kollokament, it-trasferiment u l-promozzjoni tal-prosekuturi pubbliċi u għat-teħid ta' azzjonijiet dixxiplinari kontrihom.

Avukati (Advogados)

L-avukati huma professjonisti ġuridiċi li, ladarba jirreġistraw ruħhom mal-Kamra tal-Avukati, jipprovdu rappreżentanza ġuridika u pariri legali, li jikkonsistu fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tan-normi ġuridiċi fuq talba ta' parti terza.

Ir-reġistrazzjoni mal-Kamra tal-Avukati (Ordem dos Advogados) fil-Portugall hija meħtieġa biex persuna tkun tista’ taħdem bħala avukat.

Biex wieħed ikollu aċċess għall-professjoni, jeħtieġ li:

  • ikollu lawrja fil-liġi Portugiża jew kwalifika fil-liġi ta' livell universitarju minn barra l-Portugall, jekk din il-kwalifika titqies li tkun ekwivalenti għal lawrja jew tkun ġiet rikonoxxuta bħala tal-istess livell;
  • jagħmel 18-il xahar apprendistat, li jinkludi żewġ stadji ta' taħriġ: l-ewwel stadju ta' taħriġ, li jdum sitt xhur, u l-istadju ta' taħriġ addizzjonali, li jdum 12-il xahar;
  • jgħaddi mill-eżami miktub u dak orali tal-Avukatura.

Iċ-ċittadini barranin li kisbu l-lawrja tagħhom fil-Portugall jistgħu jirreġistraw mal-Kamra tal-Avukati Portugiża bl-istess mod bħaċ-ċittadini Portugiżi, sakemm il-pajjiż tan-nazzjonalità tagħhom jagħti drittijiet identiċi liċ-ċittadini Portugiżi.

L-avukati minn Stati Membri oħrajn tal-UE li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom b’mod permanenti, bil-ħsieb li jaħdmu fil-Portugall bit-titolu professjonali tal-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, iridu jirreġistraw mal-Kamra tal-Avukati. F’każijiet bħal dawn, huma jistgħu jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom fil-qorti biss taħt il-gwida ta’ avukat li jkun irreġistrat mal-Kamra tal-Avukati. Jekk iridu jaħdmu bħala avukati bl-istess drittijiet u dmirijiet tal-avukati Portugiżi, iridu jirreġistraw mal-Kamra tal-Avukati u jridu joqogħdu għal eżamijiet bil-kitba u orali bil-Portugiż.

Il-Kamra tal-Avukati hija l-assoċjazzjoni pubblika li tirrappreżenta l-professjonisti li jkunu avukati prattikanti li jaġixxu skont l-istatut tal-Kamra. Hija tiżgura aċċess għal-liġijiet, tirregola l-professjoni u tieħu azzjoni dixxiplinari fil-konfront ta’ avukati u ta’ avukati apprendisti (l-uniku korp li jagħmel hekk), tħares ir-rwol soċjali, id-dinjità u l-prestiġju tal-professjoni u tippromwovi aċċess għall-għarfien u l-applikazzjoni tal-liġi.

Konsulenti Legali (Consultores jurídicos)

Fis-sistema ġuridika Portugiża, m’hemm l-ebda distinzjoni bejn avukati u konsulenti legali.

Prokuraturi legali (Solicitadores)

Il-prokuraturi legali huma professjonisti indipendenti li jagħtu lill-klijenti tagħhom pariri legali u jirrappreżentawhom legalment fil-qorti, fil-limiti imposti mill-istatut tagħhom u mil-leġiżlazzjoni proċedurali. Huma jistgħu jirrappreżentaw lill-partijiet fil-qorti kull meta r-rappreżentanza legali ta’ avukat (advogado) ma tkunx obbligatorja.

Il-prokuraturi legali jistgħu anke jirrappreżentaw legalment liċ-ċittadini u n-negozji barra mill-qorti, pereżempju, quddiem l-amministrazzjoni fiskali, fl-uffiċċji notarili, fl-uffiċċji tar-reġistraturi u quddiem il-korpi tal-amministrazzjoni pubblika.

Biex wieħed ikollu aċċess għall-professjoni, jeħtieġ li:

  • ikollu lawrja fil-liġi li tkun rikonoxxuta uffiċjalment u ma jkunx irreġistrat mal-Kamra tal-Avukati, jew ikollu lawrja rikonoxxuta uffiċjalment fl-istudji ta' prokuratur legali. Ċittadini barranin ta' Stat Membru ieħor tal-UE jrid ikollhom il-kwalifiki akkademiċi u professjonali meħtieġa legalment biex jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fl-Istat ta' oriġini rispettiv tagħhom;
  • jagħmel apprendistat li jdum bejn 12 u 18-il xahar;
  • jikseb referenzi xierqa matul l-apprendistat, ipprovdut minn ma' min ikun għamel l-apprendistat u ċ-ċentri tal-apprendistat, u jgħaddi minn eżami nazzjonali stabbilit skont ir-regoli rilevanti.

Il-professjonisti minn Stat Membru ieħor tal-UE jew miż-Żona Ekonomika Ewropea jistgħu jirreġistraw ruħhom mal-Kulleġġ tal-Prokuraturi Legali (Colégio dos Solicitadores) b'konformità mal-Liġi Nru 9/2009 tal-4 ta' Marzu 2009, kif emendata mil-Liġi Nru 41/2012 tat-28 ta' Awwissu 2012 u l-Liġi Nru 25/2014 tat-2 ta' Mejju 2014.

L-Ordni tal-Prokuraturi Legali u l-Aġenti tal-Eżekuzzjoni (Ordem dos Solicitadores e dos Agentes de Execução, OSAE) hija l-assoċjazzjoni pubblika li tirrappreżenta lil dawn il-professjonisti tal-liġi. Hija responsabbli, fost l-oħrajn, biex teżerċita setgħat dixxiplinari fuq il-membri tagħha u biex tagħti opinjonijiet dwar abbozzi ta' leġiżlazzjonijiet marbuta mal-kompetenzi tagħha.

Tista' ssib iktar informazzjoni hawnhekk: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.osae.pt/.

Aġenti tal-eżekuzzjoni (Agentes de execução)

L-aġenti tal-eżekuzzjoni huma professjonisti li jingħataw setgħat fil-livell nazzjonali biex iwettqu attivitajiet ta’ eżekuzzjoni ċivili. Dawn huma professjonisti indipendenti u imparzjali u li ma jirrappreżentaw lill-ebda parti, imma li għandhom ir-responsabbiltà biex iwettqu l-formalitajiet kollha għall-eżekuzzjoni, inklużi qbid, in-notifika tad-dokumenti, avviżi u l-bejgħ tal-beni maqbuda. F'xi każijiet id-dmirijiet tagħhom jistgħu jsiru minn uffiċjal tal-qorti.

L-aġenti tal-eżekuzzjoni jinħatru mill-parti li tkun qed titlob l-eżekuzzjoni jew mill-qorti.

L-aġenti tal-eżekuzzjoni jridu jkollhom lawrja fl-istudji tal-prokuraturi legali jew fil-liġi u:

  • iridu jkunu ċittadini Portugiżi;
  • ma jridu jkunu koperti minn ebda restrizzjoni stipulata fl-Istatuti tal-Ordni tal-Prokuraturi Legali u l-Aġenti tal-Eżekuzzjoni jew tal-Kamra tal-Avukati;
  • ma jridux ikunu inklużi fil-lista pubblika uffiċjali tad-debituri fl-aħħar għaxar snin;
  • iridu jkunu temmew b'suċċess l-apprendistat ta' aġent tal-eżekuzzjoni;
  • iridu jagħmlu l-eżami għal assistenti ġuridiċi wara li jkunu ħadmu għal iktar minn tliet snin bħala aġenti tal-eżekuzzjoni u jirċievu opinjoni favorevoli mill-Kummissjoni għall-Assistenti Ġuridiċi (Comissão para o Acompanhamento dos Auxiliares de Justiça, CAAJ);
  • iridu jirreġistraw ruħhom mal-assoċjazzjoni professjonali rilevanti fi żmien tliet snin minn meta jtemmu b'suċċess l-apprendistat tagħhom;
  • irid ikollhom l-istrutturi u riżorsi minimi tal-IT kif stipulat minn regolament approvat mill-assemblea ġenerali.

L-Ordni tal-Prokuraturi Legali u l-Aġenti tal-Eżekuzzjoni u l-Kulleġġ Speċjalizzat tal-Aġenti tal-Eżekuzzjoni (Colégio de Especialidade dos Agentes de Execução) huma l-korpi responsabbli biex jirregolaw il-professjoni.

Is-CAAJ, li huwa indipendenti mill-Ordni tal-Prokuraturi Legali u l-Aġenti tal-Eżekuzzjoni, huwa l-korp responsabbli għas-sorveljanza u l-eżerċizzju ta' azzjonijiet dixxiplinari fuq l-aġenti tal-eżekuzzjoni.

Tista' ssib iktar informazzjoni fis-siti li ġejjin: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.osae.pt/ u Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.caaj-mj.pt/.

Nutara (Notários)

In-nutara huma professjonisti speċjalisti awtorizzati jwettqu dmirijiet f'ċerti kuntesti legali. Dawn għandhom rwol ewlieni fil-kummerċ, kemm nazzjonalment u hemm internazzjonalment.

In-nutara għandhom is-setgħa li:

  • ifasslu kuntratti privati u jagħtu pariri lill-partijiet, filwaqt li jittrattaw lil kull parti b'mod ġust; ifasslu dokumenti uffiċjali, filwaqt li jieħdu r-responsabbiltà għal-legalità tad-dokument u għal kull parir li jingħata; jinfurmaw lill-partijiet bl-implikazzjonijiet u l-konsegwenzi tal-impenji li qed jippjanaw li jidħlu għalihom (in-nutara huma obbligati li dan jagħmluh);
  • jeżegwixxu t-tranżazzjonijiet ġuridiċi maqbula fil-preżenza tagħhom. L-att jista' jiddaħħal direttament fir-reġistru uffiċjali jew, jekk waħda mill-partijiet tonqos milli tissodisfa l-obbligi tagħha, issir l-eżekuzzjoni tiegħu mingħajr l-intervent ta' mħallef;
  • jagħmluha ta' medjaturi, b'mod imparzjali u b'konformità sħiħa mal-liġi, biex il-partijiet ikunu jistgħu jaslu għal ftehim aċċettabbli għal kulħadd;
  • ifasslu dokumenti għal proċedimenti tal-inventarju u t-termini tagħhom, ħlief f'dawk il-kwistjonijiet li ma jridux jiġu deċiżi fi proċedimenti tal-inventarju, minħabba n-natura jew il-kumplessità ġuridika jew fattwali tal-kwistjoni; kwistjonijiet bħal dawn iridu jiġu deċiżi minn imħallef fil-qorti distrettwali (tribunal de comarca) li jkollha l-ġuriżdizzjoni għall-uffiċju notarili fejn ikunu nfetħu l-proċedimenti (il-Liġi Nru 2/2013 tal-5 ta' Marzu 2013, li approvat il-Qafas Ġuridiku għall-Proċedimenti tal-Inventarju, tat din is-setgħa lin-nutara u b'hekk ħolqot sistema ta' setgħat konġunti).

Ir-riforma tal-professjoni ta' nutar u l-privatizzazzjoni konsegwenti tas-settur ifissru li n-nutara għandhom rwol doppju: huma uffiċjali pubbliċi kif ukoll professjonisti liberi imma ma għadhomx impjegati taċ-ċivil.

Bħala uffiċjali pubbliċi, in-nutara jaqgħu taħt l-awspiċi tal-Ministeru tal-Ġustizzja, li għandu setgħat regolatorji, kif ukoll għandu s-setgħa li jieħu passi dixxiplinari kontra n-nutara. Minħabba l-istatus liberali l-ġdid tal-professjoni, l-Ordni tan-Nutara ilu jirregola l-attivitajiet tan-nutara, flimkien mal-Ministeru tal-Ġustizzja, mill-2006, u b'hekk jiżgura li n-nutara jimxu mal-kodiċi tal-etika li huma obbligati josservaw u jiggarantixxi li jaħdmu fl-interess pubbliku kif inhu mitlub minnhom; dan ma jaffettwax is-setgħa tal-Ministeru li jintervjeni, li, minħabba n-natura tal-professjoni, huwa konferit fuqu mil-liġi.

Reġistraturi (Conservadores)

Ir-reġistraturi huma uffiċjali pubbliċi b'responsabbiltà għar-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni ta' fatti u atti ġuridiċi relatati mal-proprjetà immobbli, il-proprjetà mobbli li trid tkun irreġistrata, l-attivitajiet u l-avvenimenti tan-negozju fil-ħajjiet tan-nies. Ir-rwol tagħhom essenzjalment jinvolvi t-twettiq tal-kontrolli ġuridiċi tad-dokumenti msemmija fuq u dawk relatati u l-iżgurar li d-drittijiet li jinsabu fid-dokumenti li jiċċertifikaw il-fatti li jridu jiġu rreġistrati jkunu definiti korrettament u li jikkonformaw mal-ordni stipulata legalment tar-reġistrazzjoni; huma responsabbli wkoll mill-pubblikazzjoni ta' din l-informazzjoni u jistgħu jiddeċiedu jdaħħlux il-fatt jew att ġuridiku fir-reġistru.

Skont l-oqsma ta' dmirijiethom, ir-reġistraturi jistgħu jkunu:

  • Reġistraturi għar-reġistru ċivili (conservadores do registo civil), li dmirijiethom jinvolvu d-definizzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ fatti u atti ġuridiċi marbuta mal-ħajjiet ta' persuni fiżiċi. Il-kompetenza tagħhom tinkludi r-reġistrazzjoni ta' atti bħat-twelid, iż-żwieġ, il-mewt, l-adozzjoni u d-dikjarazzjoni u l-istituzzjoni ta' maternità/paternità; l-organizzazzjoni tal-proċedimenti bħal dawk relatati mad-divorzju u s-separazzjoni kunsenswali; u l-ħruġ ta' ċertifikati u kopji ta' dokumenti rreġistrati.
  • Reġistraturi għar-reġistru tal-artijiet (conservadores do registo predial), li jippubblikaw l-istatus ġuridiku tal-artijiet u tal-proprjetajiet bil-ħsieb li jiżguraw iċ-ċertezza tad-dritt tat-tranżazzjonijiet tal-proprjetajiet.
  • Reġistraturi għar-reġistru tal-vetturi (conservadores do registo de veículos), li d-dmirijiet tagħhom huma relatati mal-pubblikazzjoni tad-drittijiet għall-proprjetà mobbli li trid tkun irreġistrata (vetturi bil-mutur, vapuri u inġenji tal-ajru) u li jippubblikaw l-istatus ġuridiku ta' vetturi bil-mutur u karrijiet bil-ħsieb li tkun żgurata ċ-ċertezza tad-dritt tat-tranżazzjonijiet.
  • Reġistraturi għar-reġistru kummerċjali (conservadores do registo commercial), li jippubblikaw l-istatus ġuridiku ta' kummerċjanti waħdiena, kumpaniji kummerċjali, kumpaniji tad-dritt ċivili li għandhom forma kummerċjali, stabbilimenti individwali ma' entitajiet b'responsabbiltà limitata u entitajiet oħrajn li jridu jkunu rreġistrati fir-reġistru kummerċjali bil-ħsieb li tkun żgurata ċ-ċertezza tad-dritt tat-tranżazzjonijiet.

Aċċess għall-professjoni teħtieġ lawrja fil-liġi minn università Portugiża jew kwalifika akkademika ekwivalenti. Il-kandidati jridu jgħaddu wkoll minn testijiet tal-aptitudni u jagħmlu kors universitarju ta' estensjoni ta' sitt xhur li jiffoka fuq suġġetti ġuridiċi u suġġetti relatati mar-reġistrazzjoni meħtieġa mir-reġistraturi. Imbagħad dawn jagħmlu sena apprendistat, u wara jieħdu sehem f'kompetizzjoni pubblika. Il-kandidati jkunu vvalutati f'kull stadju ta' dan il-proċess u jistgħu jkunu eliminati jekk jeħlu fi kwalunkwe stadju tal-proċedura tad-dħul. L-istadju finali huwa kompetizzjoni pubblika organizzata mill-Istitut tar-Reġistri u tan-Nutara (Instituto dos Registos e do Notariado).

L-Istitut tar-Reġistri u tan-Nutara huwa responsabbli mid-direzzjoni, il-koordinazzjoni, l-appoġġ, l-evalwazzjoni u s-sorveljanza tal-attività tal-uffiċċji tar-reġistri.

Uffiċjali tal-Ġustizzja (Oficiais de Justiça)

L-uffiċjali tal-ġustizzja huma kategorija ta’ funzjonarji tal-ġustizzja (funcionário de justiça) li, fost affarijiet oħra, jipprovdu assistenza fil-qrati jew lis-servizzi tal-prosekuzzjoni pubblika. Madankollu, in-nozzjoni tal-uffiċjal tal-ġustizzja tkopri wkoll tekniki tal-IT, persunal amministrattiv, tekniku u ta' appoġġ u ħaddiema tal-manutenzjoni.

L-aċċess għall-karriera ta' uffiċjal tal-ġustizzja jibda bir-rwoli fil-livell tad-dħul ta' skrivan awżiljarju (escrivão auxiliar) fis-servizz ġudizzjarju u skrivan awżiljarju fil-qasam tal-ġustizzja (técnico de justiça auxiliar) fis-servizzi tal-prosekuzzjoni pubblika. L-aċċess huwa miftuħ għall-persuni li jkunu temmew kors ta’ taħriġ professjonali, u li jkunu ġew approvati permezz ta’ proċedura ta’ ammissjoni.

Il-funzjonarji tal-ġustizzja huma rregolati minn Statut speċifiku (Estatuto dos Funcionários de Justiça), kif stabbilit fid-Digriet Liġi Nru 343/1999 tas-26 ta' Awwissu 1999. Dawn għandhom rwol importanti fil-kooperazzjoni ġudizzjarja internazzjonali, partikolarment fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttivi u r-Regolamenti Ewropej.

Id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja (Direção-Geral da Administração da Justiça) huwa l-korp tal-Ministeru tal-Ġustizzja responsabbli mir-reklutaġġ, mill-ġestjoni u mill-amministrazzjoni tal-funzjonarji tal-ġustizzja.

Il-Kunsill tal-Uffiċjali tal-Ġustizzja (Conselho de Oficiais de Justiça) huwa l-korp responsabbli mill-valutazzjoni tal-mertu professjonali tal-uffiċjali tal-ġustizzja, u mill-eżerċizzju ta’ awtorità dixxiplinarja fil-konfront tagħhom.

Medjaturi (Mediadores)

Fl-Artikolu 2(b) tal-Liġi 29/2013 tad-19 ta' April 2013, medjatur huwa ddefinit bħala "(...) parti terza imparzjali u indipendenti, bl-ebda setgħa li timponi azzjoni fuq partijiet li jirċievu l-medjazzjoni, li tgħinhom jaslu għal ftehim finali dwar il-kwistjoni disputata." Din il-Liġi tiddefinixxi wkoll l-istatus tal-medjaturi li jaħdmu l-Portugall u tistipula d-dispożizzjonijiet għall-inklużjoni tagħhom fil-listi ta' kull waħda mis-sistemi ta' medjazzjoni pubbliċi; dan isir permezz ta' proċedura tal-għażla, li hija rregolata mill-Ordni ta' Implimentazzjoni (Portaria) Nru 282/2010 tal-25 ta' Mejju 2010.

Xogħol il-medjaturi huwa importanti ħafna, peress li jgħinu lill-partijiet jaslu għal ftehim u dan min-naħa tiegħu jgħin biex iżomm l-armonija soċjali u, f'xi każijiet, jirritornaha. Fil-Portugall, hemm medjaturi speċjalisti li jittrattaw kwistjonijiet kriminali, industrijali u tal-familja. Ma hemm l-ebda NGO li qed taħdem fil-qasam tal-medjazzjoni, imma hemm assoċjazzjonijiet privati li jipprovdu servizzi tal-medjazzjoni u taħriġ għall-medjaturi.

Ma hemm l-ebda kodiċi tal-etika nazzjonali għall-medjaturi, imma l-Att dwar il-Medjazzjoni msemmi fuq jinkludi kapitolu dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tal-medjaturi, li jridu wkoll jaġixxu skont il-prinċipji stipulati fil-Kodiċi ta' Kondotta Ewropew għall-Medjaturi, li jagħmel parti mit-taħriġ tagħhom.

L-imġiba tal-medjaturi tkun monitorizzata mis-sistema ta' medjazzjoni pubblika, li hija maqsuma fi tliet partijiet li jiffukaw fuq kwistjonijiet ċivili, industrijali u kriminali. Kull parti tas-sistema ta' medjazzjoni pubblika hija ġestita minn awtorità pubblika, li hija identifikata fl-istatut ta' assoċjazzjoni tal-awtorità.

Fil-Portugall, il-medjaturi ma jirċevux taħriġ mingħand korp pubbliku; minflok, jitħarrġu minn korpi privati li jkunu ċċertifikati mid-Direttorat Ġenerali għall-Politika tal-Ġustizzja (Direção Geral da Política de Justiça, DGPJ) b'konformità mal-Ordni ta' Implimentazzjoni Nru 345/2013 tas-27 ta' Novembru 2013, b'fokus partikolari fuq il-konformità mal-qafas kwalitattiv.

Id-DGPJ, permezz tal-Uffiċċju għas-Soluzzjoni Alternattiv għat-Tilwim (GRAL), iġestixxi s-sistemi ta' medjazzjoni pubblika. Għalkemm ma jipprovdix informazzjoni dwar kif issib medjatur, huwa jżomm listi ta' medjaturi, u l-medjaturi jistgħu jżidu isimhom ma' din il-lista billi jieħdu sehem fil-proċedura tal-għażla stipulata fir-regoli approvati bl-Ordni ta' Implimentazzjoni Nru 282/2010 tal-25 ta' Mejju 2010.

Tista' ssib iktar informazzjoni hawnhekk: Il-link jinfetaħ f'tieqa ġdidahttp://www.dgpj.mj.pt/.

Amministraturi ġudizzjarji (Administradores Judiciais)

L-amministraturi ġudizzjarji huma responsabbli għas-sorveljanza u l-koordinament tal-atti li huma parti mill-proċess ta’ rkupru speċjali (processo especial de revitalização); huma jġestixxu jew jillikwidaw ukoll il-patrimonju tal-insolvenza f'każ ta' proċedimenti ta' insolvenza, u jwettqu d-dmirijiet kollha konferiti lilhom mill-istatut jew mil-liġi. Skont il-funzjonijiet eżerċitati fil-proċediment, jista' jinħatar amministratur ġudizzjarju temporanju, amministratur tal-insolvenza jew fiduċjarju.

Ir-rwol tal-amministratur ġudizzjarju huwa stabbilit fil-Liġi Nru 22/2013 tas-26 ta' Frar 2013.

Amministratur ġudizzjarju:

  • a) irid ikollu lawrja universitarja rilevanti u esperjenza professjonali xierqa;
  • b) irid jagħmel apprendistat għall-amministraturi ġudizzjarji ta' sitt xhur;
  • c) irid jgħaddi minn test tal-ammissjoni maħsub speċifikament biex jivvaluta l-għarfien miksub waqt l-apprendistat;
  • d) ma jridx ikun f'sitwazzjoni li tkun inkompatibbli mad-dmirijiet professjonali tiegħu;
  • e) irid ikun adatt għall-professjoni.

Il-Kummissjoni għall-Assistenti Ġuridiċi (Comissão para o Acompanhamento dos Auxiliares da Justiça, CAAJ) hija responsabbli għall-proċedura ta’ ammissjoni għall-amministraturi ġudizzjarji u timmonitorizza xogħolhom.

Uffiċjal tal-proprjetà industrijali (Agente Oficial da Propriedade Industrial)

L-Uffiċjali tal-proprjetà industrijali huma speċjalisti fil-proprjetà industrijali li l-kumpaniji u l-individwi jistgħu jistaqsuhom biex jgħinuhom jiddefendu d-drittijiet u l-interessi tagħhom.

Uffiċjali tal-proprjetà industrijali huma awtorizzati mill-Istitut Nazzjonali tal-Proprjetà Industrijali (Instituto Nacional da Propriedade Industrial) iwettqu atti tal-proprjetà industrijali f'isem il-klijenti tagħhom mingħajr ma jkollhom għalfejn juru l-prokura tagħhom.

L-eżerċizzju tal-professjoni tal-uffiċjali tal-proprjeta industrijali fi ħdan l-Istitut Nazzjonali tal-Proprjeta Industrijali huwa rregolat mid-Digriet-Liġi Nru 15/95 tal-24 ta' Jannar 1995.

Organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi legali mingħajr ħlas (pro bono)

Il-Ministeru tal-Ġustizzja, f’kooperazzjoni mal-Kamra tal-Avukati u mal-awtoritajiet lokali, jiżgura l-eżistenza, fit-territorju Portugiż kollu, ta’ Uffiċċju għall-Pariri Legali (Gabinetes de Consulta Jurídica), fejn iċ-ċittadini jistgħu jieħdu pariri legali mingħajr ħlas mingħand professjonisti fil-qasam legali. Tista’ ssib lista ta’ dawn l-uffiċċji, flimkien mad-dettalji ta’ kuntatt rilevanti, onlajn, inkluż fis-sit tad-Direttorat Ġenerali tal-Politika tal-Ġustizzja (www.dgpj.mj.pt).


Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.

L-aħħar aġġornament: 24/10/2016